Brussell, 28.11.2019

COM(2019) 619 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627


ANNESS I

Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-bastimenti tal-qbid li jkunu qed jistadu skont l-Artikolu 18

(1)Kull Stat Membru għandu jiżgura li jitħarsu l-limiti fuq il-kapaċità li ġejjin:

–l-għadd massimu ta’ dgħajjes tas-sajd bil-lixka u ta’ dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd dirett għat-tonn fl-2006;

–l-għadd massimu ta’ bastimenti tal-flotta artiġjanali tiegħu li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn fil-Mediterran ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd għat-tonn fl-2008;

–l-għadd massimu ta’ bastimenti tal-qbid tiegħu li huma awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ bastimenti li jkunu ħadu sehem fis-sajd għat-tonn fl-2008. Kull Stat Membru għandu jalloka kwoti individwali għall-bastimenti kkonċernati.

(2)Kull Stat Membru jista’ jalloka:

–mhux iktar minn 7 % tal-kwota tiegħu għat-tonn fost id-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u d-dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu. Fil-każ ta’ Franza, il-bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża li b’kollox ikunu twal inqas minn 17-il metru u li jistadu fil-Golf tal-Biskalja jistgħu jaqbdu massimu ta’ 100 tunnellata tonn li jkun jiżen tal-inqas 6,4 kg jew li jkun twil tal-inqas 70 cm sal-qasma tad-denb;

–mhux iktar minn 2 % tal-kwota tiegħu għat-tonn fost il-bastimenti tal-flotta artiġjanali kostali tiegħu li jistadu għall-ħut frisk fil-Mediterran.

(3)Il-Kroazja tista’ talloka ammont massimu ta’ 7 % tal-kwota tagħha fost il-bastimenti tal-qbid tagħha li jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut, b’livell ta’ tolleranza għat-tonn li jkun jiżen tal-inqas 6,4 kg jew li jkun twil tal-inqas 66 cm sal-qasma tad-denb.

(4)Kull Stat Membru li d-dgħajjes tas-sajd bil-lixka tiegħu, il-bastimenti tas-sajd bil-konz tiegħu, il-bastimenti tas-sajd bix-xolfa tal-idejn tiegħu u d-dgħajjes tas-sajd bir-rixa tiegħu huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar tad-denb kif ġej:

–iridu jitwaħħlu tikketti fuq denb it-tonn kollu maqbud minnufih malli jiġi ttrasbordat;

–kull tikketta mwaħħla fuq denb it-tonn għandu jkollha numru uniku ta’ identifikazzjoni li jkun inkluż fid-dokumenti dwar il-qabdiet tat-tonn u jkun miktub b’mod li jinqara u li ma jistax jitħassar fuq barra ta’ kull pakkett li jkun fih it-tonn.

ANNESS II
Rekwiżiti tal-ġurnal ta’ abbord 

A. BASTIMENTI TAL-QBID

Speċifikazzjonijiet minimi għall-ġurnali ta’ abbord tas-sajd:

(1)Kull folja tal-ġurnal ta’ abbord għandu jkollha numru.

(2)Il-ġurnal ta’ abbord għandu jimtela kuljum (f’nofsillejl) jew qabel il-wasla fil-port.

(3)Il-ġurnal ta’ abbord għandu jimtela f’każ ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar.

(4)Kopja waħda tal-folji għandha tibqa’ mehmuża mal-ġurnal ta’ abbord.

(5)Il-ġurnali ta’ abbord għandhom jinżammu abbord il-bastiment biex ikopru perjodu ta’ sena waħda ta’ ħidma.

Tagħrif minimu standard għall-ġurnali ta’ abbord tas-sajd:

(1)Isem il-kaptan u l-indirizz tiegħu.

(2)Id-dati u l-portijiet tat-tluq u d-dati u l-portijiet tal-wasla.

(3)Isem il-bastiment, in-numru tiegħu fir-reġistru, in-numru tal-ICCAT tiegħu, il-kodiċi internazzjonali tar-radju u n-numru tal-OMI (jekk dan ikun disponibbli).

(4)L-irkaptu tas-sajd:

(a)il-kodiċi tat-tip tal-FAO;

(b)il-qisien (pereżempju t-tul, id-daqs tal-malji u l-għadd ta’ snanar).

(5)L-attivitajiet fuq il-baħar, b’linja waħda (mill-inqas) għal kull jum tal-vjaġġ, li tkun tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)l-attività (pereżempju s-sajd jew it-tbaħħir);

(b)il-pożizzjoni: il-pożizzjonijiet eżatti ta’ kuljum (fi gradi u minuti), irreġistrati għal kull attività tas-sajd jew f’nofsinhar meta ma jkun sar l-ebda sajd matul dak il-jum;

(c)reġistru tal-qabdiet, li jinkludi:

–il-kodiċi tal-FAO;

–il-piż sħiħ (RWT) tal-ħut maqbud kuljum, f’kilogrammi;

–l-għadd ta’ ħut maqbud kuljum.

Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, dik id-data għandha tiġi rreġistrata għal kull attività tas-sajd, inklużi dawk li fihom ma jinqabad xejn.

(6)Il-firma tal-kaptan.

(7)Il-mezz tal-użin: stima, użin abbord.

(8)Fil-ġurnal ta’ abbord, il-piż tal-ħut għandu jingħata f’ammont li jkun ekwivalenti għall-piż tal-ħut ħaj u għandhom jissemmew il-fatturi ta’ konverżjoni użati fl-evalwazzjoni.

Tagħrif minimu għall-ġurnali ta’ abbord tas-sajd fil-każ ta’ ħatt l-art jew tat-trasbord:

(1)Id-dati ta’ ħatt l-art jew tat-trasbord u l-port fejn dan iseħħ.

(2)Il-prodotti:

(a)l-ispeċijiet u preżentazzjoni tagħhom skont il-kodiċi tal-FAO;

(b)l-għadd ta’ ħut jew ta’ kaxxi u l-kwantità f’kilogrammi.

(3)Il-firma tal-kaptan jew tal-aġent tal-bastiment.

(4)Fil-każ tat-trasbord: isem il-bastiment li jkun qed jirċievi l-ħut, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

Tagħrif minimu għall-ġurnali ta’ abbord tas-sajd fil-każ tat-trasferiment għal ġol-gaġeġ:

(1)Id-data u l-ħin tat-trasferiment u l-pożizzjoni (il-latitudni/il-lonġitudni) fejn dan iseħħ.

(2)Il-prodotti:

(a)identifikazzjoni tal-ispeċijiet skont il-kodiċi tal-FAO tagħhom;

(b)l-għadd ta’ ħut ittrasferit għal ġol-gaġeġ u l-kwantità tiegħu f’kilogrammi.

(3)Isem il-bastiment tal-irmunkar, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

(4)Isem il-farm tal-ħut destinatarju u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

(5)Fil-każ ta’ attività konġunta tas-sajd, minbarra t-tagħrif imniżżel fil-punti 1 sa 4, il-kaptani għandhom jirreġistraw fil-ġurnal ta’ abbord tagħhom:

(a)għall-bastiment tal-qbid li qed jittrasferixxi l-ħut għal ġol-gaġeġ:

–l-ammont ta’ qabdiet imtella’ abbord,

–l-ammont ta’ qabdiet magħduda għall-ilħuq tal-kwota individwali tiegħu,

–l-ismijiet tal-bastimenti l-oħrajn involuti fl-attività konġunta tas-sajd;

(b)għall-bastimenti tal-qbid l-oħrajn tal-istess attività konġunta tas-sajd li mhumiex involuti fit-trasferiment tal-ħut:

–l-isem ta’ dawk il-bastimenti, il-kodiċijiet internazzjonali tar-radju tagħhom u n-numri tal-ICCAT tagħhom,

–il-fatt li dawn ma tellgħu abbord l-ebda qabda jew ma ttrasferew l-ebda ħut għal ġol-gaġeġ,

–l-ammont ta’ qabdiet magħduda għall-ilħuq tal-kwoti individwali tagħhom,

–l-isem tal-bastiment tal-qbid imsemmi fil-punt (a) u n-numru tal-ICCAT tiegħu.

