IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.5.2024
COM(2024) 223 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Linji gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd għas-segmenti tal-flotta fir-reġjuni ultraperiferiċi li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
1. Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea għandha disa’ reġjuni ultraperiferiċi, li jinsabu ’l bogħod mill-kontinent Ewropew fl-oċean Atlantiku u fl-oċean Indjan, fil-Baħar Karibew u fl-Amerika Latina: Il-Gujana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint-Martin (Franza); l-Azores u Madeira (il-Portugall); il-Gżejjer Kanarji (Spanja).
L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali ta’ dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi. Dan jinkludi l-pożizzjoni remota tagħhom, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli, kif ukoll id-dipendenza ekonomika fuq għadd żgħir ta’ setturi, inkluż is-sajd. Il-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni jipprevedu miżuri speċifiċi biex jgħinuhom jindirizzaw dawn l-isfidi.
Fl-2022, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, li tistabbilixxi strateġija ġdida għal dawn ir-reġjuni, u dan juri l-impenn tal-Kummissjoni li tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom fil-proposti għal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni.
Meta mqabbel mal-flotta tas-sajd tal-Unjoni kollha kemm hi, l-għadd ta’ bastimenti fil-flotta tas-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi huwa żgħir. In-natura tal-istokkijiet tal-ħut fil-mira tar-reġjuni ultraperiferiċi f’ħafna każijiet hija differenti u aktar varjata minn dawk fil-mira tal-flotta tas-sajd tal-bqija tal-Unjoni. Min-natura tagħha l-kompożizzjoni tal-qabdiet mis-sajd fil-biċċa l-kbira tiegħu artiġjanali tista’ tkun varjata ħafna u ta’ diversi speċijiet. Komparattivament hemm inqas data disponibbli dwar varjetà usa’ ta’ stokkijiet, u komparattivament jitwettqu inqas valutazzjonijiet tal-istokkijiet. Is-sitwazzjoni hija aggravata f’ħafna każijiet min-natura tal-bastimenti tas-sajd, li huma fost l-iżgħar fl-Unjoni u, minħabba ż-żmien li għandhom, u minħabba t-tħassib addizzjonali dwar is-sikurezza u s-sigurtà f’xi reġjuni ultraperiferiċi, spiss ma jkunux mgħammra tajjeb daqs bastimenti oħra biex jiġbru d-data dwar l-attivitajiet tas-sajd tagħhom, data li hija meħtieġa għall-Istati Membri biex iħejju r-rapport nazzjonali annwali tagħhom dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot tagħhom u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom. Jenħtieġ li r-rapport jitħejja f’konformità mal-Linji Gwida għall-analiżi tal-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem “COM (2014) 545 final”). Barra minn hekk, sabiex titqies in-natura diversa tal-attivitajiet tas-sajd mill-flotot tar-reġjuni ultraperiferiċi, jista’ jkun meħtieġ livell ogħla ta’ sottosegmentazzjoni tal-flotta, lil hinn minn dak li huwa stabbilit fil-Qafas għall-Ġbir tad-Data (DCF)
.
F’ħafna każijiet, id-diversi kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jagħmluha impossibbli li titwettaq valutazzjoni tal-bilanċ għal dawn il-flotot f’konformità mal-COM (2014) 545 final.
Filwaqt li jitqiesu dawk l-aspetti kollha deskritti hawn fuq li jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-bqija tal-Unjoni, inkluż ir-restrizzjonijiet strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi, l-ispeċifiċitajiet tal-bastimenti u tas-sajd, id-disponibbiltà tad-data, is-sitwazzjoni ġeopolitika u ta’ sigurtà f’xi reġjuni ultraperiferiċi, u s-sajd multispeċi u n-natura artiġjanali tagħhom, u f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2022 dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi linji gwida speċifiċi għall-valutazzjoni tal-bilanċ fis-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi billi tissupplimenta elementi speċifiċi tal-COM (2014) 545 final fir-rigward ta’ dawk is-segmenti tal-flotta.
Il-valutazzjoni tal-bilanċ għal dawk is-segmenti tal-flotta fir-reġjuni ultraperiferiċi jenħtieġ li tibqa’ bbażata fuq l-indikaturi bijoloġiċi, ekonomiċi u tal-użu tal-bastimenti stabbiliti fil-COM (2014) 545 final. B’mod speċifiku, iż-żewġ indikaturi bijoloġiċi (SHI u SAR), iż-żewġ indikaturi ekonomiċi (RoI, CR/BER), u wieħed mill-indikaturi tal-użu tal-bastimenti (VUR, VUR220, jew VURnn definit minn Stat Membru) jenħtieġ li jkunu f’bilanċ.
Madankollu, din il-Komunikazzjoni tipprovdi metodi alternattivi li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu japplikaw għat-tħejjija ta’ ċerti indikaturi għal segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi. Dawn il-metodi alternattivi huma bbażati fuq elaborazzjoni tal-COM (2014) 545 final, u jqisu (1) l-analiżi xjentifika addizzjonali u r-rakkomandazzjonijiet ipprovduti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)fir-rigward tar-rapporti annwali tal-flotta tal-Istati Membri, u (2) l-informazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi, kif ipprovduta mill-Istati Membri kkonċernati.
