SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

26 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Settur tal-kostruzzjoni – Kollokament tal-ħaddiema – Vantaġġi fiskali u soċjali mogħtija lill-impjegati u lill-impriżi ta’ kostruzzjoni – Eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul – Eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard – Tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi biss għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mwettqa fit-territorju nazzjonali – Leġiżlazzjoni intiża li żżomm il-ħaddiema fit-territorju nazzjonali u li jiġi evitat ix-xogħol mhux iddikjarat għal raġunijiet ta’ salarju – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Protezzjoni soċjali tal-ħaddiema – Ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑387/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit‑Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Satu Mare, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Nord Vest Pro Sani Pro SRL

vs

Administranotariia Judeźeană a FinanDaniels elor Publice Satu Mare,

Direcția Regională a Finanțelor Publice Cluj-Napoca,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb (Relatur), A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Rumen, minn M. Chicu, E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Isacu de Groot u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 26 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Nord Vest Pro Sani Pro SRL (iktar ’il quddiem “Nord Vest Pro”) u l-Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Satu Mare (l-Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Satu Mare, ir-Rumanija) u d-Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet fiskali”) dwar ir-rifjut ta’ dawn l-awtoritajiet li jirrikonoxxu lill-impjegati tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri oħra l-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali u soċjali li għandhom l-impjegati ta’ dan l-istess settur li joperaw fit-territorju Rumen.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2006/123

3

Skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123, din id-direttiva ma tapplikax fil-qasam fiskali.

4

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li r-riċevitur ma jiġix soġġett għal rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità tiegħu jew il-post ta’ residenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-aċċess għal servizz, li jsiru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali mill-fornitur, ma jkunx fihom dispożizzjonijiet diskriminatorji relatati man-nazzjonalità jew post tar-residenza tar-riċevitur, imma mingħajr ma jimpedixxu l-possibbiltà li jkun hemm differenzi fil-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess fejn dawk id-differenzi huma ġustifikati direttament bi kriterji oġġettivi.”

Id‑Direttiva 96/71/KE

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431, rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66), intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi transnazzjonali, jistazzjonaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[…]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)

jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonament u l-ħaddiem fil-perjodu tal-istazzjonament

[…]”

Ir‑Regolament Nru 883/2004

6

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru f’isem min iħaddem, li normalment twettaq l-attivitajiet tagħha hemmhekk, u li tintbagħat minn dak li jħaddem fi Stat Membru ieħor biex taħdem f’isem minn iħaddem, għandha tibqa’ soġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, sakemm ix-xogħol mhux maħsub li jdum aktar minn 24 xahar u sakemm din il-persuna ma ntbagħtitx biex tieħu post persuna stazzjonata oħra.”

Id‑dritt Rumen

Il‑Kodiċi tat‑Taxxa

7

Il-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat‑8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688 tal‑10 ta’ Settembru 2015), kif emendata u kkompletata sussegwentement (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), tipprevedi, fl-Artikolu 60 tagħha:

“Il-persuni taxxabbli li ġejjin huma eżentati mit-taxxa fuq id-dħul:

[…]

5.   il-persuni fiżiċi għad-dħul minn persuni impjegati u d-dħul simili msemmi fl-Artikolu 76(1) sa (3), għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2019 inkluż sal‑31 ta’ Diċembru 2028, fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti b’mod kumulattiv:

a)

Fis-settur tal-kostruzzjoni, fost oħrajn, il-persuni li jimpjegaw […]