B. BASTIMENTI TAL-IRMUNKAR

(1)Il-kaptan ta’ bastiment tal-irmunkar għandu jirreġistra fil-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum id-data u l-ħin tat-trasferiment u l-pożizzjoni fejn dan iseħħ, il-kwantitajiet ta’ ħut ittrasferiti (l-għadd ta’ ħut u l-kwantità tiegħu f’kilogrammi), in-numru tal-gaġġa, kif ukoll isem il-bastiment tal-qbid, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu, l-ismijiet tal-bastimenti l-oħrajn involuti u n-numri tal-ICCAT tagħhom, il-farm tal-ħut destinatarju u n-numru tal-ICCAT tiegħu u n-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

(2)It-trasferimenti l-oħrajn tal-ħut għal fuq bastimenti awżiljarji jew għal fuq bastimenti oħrajn tal-irmunkar għandhom jiġu rrappurtati billi jingħata l-istess tagħrif bħal dak imsemmi fil-punt 1, kif ukoll billi jingħataw isem il-bastiment awżiljarju jew il-bastiment tal-irmunkar, il-bandiera tiegħu u n-numru tal-ICCAT tiegħu u n-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

(3)Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum għandu jinkludi d-dettalji tat-trasferimenti kollha mwettqin matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum għandu jinżamm abbord il-bastiment u għandu jkun aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta’ kontroll.

C. BASTIMENTI AWŻILJARJI

(1)Il-kaptan ta’ bastiment awżiljarju għandu jirreġistra l-attivitajiet fil-ġurnal ta’ abbord kuljum u għandu jinkludi d-data, il-ħin u l-pożizzjonijiet, il-kwantitajiet ta’ tonn imtella’ abbord, u isem il-bastiment tas-sajd, il-farm tal-ħut jew it-tunnara li hu jkun qed jaħdem magħha.

(2)Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum għandu jinkludi d-dettalji tal-attivitajiet kollha mwettqin matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum għandu jinżamm abbord il-bastiment u għandu jkun aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta’ kontroll.

D. BASTIMENTI TAL-IPPROĊESSAR

(1)Fil-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum, il-kaptan ta’ bastiment tal-ipproċessar għandu jdaħħal id-data u l-ħin li fihom saru l-attivitajiet u l-pożizzjoni fejn dawn saru, il-kwantitajiet ittrasbordati u l-għadd ta’ tonn li wasal mill-farms tal-ħut, mit-tunnari jew mill-bastimenti tal-qbid, fejn dan ikun applikabbli, u l-piż tiegħu. Il-kaptan għandu jdaħħal ukoll l-ismijiet u n-numri tal-ICCAT ta’ dawk il-farms tal-ħut, it-tunnari jew il-bastimenti tal-qbid.

(2)Il-kaptan ta’ bastiment tal-ipproċessar għandu jżomm ġurnal ta’ abbord tal-ipproċessar ta’ kuljum li jispeċifika l-piż sħiħ tal-ħut ittrasferit jew ittrasbordat u l-għadd tiegħu, il-fattur ta’ konverżjoni użat, u l-piżijiet u l-kwantitajiet mogħtija skont il-preżentazzjoni tal-prodotti.

(3)Il-kaptan ta’ bastiment tal-ipproċessar għandu jżomm pjan tal-istivar li juri l-post u l-kwantitajiet ta’ kull speċi u l-preżentazzjoni tagħhom.

(4)Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum għandu jinkludi d-dettalji tat-trasbord kollu mwettaq matul l-istaġun tas-sajd. Il-ġurnal ta’ abbord ta’ kuljum, il-ġurnal ta’ abbord tal-ipproċessar, il-pjan tal-istivar u d-dikjarazzjonijiet oriġinali tat-trasbord tal-ICCAT għandhom jinżammu abbord il-bastiment u għandhom ikunu aċċessibbli fi kwalunkwe ħin għall-finijiet ta’ kontroll.

ANNESS III
Formola tar-rapport tal-qabdiet

Formola tar-rapport tal-qabdiet

Bandiera

Numru tal-ICCAT

Isem il-bastiment

Data tal-bidu tar-rapport

Data ta’ tmiem ir-rapport

Tul ta’ żmien tar-rapport (f’jiem)

Data tal-qabda

Post fejn inqabad il-ħut

Qabdiet

Il-piż allokat fil-każ ta’ attività konġunta tas-sajd (f’kilogrammi)

Latitudni

Lonġitudni

Piż (f’kilogrammi)

Għadd ta’ ħut

Piż medju (f’kilogrammi)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

ANNESS IV
Formola ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni f’attività konġunta tas-sajd 

Attività konġunta tas-sajd

Stat tal-bandiera

Isem il-bastiment

Numru tal-ICCAT

Tul ta’ żmien tal-attività

Identità tal-operaturi

Kwota individwali tal-bastiment

Skema ta’ allokazzjoni għal kull bastiment

Farm tat-trobbija u tat-tismin tal-ħut destinatarju

PKK

Numru tal-ICCAT

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Data: …

Validazzjoni tal-Istat tal-bandiera: …

ANNESS V
Dikjarazzjoni tat-trasbord tal-ICCAT

ANNESS VI
Dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT

ANNESS VII
Tagħrif minimu għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd 1  

A. IDENTIFIKAZZJONI

(1)Numru ta’ reġistrazzjoni tal-ICCAT

(2)Isem il-bastiment tas-sajd

(3)Numru estern tar-reġistrazzjoni (ittri u numri)

B. KUNDIZZJONIJIET TAS-SAJD 

(1)Data tal-ħruġ

(2)Perjodu tal-validità

(3)Kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, inklużi, meta dan ikun xieraq, l-ispeċi, iż-żona, l-irkaptu tas-sajd u kull kundizzjoni oħra applikabbli li toħroġ minn dan ir-Regolament u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

 

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Minn ../../..

Sa ../../..

Żoni

 

 

 

 

 

 

Speċijiet

 

 

 

 

 

 

Rkaptu tas-sajd

 

 

 

 

 

 

Kundizzjonijiet oħrajn

 

 

 

 

 

 

ANNESS VIII
Programm ta’ osservaturi reġjonali tal-ICCAT 

ĦATRA TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

(1)Kull osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkollu l-kwalifiki li ġejjin biex iwettaq il-kompiti tiegħu:

(a)biżżejjed esperjenza biex ikun jista’ jidentifika l-ispeċijiet tal-ħut u l-irkaptu tas-sajd;

(b)għarfien sodisfaċenti tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT, attestat permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-Istati Membri u bbażat fuq il-linji gwida tal-ICCAT marbutin mat-taħriġ;

(c)il-ħila li josserva l-affarijiet u li jirreġistrahom b’mod preċiż;

(d)għarfien sodisfaċenti tal-ilsien tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jew tal-farm tal-ħut osservat.

OBBLIGI TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

(2)L-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom:

(a)ikunu lestew it-taħriġ tekniku mitlub mil-linji gwida stabbiliti mill-ICCAT;

(b)ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri u, sa fejn ikun possibbli, ma jkunux ċittadini tal-Istat tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara jew tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża. Madankollu, jekk it-tonn jinqatel fil-gaġeġ u jiġi kkummerċjalizzat bħala prodott frisk, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT li josserva l-qtil jista’ jkun ċittadin tal-Istat Membru li huwa responsabbli għall-farm tal-ħut;

(c)ikunu kapaċi jwettqu l-kompiti mogħtija fil-punt 3;

(d)ikunu inklużi fil-lista tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT miżmuma mill-ICCAT;

(e)ma jkollhomx interessi finanzjarji jew benefiċjarji attwali fl-industrija tat-tonn.

