SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Appell – Kompetizzjoni – Swieq tal-gass tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – L-Artikolu 102 TFUE – Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Provvista tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 9(1) – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li trendi impenji individwali offruti minn impriża vinkolanti – Rikors għal annullament – Adegwatezza ta’ dawn l-impenji fir-rigward tat-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Natura tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni Ewropea – Rinunzja tal-Kummissjoni li teżiġi impenji li jirrigwardaw xi wħud mit-tħassib inizjali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Għanijiet kollha tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 194 TFUE – Prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika”
Fil-Kawża C‑255/22 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑8 ta’ April 2022,
Orlen S.A., li kienet Polski Koncern Naftowy Orlen S.A., aventi kawża ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., stabbilita fi Płock (il-Polonja), irrappreżentata minn K. Karasiewicz, radca prawny, T. Kaźmierczak, K. Kicun u P. Moskwa, adwokaci,
rikorrenti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen, I. Söderlund u J. Szczodrowski, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika tal-Litwanja,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Rudzińska u S. Żyrek, bħala aġenti,
Gazprom PJSC, stabbilita f’Moska (ir-Russja),
Gazprom export LLC, stabbilita f’Saint Petersburg (ir-Russja),
irrappreżentati minn E. Borovikov, J. Venit, avocats, J. T. Hainz, J. Karenfort, W. Murzin, Rechtsanwälte, u N. Tuominen, avocată,
Overgas Inc., stabbilita f’Sofia (il-Bulgarija), irrappreżentata minn S. Cappellari, S. Gröss, N. Jacobi, Rechtsanwälte, u J. Sroczyński, radca prawny,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Siekierzyńska, amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Frar 2024,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz ta’ dan l-appell, Orlen S.A.li kienet Polski Koncern Naftowy Orlen S.A., aventi kawża ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A., titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ Frar 2022, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il‑Kummissjoni (Impenji ta’ Gazprom) (T‑616/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2022:43), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3106 final tal‑24 ta’ Mejju 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39816 – Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 36 tas-sentenza appellata bit-termini li ġejjin: “I. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-iżviluppi ta’ wara l-preżentata tar-rikors
A. Fuq il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-[Deċiżjoni kontenzjuża]
B. Id-[Deċiżjoni kontenzjuża]
1. Fuq l-evalwazzjoni preliminari tal-prattiki inkwistjoni
2. Fuq il-kontenut tal-impenji finali
3. Fuq l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-impenji finali
C. Fuq l-ilment
|
II. Ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
|
3 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ottubru 2018, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. |
|
4 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Frar 2019, Gazprom talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Frar, fis‑27 ta’ Frar u fit‑28 ta’ Frar 2019 rispettivament, Overgas Inc., ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Polonja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo. |
|
5 |
Permezz tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2019, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali, wara li semgħet lill-partijiet prinċipali, aċċettat l-intervent tar-Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Mejju 2019, wara li semgħet lill-partijiet prinċipali, hija aċċettat l-intervent tar-Repubblika tal-Litwanja, ta’ Gazprom u ta’ Overgas. |
|
6 |
Fl‑4 ta’ Ottubru 2019, wara li nbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, ġie assenjat Imħallef Relatur għat-tmien awla, li lilha ġiet konsegwentement assenjata l-Kawża T‑616/18. |
|
7 |
Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 2019, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ġiet mistiedna tipproduċi diversi dokumenti u l-Kummissjoni intalbet tirrispondi bil-miktub għal domanda li tikkonċerna l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-verżjoni kunfidenzjali tad-DO. |
|
8 |
Permezz ta’ digriet tal-istess ġurnata, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont, min-naħa, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 91(b) u l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u b’riżerva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 ta’ dawn ir-Regoli, biex tipproduċi kopja sħiħa tal-verżjoni kunfidenzjali tad-DO. |
|
9 |
Il-partijiet ikkonformaw ruħhom, fit-termini imposti, mal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fis‑17 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll ma’ dak id-digriet. |
|
10 |
Fit‑8 ta’ Ġunju 2020, fuq proposta tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet li tibgħat il-Kawża T‑616/18 quddiem it-Tmien Awla Estiża. Peress li membru ta’ din l-awla estiża ma setax jippresjedi, il-President tal-Qorti Ġenerali nħatar sabiex jifforma l-imsemmija awla estiża permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2020. |
|
11 |
Fir-rigward tal-kopja integrali tal-verżjoni kunfidenzjali tad-DO prodotta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħarraf b’dan id-dokument lir-rappreżentanti ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, bil-kundizzjoni li huma jassumu minn qabel impenji ta’ kunfidenzjalità, sabiex din tkun tista’ tressaq osservazzjonijiet f’dan ir-rigward. Peress li dawn ir-rappreżentanti pprovdew l-impenji ta’ kunfidenzjalità ffirmati, l-imsemmi dokument ġie nnotifikat lilhom u Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit‑8 ta’ Diċembru 2020. |
|
12 |
Il-partijiet instemgħu permezz tat-trattazzjonijiet tagħhom u tar-risposti għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat‑18 u tad‑19 ta’ Mejju 2021. F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li ħadet nota tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport tas-seduta ppreżentati mill-Kummissjoni fis‑27 ta’ April 2021. |
|
13 |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni rrevediet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ din l-ammissibbiltà u sostniet li Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ma kinitx uriet l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża, b’mod li r-rikors ma jkunx ammissibbli. |
|
14 |
Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ppreżentat talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Polonja, ta’ Gazprom u ta’ Overgas, fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tidher fid-diversi atti tal-proċedura. Dawn tal-aħħar ma oġġezzjonawx fir-rigward ta’ dawn it-talbiet. |
|
15 |
Insostenn tar-rikors tagħha, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo tressaq sitt motivi, ibbażati, essenzjalment:
|
|
16 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-motivi kollha u r-rikors fl-intier tiegħu. |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell u fl‑appell inċidentali
|
17 |
Permezz tal-appell tagħha, Orlen titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
19 |
Gazprom titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
20 |
Overgas u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell. |
|
21 |
Permezz tal-appell inċidentali tagħha, Overgas titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
22 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
23 |
Gazprom titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
24 |
Orlen titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
IV. Fuq l‑appell prinċipali
|
25 |
Insostenn tal-appell tagħha, Orlen tqajjem erba’ aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 194 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, u r-raba’ wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tal-istess regolament. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
26 |
Gazprom issostni, madankollu, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li l-appell huwa inammissibbli. |
|
27 |
Orlen għalhekk ma għandhiex interess reali u attwali għall-annullament tas-sentenza appellata, peress li tali interess ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika. Issa, l-annullament mistenni ta’ din is-sentenza ma huwiex ta’ natura li jagħtiha sodisfazzjon, peress li, mix-xahar ta’ Novembru 2019, hija informat lil Gazprom li hija ma kellhiex l-intenzjoni li ġġedded il-kuntratt ta’ provvista ta’ gass għal żmien twil lil hinn mis-sena 2022. Hija ħadet il-passi neċessarji sabiex ittemm ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ Gazprom qabel it-tmiem ta’ din l-aħħar sena. Għaldaqstant, Orlen u r-Repubblika tal-Polonja ma humiex iktar interessati fil-provvista tal-gass minn Gazprom, b’tali mod li anki l-eżitu l-iktar favorevoli tal-appell ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lil Orlen. |
|
28 |
Gazprom tqis, barra minn hekk, li l-assenza ta’ ċarezza suffiċjenti tagħhom għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad bħala inammissibbli l-ilmenti esposti fil-punti 154 u 161 tal-appell. |
|