[…]

b)

għal attivitajiet imsemmija fil-punt (a) u għal attivitajiet oħra speċifiċi għall-kostruzzjoni, il-persuna li timpjega għandha jkollha dħul mill-bejgħ ta’ mill-inqas 80 % tad-dħul mill-bejgħ totali. […]

c)

id-dħul gross fix-xahar li ġej mill-imsemmi dħul mis-salarju fl-Artikolu 76(1) sa (3) u mid-dħul assimilat tal-persuni fiżiċi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni huwa kkalkolat abbażi ta’ salarju jew salarju gross li jikkorrispondi għal tmien sigħat ta’ xogħol għal kull jum ta’ mill-inqas 3000 [lei Rumen (RON) (madwar EUR 6100)] fix-xahar. L-eżenzjoni tapplika għal dħul gross fix-xahar sa RON 30000, li jirriżulta mid-dħul mis-salarju msemmi fl-Artikolu 76(1) sa (3) kif ukoll dħul ta’ persuni fiżiċi ttrattati bħala tali. Ma għandu jingħata l-ebda tnaqqis fiskali għall-parti tad-dħul gross fix-xahar li taqbeż RON 30000;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi tat-Taxxa:

“(1)   Il-benefiċjarji tad-dħul mis-salarju huma responsabbli għall-ħlas tat-taxxa mensili, definittiva, li tiġi kkalkolata u miżmuma f’ras l-għajn minn min iħallas dan id-dħul.

(2)   It-taxxa fix-xahar prevista fil-paragrafu 1 għandha tiġi ddeterminata kif ġej:

a)

fil-post tal-impjieg, bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % għall-bażi ta’ kalkolu li tikkorrispondi għad-differenza bejn id-dħul mis-salarju, ikkalkolat billi jitnaqqsu mid-dħul gross il-kontribuzzjonijiet soċjali obbligatorji għal xahar, dovuti skont il-liġi Rumena jew l-istrumenti legali internazzjonali li tagħhom ir-Rumanija hija parti, kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kontribuzzjoni individwali għall-baġit tal-Istat dovuta konformement mal-liġi, u l-elementi li ġejjin:

(i)

it-tnaqqis personali mogħti għax-xahar inkwistjoni;

(ii)

il-kontribuzzjoni sindakali mħallsa matul ix-xahar inkwistjoni, skont il-liġi;

(iii)

il-kontribuzzjonijiet għall-fondi ta’ tfaddil għall-irtirar […];

(iv)

il-primjums ta’ assigurazzjoni għall-mard komplementari, kif ukoll is-servizzi mediċi pprovduti fil-forma ta’ abbonamenti, li l-ispiża tagħhom hija sostnuta mill-impjegati […]

[…]”

9

Skont l-Artikolu 80(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-persuni li jħallsu salarji u dħul simili huma obbligati li jikkalkolaw u li jżommu t-taxxa fuq id-dħul għal kull xahar fid-data tal-ħlas ta’ dan id-dħul u li jħallsuha lill-baġit tal-Istat sa mhux iktar tard mill‑25 inkluż tax-xahar ta’ wara dak li għalih jitħallas dan id-dħul.”

10

Konformement mal-Artikolu 138(a) tal-imsemmi kodiċi:

“Ir-rati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huma s-segwenti:

25 % għall-persuni fiżiċi li għandhom l-istatus ta’ impjegati jew li huma responsabbli għall-ħlas tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali skont din il-liġi”.

11

L-Artikolu 1381 tal-istess kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2019 u l‑31 ta’ Diċembru 2028 inkluż, għall-persuni fiżiċi li jirċievu dħul mis-salarju u dħul simili li joriġina minn kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ persuni li jimpjegaw li jeżerċitaw attivitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 60, ir-rata ta’ kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali prevista fl-Artikolu 138(a) għandha titnaqqas b’ 3.75 punti perċentwali.”