KOMPITI TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

(3)Il-kompiti tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT għandhom ikunu, b’mod partikulari:

(a)għall-osservaturi fuq il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, li jimmonitorjaw il-konformità ta’ dawn il-bastimenti tas-sajd mal-miżuri rilevanti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-ICCAT. B’mod partikulari, l-osservatur reġjonali għandu:

(1)f’każijiet fejn josserva xi ħaġa li tista’ tikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, jibgħat dak it-tagħrif lill-kumpanija li tkun qed timplimenta l-programm tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT mingħajr dewmien, li, min-naħa tagħha, għandha tibagħtu minnufih lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-qbid;

(2)jirreġistra l-attivitajiet tas-sajd imwettqin u jagħmel rapport dwarhom;

(3)josserva l-qabdiet u jagħmel stima tagħhom u jivverifika d-data mdaħħla fil-ġurnal ta’ abbord;

(4)joħroġ rapport ta’ kuljum dwar l-attivitajiet ta’ trasferiment tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża;

(5)josserva l-bastimenti li jistgħu jkunu qed jistadu b’mod li jikser il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT u jirreġistrahom;

(6)jirreġistra l-attivitajiet ta’ trasferiment imwettqin u jagħmel rapport dwarhom;

(7)jivverifika l-pożizzjoni tal-bastiment meta dan ikun qed iwettaq attività ta’ trasferiment;

(8)josserva l-prodotti ttrasferiti u jagħmel stima tagħhom, fosthom billi jeżamina l-vidjows irreġistrati;

(9)jivverifika isem il-bastiment tas-sajd ikkonċernat u n-numru tal-ICCAT tiegħu u jirreġistrahom;

(10)iwettaq ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta’ data tal-kompitu II, meta l-ICCAT titlob dan, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS;

(b)għall-osservaturi reġjonali tal-ICCAT fil-farms tal-ħut u fil-post fuq it-tunnari, li jimmonitorjaw il-konformità ta’ dawn il-farms u ta’ dawn it-tunnari mal-miżuri rilevanti ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-ICCAT. B’mod partikulari, l-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu:

(1)jivverifika d-data li hemm fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment, fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u fil-BCD, fosthom billi jeżamina r-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera;

(2)jiċċertifika d-data li hemm fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment, fid-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u fil-BCDs;

(3)joħroġ rapport ta’ kuljum dwar l-attivitajiet ta’ trasferiment tal-farms tal-ħut u tat-tunnari;

(4)jikkontrofirma d-dikjarazzjoni tat-trasferiment, id-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ u l-BCDs biss meta jaqbel li t-tagħrif li hemm fihom huwa konsistenti mal-osservazzjonijiet tiegħu, inkluż reġistrazzjoni konformi bil-vidjokamera, kif meħtieġ skont ir-rekwiżiti msemmijin fl-Artikolu 41(1) u fl-Artikolu 42(1);

(5)iwettaq il-ħidma xjentifika, bħall-ġbir ta’ kampjuni, mitluba mill-Kummissjoni, abbażi tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-SCRS;

(6)jirreġistra u jivverifika jekk ikunx hemm kwalunkwe tip ta’ marka, inkluża xi marka naturali, u jagħti tagħrif dwar kwalunkwe sinjal li tneħħiet xi marka reċentement;

(c)li jistabbilixxu rapporti ġenerali li jiġbru fihom it-tagħrif miġbur skont dan il-punt u jagħtu l-opportunità lill-kaptan u lill-operatur tal-farm tal-ħut idaħħlu fihom kwalunkwe tagħrif rilevanti;

(d)li jibagħtu r-rapport ġenerali msemmi fil-punt (c) lis-Segretarjat fi żmien 20 jum minn meta jintemm il-perjodu tal-osservazzjoni;

(e)li jwettqu kwalunkwe funzjoni oħra, kif iddefinit mill-ICCAT.

(4)L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jittratta t-tagħrif kollu dwar l-attivitajiet tas-sajd u tat-trasferiment tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u tal-farms tal-ħut bħala tagħrif kunfidenzjali u għandu jaċċetta dak ir-rekwiżit bil-miktub biex jinħatar bħala osservatur reġjonali tal-ICCAT.

(5)L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Istat tal-bandiera jew tal-Istat tal-farm tal-ħut li taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu jkun jaqa’ l-bastiment jew il-farm tal-ħut li għalih huwa jkun assenjat.

(6)L-osservatur reġjonali tal-ICCAT għandu jirrispetta l-ġerarkija u jħares ir-regoli ġenerali tal-imġiba li japplikaw għall-persunal kollu li jaħdem fuq il-bastiment u fil-farm tal-ħut, dejjem jekk dawn ir-regoli ma jxekklux id-dmirijiet tiegħu fil-kuntest ta’ dan il-programm u l-obbligi tal-persunal tal-bastimenti u tal-farms tal-ħut mogħtija fil-punt 7 ta’ dan l-Anness u fl-Artikolu 38.

OBBLIGI TAL-ISTATI MEMBRI TAL-BANDIERA FIL-KONFRONT TAL-OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

(7)L-Istati Membri responsabbli għall-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandhom jiżguraw li l-osservaturi reġjonali tal-ICCAT:

(a)jingħataw aċċess għall-persunal tal-bastiment, tal-farm tal-ħut u tat-tunnara u għall-irkaptu, għall-gaġeġ u għat-tagħmir;

(b)jingħataw aċċess għat-tagħmir li ġej, fuq talba, jekk ikun hemm dan it-tagħmir fuq il-bastimenti li għalihom ikunu assenjati, sabiex ikunu jistgħu jwettqu b’mod iktar faċli dmirijiethom mogħtija fil-punt 3 ta’ dan l-Anness:

(1)it-tagħmir tan-navigazzjoni bis-satellita,

(2)l-iskrins li juru l-immaġnijiet meħudin mir-radar, meta dawn ikunu qed jintużaw,

(3)il-mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni;

(c)jingħataw akkomodazzjoni, inkluż xi mkien fejn joqogħdu, ikel u faċilitajiet sanitarji xierqa, li jkunu l-istess bħalma jingħataw l-uffiċjali;

(d)jingħataw biżżejjed spazju għax-xoghol klerikali fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier, u biżżejjed spazju fuq il-gverta sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ osservazzjoni tagħhom.

SPEJJEŻ LI ĠEJJIN MILL-PROGRAMM TA’ OSSERVATURI REĠJONALI TAL-ICCAT

(8)L-operaturi tal-farms tal-ħut jew sidien il-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża għandhom iħallsu l-ispejjeż kollha li ġejjin mill-attivitajiet tal-osservaturi reġjonali tal-ICCAT.

ANNESS IX
Skema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta 

Waqt ir-Raba’ Laqgħa Regolari tagħha (li saret f’Madrid f’Novembru tal-1975) u waqt il-Laqgħa Annwali tagħha tal-2008 li saret f’Marrakesh, l-ICCAT qablet dwar dan li ġej:

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Konvenzjoni, l-ICCAT tirrakkomanda li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li ġejjin għall-kontrolli internazzjonali fl-ilmijiet li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali, biex ikun żgurat li l-Konvenzjoni u l-miżuri li huma fis-seħħ abbażi tagħha jiġu applikati:

I. KSUR SERJU

(1)Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, ksur serju jfisser il-ksur li ġej tad-dispożizzjonijiet tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT adottati minn din il-Kummissjoni:

(a)is-sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-PKK tal-bandiera;

(b)in-nuqqas ta’ żamma ta’ biżżejjed rekords tad-data dwar il-qabdiet u tad-data marbuta mal-qabdiet skont ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-ICCAT, jew rappurtar żbaljat sinifikanti tat-tali data dwar il-qabdiet u/jew tat-tali data marbuta mal-qabdiet;

(c)is-sajd f’żona magħluqa għas-sajd;

(d)is-sajd waqt staġun magħluq għas-sajd;

(e)it-teħid jew iż-żamma intenzjonali ta’ speċijiet bi ksur ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli adottata mill-ICCAT;

(f)ksur sinifikanti tal-limiti tal-qbid jew tal-kwoti li jkunu fis-seħħ skont ir-regoli tal-ICCAT;

(g)l-użu ta’ rkaptu pprojbit tas-sajd;

(h)il-falsifikazzjoni jew il-ħabi intenzjonali tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd;

(i)il-ħabi, it-tbagħbis jew it-twarrib tal-provi marbutin mal-investigazzjoni ta’ ksur;

(j)diversi każijiet ta’ ksur li, meta jittieħdu flimkien, jikkostitwixxu nuqqas serju ta’ ħarsien tal-miżuri fis-seħħ skont l-ICCAT;

(k)l-attakk, ir-reżistenza, l-intimidazzjoni, il-fastidju sesswali, l-indħil, jew it-tfixkil jew it-tidwim bla bżonn fil-konfront ta’ spettur jew ta’ osservatur awtorizzat;

(l)it-tbagħbis jew id-diżattivazzjoni intenzjonali tal-VMS;

(m)kull ksur ieħor li jista’ jiġi stabbilit mill-ICCAT, ladarba dak jiġi inkluż u ċċirkolat f’verżjoni riveduta ta’ dawn il-proċeduri;

(n)is-sajd bl-assistenza ta’ ajruplani ta’ lokalizzazzjoni;

(o)l-indħil fis-sistema tal-monitoraġġ bis-satellita u/jew l-użu ta’ bastiment mingħajr VMS;

(p)attività ta’ trasferiment mingħajr dikjarazzjoni tat-trasferiment;

(q)it-trasbord fuq il-baħar.