29 |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell hija parzjalment inammissibbli, sa fejn Orlen tikkontesta l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mingħajr madankollu ma allegat l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u t-tieni parti tat-tielet aggravju ta’ dan l-appell, minħabba assenza ta’ ċarezza tal-allegazzjonijiet li jinsabu fih. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
30 |
L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li kull persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta appell għandha, l-istess bħal meta tippreżenta rikors għal annullament, ikollha interess ġuridiku, li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett ta’ dan l-appell jew ta’ dan ir-rikors, minn naħa, u fid-dawl tad-data li fiha jiġi ppreżentat, min-naħa l-oħra. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan ir-rekwiżit essenzjali jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li tista’, f’kull mument, titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Barra minn hekk, dan l-interess ġuridiku għandu, l-istess bħas-suġġett tal-kawża fih innifsu, jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Konsegwentement, it-telf tal-imsemmi interess jew ta’ dan is-suġġett fil-mori tal-kawża jista’ jwassal lill-qorti tal-Unjoni tikkonstata, jekk ikun il-każ ex officio, li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
B’mod ġenerali, kemm l-eżistenza kif ukoll il-persistenza tal-interess ġuridiku jippreżumu li r-rikors jew l-appell jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-persuna fiżika jew ġuridika li ppreżentatu. Fil-każijiet kollha, din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata b’mod konkret (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il‑Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
F’dan il-każ, Gazprom tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell minħabba li Orlen ma għandhiex interess reali u attwali fl-annullament tas-sentenza appellata, peress li, b’mod partikolari, it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom fil‑31 ta’ Diċembru 2022. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, sa din id-data, u għalhekk ukoll wara l-preżentata tal-appell, fit‑8 ta’ April 2022, relazzjonijiet kuntrattwali rabtu lil Gazprom u Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo. |
|
34 |
Peress li, matul il-perijodu ta’ bejn it‑8 ta’ April 2022 u l‑31 ta’ Diċembru 2022, id-Deċiżjoni kontenzjuża pproduċiet effetti legali fuq is-suq tal-gass u taż-żejt Pollakk li fuqu topera Orlen, peress li d-dritt tagħha kien sieħeb kuntrattwali ta’ Gazprom, Orlen tista’ tinvoka, skont il-ġurisprudenza, il-konsegwenzi tal-illegalitajiet li hija tallega u n-natura tad-dannu li hija tallega li ġarrbet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2023, Versobank vs BĊE, C‑803/21 P, EU:C:2023:630, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex jinkiseb kumpens għal dan id-dannu. |
|
35 |
Barra minn hekk, Orlen ippreċiżat fir-replika tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta, li diversi proċeduri ta’ arbitraġġ kontra Gazprom dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratt dwar il-pajp għat-trażmissjoni ta’ gass Yamal, inklużi kwistjonijiet ta’ prezz, kienu pendenti. Barra minn hekk, wara l-preżentata tal-appell, inbdiet proċedura dwar l-interruzzjoni, minn Gazprom, tal-provvisti tagħha ta’ gass mis‑27 ta’ April 2022. |
|
36 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Gazprom kienet żbaljata meta tikkontesta l-eżistenza ta’ interess reali u attwali ta’ Orlen sabiex titlob l-annullament tas-sentenza appellata. |
|
37 |
Fit-tieni lok, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha jkun qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat (sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2024, Foz vs Il‑Kunsill, C‑524/22 P, EU:C:2024:23, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
F’dan il-każ, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-natura insuffiċjentement ċara tat-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell u għal dawk ta’ Gazprom, tal-istess natura, dwar l-ilmenti esposti fil-punti 154 u 161 ta’ dan l-appell, dan jidentifika bi preċiżjoni suffiċjenti, f’kull wieħed mis-siltiet inkwistjoni, l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u jesponi l-motivi li għalihom dawn jiżvelaw ksur tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ żball ta’ liġi li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
39 |
Għaldaqstant din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda. |
|
40 |
Fir-rigward tal-allegata inammissibbiltà mill-Kummissjoni tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, fir-rigward tal-assenza ta’ invokazzjoni, minn Orlen, tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna tranżazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, Orlen ippreżentat din l-ewwel parti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Fiha hija sostniet, ċertament fil-qosor, li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika, jekk, meta aċċettat l-impenji ta’ Gazprom, il-Kummissjoni kinitx analizzathom korrettament fid-dawl tad-DO, “jiġifieri mingħajr ma twettaq żball manifest”. Għalhekk, Orlen qiegħdet lill-Qorti tal-Ġustizzja perfettament f’pożizzjoni li tidentifika l-portata tal-imsemmija l-ewwel parti u li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-analiżi li tidher f’dan ir-rigward fis-sentenza appellata. |
|
41 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li l-appell huwa ammissibbli. |
B. Fuq il‑mertu
1. Osservazzjonijiet preliminari
|
42 |
Mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta lil l-Kummissjoni tista’, meta hija għandha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni li teżiġi l-waqfien ta’ ksur, tivvinkola l-impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, meta huma ta’ natura li jindirizzaw it-tħassib li bih hija tkun informat lill-impriżi fl-evalwazzjoni preliminari. |
|
43 |
Dan l-artikolu huwa intiż li jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni pprovduti mit‑Trattat FUE, permezz tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jivvinkolaw l-impenji proposti mill-partijiet u meqjusa xierqa mill-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni iktar malajr għall-problemi tal-kompetizzjoni li hija tkun identifikat, minflok li taġixxi permezz ta’ konstatazzjoni formali ta’ ksur. B’mod iktar partikolari, l-imsemmi artikolu huwa ispirat minn kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u jippermetti lill-impriżi jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċedura, billi jipproponu soluzzjonijiet li jidhru adatti u xierqa sabiex jindirizzaw l-imsemmi tħassib tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 35). |
|
44 |
Għalkemm, kuntrarjament għall-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar ma jirreferix b’mod espliċitu għall-kunċett ta’ proporzjonalità, xorta jibqa’ l-fatt li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jikkostitwixxi kriterju tal-legalità ta’ kull att tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni, inklużi deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tadotta bħala awtorità tal‑kompetizzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 36). |
|
45 |
Peress li l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi biss li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont dan l-artikolu, kif tikkonferma l-premessa 13 tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni hija meħlusa mill-obbligu li tikklassifika u li tikkonstata l-ksur, peress li r-rwol tagħha huwa limitat għall-eżami, u għall-aċċettazzjoni eventwali, ta’ impenji proposti mill-impriżi kkonċernati, fid-dawl tal-problemi li hija tkun identifikat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha u fid-dawl tal-għanijiet tagħha. L-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-imsemmi Artikolu 9 tikkonċerna biss il-verifika dwar jekk l-impenji inkwistjoni jindirizzawx it-tħassib li dwaru hija informat lill-impriżi kkonċernati u li dawn tal-aħħar ma offrewx impenji inqas restrittivi li jindirizzaw b’mod daqstant xieraq dan it-tħassib (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punti 40 u 41). |
|
46 |
Fl-eżerċizzju ta’ din il-verifika, il-Kummissjoni għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ terzi, peress li l-fatt li l-impenji individwali offruti minn impriża saru vinkolanti mill-Kummissjoni ma jimplikax li impriżi oħra ma għandhomx il-possibbiltà li jipproteġu d-drittijiet eventwali tagħhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ din l-impriża (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punti 41 u 49). Meta l-Kummissjoni tivverifika l-impenji mhux mill-perspettiva tal-adegwatezza tagħhom għat-tħassib tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, iżda fid-dawl tal-effett tagħhom fuq l-interessi ta’ terzi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li d-drittijiet li dawn tal-aħħar għandhom ma jiġux imċaħħda mis-sustanza tagħhom (sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2020, Groupe Canal + vs Il‑Kummissjoni, C‑132/19 P, EU:C:2020:1007, punt 106). |
|