Fil-każijiet kollha, inkluż meta japplikaw dawn il-linji gwida, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw id-data u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa biex jiġġustifikaw l-għażliet tagħhom u biex jippermettu aktar analiżi u skrutinju mill-STECF kif meħtieġ.
2. Metodi alternattivi għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi
Id-dokument COM (2014) 545 final japplika għas-segmenti kollha tal-bastimenti bħala regola bażika.
Il-linji gwida f’din il-Komunikazzjoni jintroduċu metodi alternattivi għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi li jistgħu jiġu applikati għat-tħejjija tal-parametri tad-data, l-indikaturi bijoloġiċi, l-indikaturi tal-użu tal-bastimenti u l-indikaturi addizzjonali, kif stabbilit hawn taħt.
L-Istati Membri jistgħu biss iħejju r-rapport tal-flotta tagħhom abbażi ta’ kwalunkwe wieħed mill-metodi alternattivi stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għas-segmenti tal-flotta kkonċernati, jekk jiġġustifikaw il-ħtieġa li dan isir fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tas-segment tal-flotta kkonċernat u r-restrizzjonijiet partikolari li s-segment ikun jaqa’ taħtu, minħabba l-pożizzjoni tiegħu f’reġjun ultraperiferiku. L-ispjegazzjonijiet jenħtieġ li jiġu pprovduti fl-anness tar-rapport tal-flotta.
2.1Parametri tad-data u segmentazzjoni tal-flotta
Sabiex ikun hemm analiżijiet standardizzati, biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol, f’konformità mal-COM (2014) 545 final, il-parametri tad-data jenħtieġ li jiġu kkalkulati skont id-data miġbura taħt id-DCF.
Għal bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-kalkolu tal-indikatur jista’ jiġi diżaggregat aktar skont is-sottosegmentazzjoni fl-aktar livell xieraq. F’każijiet fejn tiġi pprovduta sottosegmentazzjoni, din jenħtieġ li tkun b’żieda mad-DCF, mhux b’sostituzzjoni. Barra minn hekk, id-data ta’ appoġġ kollha għall-kalkoli fir-rapport tal-flotta jenħtieġ li tiġi pprovduta wkoll fl-anness tar-rapport tal-flotta skont l-istess sottosegmentazzjoni uniformi.
2.2Indikaturi bioloġiċi
F’konformità mal-COM (2014) 545 final, kemm l-indikaturi bijoloġiċi (l-indikatur tal-ħsad sostenibbli kif ukoll l-indikatur tal-istokkijiet f’riskju) jenħtieġ li jkunu f’bilanċ bħala parti mid-dimostrazzjoni tal-bilanċ ta’ segment tal-flotta.
2.2.1 Indikatur tal-ħsad sostenibbli
Għas-segmenti tal-flotta li jikkonċernaw bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-kalkolu għall-indikatur tal-ħsad sostenibbli (SHI) kif spjegat fit-taqsima 10.1 tal-COM (2014)545 final jista’ jiġi ssimplifikat b’wieħed mill-modi li ġejjin:
·Il-valuri F u Fmsy jistgħu jiġu derivati, f’ordni ta’ prijorità, minn: (a) valutazzjonijiet nazzjonali soġġetti għall-evalwazzjoni bejn il-pari, fejn l-evalwazzjonijiet bejn il-pari jkunu aċċessibbli għall-pubbliku jew jiġu pprovduti bħala anness għar-rapport tal-flotta; (b) valutazzjonijiet nazzjonali li (għadhom) mhumiex soġġetti għal evalwazzjoni bejn il-pari, meta l-valutazzjonijiet nazzjonali huma pprovduti bħala anness għar-rapport tal-flotta, għall-evalwazzjoni bejn il-pari;
·l-indikatur jista’ jiġi ppreżentat flimkien mal-perċentwal ta’ kopertura attwali u l-għadd ta’ stokkijiet użati biex jiġi kkalkulat il-valur;
·jistgħu jintużaw stimi ta’ F u Fmsy minn speċi fil-mira rappreżentattiva waħda jew aktar fis-sajd; f’dan il-kuntest, jistgħu jiġu ppreżentati u użati wkoll il-valutazzjonijiet ibbażati fuq il-produttività tal-gruppi tal-ispeċijiet.
Irrispettivament mis-simplifikazzjoni applikata mill-Istat Membru, id-data kollha meħtieġa jenħtieġ li tiġi pprovduta fl-anness tar-rapport tal-flotta biex ikun jista’ jsir aktar skrutinju mill-STECF.
2.2.2 Indikatur tal-stokkijiet f’riskju
F’konformità mal-COM (2014) 545 final, għall-kalkolu tal-indikatur tal-istokkijiet f’riskju (SAR), l-Istati Membri jenħtieġ li jgħoddu l-għadd ta’ stokkijiet attwalment ivvalutati li jinsabu f’“riskju bijoloġiku għoli” li huma sfruttati mis-segment tal-flotta inkwistjoni.
Abbażi tal-pariri tal-STECF, jitqies li l-valuri ta’ limitu stabbiliti fil-COM (2014) 545 final, li jiddefinixxu jekk l-istokk(ijiet) f’riskju humiex “sfruttati” mill-flotta inkwistjoni, jistgħu jiġu mmodifikati6. Sakemm issir valutazzjoni ulterjuri mill-STECF u meta titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-futur jista’ jiġi stabbilit limitu alternattiv għal dawk is-segmenti tal-flotta.
Sadanittant, meta wieħed iqis, minn naħa waħda, il-konklużjonijiet tal-STECF dwar il-valur limitu għas-SAR u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni speċjali tas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, jixraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw, fuq bażi temporanja, limitu alternattiv.
Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni teknika disponibbli dwar l-applikazzjoni tal-indikatur tas-SAR fis-sajd tar-reġjuni ultraperiferiċi, l-Istati Membri jistgħu jqisu, għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu minn bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, li stokk f’riskju jiġi “sfruttat minn” segment tal-flotta jekk l-istokk ikun aktar minn 20 % tal-qabdiet tas-segment tal-flotta, jew jekk is-segment tal-flotta jieħu aktar minn 10 % tal-qabdiet tal-istokk. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw data u spjegazzjonijiet dettaljati tal-kalkoli applikati kif ukoll ir-raġunijiet xjentifiċi għall-applikazzjoni ta’ dan il-valur ta’ limitu alternattiv f’anness tar-rapport tal-flotta għal aktar skrutinju mill-STECF.
2.3 Indikatur tal-użu tal-bastiment
F’konformità mal-COM (2014) 545 final, l-indikatur tal-użu tal-bastiment huwa l-medja, għal kull segment tal-flotta, tal-proporzjon tal-isforz effettivament użat għall-isforz massimu li jista’ jiġi eżerċitat mill-flotta.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jużaw verżjoni ta’ dan l-indikatur li tkun ibbażata fuq il-livell teoretiku tal-attività massima, aktar milli dak reali. Dan il-valur jenħtieġ li jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru bl-użu tal-ġudizzju espert u l-informazzjoni disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet naturali, tekniċi u soċjali. Din il-possibbiltà tingħata lill-Istati Membri minħabba li l-għadd massimu osservat ta’ jiem fuq il-baħar f’segment tal-flotta għal kull sena ta’ referenza jista’ jkun limitat minn fatturi esterni, u għalhekk dan l-għadd jista’ ma jirriflettix il-kapaċità teknika reali ta’ din il-flotta. Eżempji ta’ fatturi esterni jistgħu jkunu ekonomiċi, ambjentali u soċjali, kif definiti fit-taqsima 12.2 tal-COM(2014) 545 final. Kif osservat fit-Taqsima 1, is-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi huma partikolarment esposti għal fatturi esterni bħal dawn.
Meta l-Istati Membri jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-verżjoni tal-indikatur kif stabbilit fit-taqsima 12.2 tal-COM(2014) 545 final, dan jista’ jiġi rifless fl-għażla tal-indikatur VURnn. Ir-raġunijiet għall-għażla ta’ nn jenħtieġ li jiġu pprovduti flimkien mad-data kollha rikjesta għall-kalkoli f’anness tar-rapport tal-flotta.
2.4Indikaturi addizzjonali
Għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-indikatur tan-Numru ta’ Stokkijiet Sfruttati Żżejjed (Number of Overexploited Stocks, NOS) u l-Indikatur tad-Dipendenza Ekonomika (Economic Dependency Indicator, EDI) jistgħu jiġu pprovduti bħala indikaturi bijoloġiċi addizzjonali u kkalkulati skont il-pariri tal-STECF
.
Jistgħu jiġu ppreżentati wkoll indikaturi soċjali li jistgħu jgħinu biex jintwerew il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi usa’ li fihom topera l-flotta. Dan jagħti lill-Istati Membri l-opportunità li jipprovdu illustrazzjonijiet addizzjonali tas-sitwazzjoni tas-segmenti tal-flotta tagħhom, li jikkonsistu fl-iżgħar bastimenti u negozji u li huma potenzjalment l-aktar vulnerabbli.
Dawn l-indikaturi addizzjonali mhumiex meqjusa bħala indikaturi alternattivi u ma jiffurmawx parti mill-kalkolu tal-bilanċ tal-flotta.
3. Kunsiderazzjonijiet finali
Dawn il-linji gwida, speċifiċi għas-segmenti tal-flotta li jikkonsistu f’bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru fir-reġjuni ultraperiferiċi, se jibqgħu applikabbli sakemm jingħataw aktar pariri mill-STECF dwar l-indikaturi użati fil-kalkolu tal-bilanċ tal-flotta u l-limiti xierqa tagħhom, b’mod partikolari mill-Grupp ta’ Ħidma ta’ Esperti tal-STECF dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi. Fi kwalunkwe każ, dawn jistgħu ma jiġux applikati wara t-tħejjija tar-rapporti tal-flotta tal-Istati Membri dovuti sal-31 ta’ Mejju 2025.