(2)Fil-każ ta’ kwalunkwe tlugħ abbord bastiment tas-sajd u spezzjoni tiegħu li matulha l-ispettur awtorizzat josserva attività jew kundizzjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur serju, kif iddefinit fil-punt 1, l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastimenti ta’ spezzjoni għandhom jgħarrfu minnufih lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd b’dan, kemm b’mod dirett u kemm permezz tas-Segretarjat tal-ICCAT. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-ispettur għandu jgħarraf ukoll lil kwalunkwe bastiment ta’ spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib.

(3)L-ispettur tal-ICCAT għandu jirreġistra, fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment tas-sajd, l-ispezzjonijiet li jwettaq u kwalunkwe ksur li jidentifika matulhom.

(4)L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li, wara l-ispezzjoni msemmija fil-punt 2, il-bastiment tas-sajd ikkonċernat iwaqqaf kull attività tas-sajd. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jitlob lill-bastiment tas-sajd jipproċedi fi żmien 72 siegħa lejn port magħżul minnu, fejn għandha tinbeda investigazzjoni.

(5)Jekk il-bastiment ma jintalabx jipproċedi lejn il-port, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa għal dan fil-ħin lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha tibgħat dak it-tagħrif lis-Segretarjat tal-ICCAT, li għandu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, jekk dawn jitolbu dan.

II. TWETTIQ TAL-ISPEZZJONIJIET

(6)L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu minn spetturi maħturin mill-Partijiet Kontraenti. L-ismijiet tal-aġenziji tal-gvern awtorizzati u ta’ kull spettur maħtur għal dak il-għan mill-gvernijiet rispettivi tagħhom għandhom jintbagħtu lill-ICCAT.

(7)Il-bastimenti li jwettqu dmirijiet ta’ imbarkazzjoni u ta’ spezzjoni internazzjonali skont dan l-Anness għandhom itajru bandiera jew fjamma speċjali approvata mill-ICCAT u maħruġa mis-Segretarjat tal-ICCAT. L-ismijiet tal-bastimenti li jintużaw b’dan il-mod għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT malli jkun jista’ jsir dan qabel jibdew l-attivitajiet ta’ spezzjoni. Is-Segretarjat tal-ICCAT għandu jqiegħed it-tagħrif dwar il-bastimenti ta’ spezzjoni maħturin għad-dispożizzjoni tal-PKK kollha, fosthom billi jpoġġi dan it-tagħrif fuq is-sit elettroniku tiegħu li huwa protett b’password.

(8)Kull spettur għandu jġorr dokument tal-identità xieraq maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, li għandu jkun fil-forma murija fil-punt 21 ta’ dan l-Anness.

(9)Suġġett għall-arranġamenti miftiehma fil-kuntest tal-punt 16, bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Parti Kontraenti u li jkun qed jistad għat-tonn jew għall-ħut li jixbhu fiż-Żona tal-Konvenzjoni barra l-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali tiegħu għandu jieqaf meta jingħata s-sinjal ix-xieraq tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment li jtajjar il-fjamma tal-ICCAT deskritta fil-punt 7 u li jkollu spettur abbord, sakemm il-bastiment ma jkunx qed iwettaq attivitajiet tas-sajd dak il-ħin stess, f’liema każ għandu jieqaf minnufih hekk kif itemm it-tali attivitajiet. Kif speċifikat fil-punt 10, il-kaptan tal-bastiment għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jitla’ abbord u għandu jipprovdilu sellum biex jitla’ abbord. Il-kaptan għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jagħmel dawk l-eżamijiet tat-tagħmir, tal-qabda jew tal-irkaptu u ta’ kwalunkwe dokument rilevanti li l-ispettur iqis li jkunu meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jkun qed jiġi spezzjonat. Barra minn hekk, l-ispettur jista’ jitlob kwalunkwe spjegazzjoni li huwa jqis li tkun meħtieġa.

(10)L-uffiċjal kmandant tal-bastiment tal-ispezzjoni għandu jiddeċiedi kemm għandu jkun kbir it-tim tal-ispezzjoni filwaqt li jqis iċ-ċirkustanzi rilevanti. It-tim tal-ispezzjoni għandu jkun żgħir kemm jista’ jkun sabiex iwettaq b’sikurezza u sigurtà d-dmirijiet mogħtija f’dan l-Anness.

(11)Meta jitla’ abbord il-bastiment, l-ispettur għandu jipprovdi d-dokument tal-identità deskritt fil-punt 8. L-ispettur għandu jħares ir-regoli, il-proċeduri u l-prattiki internazzjonali aċċettati b’mod ġenerali li għandhom x’jaqsmu mas-sikurezza tal-bastiment li qed jiġi spezzjonat u tal-ekwipaġġ tiegħu, u għandu jnaqqas kemm jista’ jkun l-interferenza fl-attivitajiet tas-sajd jew fl-istivar tal-prodotti u, sa fejn ikun prattikabbli, għandu jevita li jieħu azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-qabda li jkun hemm abbord.

Kull spettur għandu jillimita l-inkjesti tiegħu għall-aċċertazzjoni tal-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat. Huwa u jwettaq l-ispezzjoni, spettur jista’ jistaqsi lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd għal kwalunkwe għajnuna li tista’ tkun meħtieġa. L-ispettur għandu jħejji rapport tal-ispezzjoni f’forma approvata mill-ICCAT. L-ispettur għandu jiffirma r-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment, li għandu jkollu d-dritt iżid mar-rapport kwalunkwe osservazzjoni li jaħseb li hija xierqa, jew li jitlob li din tiżdied mar-rapport, u li għandu jiffirma ħdejn it-tali osservazzjonijiet.

(12)Għandhom jingħataw kopji tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment u lill-gvern tat-tim tal-ispezzjoni, li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi kopji tiegħu lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-ICCAT. Meta jiġi nnutat xi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, l-ispettur għandu jgħarraf b’dan ukoll lil kwalunkwe bastiment ta’ spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib, meta dan ikun possibbli.

(13)L-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat għandu jittratta l-fatt li jkun hemm reżistenza għal spettur jew li ma jkunx hemm konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu bl-istess mod li bih jittratta t-tali aġir meta dan isir fil-konfront ta’ spettur nazzjonali.

(14)L-ispettur għandu jaqdi dmirijietu fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti skont ir-regoli mogħtija f’dan ir-Regolament, iżda għandu jibqa’ taħt il-kontroll operattiv tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu u għandu jkun responsabbli lejhom.

(15)Il-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu r-rapporti ta’ spezzjoni, il-folji tat-tagħrif dwar il-lemħ skont ir-Rakkomandazzjoni 94-09 u d-dikjarazzjonijiet li jkunu ġejjin minn spezzjonijiet tad-dokumenti magħmulin minn spetturi barranin fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti u jaġixxu fuqhom bl-istess mod li bih iqisu r-rapporti tal-ispetturi nazzjonali skont il-leġizlazzjoni nazzjonali tagħhom u li bih jaġixxu fuq dawn ir-rapporti. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt ma għandhom jimponu l-ebda obbligu fuq xi Parti Kontraenti li tagħti lir-rapport ta’ spettur barrani valur ogħla bħala prova milli kien ikollu fil-pajjiż tal-ispettur stess. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw bejniethom biex jiffaċilitaw il-proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti oħrajn li jkun hemm minħabba rapport ta’ spettur li jkun sar fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti.