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minħabba n-natura speċifika tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, minn naħa, kif esprima l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju xieraq, fid-dawl tat-tħassib tal-Kummissjoni kif espress fl-evalwazzjoni preliminari tagħha, huwa dak dwar jekk l-impenji humiex ta’ natura suffiċjenti sabiex jindirizzaw b’mod adegwat dan it-tħassib mingħajr ma l-Kummissjoni hija obbligata tfittex hija stess soluzzjonijiet inqas rigorużi jew iktar moderati mill-impenji proposti lilha u, min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-analiżi ta’ dawn tal-aħħar mill-Kummissjoni jirrigwarda biss il-punt dwar jekk din l-istituzzjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 42). |
|
48 |
Konsegwentement, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali stħarriġ ma jfittixx li l-analiżi tal-Kummissjoni tkun nieqsa minn kwalunkwe irregolarità, billi hija ngħatat ċertu marġni ta’ evalwazzjoni, sakemm il-livell ta’ dak li huwa manifest ma jinqabiżx. |
|
49 |
Barra minn hekk, fuq il-livell proċedurali, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jħalli lill-Kummissjoni libera li tiddefinixxi l-forma li għandu jkollha l-“istima preliminari” tagħha, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Fil-prattika, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, din l-evalwazzjoni spiss tikkorrispondi għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriża li tkun akkużata b’aġir kuntrarju għall-Artikolu 101 jew għall-Artikolu 102 TFUE, abbażi tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Meta dan ikun il-każ, kif kien il-każ hawnhekk, il-ġurisprudenza dwar tali atti proċedurali tkun applikabbli, peress li ebda dispożizzjoni tal-imsemmi regolament ma tiġġustifika li tiġi ttrattata b’mod differenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont jekk din isservi bħala bażi għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 7 jew tal-Artikolu 9 tal-istess regolament, peress li dan l-aħħar artikolu ma jipprevedix, b’mod partikolari, l-ipoteżi ta’ reviżjoni tal-evalwazzjoni preliminari. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tillimita s-suġġett tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi din tal-aħħar tiġi prekluża milli tikkunsidra lmenti oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata. Huwa għalhekk inerenti għan-natura ta’ din il-komunikazzjoni li tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel ulterjorment fuq il-bażi tal-kummenti li ġew ippreżentati lilha bħala tweġiba mill-partijiet kif ukoll minn konstatazzjonijiet fattwali oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva kollha kemm sabiex tabbanduna l-ilmenti li huma fondati ħażin, kif ukoll sabiex tmexxi u ttemm, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argument tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tikkunsidra (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
B’hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega, f’deċiżjoni li hija tadotta skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, ir-raġunijiet li għalihom hija abbandunat wieħed jew iktar mill-ilmenti li kienu jikkorrispondu għal uħud mill-preokkupazzjonijiet inizjali tagħha, kemm fir-rigward tal-impriża li l-impenji tagħha huma reżi vinkolanti, l-unika destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, b’mod iktar ġenerali, tal-evalwazzjoni preliminari msemmija f’dan l-Artikolu 9, jew fir-rigward ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
52 |
Naturalment, dan ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkunsidra, minn rajha, li huwa utli li tipprovdi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward, sabiex din id-deċiżjoni tkun tista’ tinftiehem aħjar. |
2. Fuq it‑talba għal sostituzzjoni tal‑motivi tal‑Kummissjoni
|
53 |
B’mod partikolari, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u, b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni preliminari riveduta, l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 impona fuq il-Kummissjoni, b’kuntrast ma’ dak li din issostni, li jkollha raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal”. Hija żiedet, fil-punt 85 ta’ dik is-sentenza, li “[f]’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ppreżentat ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx imponiet li jkun hemm impenn li jindirizza l-oġġezzjonijiet Yamal, li jieħdu l-forma ta’ żewġ motivi li jinsabu fil-premessa 138 tad-[Deċiżjoni kontenzjuża]”, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni u n-natura intergovernattiva tar-relazzjonijiet fis-settur tal-gass fil-Polonja. |
|
54 |
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li din l-analiżi kienet tikkostitwixxi żball ta’ liġi, iżda indikat li dan ma kellux effett fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata u għalhekk ma setax iwassal għall-annullament ta’ din tal-aħħar. Hija għalhekk talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-aggravju f’dan ir-rigward. |
|
55 |
Jeħtieġ li tintlaqa’ din it-talba u li jiġi deċiż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta rreferiet għan-neċessità, għall-Kummissjoni, f’każ ta’ abbandun ta’ ċerti lmenti li jinsabu fid-DO, li taġixxi bħala evalwazzjoni preliminari fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li tipproċedi sabiex tibgħat evalwazzjoni preliminari riveduta. |
|
56 |
Madankollu, dan l-iżball, fil-fatt, ma affettwax id-dispożittiv tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li l-Kummissjoni kienet immotivat id-deċiżjoni kontenzjuża dwar ir-raġunijiet tal-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal, kif tfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ħaġa li setgħet tagħmel. |
|
57 |
Għandu jingħad ukoll li, minħabba l-abbandun ta’ dawn l-ilmenti, huwa biss sa fejn Orlen turi li dan l-abbandun irrenda manifestament insuffiċjenti l-impenji meħuda minn Gazprom u approvati mill-Kummissjoni li Orlen kellha raġun tikkontesta r-regolarità tad-Deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-imsemmi abbandun. |
3. Fuq l‑ewwel aggravju
|
58 |
L-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kompost minn tliet partijiet. |
a) Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
59 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet evalwat korrettament in-natura adegwata tal-impenji offruti minn Gazprom, minkejja li dawn ma indirizzawx it-tħassib li hija kienet stabbilixxiet fid-DO u ma kinux prospettivi, jiġifieri f’pożizzjoni, min-natura tagħhom, li jevitaw ksur futur simili. Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx analizzat in-natura adegwata ta’ dawn l-impenji fid-dawl tal-problemi ta’ kompetizzjoni li hija kienet identifikat fid-DO. |
|
60 |
B’mod partikolari, Orlen tqis li, fil-punti 208, 209 u 237 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat in-natura adegwata tal-imsemmija impenji billi sseparathom totalment mid-DO. |
|
61 |
Billi aġixxiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jiġifieri l-aspettattivi ta’ Orlen sa fejn id-deċiżjoni li tagħti l-istess impenji vinkolanti, minkejja li ma għandhiex l-istess natura bħal deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, tindirizza t-tħassib kollu tal-Kummissjoni u ttemm il-ksur ta’ Gazprom. |
|
62 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
63 |
L-argument ta’ Orlen ma jistax jintlaqa’. |
|
64 |
L-ewwel nett, jidher li, tal-inqas b’mod impliċitu, billi tikkritika n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni eżawrjenti, mill-Qorti Ġenerali, sabiex tevalwa n-natura suffiċjenti tal-impenji meħuda minn Gazprom, tal-ilmenti esposti fid-DO, Orlen tinkludi l-oġġezzjonijiet Yamal, li ġew abbandunati mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża, kif jirriżulta mill-punt 17 tas-sentenza appellata, riprodott fil-punt 2 ta’ din is-sentenza. Dan l-argument huwa għalhekk parzjalment ineffettiv. |
|
65 |
It-tieni nett, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, Orlen ma tistabbilixxix, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tan-natura adegwata tal-impenji proposti minn Gazprom sabiex tirrimedja t-tħassib li hija kienet esprimiet fid-DO, u lanqas assenza ta’ ċensura, mill-Qorti Ġenerali, ta’ tali żball manifest ta’ evalwazzjoni. Orlen tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, għal sempliċi affermazzjonijiet. Issa, kif tfakkar fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jirrigwarda biss il-punt dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx tali żball, li għandu jintwera konkretament mill-parti li tagħmel l-allegazzjoni. |
|
66 |
It-tielet nett, il-kritika ta’ Orlen dwar nuqqas ta’ analiżi prospettiva li sservi sabiex tiġi evalwata l-adegwatezza tal-impenji proposti minn Gazprom, minn naħa, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, tirrigwarda l-konklużjonijiet misluta mill-Qorti Ġenerali minn konstatazzjonijiet ta’ fatt li ma ġewx ikkontestati minn Orlen, jiġifieri li, tal-inqas għal ċertu numru ta’ kuntratti kkonċernati, ma setax jitqies li dawn kienu jinkludu riferimenti, fil-klawżoli ta’ determinazzjoni jew ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, għal prezzijiet ta’ referenza kompetittivi u ddefiniti b’mod ċar. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod sovran li n-nuqqas, fil-klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezzijiet, ta’ prezz ta’ referenza ddefinit b’mod ċar, kompetittiv u pubblikament disponibbli, bħall-prezzijiet fuq il-pjattaformi ta’ kummerċ tal-gass kompetittiv, kien wieħed mill-fatturi prinċipali li setgħu jagħtu lok għal prezzijiet inġusti fil-ħames PEĊL ikkonċernati mill-prattiki tariffarji. |
|
67 |