12

L-Artikolu 139 tal-Kodiċi tat-Taxxa kien jipprevedi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Għall-persuni fiżiċi li jirċievu dħul mis-salarju jew dħul simili, il-bażi ta’ kalkolu ta’ kull xahar tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali hija d-dħul gross tas-salarji u tad-dħul simili, irċevut fit-territorju nazzjonali u barra mill-pajjiż, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-ftehimiet li jirrigwardaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali li tagħhom ir-Rumanija hija parti, u tinkludi:

a)

id-dħul mis-salarji, fi flus u/jew in natura, miksub fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, minn relazzjoni ta’ xogħol jew minn status speċjali previst mil-liġi. […]”

13

Skont l-Artikolu 146(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom il-kwalità ta’ persuna li timpjega jew simili huma obbligati jikkalkolaw u li jżommu f’ras il-għajn il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti mill-persuni fiżiċi li jirċievu dħul mis-salarju jew dħul simili. L-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 136(d) sa (f), kif ukoll il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma persuni li jimpjegaw, jew persuni simili, għandhom jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li huma responsabbli għall-ħlas tagħhom skont il-liġi, skont il-każ.”

14

Skont l-Artikolu 154(1)(r) tal-imsemmi kodiċi:

“Il-kategoriji li ġejjin ta’ persuni fiżiċi huma eżentati mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard:

[…]

r)

il-persuni fiżiċi għad-dħul mis-salarju u mid-dħul simili, abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ persuni li jimpjegaw li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 60, matul il-perijodu [minn] l‑1 ta’ Jannar 2019 sal‑31 ta’ Diċembru 2028 inklużi.”

15

Konformement mal-Artikolu 156 tal-istess kodiċi:

“Ir-rata ta’ kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni għall-mard li huma responsabbli għall-ħlas tagħha l-persuni fiżiċi li għandhom il-kwalità ta’ impjegat jew li għandhom l-obbligu li jħallsu kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard skont din il-liġi hija stabbilita għal 10 %.”

16

L-Artikolu 168 tal-Kodiċi tat-Taxxa jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li għandhom il-kwalità ta’ persuna li timpjega jew simili huma obbligati jikkalkolaw u li jżommu f’ras il-għajn il-kontribuzzjoni għall-assigurazzjoni għall-mard dovuta mill-persuni fiżiċi li jirċievu dħul mis-salarju jew dħul simili.”

Id‑Digriet Nru 611/2019 u d‑Digriet Nru 2165/2019

17

L-Ordinul nr. 611/138/127/2019 pentru aprobarea modelului, conținutului, modalității de depunere și de gestionare a “Declarației privind obligațiile de plată a contribuțiilor sociale, impozitului pe Venit și evidența nominală a persoanelor asigurate” (id-Digriet Nru 611/138/127/2019 li Japprova l-Mudell, il-Kontenut, il-Modalitajiet ta’ Preżentazzjoni u ta’ Ġestjoni tad-“Dikjarazzjoni dwar l-Obbligi ta’ Ħlas tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, tat-Taxxa fuq id-Dħul u dwar ir-Reġistru Nominali tal-Persuni Assigurati”), tal‑31 ta’ Jannar u tal‑1 ta’ Frar 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 123 tal‑15 ta’ Frar 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 611/2019”), u l-Ordinul nr. 2165/837/743/2019 pentru aprobarea modelului, conținutului, modalității de depunere și de gestionare a formularului 112 “Declarație privind obligațiile de plată a contribuțiilor sociale, impozitului pe Venit și evidența nominală a persoanelor asigurate” (id-Digriet Nru 2165/837/743/2019 li Japprova l-Mudell, il-Kontenut, il-Modalitajiet tal-Preżentazzjoni u tal-Ġestjoni tal-Formola 112 “Dikjarazzjoni dwar l-Obbligi ta’ Ħlas tal-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali, tat-Taxxa fuq id-Dħul u dwar ir-Reġistru Nominali tal-Persuni Assigurati”), tal‑10, tal‑15 u tas‑17 ta’ Mejju 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 404 tat‑23 ta’ Mejju 2019, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 2165/2019”), jipprovdu, fit-tmien paragrafu tal-Anness 6 tagħhom:

“Il-vantaġġi fiskali previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 60, fl-Artikolu 138a, fl-Artikolu 154(1)(r) u fl-Artikolu 220c(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa ma jingħatawx għad-dħul mis-salarji u lanqas għad-dħul simili għas-salarji li ħaddiema impjegati kkollokati jirċievu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