(16)(a) Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, il-Partijiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lill-ICCAT bil-pjanijiet provviżorji tagħhom għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni implimentata permezz ta’ dan ir-Regolament f’dik is-sena kalendarja u l-ICCAT tista’ tagħmel suġġerimenti lill-Partijiet Kontraenti għall-koordinament tal-attivitajiet nazzjonali f’dan il-qasam, fosthom dwar l-għadd ta’ spetturi u ta’ bastimenti li jkollhom l-ispetturi abbord.

(b) L-arranġamenti mogħtija fir-Rakkomandazzjoni [18-02] tal-ICCAT 2 u l-pjanijiet għall-parteċipazzjoni għandhom japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti, sakemm dawn ma jiftehmux mod ieħor bejniethom, f’liema każ l-ICCAT għandha tiġi mgħarrfa bit-tali ftehim. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-iskema għandha tiġi sospiża bejn żewġ Partijiet Kontraenti sakemm jiġi konkluż ftehim bħal dan, jekk xi waħda minnhom tkun għarrfet lill-ICCAT dwar dan.

(17)(a) L-irkaptu tas-sajd għandu jiġi spezzjonat skont ir-regolamenti li jkunu fis-seħħ għas-subżona li fiha sseħħ l-ispezzjoni. L-ispettur għandu jdaħħal is-subżona li fiha tkun seħħet l-ispezzjoni u deskrizzjoni ta’ kull ksur li jkun sab matul dik l-ispezzjoni fir-rapport tal-ispezzjoni.

(b) L-ispettur għandu jkollu d-dritt jispezzjona l-irkaptu kollu tas-sajd li jkun qed jintuża jew li jkun hemm abbord.

(18)L-ispettur għandu jwaħħal marka tal-identifikazzjoni approvata mill-ICCAT ma’ kwalunkwe rkaptu tas-sajd spezzjonat li jidher li jkun qed jikser ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat u għandu jirreġistra dan il-fatt fir-rapport tal-ispezzjoni.

(19)L-ispettur jista’ jieħu ritratti tal-irkaptu, tat-tagħmir, tad-dokumentazzjoni u ta’ kull element ieħor li huwa jqis li jkun meħtieġ, b’tali mod li jiġu żvelati dawk il-karatteristiċi li, fl-opinjoni tiegħu, mhumiex konformi mar-regolament fis-seħħ, f’liema każ l-oġġetti li jitteħdilhom ritratt għandhom jitniżżlu fir-rapport u kopji tar-ritratti għandhom jinhemżu mal-kopja tar-rapport maħsuba għall-Istat tal-bandiera.

(20)L-ispettur għandu jispezzjona l-qabda kollha abbord, skont il-bżonn, sabiex jistabbilixxi l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT.

(21)Il-mudell tal-Karta tal-Identità tal-ispetturi huwa mogħti hawn taħt:



ANNESS X
Standards minimi għall-proċeduri għar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera 

Attivitajiet ta’ trasferiment

(1)L-apparat elettroniku għall-ħżin li jkun fih ir-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjokamera għandu jingħata lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT malajr kemm jista’ jkun wara li tintemm l-attività tat-trasferiment, u dan għandu jpoġġi l-inizjali tiegħu fuqu minnufih biex jiġi evitat li jkun hemm iktar manipulazzjoni.

(2)Ir-reġistrazzjoni oriġinali għandha tinżamm abbord il-bastiment tal-qbid jew mill-operatur tal-farm tal-ħut jew tat-tunnara, fejn dan ikun xieraq, għall-perjodu kollu tal-awtorizzazzjoni.

(3)Għandhom jiġu prodotti żewġ kopji identiċi tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera. Kopja waħda għandha tintbagħat lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord il-bastiment tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u l-kopja l-oħra għandha tintbagħat, flimkien mad-dikjarazzjoni tat-trasferiment u mal-qabdiet assoċjati li magħhom għandha x’taqsam, lill-osservatur nazzjonali abbord il-bastiment tal-irmunkar. Dik il-proċedura għandha tapplika biss għall-osservaturi nazzjonali fil-każ ta’ trasferimenti bejn il-bastimenti tal-irmunkar.

(4)Fil-bidu ta’ kull vidjow u/jew fi tmiemu, għandu jidher in-numru tal-awtorizzazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

(5)Il-ħin u d-data tal-vidjow għandhom jidhru b’mod kontinwu matul kull reġistrazzjoni bil-vidjokamera.

(6)Qabel ma jibda t-trasferiment, il-vidjow għandu jinkludi l-ftuħ u l-għeluq tax-xibka jew tal-bieb u filmat li juri jekk il-gaġeġ li minnhom ikun se jinħareġ it-tonn u li fihom ikun se jiddaħħal ikunx diġà fihom it-tonn jew le.

(7)Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun kontinwa, mingħajr interruzzjonijiet jew qtugħ, u għandha tkopri l-attività kollha tat-trasferiment.

(8)Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta’ tonn li jkun qed jiġi ttrasferit.

(9)Jekk ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta’ tonn li jkun qed jiġi ttrasferit, l-awtoritajiet ta’ kontroll għandhom jitolbu li jsir trasferiment ġdid. Matul it-trasferiment il-ġdid, it-tonn kollu ta’ ġol-gaġġa li fiha jkun iddaħħal it-tonn għandu jiġi ttrasferit għal ġo gaġġa oħra li trid tkun vojta.

Attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ

(1)L-apparat elettroniku għall-ħżin li jkun fih ir-reġistrazzjoni oriġinali bil-vidjokamera għandu jingħata lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT malajr kemm jista’ jkun wara li tintemm l-attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ, u dan għandu jpoġġi l-inizjali tiegħu fuqu minnufih biex jiġi evitat li jkun hemm iktar manipulazzjoni.

(2)Ir-reġistrazzjoni oriġinali għandha tinżamm mill-farm tal-ħut, fejn dan ikun applikabbli, għall-perjodu kollu tal-awtorizzazzjoni.

(3)Għandhom jiġu prodotti żewġ kopji identiċi tar-reġistrazzjoni bil-vidjokamera. Kopja waħda għandha tintbagħat lill-osservatur reġjonali tal-ICCAT li jkun hemm fil-farm tal-ħut.

(4)Fil-bidu ta’ kull vidjow u/jew fi tmiemu, għandu jidher in-numru tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fil-gaġeġ tal-ICCAT.

(5)Il-ħin u d-data tal-vidjow għandhom jidhru b’mod kontinwu matul kull reġistrazzjoni bil-vidjokamera.

(6)Qabel ma jibda t-tqegħid fil-gaġeġ, il-vidjow għandu jinkludi l-ftuħ u l-għeluq tax-xibka jew tal-bieb u għandu juri jekk il-gaġeġ li minnhom ikun se jinħareġ it-tonn u li fihom ikun se jiddaħħal ikunx diġà fihom it-tonn jew le.

(7)Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun kontinwa, mingħajr interruzzjonijiet jew qtugħ, u għandha tkopri l-attività kollha tat-tqegħid fil-gaġeġ.

(8)Ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera għandha tkun ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta’ tonn li jkun qed jiġi ttrasferit.

(9)Jekk ir-reġistrazzjoni bil-vidjokamera ma tkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat l-għadd ta’ tonn li jkun qed jiġi ttrasferit, l-awtoritajiet ta’ kontroll għandhom jitolbu li ssir attività ġdida ta’ tqegħid fil-gaġeġ. Matul l-attività l-ġdida ta’ tqegħid fil-gaġeġ, it-tonn kollu ta’ ġol-gaġġa tal-farm tal-ħut li fiha jkun iddaħħal it-tonn għandu jiġi ttrasferit għal ġo gaġġa oħra tal-farm tal-ħut li trid tkun vojta.

ANNESS XI
Standards u proċeduri għas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ 

A. Użu tas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi

L-użu tas-sistemi tal-kameras sterjoskopiċi fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ, kif mitlub mill-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament, għandu jsir skont dan li ġej:

(1)Għall-kampjuni tal-ħut ħaj, ma għandux jittieħed perċentwal ta’ inqas minn 20 % tal-ammont ta’ ħut li jkun qed jitqiegħed fil-gaġeġ. Meta dan ikun teknikament possibbli, il-kampjuni tal-ħut ħaj għandhom jittieħdu f’sekwenza, jiġifieri trid titkejjel ħuta waħda minn kull ħamsa; il-ħut meqjus fit-tali kampjuni għandu jitkejjel f’distanza ta’ bejn żewġ u tmien metri ’l bogħod mill-kamera.