Ir-raba’ nett, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-għażla tal-Kummissjoni li tippermetti l-korrezzjoni sussegwenti tal-impenji proposti. Fl-ewwel lok, is-sempliċi riferiment, fil-punt 423 ta’ din is-sentenza, għall-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fis-settur tal-gass jistgħu jintervjenu sabiex jemendaw il-leġiżlazzjoni f’dan is-settur jew, jekk ikun il-każ, sabiex jiżguraw l-osservanza tagħha, ma huwiex relatat, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet ta’ Orlen, mal-possibbiltà li tali impenji jiġu kkoreġuti. Fit-tieni lok, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tfakkar li l-impenji inkwistjoni jistgħu jagħtu lok, jekk ma jiġux osservati mill-impriża kkonċernata, għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 juri rieda mhux li jikkompletaw ex post dawn l-impenji, iżda li jiżguraw l-osservanza tagħhom. |
|
68 |
Il-ħames nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jidħol fost il-prinċipji fundamentali tal-Unjoni u li l-possibbiltà li dan jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun weldet fih tamiet fondati, filwaqt li pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 134 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
69 |
Issa, operatur ekonomiku ma jistax jibbaża ruħu fuq il-kontenut ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li n-natura preparatorja u provviżorja tagħha tfakkar fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, inkluż meta din twettaq evalwazzjoni preliminari, li isimha jirrifletti n-natura mhux definittiva tagħha, sabiex jikkunsidra li l-Kummissjoni pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi dwar il-fatt li t-tħassib kollu li jinsab f’tali dokumenti jikkorrispondi għal impenji li jinsabu fid-deċiżjoni finali (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punt 135 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
71 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti, diversi drabi, u dan wassalha għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u sabiex tikkunsidra b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura adegwata tal-impenji offruti minn Gazprom. |
|
72 |
Għalhekk, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-prattika ta’ Gazprom kienet tikkonsisti essenzjalment fil-prevenzjoni tal-importazzjonijiet tal-gass, filwaqt li l-prattiki tagħha kienu prinċipalment intiżi, fir-realtà, kif deskritt espliċitament fid-DO, sabiex jipprekludu l-esportazzjoni mill-ġdid tal-gass mill-operaturi tal-PEĊL ikkonċernati, li kellu riperkussjonijiet diretti fuq il-fluwidità tas-suq bl-ingrossa tal-gass. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddevjat mill-essenza tal-kwistjoni tar-restrizzjonijiet territorjali applikati minn Gazprom, indikati fid-DO, li kienu jikkonsistu fil-prevenzjoni mhux tal-importazzjonijiet ta’ gass lejn il-PECO, iżda l-bejgħ mill-ġdid tiegħu minn dawn tal-aħħar. Fin-nuqqas ta’ tali żnaturament, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tammetti li Gazprom ma kinitx irrispondiet b’mod adegwat għall-ilmenti li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet territorjali fformulati fid-DO. |
|
73 |
Sussegwentement, hija ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet identifikat, fid-DO, erba’ forom ta’ proċeduri ekstrakuntrattwali u ħalliet barra t-theddida tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni, ta’ natura differenti, min-naħa ta’ Gazprom, li wassalha sabiex tikkunsidra b’mod żbaljat li l-impenn ta’ din tal-aħħar li ma kienx ikopri t-tħassib kollu tal-Kummissjoni msemmija fid-DO kien madankollu adegwat. |
|
74 |
Fl-aħħar nett, hija indikat b’mod żbaljat li l-fatt li l-qrati nazzjonali jistgħu jilqgħu talba għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ meta huma jqisu li tali deċiżjoni tmur kontra l-Artikolu 102 TFUE jew deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 seta’ jwassal lit-tribunali ta’ arbitraġġ sabiex jiżguraw ruħhom li s-sentenzi tagħhom josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, filwaqt li tali affermazzjoni hija spekulattiva u mhux sostnuta. |
|
75 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
76 |
Għandu jiġi rrilevat mill-ġdid li l-għan imfittex mill-Kummissjoni, meta hija tadotta deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji ta’ impriża, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa li tirrimedja t-tħassib li hija esprimiet dwar l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv u, fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju, li tikseb malajr, permezz ta’ dawn l-impenji, funzjonament kompetittiv sodisfaċenti fis-suq ikkonċernat. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex eskluż li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-rimedji oġġettivi approvati mill-Kummissjoni u intiżi sabiex jistabbilixxu mill-ġdid fis-suq Pollakk, li fih topera Orlen, kundizzjonijiet ta’ provvista u ta’ distribuzzjoni ta’ gass kompletament kompetittivi ma pproduċewx mill-ewwel l-effetti tagħhom jew ma kinux jikkorrispondu għall-aspettattivi suġġettivi ta’ operatur ekonomiku partikolari, f’dan il-każ Orlen. Madankollu, ma hemmx lok li jiġi dedott li din id-deċiżjoni hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tissanzjona. |
|
77 |
B’mod partikolari, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali evalwat korrettament l-importazzjonijiet tal-gass mill-Ġermanja lejn il-Polonja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-obbligu li jiġu mibdula l-punti ta’ konsenja, li kien diġà msemmi fil-premessa 170 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. B’hekk, ma huwiex ikkontestat li, wara l-adozzjoni tad-DO, il-Polonja bbenefikat mit-titjib tal-infrastruttura transkonfinali tat-trasport bil-gass b’mod kunsiderevoli, peress li l-importazzjonijiet saru possibbli mingħajr ma jinbidel il-post ta’ konsenja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi fl-istħarriġ tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjoni tal-importazzjonijiet ta’ gass lejn il-Polonja b’rabta mal-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-assenza ta’ impenn ta’ Gazprom dwar l-istabbiliment ta’ numru ikbar ta’ postijiet ta’ konsenja li jistgħu jinbidlu u li jaffettwaw lill-Polonja. |
|
78 |
Għalkemm Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-impenji ta’ Gazprom, atti bħad-diversi theddid ta’ ritaljazzjoni min-naħa tagħha, jidher li tali argument ma għandux bażi fattwali, peress li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, semmiet tali aġir fil-punt 95 tas-sentenza appellata. |
|
79 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament indikat li t-tribunali ta’ arbitraġġ ser ikunu inklinati li jiżguraw li d-deċiżjoni arbitrali adottata tosserva l-Artikolu 102 TFUE, peress li din il-kunsiderazzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal għall-annullament tas-sentenza appellata. |
|
80 |
Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it‑tielet parti tal‑ewwel aggravju
|
81 |
Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligu tal-Kummissjoni li taġixxi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa legali ta’ evalwazzjoni tagħha ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll tal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, ibbażat fuq l-Artikolu 194 TFUE u li għandu l-istatus ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jagħmel parti minn dawn il-prinċipji fundamentali. Is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam hija għalhekk limitata mill-obbligu impost fuqha li taġixxi skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. |
|
82 |
Billi llimitat il-kriterji li għandhom jiggwidaw lill-Kummissjoni fl-eżami tal-impenji inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva wisq tal-linji gwida li jirriżultaw mis-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa (C‑441/07 P, EU:C:2010:377), u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Morningstar vs Il‑Kummissjoni (T‑76/14, EU:T:2016:481), mhux biss naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, iżda injorat ukoll il-fatt li n-natura tal-kawża taqa’ fil-qasam tal-enerġija. |
|
83 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
|
84 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq li teżamina t-tielet parti tal-ewwel aggravju flimkien mat-tieni aggravju. |
4. Fuq it‑tieni aggravju
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
85 |
It-tieni aggravju ta’ Orlen jirrigwarda ksur tal-Artikolu 194 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet diversi żbalji meta interpretat l-Artikolu 194 TFUE. |
|
86 |
Mill-ġurisprudenza l-iktar reċenti, murija mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punti 43, 47, 44, 50 u 51), jirriżulta li l-prinċipju ta’ solidarjetà li jinsab f’dan l-aħħar artikolu huwa l-bażi tal-għanijiet kollha tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, billi jiġborhom flimkien u billi tingħatalhom koerenza, u li, konsegwentement, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż mill-Kummissjoni abbażi ta’ din il-politika, għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom għandha tiġi evalwata, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, mingħajr ma l-applikabbiltà tiegħu tkun tiddependi mill-invokazzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam tal-enerġija matul il-proċedura diliġenti mill-Kummissjoni. L-imsemmi prinċipju ma jistax jiġi assimilat jew limitat għar-rekwiżit li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista. |
|
87 |