18

Nord Vest Pro hija kumpannija rregolata mid-dritt Rumen, attiva fis-settur tal-kostruzzjoni. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, hija tipprovdi, b’mod partikolari, provvista ta’ servizzi fil-Ġermanja u fl-Awstrija, fil-forma ta’ kollokament tal-ħaddiema, sabiex jitwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fit-territorju ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

19

Din il-kumpannija kienet is-suġġett ta’ kontroll imwettaq mill-awtoritajiet fiskali, fejn sussegwentement għal dan ġie stabbilit avviż ta’ taxxa fl‑10 ta’ Mejju 2021. Skont dawn l-awtoritajiet, l-imsemmija kumpannija kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-impjegati tagħha li jwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-Ġermanja u fl-Awstrija kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi tat-Taxxa, dwar it-taxxa fuq id-dħul. Skont l-imsemmija awtoritajiet, skont l-Artikolu 78(2)(a) ta’ dan il-kodiċi, ir-rata applikabbli għal dawn l-impjegati kienet ta’ 10 % tad-dħul. Dawn l-istess awtoritajiet ikkunsidraw ukoll li Nord Vest Pro kienet qieset b’mod żbaljat li t-tnaqqis tar-rata ta’ kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali u l-eżenzjoni mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard, kif previsti, rispettivament, fl-Artikolu 138(a) u fl-Artikolu 154(1)(r) tal-imsemmi kodiċi kienu applikabbli għall-impjegati kkollokati barra mill-pajjiż, filwaqt li, għal dan it-tip ta’ impjegati, ir-rati applikabbli kienu dawk previsti fl-Artikolu 138(a) u fl-Artikolu 156 tal-istess kodiċi, jiġifieri, rata ta’ 25 % għall-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali u ta’ 10 % għal dawk relatati mal-assigurazzjoni għall-mard.

20

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-avviż ta’ taxxa stabbilixxa l-korrezzjonijiet finanzjarji li kellhom isiru fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul u tal-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għal ammont totali ta’ RON 331906 (madwar EUR 67255).

21

L-ilment ippreżentat minn Nord Vest Pro kontra dan l-avviż ta’ taxxa ġie miċħud mid-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj-Napoca, permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2021.

22

Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn din il-kumpannija quddiem it-Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Satu Mare, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju.

23

Din il-qorti tirrileva li l-avviż ta’ taxxa kien ġie adottat mill-awtoritajiet fiskali abbażi tal-punt 5 tal-Artikolu 60 tal-Kodiċi tat-Taxxa, moqri flimkien mad-Digrieti Nri 611/2019 u 2165/2019, li minnhom jirriżulta li l-vantaġġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jingħatawx għad-dħul mis-salarju u għad-dħul simili li l-impjegati kkollokati jirċievu. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-korrezzjonijiet finanzjarji saru neċessarji bħala l-konsegwenza tal-adozzjoni tal-Ordonanță de urgență a Guvernului nr. 114/2018 privind instituirea unor măsuri în domeniul Investițiilor publice și a unor măsuri fiscal-bugetare, modificarea și completarea unor att normattiv și prorogarea unor termene (id-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 114/2018 dwar l-Adozzjoni ta’ Ċerti Miżuri fil-Qasam tal-Investiment Pubbliku u ta’ Ċerti Miżuri Fiskali u Baġitarji, li Jemenda u Jissupplimenta Ċerti Atti Leġiżlattivi, u li Jestendi Ċerti Termini), tat‑28 ta’ Diċembru 2018 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 1116 tad‑29 ta’ Diċembru 2018), li l-għan tiegħu, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha, huwa, essenzjalment, li jsostni l-attività tas-settur tal-kostruzzjoni fir-Rumanija permezz tal-għoti ta’ ċerti vantaġġi lill-impjegati ta’ dan is-settur li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali.