(2)Il-bieb ta’ trasferiment li jgħaqqad il-gaġġa li minnha jkun se jinħareġ il-ħut mal-gaġġa li fiha jkun se jiddaħħal ma għandux ikun wiesa’ iktar minn 10 metri u għoli iktar minn 10 metri.

(3)Meta jkun hemm distribuzzjoni multimodali tal-kejl tat-tul tal-ħut (jiġifieri jkun hemm żewġ koorti jew iktar ta’ daqsijiet differenti), wieħed għandu jkun jista’ juża iktar minn algoritmu ta’ konverżjoni wieħed għall-istess attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ; għandhom jintużaw l-iktar algoritmi reċenti stabbiliti mill-SCRS biex it-tulijiet sal-qasma tad-denb jinqalbu f’piżijiet totali skont il-kategorija tad-daqs tal-ħut imkejjel matul l-attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ.

(4)Il-kejl sterjoskopiku tat-tul għandu jiġi vvalidat qabel kull attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ billi tintuża skala grafika f’distanza ta’ bejn żewġ u tmien metri.

(5)Meta jintbagħtu r-riżultati tal-programm sterjoskopiku, għandu jintbagħat ukoll tagħrif dwar il-marġni ta’ żball inerenti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema ta’ kameras sterjoskopiċi, li ma għandux jaqbeż firxa ta’ +/- 5 %.

(6)Ir-rapport dwar ir-riżultati tal-programm sterjoskopiku għandu jinkludi dettalji dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha msemmijin hawn fuq, fosthom l-intensità tat-teħid tal-kampjuni, il-metodu tat-teħid tal-kampjuni, id-distanza mill-kamera, id-daqs tal-bieb ta’ trasferiment u l-algoritmi (ir-relazzjoni bejn it-tul u l-piż). L-SCRS għandu jeżamina mill-ġdid dawk l-ispeċifikazzjonijiet u għandu jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex dawn jinbidlu, jekk ikun hemm bżonn.

(7)F’każijiet fejn il-filmat meħud bil-kamera sterjoskopika ma jkunx ta’ kwalità tajba biżżejjed biex jiġi stmat il-piż tat-tonn li jkun qed jitqiegħed fil-gaġeġ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-qbid, għall-farm tal-ħut jew għat-tunnara għandhom jordnaw li ssir attività ġdida ta’ tqegħid fil-gaġeġ.

B. Preżentazzjoni tar-riżultati tal-programmi u l-użu tagħhom

(1)Id-deċiżjonijiet dwar id-differenzi li jkun hemm bejn ir-rapport tal-qabdiet u r-riżultati li joħorġu mill-programm tas-sistema sterjoskopika għandhom jittieħdu fil-livell tal-qabdiet tal-attività konġunta tas-sajd jew tal-qabdiet totali fit-tunnara fil-każ tal-qabdiet tal-attivitajiet konġunti tas-sajd u tal-qabdiet fit-tunnari li jkunu maħsubin biex jintbagħtu f’faċilità ta’ farm tal-ħut li jkunu jinvolvu PKK waħda u/jew Stat Membru wieħed. Id-deċiżjoni dwar id-differenzi li jkun hemm bejn ir-rapport tal-qabdiet u r-riżultati li joħorġu mill-programm tas-sistema sterjoskopika għandha tittieħed fil-livell tal-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ fil-każ tal-attivitajiet konġunti tas-sajd li jkunu jinvolvu iktar minn PKK waħda u/jew Stat Membru wieħed, sakemm l-awtoritajiet tal-PKK u/jew tal-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti tal-qbid involuti fl-attività konġunta tas-sajd ma jiftehmux kollha mod ieħor bejniethom.

(2)L-Istat Membru responsabbli għall-farm tal-ħut għandu jibgħat rapport lill-Istat Membru jew lill-PKK li jkunu responsabbli għall-bastiment tal-qbid jew għat-tunnara u lill-Kummissjoni, li għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

(a)rapport tekniku dwar is-sistema sterjoskopika, li għandu jinkludi:

–it-tagħrif ġenerali li ġej: l-ispeċi, il-post, il-gaġġa, id-data u l-algoritmu;

–it-tagħrif statistiku dwar id-daqs li ġej: il-piż u t-tul medju, minimu u massimu, l-għadd ta’ ħut li tqies fil-kampjun u d-distribuzzjoni tal-piż u tad-daqs;

(b)ir-riżultati ddettaljati tal-programm u d-daqs u l-piż ta’ kull ħuta li tqieset fil-kampjun;

(c)rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, li għandu jinkludi:

–it-tagħrif ġenerali dwar l-attività li ġej: in-numru tal-attività ta’ tqegħid fil-gaġeġ, isem il-farm tal-ħut, in-numru tal-gaġġa, in-numru tal-BCD, in-numru tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT, isem il-bastiment tal-qbid jew it-tunnara u l-bandiera tiegħu jew tagħha, isem il-bastiment tal-irmunkar u l-bandiera tiegħu, id-data tal-attività tas-sistema sterjoskopika u isem il-fajl tal-filmat;

–l-algoritmu li ntuża biex it-tul jinqaleb f’piż;

–tqabbil bejn l-ammonti ddikjarati fil-BCD u l-ammonti li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika għall-għadd ta’ ħut, il-piż medju u l-piż totali (il-formola li għandha tintuża biex wieħed jikkalkula din id-differenza hija din li ġejja: (l-ammonti li ħarġu mis-sistema sterjoskopika - l-ammonti ddikjarati fil-BCD)/l-ammonti li ħarġu mis-sistema sterjoskopika * 100);

–il-marġni ta’ żball tas-sistema;

–fil-każ tar-rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet konġunti tas-sajd jew mat-tunnari, l-aħħar rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ għandu jinkludi wkoll sommarju tat-tagħrif kollu mogħti fir-rapporti dwar it-tqegħid fil-gaġeġ ta’ qabel.

(3)Meta jirċievu r-rapport dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-bastiment tal-qbid jew tat-tunnara għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skont is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun fil-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–ma għandha tinħareġ l-ebda ordni ta’ rilaxx;

–fil-BCD għandu jinbidel l-għadd ta’ ħut (billi jintuża l-għadd ta’ ħut li jkun ħareġ mill-użu tal-kameras ta’ kontroll jew ta’ tekniki alternattivi) u l-piż medju, iżda l-piż totali ma għandux jinbidel;

(b)meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun inqas miċ-ċifra l-aktar baxxa tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–għandha tinħareġ ordni ta’ rilaxx, li fiha għandha tintuża ċ-ċifra l-aktar baxxa tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika;

–l-attivitajiet tar-rilaxx għandhom jitwettqu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(2) u fl-Anness XII;

–wara li jkunu twettqu l-attivitajiet tar-rilaxx, fil-BCD għandu jinbidel l-għadd ta’ ħut (billi jintuża l-għadd ta’ ħut li jkun ħareġ mill-użu tal-kameras ta’ kontroll, li minnu jitnaqqas l-għadd ta’ ħut mitluq il-baħar) u l-piż medju, iżda l-piż totali ma għandux jinbidel;

(c)meta l-piż totali ddikjarat mill-bastiment tal-qbid jew mit-tunnara fil-BCD ikun jaqbeż l-ogħla ċifra tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika:

–ma għandha tinħareġ l-ebda ordni ta’ rilaxx;

–fil-BCD għandu jinbidel il-piż totali (billi tintuża l-ogħla ċifra tal-medda tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika), l-għadd ta’ ħut (billi jintużaw ir-riżultati tal-kameras ta’ kontroll) u l-piż medju, kif xieraq.

(4)Fil-każ ta’ kwalunkwe bidla rilevanti fil-BCD, iċ-ċifri (għall-għadd u għall-piż) imniżżlin fit-Taqsima 2 għandhom ikunu l-istess bħal dawk imniżżlin fit-Taqsima 6, u ċ-ċifri mniżżlin fit-Taqsimiet 3, 4 u 6 ma għandhomx ikunu ogħla minn dawk imniżżlin fit-Taqsima 2.

