European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2382

26.11.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2382

tal-21 ta’ Novembru 2025

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3109

(notifikata bid-dokument C(2025) 8068)

(Il-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja u tikkawża disturb fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali kaprini jew ovini.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. L-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew li jmissu magħhom.

(3)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3238 (4) ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429, u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija b’reazzjoni għal tifqigħa kkonfermata fil-25 ta’ Novembru 2024 fil-muniċipalità ta’ Velingrad, fir-reġjun ta’ Pazardzhik. B’mod aktar speċifiku, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri li għandhom jiġu stabbiliti minn dak l-Istat Membru, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jridu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(4)

Mill-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1921 (5), fir-rigward tat-tifqigħa li ġiet ikkonfermata fil-muniċipalità ta’ Velingrad fir-reġjun ta’ Pazardzhik, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar dewmien kontinwu fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-kontroll tal-mard meħtieġa li jiġu applikati fil-każ ta’ konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali miżmuma fi stabbiliment f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali, fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija, u tal-ħtieġa urġenti li jittaffa b’mod effettiv ir-riskju tat-tixrid ta’ dik il-marda, kemm f’dak l-Istat Membru kif ukoll fi Stati Membri oħra, huwa kruċjali li tiġi emendata d-durata tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard fiż-żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri għall-Bulgarija elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238. Dawn l-emendi jindirizzaw ir-riskju sinifikanti kkawżat miċ-ċirkolazzjoni kontinwa u t-tixrid potenzjali tal-marda lil hinn miż-żoni attwalment affettwati, sakemm il-miżuri ta’ kontroll tal-mard ma jkunux tlestew.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Id-durata taż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri hija bbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Barra minn hekk, jitqiesu s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati kif ukoll is-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija, u l-livell ta’ riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda f’dak l-Istat Membru u fl-Unjoni. Barra minn hekk, id-durata tal-miżuri previsti b’din id-Deċiżjoni ġiet iddeterminata fi qbil mal-istandards internazzjonali stabbiliti fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

(8)

Barra minn hekk, fid-dawl tad-dewmien kontinwu fl-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard meħtieġa li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ konferma uffiċjali ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A fl-annimali miżmuma fi stabbiliment f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, huwa neċessarju li l-projbizzjoni fuq il-movimenti tal-annimali ovini u kaprini mit-territorju kollu tal-Bulgarija tiġi estiża lejn Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 2, il-punt (d), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, peress li għaddew aktar minn 12-il xahar mill-konferma tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-reġjun ta’ Pazardzhik. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik il-projbizzjoni tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2026.

(9)

Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-ħtieġa li li l-Bulgarija atapplika l-miżuri ta’ kontroll tal-mard previsti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tiġi estiża sat-30 ta’ Ġunju 2026.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 2, il-punt (d), id-data “il-31 ta’ Diċembru 2025” hija sostitwita bid-data “it-30 ta’ Ġunju 2026”;

2.

Fl-Artikolu 4, id-data “il-31 ta’ Jannar 2026” hija sostitwita bid-data “it-30 ta’ Ġunju 2026”;

3.

L-Anness huwa sostitwit bit-test stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3238 tad-19 ta’ Diċembru 2024 ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3109 (ĠU L, 2024/3238, 23.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3238/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1921 tad-19 ta’ Settembru 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/3238 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Bulgarija (ĠU L, 2025/1921, 25.9.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1921/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Pazardzhik

BG–PPR–2024–00001

Żona ta’ protezzjoni:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 5 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1)

21.6.2026

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 20 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1) esklużi ż-żoni li jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni

30.6.2026

Żona ta’ sorveljanza:

Dawk il-partijiet tar-reġjun ta’ Pazardzhik, ġo ċirku b’raġġ ta’ 5 kilometri, iċċentrat fuq UTM 30, ETRS89 bil-koordinati Lat. 42.0156, Lonġ. 23.9989 (2024/1)

22.6.2026–30.6.2026

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fil-Bulgarija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Ir-reġjun ta’ Pazardzhik

—

It-territorju kollu tar-reġjun ta’ Pazardzhik

30.6.2026

Ir-reġjun ta’ Blagoevgrad

—

Il-muniċipalitajiet ta’ Razlog, Satovcha, Garmen, Bansko, Belitsa, Yakoruda

30.6.2026

Ir-reġjun ta’ Smolyan

—

Il-muniċipalità ta’ Dospat

30.6.2026

Ir-reġjun ta’ Sofia oblast

—

Il-muniċipalitajiet ta’ Kostenets u Dolna Banya

30.6.2026


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/2382/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)