13.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1348

tas-6 ta’ Mejju 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ parametri referenzjarji mhux sinifikanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kriterji li skonthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 26(3) ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jqisu n-natura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti, skont l-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jagħżlu li ma japplikawx. Peress li xi wħud mir-rekwiżiti stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-istruttura organizzattiva tal-amministratur, filwaqt li oħrajn jikkonċernaw il-parametru referenzjarju jew il-familja ta’ parametri referenzjarji kkonċernati, l-istess distinzjoni tapplika għall-kriterji li skonthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità.

(2)

Fir-rigward tar-rekwiżiti li jikkonċernaw l-istruttura organizzattiva tal-amministratur, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ parametru referenzjarju mhux sinifikanti meta jidhrilhom li d-dikjarazzjoni ta’ konformità ma tkunx ċara dwar l-għaliex l-amministratur ikkonċernat jenħtieġ li jitħalla ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2016/1011. Dan jenħtieġ li jkun partikolarment il-każ meta jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar l-istruttura organizzattiva tal-amministratur ikkonċernat, dwar l-identifikazzjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali li jistgħu jinqalgħu bejn il-persuni involuti fl-għoti tal-parametru referenzjarju u l-impjegati l-oħra jew partijiet mill-organizzazzjoni tal-amministratur, dwar il-proċess ta’ sorveljanza tal-għoti tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti, jew il-qafas ta’ kontroll għall-għoti jew il-pubblikazzjoni ta’ parametru referenzjarju mhux sinifikanti jew biex isir disponibbli.

(3)

Fir-rigward tar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-parametru referenzjarju jew il-familja ta’ parametri referenzjarji, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ parametru referenzjarju mhux sinifikanti meta jqisu li d-dikjarazzjoni ta’ konformità ma tkunx ċara dwar l-għaliex l-amministratur ikkonċernat jenħtieġ li jitħalla ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 11 u l-Artikoli minn 13 sa 16 tar-Regolament (UE) 2016/1011. Dan jenħtieġ li jkun partikolarment il-każ meta jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar il-livell ta’ kontroll għall-għoti tad-data tal-input, it-trasparenza tal-proċeduri għall-konsultazzjoni dwar kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti, il-proċess ta’ rapportar ta’ każijiet ta’ manipulazzjoni jew tat-tentattiv ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti, il-kodiċi ta’ kondotta meta l-parametru referenzjarju mhux sinifikanti jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, il-kapaċità tal-amministratur li jirrieżamina u jirrapporta dwar il-konformità tiegħu mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti u mar-Regolament (UE) 2016/1011, u meta d-data tal-input tingħata minn kontributur taħt superviżjoni, jekk dan isirx skont kontrolli xierqa sabiex jiġu żgurati l-preċiżjoni, l-integrità u l-affidabilità tad-data tal-input.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority).

(5)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Sabiex tiġi żgurata konformità mad-data tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li fir-Regolament (UE) 2016/1011 daħħal l-Artikolu 26(6) ta’ dak ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kriterji fil-livell ta’ amministratur

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 meta jqisu li din id-dikjarazzjoni ma tkunx ċara dwar l-għaliex l-amministratur ikkonċernat jenħtieġ li jitħalla ma jikkonformax ma’ rekwiżit jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u b’mod partikolari meta jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar:

(a)

l-istruttura organizzattiva tal-amministratur ikkonċernat u l-kunflitti ta’ interess li jistgħu jirriżultaw mill-istruttura tagħha;

(b)

l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess relatati mal-impjegati tal-amministratur ikkonċernat, il-persuni li s-servizzi tagħhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu jew taħt il-kontroll tiegħu u l-persuni direttament involuti fl-għoti tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti;

(c)

il-proċess ta’ sorveljanza tal-għoti ta’ parametru referenzjarju mhux sinifikanti, filwaqt li titqies il-vulnerabbiltà tal-parametru referenzjarju kkonċernat u l-iskala tal-organizzazzjoni tal-amministratur;

(d)

il-qafas ta’ kontroll għall-għoti jew il-pubblikazzjoni ta’ parametru referenzjarju mhux sinifikanti jew biex isir disponibbli, inkluż l-esponiment tal-amministratur għal riskju operazzjonali, riskju ta’ kontinwità tan-negozju jew għar-riskju ta’ tfixkil fil-proċess ta’ għoti ta’ parametru referenzjarju.

Artikolu 2

Kriterji fil-livell ta’ parametru referenzjarju jew ta’ familja ta’ parametri referenzjarji

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità kif imsemmi fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011, meta jqisu li din id-dikjarazzjoni ma tkunx ċara dwar l-għaliex l-amministratur ikkonċernat jenħtieġ li jitħalla ma jikkonformax ma’ rekwiżit jew jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, u b’mod partikolari meta jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar:

(a)

il-livell ta’ kontroll fuq l-għoti tad-data tal-input u jekk, filwaqt li titqies in-natura tad-data tal-input, dan il-livell ta’ kontroll huwiex suffiċjenti biex jiżgura l-preċiżjoni, l-integrità u l-affidabbiltà tad-data tal-input;

(b)

it-trasparenza tal-proċeduri għall-konsultazzjoni dwar kwalunkwe bidla materjali fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti, filwaqt li titqies il-kumplessità ta’ din il-metodoloġija u n-natura tad-data tal-input użata;

(c)

il-proċess ta’ rapportar ta’ każijiet ta’ manipulazzjoni jew tat-tentattiv ta’ manipulazzjoni tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tad-data tal-input u l-kontributuri;

(d)

meta l-parametru referenzjarju mhux sinifikanti jkun ibbażat fuq data tal-input minn kontributuri, il-kodiċi ta’ kondotta u jekk, filwaqt li titqies in-natura tad-data tal-input, din tinkludix salvagwardji għall-integrità tad-data tal-input użata;

(e)

il-kapaċità tal-amministratur li jirrieżamina u jirrapporta dwar il-konformità tiegħu mal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti u mar-Regolament (UE) 2016/1011;

(f)

meta d-data tal-input tingħata minn kontributur taħt superviżjoni, jekk dan isirx b’kontrolli xierqa biex jiġu żgurati l-preċiżjoni, l-integrità u l-affidabilità tad-data tal-input.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1).