(5)F’każ ta’ kumpens tad-differenzi li nstabu fir-rapporti individwali dwar it-tqegħid fil-gaġeġ fl-attivitajiet kollha ta’ tqegħid fil-gaġeġ ta’ attività konġunta tas-sajd jew ta’ tunnara, kemm jekk ikun hemm bżonn issir attività ta’ rilaxx u kemm jekk le, il-BCDs rilevanti kollha għandhom jinbidlu abbażi tal-iktar medda baxxa tar-riżultati li jkunu ħarġu mis-sistema sterjoskopika. Il-BCDs marbutin mal-kwantitajiet ta’ tonn mitluq il-baħar ukoll għandhom jinbidlu biex ikunu jirriflettu l-piż jew l-għadd ta’ tonn mitluq il-baħar. Il-BCDs marbutin mal-kwantitajiet ta’ tonn li ma jkunx intelaq il-baħar iżda li r-riżultati dwaru li jkunu ħarġu mis-sistemi sterjoskopiċi jew mill-użu ta’ tekniki alternattivi jkunu jvarjaw mill-kwantitajiet tiegħu ddikjarati bħala maqbudin u ttrasferiti wkoll għandhom jiġu emendati biex ikunu jirriflettu dawk id-differenzi.

Il-BCDs marbutin mal-qabdiet li minnhom ikun intelaq it-tonn il-baħar ukoll għandhom jinbidlu biex ikunu jirriflettu l-piż jew l-għadd ta’ tonn mitluq il-baħar.

ANNESS XII
Protokoll tar-rilaxx 

(1)Ir-rilaxx tat-tonn minn ġol-gaġeġ tat-trobbija tal-ħut għal ġol-baħar għandu jiġi rreġistrat b’vidjokamera u jiġi osservat minn osservatur reġjonali tal-ICCAT li għandu jħejji rapport u jibagħtu, flimkien mar-reġistrazzjonijiet bil-vidjokamera, lis-Segretarjat tal-ICCAT.

(2)Meta tkun inħarġet ordni tar-rilaxx, l-operatur tal-farm tal-ħut għandu jitlob li jiġi assenjat osservatur reġjonali tal-ICCAT għal dak il-farm tal-ħut.

(3)Ir-rilaxx tat-tonn minn ġol-gaġeġ tat-trasport jew minn ġot-tunnari għal ġol-baħar għandu jiġi osservat minn osservatur nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli għall-bastiment tal-irmunkar jew għat-tunnara, li għandu jħejji rapport u jibagħtu lill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat Membru responsabbli.

(4)Qabel ma sseħħ attività ta’ rilaxx, l-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istati Membri jistgħu jordnaw li jsir trasferiment ta’ kontroll bl-użu ta’ kameras standard u/jew sterjoskopiċi biex jiġu stmati l-għadd ta’ ħut li jrid jintelaq il-baħar u l-piż tiegħu.

(5)L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jimplimentaw kull miżura oħra li huma jqisu li hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-attivitajiet ta’ rilaxx jitwettqu fiż-żmien u fil-post l-aktar xierqa biex tiżdied il-probabbiltà li l-ħut wara jmur lura fil-ġliba. L-operatur għandu jkun responsabbli għas-sopravivenza tal-ħut sakemm dan jintelaq il-baħar. Dawk l-attivitajiet ta’ rilaxx għandhom iseħħu fi żmien tliet ġimgħat minn meta jitlestew l-attivitajiet ta’ tqegħid fil-gaġeġ.

(6)Wara li jitlestew l-attivitajiet tal-qtil, il-ħut li jkun għad baqa’ fil-farm tal-ħut li ma jkunx kopert mill-BCD għandu jintelaq il-baħar skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 40(2) u f’dan l-Anness.

ANNESS XIII
Trattament tal-ħut mejjet 

Matul l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża, il-kwantitajiet ta’ ħut li jinstab mejjet fit-tartarun għandhom jitniżżlu fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment tas-sajd u għandhom jitnaqqsu mill-kwota tal-Istat Membru kif xieraq.

Reġistrazzjoni jew trattament tal-ħut mejjet waqt l-ewwel trasferiment:

(1)Il-BCD għandu jingħata lill-operatur tal-bastiment tal-irmunkar bit-Taqsimiet 2, 3 u 4 (intitolati “Il-qabda totali”, “Il-kummerċ tal-ħut ħaj” u “It-trasferiment, inkluż il-ħut ʻmejjet’” rispettivament) mimlijin.

Il-kwantitajiet totali mniżżlin fit-Taqsimiet 3 u 4 għandhom ikunu daqs il-kwantitajiet imniżżlin fit-Taqsima 2. Mal-BCD għandu jkun hemm id-dikjarazzjoni oriġinali tat-trasferiment tal-ICCAT f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kwantitajiet imniżżlin fid-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT (ta’ ħut ittrasferit ħaj) għandhom ikunu daqs il-kwantitajiet imniżżlin fit-Taqsima 3 tal-BCD marbut magħha.

(2)Il-parti tal-BCD li tkun tinkludi t-Taqsima 8 (intitolata “Tagħrif dwar il-kummerċ”) għandha timtela u tingħata lill-operatur tal-bastiment awżiljarju li jkun qed iġorr it-tonn mejjet lejn l-art (jew inkella din għandha tinżamm abbord il-bastiment tal-qbid jekk dan it-tonn jinħatt direttament l-art). Ma’ dik il-parti tal-BCD u ma’ dak il-ħut mejjet għandu jkun hemm kopja tad-dikjarazzjoni tat-trasferiment tal-ICCAT.

(3)Il-kwantitajiet ta’ ħut mejjet għandhom jitniżżlu fil-BCD tal-bastiment tal-qbid li jkun qabadhom jew, fil-każ tal-attivitajiet konġunti tas-sajd, fil-BCD tal-bastimenti tal-qbid jew ta’ bastiment li jtajjar bandiera oħra li jkun qed jieħu sehem fl-attività konġunta tas-sajd.



ANNESS XIV
Dikjarazzjoni tal-ICCAT dwar it-tqegħid fil-gaġeġ 3

ANNESS XV
Standards minimi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT 4

(1)Minkejja rekwiżiti iktar stretti li jaf ikunu japplikaw għal tipi speċifiċi ta’ sajd tal-ICCAT, kull Stat Membru tal-bandiera għandu jimplimenta sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “VMS”) għall-bastimenti tas-sajd tiegħu li b’kollox ikunu twal iktar minn 15-il metru li jkunu awtorizzati jistadu f’ilmijiet lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tiegħu u:

(a)għandu jitlobhom ikunu mgħammrin b’sistema awtonoma li tkun kapaċi turi kull tbagħbis u li tibgħat messaġġi b’mod awtomatiku u kontinwu u mingħajr ebda intervent min-naħa tal-bastiment liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “iċ-ĊMS”) tal-Istat Membru tal-bandiera biex dan ikun jista’ jimmonitorja l-pożizzjoni, ir-rotta u l-veloċità tagħhom;

(b)għandu jiżgura li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord il-bastiment tas-sajd jiġbor id-data li ġejja u jittrażmettiha b’mod kontinwu liċ-ĊMS tal-Istat Membru tal-bandiera:

–l-identifikazzjoni tal-bastiment;

–il-pożizzjoni ġeografika tal-bastiment (il-lonġitudni u l-latitudni), b’marġni ta’ żball ta’ inqas minn 500 metru u b’intervall ta’ kunfidenza ta’ 99 %; u

–id-data u l-ħin;

(c)għandu jiżgura li ċ-ĊMS tal-Istat Membru tal-bandiera jiġi mgħarraf b’mod awtomatiku f’każ li tiġi interrotta l-komunikazzjoni bejnu u bejn l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

(d)b’kooperazzjoni mal-Istat kostali, għandu jiżgura li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni li l-bastimenti tiegħu jittrażmettu meta jkunu qed jistadu fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dak l-Istat kostali jiġu trażmessi b’mod awtomatiku u f’ħin reali wkoll liċ-ĊMS tal-Istat kostali li jkun awtorizza dik l-attività. Hija u tiġi implimentata din id-dispożizzjoni, għandu jitqies kif xieraq il-fatt li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż operattivi, id-diffikultajiet tekniċi u l-piż amministrattiv marbutin mat-trażmissjoni ta’ dawn il-messaġġi;

(e)sabiex jiġu ffaċilitati t-trażmissjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni, kif deskritt fis-sottoparagrafu 1(d), iċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera u ċ-ĊMS tal-Istat kostali għandhom jiskambjaw id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom bejniethom u għandhom jgħarrfu lil xulxin minnufih b’kull bidla f’dawn id-dettalji. Iċ-ĊMS tal-Istat kostali għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera b’kull interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi konsekuttivi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu trażmessi bejn iċ-ĊMS tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera u ċ-ĊMS tal-Istat kostali b’mod elettroniku bl-użu ta’ sistema sigura tal-komunikazzjoni.