L-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 194 TFUE hija għalhekk miġbura f’test li jinkludi tliet stadji. Fl-ewwel lok, għandu jiġi evalwat jekk dan huwiex att li jaqa’ taħt il-qasam enerġetiku. Fit-tieni lok, irrispettivament minn jekk il-partijiet invokawx jew le kwistjonijiet relatati ma’ dan il-qasam, il-korpi tal-Unjoni huma obbligati jivverifikaw jekk l-adozzjoni ta’ dan l-att tippreġudikax l-interessi tad-diversi atturi kkonċernati. Fit-tielet lok, għandu jiġi evalwat jekk il-vantaġġi miksuba bl-adozzjoni tal-imsemmi att jipprevalu fuq l-effetti negattivi tiegħu. |
|
88 |
F’dan il-każ, huwa inkontestabbli li d-Deċiżjoni kontenzjuża taqa’ fil-qasam tal-enerġija, peress li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni obbligat lil Gazprom tbiddel il-modalitajiet ta’ kollaborazzjoni tagħha mal-klijenti kkonċernati u li, għaldaqstant, din id-deċiżjoni pproduċiet effetti fuq is-suq tal-gass tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet li kienu jipprevalu fih għal mill-inqas tmien snin wara l-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-istess deċiżjoni bħala li tikkostitwixxi element essenzjali tal-miżuri ta’ promozzjoni ta’ suq miftuħ u integrat għall-gass. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni, naqset kompletament milli tosserva l-fatt li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet taqa’ fil-qasam tal-enerġija, billi ssuġġerixxiet b’mod żbaljat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta, fil-kuntest tal-eżami tal-impenji ta’ Gazprom, mill-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika. Issa, xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija eskluża jew limitata fil-kuntest tal-azzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1/2003, inkluż l-Artikolu 9 ta’ dan tal-aħħar, meta din l-azzjoni tista’ tiġi identifikata bħala li taqa’ fil-qasam tal-enerġija. |
|
89 |
Skont Orlen, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jċaħħad l-Artikolu 194 TFUE minn kull effett utli fir-rigward tal-azzjoni tal-Kummissjoni intiża sabiex timplimenta kemm l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni fis-sens wiesa’ kif ukoll dawk marbuta mal-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-Unjoni. L-assenza ta’ analiżi ta’ dawn l-impenji mill-perspettiva tal-imsemmi prinċipju jċaħħad ukoll lill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 mill-effett utli tiegħu. |
|
90 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
91 |
Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ solidarjetà li jinsab fl-Artikolu 194(1) TFUE ma jistax, bħala tali, jipproduċi effett legali vinkolanti għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, dan il-prinċipju, kif jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura stess ta’ din id-dispożizzjoni, huwa l-bażi tal-għanijiet kollha tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, billi jiġborhom flimkien u billi jagħtihom koerenza (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 43). |
|
92 |
Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż mill-Kummissjoni taħt din il-politika, għandhom jiġu interpretati, u l-legalità tagħhom evalwata, fid-dawl tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 44). |
|
93 |
Dan il-prinċipju, bħall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 45). |
|
94 |
Għalhekk, il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, imsemmi fl-Artikolu 194 TFUE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern u, b’mod partikolari, ta’ dak tal-gass naturali, billi jiżgura s-sigurtà tal-provvista enerġetika fl-Unjoni, li jimplika mhux biss li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, meta dawn iseħħu, iżda wkoll li jiġu adottati miżuri intiżi li jipprevjenu s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Għal dan il-għan, huwa neċessarju li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riskji għall-interessi enerġetiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, u b’mod partikolari għas-sigurtà tal-provvista enerġetika (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 69). |
|
95 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-impenji meħuda wara proċedura bbażata fuq l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistgħux iwasslu għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-trattati. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali b’hekk ġustament iddeċidiet, minn naħa, li l-Kummissjoni, meta aġixxiet skont din id-dispożizzjoni, kellha madankollu tikkonforma ruħha mal-obbligu li taġixxi konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li hija kellha tivverifika jekk l-impenji offruti fil-kuntest ta’ din il-proċedura jiksrux, bħala tali, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, inkluż l-Artikolu 194(1) TFUE. |
|
96 |
Dawn l-obbligi jimplikaw li, kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta impenji li jirriskjaw li jkunu kuntrarji għall-Artikolu 194 TFUE u għaldaqstant jipperikolaw l-għanijiet li l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jew is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni jfittxu li jilħqu, minkejja l-fatt li dawn l-impenji jistgħu jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fis-suq ikkonċernat. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni, meta taġixxi bħala regolatur tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1/2003, għandha l-kompetenza li timponi obbligi indipendenti u li jmorru lil hinn minn dawk intiżi li jirrimedjaw il-problemi relatati mal-kompetizzjoni kkonstatati matul l-investigazzjoni (u li jkunu mmotivati minn politiki differenti minn dawk tad-dritt tal-kompetizzjoni) billi fuq din il-bażi teżiġi impenji iktar vinkolanti. |
|
97 |
Ghalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 422 tas-sentenza appellata, irrifjutat li tassimila l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika mal-impożizzjoni ta’ obbligi pożittivi imputabbli lil din tal-aħħar, li jmorru lil hinn mill-qafas tal-oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward ta’ Gazprom jew mal-impożizzjoni ta’ obbligi iktar vinkolanti fuqha. |
|
98 |
Barra minn hekk, Orlen ma tindikax kif id-deċiżjoni kontenzjuża tikser l-għanijiet speċifiċi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni. |
|
99 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni ma semmietx espressament il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jfissirx li hija ma ħaditux inkunsiderazzjoni u li din id-deċiżjoni ma tosservahx. |
|
100 |
Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi elementi li jindikaw b’mod ċar li l-Kummissjoni, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, ħadet inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija, billi żgurat, b’mod partikolari, li tiżgura l-moviment liberu transkonfinali tal-gass u li tipprovdi lill-konsumaturi tal-PEĊL ikkonċernati provvisti alternattivi mill-pajjiżi ġirien, kif ukoll li tiggarantixxi li l-prezzijiet ma jiddevjawx mill-indiċijiet tal-kompetizzjoni tal-Ewropa tal-Punent, meta hija evalwat l-adegwatezza tal-impenji ta’ Gazprom. |
|
101 |
Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu kif ukoll it-tieni aggravju. |
5. Fuq it‑tielet aggravju
|
102 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “żball manifest ta’ evalwazzjoni” waqt l-eżami tagħha tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kwistjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi relatati mal-analiżi tan-natura adegwata tal-impenji ta’ Gazprom. Dan il-kunċett jikkorrispondi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal erba’ każijiet, jiġifieri l-assenza ta’ evalwazzjoni korretta tal-fatti rilevanti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tal-awtur tad-deċiżjoni, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, minn dan tal-aħħar, ta’ elementi essenzjali, il-fatt li din l-analiżi hija bbażata fuq element irrilevanti u n-nuqqas ta’ osservanza tal-livell ta’ prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali hija b’mod partikolari obbligata tevalwa jekk il-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha humiex suffiċjentement preċiżi, affidabbli u koerenti, jekk dawn jikkostitwixxux ġabra ta’ data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa, jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni u, fl-aħħar nett, jekk dawn jippermettux, permezz tal-kwalità tagħhom, li ssir analiżi prospettiva. |
|
103 |
Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet. |
a) Fuq l‑ewwel parti tat‑tielet aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
104 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-effett kumulattiv tal-iżbalji tal-Kummissjoni fuq l-analiżi globali tagħha tan-natura adegwata tal-impenji ta’ Gazprom, Orlen issostni b’mod partikolari li n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-effett kumulattiv tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-qorti tal-Unjoni. Issa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fis-sentenza appellata, li hija setgħet tevalwa dawn l-iżbalji indipendentement minn xulxin, jiġifieri tanalizza separatament kull miżura u kull żball potenzjali tal-Kummissjoni, u b’hekk tirrinunzja għal evalwazzjoni globali tal-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni. Huwa abbażi ta’ tali analiżi separati li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni, filwaqt li teħid inkunsiderazzjoni akkumulat tal-imsemmija żbalji wassalha sabiex tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali żball manifest, peress li l-elementi differenti tal-impenji ta’ Gazprom la kienu iżolati u lanqas nieqsa minn effett fuq xulxin. Fil-fatt, l-impenji ta’ Gazprom li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji u r-restrizzjonijiet territorjali huma mekkaniżmi kumplessi, komposti minn elementi li fil-parti l-kbira tagħhom huma interdipendenti. |
|
105 |
Tali applikazzjoni żbaljata tal-kriterji ta’ stħarriġ tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni hija b’mod partikolari preżenti fl-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-abbandun tal-ilmenti Yamal mill-Kummissjoni. |
|
106 |
Fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni kontenzjuża kellha wkoll tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali sa fejn din ma tindirizzax it-tħassib kollu fil-qasam tal-kompetizzjoni espress mill-Kummissjoni. |
|
107 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
108 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti dwar l-abbandun tal-oġġezzjonijiet Yamal u n-nuqqas ta’ risposta għat-tħassib inizjali kollu tal-Kummissjoni li jinkludi dawn l-ilmenti, hemm lok li dawn jiġu miċħuda b’riferiment għall-punti 57 u 64 ta’ din is-sentenza. |
|
109 |
It-tieni nett, huwa r-rikorrent li jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 li għandu jipprova li din tal-aħħar wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Issa, f’dan il-każ, Orlen tillimita ruħha għal raġunament astratt, ibbażat fuq l-idea ta’ kumulu ta’ żbalji, mingħajr ma turi r-rilevanza konkreta tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li barra minn hekk Orlen ma kinitx sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li evalwazzjoni globali tal-iżbalji kollha allegati fil-konfront tal-Kummissjoni kellha titwettaq. Fil-fatt, mill-punt 398 tas-sentenza appellata jirriżulta li Overgas biss kienet qajmet tali argument, li ġie eżaminat, u sussegwentement miċħud, ġustament mill-Qorti Ġenerali. |
|
110 |
It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Orlen, la mid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas mis-sentenza appellata ma jirriżulta li l-Kummissjoni jew il-Qorti Ġenerali rrinunzjaw milli jwettqu analiżi globali tal-impenji assunti minn Gazprom. |
|
111 |
Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, li l-approċċ globali li din tal-aħħar adottat fil-kuntest tal-eżami tal-impenji huwa kkonfermat mill-premessi 160 sa 164 tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, li l-għażla ta’ din l-istituzzjoni li tippreżenta b’mod iddettaljat il-proporzjonalità ta’ kull impenn meta mqabbel mat-tħassib li hija kienet semmiet, ma hijiex biżżejjed sabiex tqiegħed fid-dubju l-approċċ globali tagħha. |
|
112 |
F’dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, mill-punti 195 sa 202 u 310 sa 319, rispettivament, tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni globali kemm tal-impenji relatati mal-prattiki tariffarji kif ukoll ta’ dawk li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali. Il-punt 398 tas-sentenza appellata, diġà msemmi fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi eżempju ieħor ta’ evalwazzjoni globali sabiex tiġi evalwata l-eżistenza eventwali ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
113 |
Ir-raba’ nett, għandha tiġi miċħuda l-affermazzjoni ta’ Orlen li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni kien jirriżulta, f’dan il-każ, mill-akkumulazzjoni ta’ sempliċi żbalji li hija wettqet. Dan seta’ jkun minnu biss kieku l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat in-natura inadegwata ta’ mill-inqas wieħed mill-impenji aċċettati mill-Kummissjoni li tista’ tqajjem dubju wkoll rigward l-impenji oħra u li kieku kien ġie pprovat li dawn tal-aħħar kellhom rabta bejniethom. Issa, dan ma huwiex il-każ. |
|
114 |
Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-natura adegwata tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ kunsinna, il-Qorti Ġenerali rrilevat ċerti irregolaritajiet li jaffettwaw l-evalwazzjoni ta’ dawn l-impenji mill-Kummissjoni, ma qisitx madankollu li dawn l-irregolaritajiet kienu ta’ natura li jkollhom xi effett fuq l-effettività ta’ dawn l-impenji. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunsiderazzjonijiet kritiċi tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni jirrigwardaw iktar l-approċċ metodoloġiku adottat minnha fil-kuntest tal-analiżi tagħha milli l-insuffiċjenza tal-impenji. |
|
115 |
Għandu jitfakkar ukoll, kif ġie enfasizzat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ma tistax tikkorrispondi għall-preżenza ta’ sempliċi irregolarità jew ommissjoni min-naħa tal-Kummissjoni, peress li ċertu livell ta’ gravità, li jista’ jikkontesta l-fondatezza tal-analiżi li din wettqet, għandu jintlaħaq. |
|
116 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi mwarrba. |
b) Fuq it‑tieni parti tat‑tielet aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
117 |
Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura prospettiva tal-impenji ta’ Gazprom fil-kuntest tal-analiżi tan-natura adegwata tad-diversi elementi li jikkomponu dawn tal-aħħar, Orlen issostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jirrigwarda l-impenji intiżi li jneħħu t-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni (jiġifieri t-tmiem tal-prattiki antikompetittivi identifikati mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni preliminari, l-istabbiliment mill-ġdid tal-kompetizzjoni fis-suq u l-evitar tal-ksur li jseħħ mill-ġdid), il-Kummissjoni għandha tindirizza bi prudenza partikolari s-suppożizzjonijiet li jipprevedu evoluzzjoni negattiva tas-sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tivverifika jekk il-Kummissjoni wettqitx korrettament din l-analiżi, billi bbażat ruħha kemm fuq l-“esperjenza storika applikabbli” kif ukoll fuq il-“verifika tal-probabbiltà li l-kundizzjonijiet kollha jiġu osservati, li għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament”. |
|
118 |
F’dan il-każ, l-analiżi tan-natura adegwata tal-impenn li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ klawżola ta’ reviżjoni tal-prezz biss fir-rigward tas-sitwazzjoni eżistenti fis-suq fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li jiġi injorat totalment l-element prospettiv, tikkostitwixxi l-ewwel eżempju ta’ żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali. |
|
119 |
It-tieni eżempju ta’ tali nuqqas ta’ stħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-eżistenza ta’ analiżi prospettiva suffiċjenti tal-Kummissjoni huwa kkostitwit mill-assenza ta’ verifika tan-numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jintlaħaq l-għan tal-impenn tariffarju, imsemmi fil-punt 135 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, intiż sabiex jiżgura lill-klijenti ta’ Gazprom dritt kuntrattwali ċar li jiggarantixxi li l-prezzijiet tal-gass tagħhom jibqgħu ġusti u kompetittivi fil-futur. |
|
120 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament il-fatti rilevanti li fuqhom hija bbażata l-analiżi tagħha u kull wieħed mill-iżbalji msemmija iktar ’il fuq kellhom effett dirett fuq id-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
121 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
122 |
L-affermazzjonijiet ta’ Orlen huma invalidati kemm mill-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll mis-sentenza appellata. |
|
123 |
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Orlen, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ħadu b’mod ċar inkunsiderazzjoni l-iżvilupp futur potenzjali tas-suq, kif jirriżulta mill-punt 158 tas-sentenza appellata, raġuni li għaliha, fil-punt 155 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset suffiċjenti li l-impenji finali jinkludu klawżola ta’ reviżjoni tal-prezz u mhux modifika immedjata tal-formoli tariffarji preskritti mill-klawżoli eżistenti. |
|
124 |
Orlen tagħti interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-aħħar punt tas-sentenza appellata billi ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat l-adegwatezza tal-klawżola ta’ reviżjoni tal-prezzijiet proposta minn Gazprom biss fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-suq eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Il-Qorti Ġenerali kkonfermat biss li l-Kummissjoni kienet ukoll korrettament ikkunsidrat, fl-evalwazzjoni tagħha, is-sitwazzjoni tas-suq eżistenti fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, mill-punti 156 sa 158 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali effettivament stħarrġet l-eżattezza tal-evalwazzjoni prospettiva tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li, waqt l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-prezzijiet kienu kompetittivi kellu jinftiehem b’rabta mal-għoti lil Gazprom ta’ terminu ta’ għaxar ġimgħat sabiex jiġu emendati l-kuntratti kollha u sabiex tiġi introdotta klawżola ta’ reviżjoni tal-prezzijiet fihom. |
|
125 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali evalwat ukoll b’mod suffiċjenti l-mod kif, permezz tal-klawżoli ta’ reviżjoni tal-prezzijiet introdotti mill-impenji, kien possibbli li tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ sitwazzjoni li fiha l-prezzijiet kienu eċċessivi. |
|
126 |
Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud dan l-aggravju. |
6. Fuq ir‑raba’ aggravju
|
127 |
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
128 |
Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet. |
a) Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
129 |
Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali bbażat il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura fuq il-ksur ta’ impenn li l-kontenut tiegħu ġie interpretat minnha abbażi tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża u mhux tad-dispożittiv tagħha. |
|
130 |
Minn dan l-Artikolu 9(2)(b) jirriżulta b’mod ċar li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-impriża kkonċernata, tal-impenji li kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar hija awtorizzata tiftaħ mill-ġdid il-proċedura. Għalhekk huwa kruċjali li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità l-kontenut tal-impenn inkwistjoni. |
|
131 |
F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża ma għandhiex tikkonsisti f’li jiġi kkompletat il-kontenut tal-impenji li jinsabu f’dan id-dispożittiv, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, iżda f’li dawn jiġu interpretati, b’mod partikolari f’każ ta’ dubji dwar l-interpretazzjoni letterali tal-imsemmi dispożittiv. Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza li tgħid li, bħala prinċipju, rikors għandu jkun dirett kontra d-dispożittiv ta’ att ġuridiku u mhux kontra l-motivi tiegħu, sakemm il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar ma jkollux effett fuq is-sustanza tad-deċiżjoni li tinsab fid-dispożittiv ta’ dan l-att jew jikkostitwixxi s-sostenn neċessarju tiegħu. |
|
132 |
Issa, il-Qorti Ġenerali mhux biss interpretat il-kontenut tal-impenji li jirrigwardaw il-prattiki tariffarji, li jagħmlu parti mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, fid-dawl tal-motivi tagħha, iżda hija wkoll, minn naħa, estendiet dan il-kontenut b’mod żbaljat billi inkludiet fiha elementi li, evidentement, ma kinux jinsabu f’dan id-dispożittiv u, min-naħa l-oħra, irreferiet, abbażi ta’ din id-deċiżjoni hekk estiża, għall-possibbiltà li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura, b’mod partikolari fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, mill-qrati arbitrali, tad-data dwar il-“prezzijiet tal-pjattaformi” li tippermetti li jiġu ddefiniti l-prezzijiet riveduti. Peress li l-Kummissjoni ma ppreċiżatx b’mod ċar x’riedet tagħmel minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ impenn fid-dawl tal-motivi ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx legalment tislet argument favur in-natura adegwata tal-impenn inkwistjoni. |
|
133 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura fil-każ ta’ ksur, minn Gazprom, tal-impenji tagħha, peress li hija għandha, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Għaldaqstant, l-argument li jgħid li l-fakultà li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura li għandha l-Kummissjoni fil-każ ta’ ksur ta’ dawn l-impenji tipprova n-natura adegwata tagħhom huwa infondat. |
|
134 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
135 |
Kif diġà ssemma fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, is-sempliċi fatt li jitfakkar li l-impenji jistgħu jagħtu lok, jekk ma jiġux osservati mill-impriża kkonċernata, għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1/2003 juri rieda mhux li jikkompletaw ex post dawn l-impenji, iżda li jiżguraw l-osservanza tagħhom. Huwa fl-istess spirtu li l-Qorti Ġenerali semmiet il-possibbiltà li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura u li timponi multa, skont l-Artikolu 23(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1/2003, f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq, minn Gazprom, tal-impenji tagħha. Dan huwa sempliċi tfakkira intiża sabiex Gazprom tikkonforma ruħha ma’ dawn tal-aħħar. |
|
136 |
Barra minn hekk, huwa perfettament loġiku li l-Qorti Ġenerali interpretat il-kontenut tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-motivi tagħha. Il-fatt li tibbaża ruħha fuq il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni sabiex issostni l-interpretazzjoni korretta tad-dispożittiv tagħha ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi, iżda jagħmel parti minn teknika interpretattiva normali. B’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li ssostni Orlen, il-Qorti Ġenerali ma kkompletatx dan id-dispożittiv b’elementi li ma kinux jinsabu fih, iżda interpretatu biss fid-dawl tal-kontenut ta’ din il-motivazzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali sempliċement spjegat, b’risposta għall-allegazzjonijiet ta’ Orlen, dak li kellu jinftiehem bl-impenn deskritt fil-punt 19 (iv) tal-impenji finali, mingħajr ma kkontradixxiet jew tmur lil hinn mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt, iżda wettqet interpretazzjoni raġonevoli ta’ dan l-impenn abbażi tal-kontenut u tal-għan tiegħu. |
|
137 |
L-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ aggravju
1) L‑argumenti tal‑partijiet
|
138 |
Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, Orlen tressaq l-argument li l-Qorti Ġenerali bbażat il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura billi tenfasizza ċ-ċirkustanzi li fuqhom id-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ibbażata u li ma kellhom ebda rabta mas-suġġett ta’ din tal-aħħar. |
|
139 |
L-interpretazzjoni eżatta ta’ din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tiftaħ mill-ġdid il-proċedura meta wieħed mill-fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkonċernata jsofri bidla kbira. L-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna għalhekk fatti li kienu jeżistu fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha u li, minħabba f’hekk, kienu ġew eżaminati minnha. Issa, il-Qorti Ġenerali injorat din l-interpretazzjoni billi applikatha, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ ċirkustanzi. |
|
140 |
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, anki jekk il-konverġenza tal-prezzijiet tal-gass u taż-żejt kienet fatt ta’ tul qasir, kull assenza ta’ konverġenza fil-futur tikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tawtorizza lill-Kummissjoni taġixxi skont l-istess dispożizzjoni. |
|
141 |
Min-naħa l-oħra, Orlen issostni li l-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-assenza ta’ ċerti ċirkustanzi fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, bħan-natura mhux operattiva tal-pipeline tal-gass Nord Stream 2, l-assenza ta’ restrizzjonijiet fuq il-provvista tal-gass min-naħa ta’ Gazprom jew l-assenza ta’ kundizzjonijiet ġodda għall-provvista tal-gass imposti minn Gazprom, kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li, jekk tali fatti jimmanifestaw ruħhom fil-futur, huma jistgħu jwasslu għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
142 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li avvenimenti futuri u indeterminati fir-rigward tal-portata u tan-natura tagħhom, li, min-natura tagħhom, ma kinux jikkostitwixxu fatti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġġustifikaw tali ftuħ mill-ġdid, fatt li jmur kontra l-interpretazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
143 |
Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. |
2) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
144 |
Kif osservat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 juri l-fatt li l-impenji approvati minn din l-istituzzjoni għandhom skop biss sa fejn iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tagħhom ma jiġux mibdula b’mod sostanzjali, u fin-nuqqas ta’ dan ikun meħtieġ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura, sabiex l-impenji kkonċernati jiġu aġġustati għal ċirkustanzi ġodda. |
|
145 |
L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Orlen, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret, fil-punt 426 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet, jekk ikun il-każ, tuża l-possibbiltà, prevista f’din id-dispożizzjoni, li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura jekk wieħed mill-fatti li fuqhom id-deċiżjoni kkonċernata tkun ibbażata jkun suġġett għal bidla importanti, b’mod partikolari fil-każ ta’ evoluzzjoni tas-swieq tal-gass. |
|
146 |
It-tieni nett, hija ma wettqitx żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kliem “fejn hemm bidla materjali f’kwalunkwe min dawn il-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni”, li jinsabu fl-imsemmija dispożizzjoni. B’mod partikolari, huwa ma indikax li l-avvenimenti futuri kollha li magħhom kienu relatati l-biżgħat ta’ Orlen, b’mod partikolari fir-rigward tal-pipeline Nord Stream 2, kienu jikkostitwixxu tali bidla. |
|
147 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma estendietx b’mod eċċessiv il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003. |
|
148 |
Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda. |
|
149 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell fl-intier tiegħu. |
V. Fuq l‑appell inċidentali
|
150 |
Permezz tal-appell tagħha, Overgas titlob l-annullament tas-sentenza appellata. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell inċidentali
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
151 |
Gazprom issostni li Overgas ma għandhiex interess li tippreżenta l-appell inċidentali. Barra minn hekk, hija ma hijiex direttament affettwata mis-sentenza appellata. Konsegwentement, dan l-appell huwa inammissibbli. |
|
152 |
Minn naħa, l-impenji finali ma jippreġudikawx l-interessi ekonomiċi jew legali ta’ Overgas. Anki jekk hija tirrikonoxxi li probabbilment għandu jkun hemm impenji aħjar, dan ma jipprovax li l-impenji finali huma ta’ preġudizzju għal din tal-aħħar. |
|
153 |
Min-naħa l-oħra, l-invalidazzjoni tal-impenji finali ma tagħti l-ebda vantaġġ lil Overgas. Għall-kuntrarju, kieku dawn kellhom jiġu invalidati, ma kienx ikun ċert li l-Kummissjoni kienet tirrendi vinkolanti impenji iktar stretti jew li Gazprom kienet tkun disposta li tieħu dawn l-impenji. Is-sempliċi possibbiltà ipotetika u teoretika tal-eżistenza ta’ impenji allegatament “aħjar” ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali. |
|
154 |
Fir-replika tagħha, Overgas issostni li l-appell inċidentali huwa ammissibbli, peress li hija direttament affettwata, fis-sens tal-Artikolu 56(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mid-Deċiżjoni kontenzjuża. Huwa ċar fl-interess ekonomiku tagħha li tikseb deċiżjoni iktar favorevoli mill-Kummissjoni, li tikkonsisti f’miżuri legali effettivi. Tali riżultat ma jistax jintlaħaq de jure sakemm id-Deċiżjoni kontenzjuża ma tkunx ġiet annullata. |
|
155 |
Orlen titlob ukoll l-ammissibbiltà tal-appell inċidentali. |
2. Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
156 |
Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-interess ta’ Overgas li tippreżenta l-appell inċidentali huwa stabbilit, anki jekk hija topera fis-suq tal-gass fil-Bulgarija, li ma huwiex direttament is-suġġett tal-impenji finali li saru vinkolanti bid-deċiżjoni kontenzjuża, peress li hija kienet intervenjenti fl-ewwel istanza insostenn tat-talbiet ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, u li, permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ din tal-aħħar. |
B. Fuq il‑mertu
|
157 |
Overgas tqajjem żewġ aggravji insostenn tal-appell inċidentali. |
1. Fuq l‑ewwel aggravju
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
158 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Overgas issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 40(2), moqri flimkien mal-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa fejn qieset li l-argumenti esposti minn Overgas fin-nota ta’ intervent tagħha kienu inammissibbli sa fejn kienu jikkonċernaw is-sistema tal-gass Bulgara. |
|
159 |
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li dawn l-argumenti kienu jmorru lil hinn mis-suġġett tal-kawża. Ma hijiex il-Qorti Ġenerali, iżda biss ir-rikorrenti, jiġifieri, f’dan il-każ, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, li għandha tiddetermina s-suġġett tal-kawża fil-kuntest ta’ rikors għal annullament. Issa, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo ddefinixxiet is-suġġett tal-kawża b’mod wiesa’, inkluż f’dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet territorjali. Għaldaqstant, l-impenji li jikkonċernaw il-Bulgarija kienu jagħmlu parti minn dawn l-impenji. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-approċċ adottat minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, b’mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjonijiet potenzjali tas-suġġett tal-kawża, hija parzjalment kontradittorja, fil-parti l-kbira ambigwa u, b’mod ġenerali, irrikonċiljabbli mal-pożizzjoni ċara ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo, kif esposta fir-rikors tagħha. |
|
160 |
Insostenn ta’ din l-analiżi, Overgas tiddikjara li l-motivi mressqa fl-ewwel istanza minn Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo kienu jikkonċernaw ċertu numru ta’ problemi u ta’ żbalji enfasizzati fil-kontenut tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li fir-rigward tagħhom is-suq Pollakk, li tiegħu din l-aħħar kumpannija kellha għarfien aħjar, kien biss eżempju fost oħrajn, mingħajr ma dan jimplika l-esklużjoni tas-suq tal-gass Bulgaru mis-suġġett tal-kawża. |
|
161 |
Orlen tqis li l-ewwel aggravju u l-konklużjoni ta’ Overgas għandhom jintlaqgħu intiżi sabiex is-sentenza appellata tiġi annullata fl-intier tagħha. |
|
162 |
Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
163 |
Qabel kollox, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-impenn li jirrigwarda l-Bulgarija, Gazprom impenjat ruħha li temenda l-kuntratti ta’ provvista u ta’ trażmissjoni tal-gass sabiex tneħħi l-ostakoli kuntrattwali għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni Bulgara u li b’hekk tqiegħed dan in-network f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dħul u ħruġ, il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ interkonnessjoni bejn ġestjonarji ta’ networks ta’ pajjiżi ġirien u r-regoli ta’ tqassim tal-volumi ta’ gass bejn diversi utenti tan-network fil-punti ta’ interkonnessjoni. Dawn ir-rekwiżiti jiffaċilitaw il-kummerċ transfruntier tal-gass, irawmu l-kompetizzjoni u jiżguraw l-integrazzjoni tas-suq intern. |
|
164 |
Sussegwentement, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo għamlet riferiment għall-impenn dwar il-Bulgarija darba biss u ma ressqet ebda motiv dwar l-adegwatezza ta’ dan l-impenn. Għall-kuntrarju, hija sostniet li Gazprom kellha tipproponi, u li l-Kummissjoni kellha tirrendi obbligatorju, għal swieq oħra tal-gass fil-PEĊL, inkluża l-Polonja, impenn analogu għal dak relatat mal-Bulgarija. Għalhekk, ma hemmx dubju li dan l-aħħar impenn kien jeċċedi s-suġġett tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
165 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 409 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, ċertament, wieġbet għall-motiv ta’ Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo dwar in-natura inadegwata tal-impenji li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet territorjali fit-totalità tagħhom u kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni. Madankollu, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo bl-ebda mod ma kienet ikkontestat in-natura adegwata tal-impenn dwar il-Bulgarija. |
|
166 |
Għalhekk huwa stabbilit li l-impenn dwar il-Bulgarija ma kienx jaqa’ taħt is-suġġett tat-tilwima kif iddefinit fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li din tal-aħħar ġustament iddeċidiet li l-argumenti esposti minn Overgas fin-nota ta’ intervent tagħha kienu inammissibbli sa fejn kienu jikkonċernaw is-sistema tal-gass Bulgara. |
|
167 |
Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud. |
2. Fuq it‑tieni aggravju
a) L‑argumenti tal‑partijiet
|
168 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Overgas issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 53(1) tiegħu. |
|
169 |
B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma speċifikatx il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-erba’ fatturi li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-impenji li jirrigwardaw il-postijiet ta’ konsenja, il-mod kif kellhom jitkejlu l-effetti akkumulati ta’ dawn l-erba’ fatturi, u lanqas il-punt ta’ riferiment użat sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li anki dawn l-effetti akkumulati ma kinux jirriżultaw fi żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fil-mument tal-aċċettazzjoni ta’ dawn l-impenji. Il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda spjegazzjoni dwar il-metodu li hija applikat f’dan ir-rigward, u wisq inqas dwar l-applikazzjoni tiegħu għaċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ. |
|
170 |
Orlen ma tiħux pożizzjoni fir-rigward tat-tieni aggravju. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa inammissibbli, għaliex huwa impreċiż wisq. |
b) Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
171 |
Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jimponilha biss li tesponi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li hija segwiet, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Staatliche Porzellan-Manufaktur Meissen vs EUIPO, C‑471/16 P, EU:C:2017:602, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), iżda mhux li tipprovdi motivazzjoni li tirrispondi b’mod eżawrjenti għall-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fit-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Liaño Reig vs SRB, C‑947/19 P, EU:C:2021:172, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
172 |
F’dan il-każ, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 77 u 114 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali stħarrġet u mmotivat l-analiżi tagħha tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-impenji li jikkonċernaw il-postijiet ta’ konsenja. Il-fatt li s-siltiet ikkonċernati tas-sentenza appellata ma humiex iddettaljati daqs kemm xtaqet Overgas ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx biżżejjed din is-sentenza f’dan ir-rigward. |
|
173 |
Għaldaqstant, it-tieni aggravju u, konsegwentement, l-appell inċidentali fl-intier tiegħu, għandhom jiġu miċħuda. |
VI. Fuq l‑ispejjeż
|
174 |
L-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
175 |
Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
176 |
F’dan il-każ, peress li Orlen tilfet fir-rigward tal-appell, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Gazprom fil-kuntest ta’ dan l-appell, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Peress li Overgas tilfet fl-appell inċidentali tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u minn Gazprom fil-kuntest ta’ dan l-appell inċidentali, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. |
|
177 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli wkoll għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika tal-Polonja, intervenjenti fl-ewwel istanza, għandha għalhekk tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.