24

Skont l-imsemmija qorti, billi llimita l-benefiċċju ta’ dawn il-vantaġġi lil dawn l-impjegati, il-leġiżlatur Rumen kien irriżerva trattament fiskali iktar favorevoli lill-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li joperaw fir-Rumanija milli lil dawk li joperaw fit-territorju ta’ Stati Membri oħra. Issa, tali approċċ leġiżlattiv imur kontra wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-ħolqien ta’ suq intern. Fil-fatt, tali trattament fiskali, sa fejn dan jimplika li l-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra mit-territorju Rumen jiġu ntaxxati iktar minn dawk li joperaw fit-territorju nazzjonali u li jkunu, konsegwentement, skoraġġuti milli jipprovdu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni barra mir-Rumanija, jikkostitwixxi fil-prattika ostakolu maġġuri għat-twettiq ta’ suq intern.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Satu Mare (il-Qorti tal-Kontea ta’ Satu Mare), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Id-dispożizzjonijiet [tal-Artikoli 26 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123] jistgħu jiġu interpretati [fis-sens] li jipprekludu/ma jipprekludux sitwazzjoni legali bħal dik f’dan il-każ, fejn il-leġiżlatur Rumen jista’ jittratta b’mod differenti, mil-lat fiskali, kumpanniji kummerċjali Rumeni li jwettqu attivitajiet bi skop ta’ lukru fit-territorju tal-Istat Rumen minn dawk [li jwettqu attivitajiet bi skop ta’ lukru] fit-territorju ta’ Stati oħra [Membri tal-Unjoni], b’tali mod li il-kumpannija rikorrenti li pprovdiet servizzi b’mod predominanti fit-territorju [tar-Repubblika] tal-Awstrija u [tar-Repubblika Federali] tal-Ġermanja ma tibbenefikax mill-eżenzjonijiet mit-taxxa li jibbenefikaw minnhom kumpanniji oħra fis-settur tal-kostruzzjoni li joperaw fit-territorju tal-Istat Rumen?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

26

Il-Gvern Rumen iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli sa fejn il-qorti tar-rinviju ma osservatx l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja billi naqset milli tippreċiża r-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 26 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123, ir-rabtiet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni li tapplika, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, tal-interpretazzjoni mixtieqa tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti nazzjonali tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, li l‑qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

28

Għalhekk, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal‑Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li kienu wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, sa fejn id-domanda preliminari tirrigwarda l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/123, li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda indikazzjoni insostenn tar-riferiment għal din id-dispożizzjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tafx ir-raġunijiet li wasslu lil din il-qorti sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din tal-aħħar u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kuntrarjament għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, id-domanda magħmula hija, f’dan ir-rigward, inammissibbli.

30

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikoli 26 u 56 TFUE, il-qorti tar-rinviju tqis li l-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra mit-territorju Rumen kienu jibbenefikaw minn trattament inqas favorevoli minn dak irriżervat għall-impriżi li joperaw fit-territorju nazzjonali u kienu, konsegwentement, skoraġġuti milli jipprovdu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni barra mir-Rumanija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi, fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali, bejn l-imsemmija dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan ir-rigward, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli u għandha tingħata risposta fuq il-mertu.

Fuq id‑domanda preliminari

31

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 26 u 56 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali u soċjali biss għall-impjegati tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

32

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa li, sa fejn id-domanda magħmula tirreferi għall-Artikolu 26 TFUE, din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regoli speċifiċi. Issa, peress li l-imsemmija dispożizzjoni tipprevedi li s-suq intern jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni li fih, b’mod partikolari, il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma żgurati skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u li dawn il-libertajiet ġew implementati bl-Artikoli 45 u 56 TFUE, ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 26 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2020, Tesco-Global Áruházak,C‑323/18, EU:C:2020:140, punti 55 u 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Diċembru 2021, Prefettura di Massa Carrara,C‑274/20, EU:C:2021:1022, punt 22).

33

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, peress li, f’dan il-każ, dan l-aspett imqajjem mill-Kummissjoni jinsab barra mis-suġġett tad-domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwaru.

34

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija għandha intenzjoni tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domanda nnifisha ma turix in-neċessità li ssir tali riformulazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, teżamina domandi li ma sarulhiex mill-qorti nazzjonali. Jekk din tal-aħħar, fid-dawl tal-iżvilupp tal-kawża, kellha tqis neċessarju li tikseb elementi addizzjonali ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-obbligu tagħha li tadixxi mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland,C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 37).

35

Fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE, imsemmi fid-domanda magħmula, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma turix il-ħtieġa ta’ riformulazzjoni. Fil-fatt, din it-talba tirreferi għal sitwazzjoni li fiha l-kumpannija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tibbenefika minn vantaġġi fiskali u soċjali inkwisjtoni fil-kawża prinċipali “għall-impjegati li jipprovdu servizzi fil-Ġermanja u fl-Awstrija”.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola t-trasferiment temporanju ta’ ħaddiema li jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk iwettqu xogħlijiet fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tal-persuna li timpjegahom u li jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara t-twettiq tal-missjoni tagħhom, mingħajr ma jaċċedu f’ebda mument għas-suq tal-impjieg tal-Istat Membru ospitanti, taqa’ taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa,C‑113/89, EU:C:1990:142, punt 15; tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst,C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 21; tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, EU:C:2001:564, punti 22 u 23, kif ukoll tat‑3 ta’ April 2008, Rüffert,C‑346/06, EU:C:2008:189, punt 37).

37

Minn dan isegwi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE.

Fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi

38

Għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE (sentenza tas‑27 ta’ April 2023, L Fund,C‑537/20, EU:C:2023:339, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X,C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-miżuri nazzjonali li jipprojbixxu, ifixklu jew li jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, X,C‑498/10, EU:C:2012:635, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, l-awtoritajiet fiskali rrifjutaw, fir-rigward tal-impjegati tal-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienu kkollokati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Awstrija, il-benefiċċju tal-vantaġġi previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 60, fl-Artikolu 138a fl-Artikolu 154(1)(r) tal-Kodiċi tat-Taxxa li min-naħa l-oħra, jingħataw lill-impjegati li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Rumen. Dawn il-vantaġġi jikkonsistu, l-ewwel nett, fl-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul ta’ dawn l-impjegati, it-tieni nett, fit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali, u, it-tielet nett, fl-eżenzjoni tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-assigurazzjoni għall-mard.

42

Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika b’mod nondiskriminatorju għall-impriżi kollha, kemm Rumeni kif ukoll barranin, tas-settur tal-kostruzzjoni sa fejn l-impjegati tagħhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fit-territorju tar-Rumanija.

43

Madankollu, tali leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sistema fiskali u soċjali differenti skont jekk l-impjegati kkonċernati jwettqux il-kompiti tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni għall-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni kemm Rumeni kif ukoll barranin li joperaw fit-territorju Rumen, tista’ madankollu tiddisswadi lill-impriżi Rumeni milli jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni fi Stat Membru ieħor billi jwettqu l-kollokament tal-ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

44

Fil-fatt, tali miżuri favur impjegati jistgħu wkoll, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, inaqqsu l-ispiża tax-xogħol u b’hekk jagħtu vantaġġ lill-impriżi sa fejn l-attivitajiet tagħhom jitwettqu fit-territorju Rumen, billi jirrendu inqas attraenti l-provvista ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor.

45

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax, minkejja l-effett restrittiv tagħha, titqies bħala li hija kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament li hija tistabbilixxi tikkonċernax sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli, jew inkella jekk hijiex iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate,C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l‑eżistenza ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli

46

Il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-iskop u tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate,C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Barra minn hekk, huma biss il-kriterji ta’ distinzjoni rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn tali leġiżlazzjoni tirriflettix differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjonijiet (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate,C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, li għandha tipproċedi għall-interpretazzjoni tiegħu sabiex tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ sitwazzjonijiet oġġettivament komparabbli.

49

Madankollu għandu jiġi rrilevat li, kif essenzjalment sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, jidher li, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-impriżi kkostitwiti fir-Rumanija li jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni f’dan l-Istat Membru u l-impriżi kkostitwiti fir-Rumanija li jipprovdu servizzi ta’ kostruzzjoni billi jikkollokaw ħaddiema fi Stat Membru ieħor jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, sa fejn iwettqu l-istess attivitajiet u sa fejn huma suġġetti għas-sistema legali Rumena f’dak li jirrigwarda l-obbligi tagħhom kemm f’dak li jikkonċerna t-taxxa fuq id-dħul kif ukoll il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard u għas-sigurtà soċjali.

50

Madankollu, sabiex jiġi eżaminat jekk teżistix differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li l-impjegati tagħhom jaħdmu fit-territorju Rumen u dik ta’ impriżi li jwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fi Stati Membri oħra, id-diffikultà hija marbuta mal-fatt li l-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tesponi l-għan li għandu jintlaħaq mill-vantaġġi fiskali u soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

51

Il-qorti tar-rinviju tista’ tasal sabiex tqis li, kif isostni l-Gvern Rumen, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex iżżid is-salarju nett tal-impjegati li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni fir-Rumanija, sabiex tikkontribwixxi għall-protezzjoni soċjali ta’ dawn l-impjegati u sabiex tilqa’, għalhekk, id-diffikultajiet f’termini ta’ ħaddiema li jikkaratterizzaw dan is-settur, li jistgħu jqiegħdu inkwistjoni l-vijabbiltà stess tiegħu.

52

F’dan ir-rigward, għalkemm dan il-gvern irrileva li l-istatistiċi pubbliċi jikkonfermaw li, anki bil-benefiċċju tal-vantaġġi mogħtija, l-impjegati attivi fir-Rumanija jirċievu salarji nettament inferjuri mis-salarji minimi previsti fi Stati Membri oħra, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija, għandu jiġi rrilevat li dawn l-istatistiċi ma jeskludux li, f’ċerti każijiet, dawn l-impjegati jistgħu jirċievu l-istess salarji bħal dawk li jwettqu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fi Stati Membri oħra, peress li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul tapplika għad-dħul gross fix-xahar sa RON 30000.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li d-differenza fit-trattament magħmula mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirriflettix differenza oġġettiva tas-sitwazzjonijiet, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l‑eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

54

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi aċċettata biss jekk ikollha għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat FUE, tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li l-applikazzjoni tagħha tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et, C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Gvern Rumen isostni, essenzjalment, li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati, qabelxejn, man-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali tal-impjegati tas-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti fil-kuntest tas-suq intern billi titnaqqas id-differenza fis-salarju eżistenti fil-livell tal-Unjoni, sussegwentement, l-għan tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u, bl-istess mod, kontra l-evażjoni tat-taxxa u, fl-aħħar nett, il-problemi speċifiċi tas-settur Rumen tal-kostruzzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ħaddiema li dan is-settur jaffaċċja minħabba l-migrazzjoni allarmanti tal-ħaddiema kkwalifikati f’dan il-qasam lejn pajjiżi barranin għal raġunijiet ta’ salarju.

56

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tan-neċessità li tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali tal-impjegati tal-imsemmi settur kif ukoll sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, għandu jitfakkar li huma inklużi fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja kemm il-protezzjoni tal-ħaddiema kif ukoll iż-żamma u l-promozzjoni tal-impjieg bħala għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis,C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 73 sa 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali l-ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari dik soċjali, u l-prevenzjoni tal-abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Maksimovic et, C‑64/18, C‑140/18, C‑146/18 u C‑148/18, EU:C:2019:723, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll ix-xewqa li jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2018, Danieli C. Officine Meccaniche et, C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi l-Unjoni għandha skop ekonomiku u soċjali, id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital għandhom jiġu bbilanċjati mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-politika soċjali, li fosthom jinkludi, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 151 TFUE, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u protezzjoni soċjali adegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis,C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, huwa minnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, bħala prinċipju, li tingħata lill-impjegati tas-settur tal-kostruzzjoni li jaħdmu fir-Rumanija żieda fis-salarju nett proporzjonalment għas-somom li jikkorrispondu għall-vantaġġi fiskali u soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex tiżgura, b’mod koerenti u sistematiku, il-protezzjoni soċjali tal-impjegati tas-settur tal-kostruzzjoni billi tnaqqas id-differenza fis-salarji eżistenti fil-livell tal-Unjoni, billi tiżgura ruħha, b’mod partikolari, li l-impriżi fil-prattika jgħaddu l-vantaġġi fiskali u soċjali rċevuti fuq is-salarji mħallsa lill-impjegati fil-forma ta’ żieda f’dawn is-salarji.

60

Fl-ipoteżi fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni għandha titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq, huwa meħtieġ ukoll li din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

61

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa, hija ġurisprudenza stabbilita li jikkostitwixxu wkoll raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE, kemm il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑255/04, EU:C:2006:401, punti 43, 46 u 52), kif ukoll in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Airbnb Ireland u Airbnb Payments UK, C‑83/21, EU:C:2022:1018, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Pharmacie populaire– Sauvegara u Pharma Santé– Netwerk Solidaris, C‑52/21 u C‑53/21, EU:C:2022:127, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-evażjoni tat-taxxa ma tistax tiġġustifika li ċċaħħad, esklużivament, lill-impriżi li l-impjegati tagħhom iwettqu x-xogħlijiet tagħhom fi Stat Membru ieħor mill-vantaġġi fiskali u soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ma jistax jiġi preżunt li l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jagħti lok għal każijiet ta’ frodi.

63

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-problemi speċifiċi tas-settur Rumen tal-kostruzzjoni marbuta man-nuqqas ta’ ħaddiema dovut għall-migrazzjoni ta’ ħaddiema kkwalifikati f’dan il-qasam lejn pajjiżi barranin għal raġunijiet ta’ salarji, hija ġurisprudenza stabbilita li motivi ta’ natura purament ekonomika bħal, b’mod partikolari, il-promozzjoni tal-ekonomija nazzjonali jew il-funzjonament tajjeb tagħha, ma jistgħux iservu bħala ġustifikazzjoni għal ostakoli pprojbiti mit-Trattat (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis,C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Madankollu, kif issostni, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punti 45, 46 u 48 tal-konklużjonijiet tagħha, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-għan tal-ġlieda kontra r-riskji sistemiċi li jiltaqa’ magħhom Stat Membru f’settur ta’ importanza ċerta għall-iżvilupp tiegħu, bħal, f’dan il-każ, is-settur tal-kostruzzjoni, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà, jew is-sostenibbiltà, ta’ dan is-settur, huma simili għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti vantaġġi fiskali u soċjali biss lill-impriżi li l-impjegati tagħhom iwettqu x-xogħlijiet tagħhom f’dan l-Istat Membru għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2021, UBS Real Estate,C‑478/19 u C‑479/19, EU:C:2021:1015, punt 73).

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali u soċjali biss għall-impjegati tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li l-impjegati tagħhom huma kkollokati fi Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li l-applikazzjoni tagħha tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il‑Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirriżerva l-benefiċċju tal-vantaġġi fiskali u soċjali biss għall-impjegati tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-impriżi tas-settur tal-kostruzzjoni li l-impjegati tagħhom huma kkollokati fi Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimplika li l-applikazzjoni tagħha tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.