(2)Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri x-xierqa biex jiżgura li l-messaġġi tal-VMS jintbagħtu u jaslu kif speċifikat fil-paragrafu 1 u għandu juża din l-informazzjoni biex jimmonitorja b’mod kontinwu l-pożizzjoni tal-bastimenti tiegħu.

(3)Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jiżguraw li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun qed jaħdem b’mod kontinwu l-ħin kollu u li l-informazzjoni identifikata fil-paragrafu 1(b) tinġabar u tiġi trażmessa tal-inqas darba fis-siegħa għall-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni tal-borża u tal-inqas darba kull sagħtejn għall-bastimenti l-oħrajn kollha. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi tal-bastimenti tagħhom jiżguraw:

(a)li ma jkun hemm l-ebda tbagħbis fl-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita;

(b)li d-data tal-VMS ma tinbidel bl-ebda mod;

(c)li l-antenni li jkunu mqabbdin mal-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma jkunu mfixkla bl-ebda mod;

(d)li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun integrat fil-bastiment tas-sajd u li l-provvista tal-enerġija ma tkun interrotta b’mod intenzjonali bl-ebda mod; u

(e)li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita ma jitneħħiex minn fuq il-bastiment ħlief biex jissewwa jew biex jinbidel.

(4)F’każ ta’ ħsara teknika fl-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord bastiment tas-sajd jew f’każ li dan ma jkunx qed jaħdem, dan għandu jissewwa jew jinbidel fi żmien xahar minn meta sseħħ il-ħsara jew minn meta ma jibqax jaħdem, sakemm il-bastiment ma jkunx tneħħa mil-lista tal-bastimenti l-kbar tas-sajd awtorizzati, meta dan ikun applikabbli, jew, għall-bastimenti li ma għandhomx bżonn jitniżżlu fil-lista tal-ICCAT tal-bastimenti awtorizzati, ma jkunx għadha tapplika l-awtorizzazzjoni tas-sajd f’żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni tal-PKK tal-bandiera. Il-bastiment ma għandux ikun awtorizzat jibda vjaġġ tas-sajd b’apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita li jkun difettuż. Barra minn hekk, meta apparat jieqaf jaħdem jew ikollu ħsara teknika waqt vjaġġ tas-sajd, dan għandu jissewwa jew jinbidel malli l-bastiment jidħol fil-port; il-bastiment tas-sajd ma għandux ikun awtorizzat jibda vjaġġ tas-sajd qabel ma l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jkun issewwa jew ikun inbidel.

(5)L-Istati Membri jew il-PKK kollha għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd b’apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita li jkun difettuż għandhom jibagħtu rapporti bl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) tal-inqas darba kuljum liċ-ĊMS b’mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni (permezz tar-radju, tar-rappurtar abbażi tal-internet, tal-posta elettronika, tal-faks jew tat-teleks).

(6)L-Istati Membri jew il-PKK jistgħu jħallu lil bastiment jitfi l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita tiegħu biss jekk dan ma jkunx se jintuża għas-sajd għal żmien twil (pereżempju meta jkun qed jissewwa f’baċir imbattal mill-ilma) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-PKK tal-bandiera tiegħu jkunu ġew avżati minn qabel b’dan. L-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita jrid jerġa’ jitqabbad u jiġbor u jittrażmetti tal-inqas rapport wieħed qabel ma l-bastiment iħalli l-port.

ANNESS XVI
Correlation table between Regulation (EU) No 2016/1627 and this Regulation

Ir-Regolament (UE) 2016/1627

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 1

L-Artikolu 3

L-Artikolu 5

L-Artikolu 4

-

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 6

L-Artikolu 10

L-Artikolu 7

L-Artikolu 11

L-Artikolu 8

L-Artikolu 12

L-Artikolu 9

L-Artikolu 13

L-Artikolu 10

L-Artikolu 15

L-Artikolu 11

L-Artikolu 16 u l-Anness I

L-Artikolu 12

L-Artikolu 16 u l-Anness I

L-Artikolu 13

L-Artikolu 17

L-Artikolu 14

L-Artikolu 18

L-Artikolu 15

L-Artikolu 19

L-Artikolu 16

L-Artikolu 20

L-Artikolu 17

L-Artikolu 24

L-Artikolu 18

L-Artikolu 21

L-Artikolu 19

L-Artikolu 22

L-Artikolu 20

L-Artikolu 25

L-Artikolu 21

L-Artikolu 4

L-Artikolu 22

L-Artikolu 26

L-Artikolu 23

L-Artikolu 27

L-Artikolu 24

L-Artikolu 29

L-Artikolu 25

L-Artikolu 30

L-Artikolu 26

L-Artikolu 31

L-Artikolu 27

L-Artikolu 35

L-Artikolu 28

L-Artikolu 36

L-Artikolu 29

L-Artikolu 28

L-Artikolu 30

L-Artikolu 32

L-Artikolu 31

L-Artikolu 33

L-Artikolu 32

L-Artikolu 34

L-Artikolu 33

L-Artikolu 39

L-Artikolu 34

L-Artikolu 40

L-Artikolu 35

L-Artikolu 42

L-Artikolu 36

L-Artikolu 43

L-Artikolu 37

L-Artikolu 50

L-Artikolu 38

L-Artikolu 41

L-Artikolu 39

L-Artikolu 44

L-Artikolu 40

L-Artikolu 45

L-Artikolu 41

L-Artikolu 45

L-Artikolu 42

L-Artikolu 46

L-Artikolu 43

L-Artikolu 47

L-Artikolu 44

L-Artikolu 48

L-Artikolu 45

L-Artikolu 49

L-Artikolu 46

L-Artikolu 50

L-Artikolu 47

L-Artikolu 54

L-Artikolu 48

L-Artikolu 55

L-Artikolu 49

L-Artikolu 56

L-Artikolu 50

L-Artikolu 37

L-Artikolu 51

L-Artikolu 38

L-Artikolu 52

L-Artikolu 57

L-Artikolu 53

L-Artikolu 14

L-Artikolu 54

L-Artikolu 58

L-Artikolu 55

L-Artikolu 59

L-Artikolu 56

L-Artikolu 61

L-Artikolu 57

L-Artikolu 62

L-Artikolu 58

L-Artikolu 63

L-Artikolu 59

L-Artikolu 67

L-Artikolu 60

L-Artikolu 69

L-Artikolu 61

L-Artikolu 70

L-Anness I

L-Anness I

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III

L-Anness V

L-Anness IV

L-Anness VI

L-Anness V

L-Anness III

L-Anness VI

L-Anness IV

L-Anness VII

L-Anness VIII

L-Anness VIII

L-Anness IX

L-Anness IX

L-Anness X

L-Anness X

L-Anness XI

L-Anness XI

L-Anness XII

L-Anness XII

L-Anness XIII

(1)    Dan jinsab fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011.
(2)     https://www.iccat.int/Documents/Recs/compendiopdf-e/2018-02-e.pdf .
(3)    Din hija d-dikjarazzjoni dwar it-tqegħid fil-gaġeġ stabbilita fir-Rakkomandazzjoni 06-07 tal-ICCAT.
(4)    Dawn jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 18-10 tal-ICCAT dwar l-istandards minimi għas-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT.