SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
26 ta’ Settembru 2024 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni soċjali – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Artikolu 9(3) – Kunċett ta’ ‘ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat’ – Post ta’ teħid ta’ pussess, minn sewwieq, ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament – Kunċett ta’ ‘xogħol ieħor’ – Ħin li dan is-sewwieq jieħu biex isuq vettura li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament biex jivvjaġġa lejn dan iċ-ċentru ta’ operazzjonijiet jew biex jasal lura minn dan iċ-ċentru ta’ operazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑164/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura
VOLÁNBUSZ Zrt.
vs
Bács-Kiskun Vármegyei Kormányhivatal,
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tielet Awla, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal VOLÁNBUSZ Zrt., minn K. Mészáros u P. Varsányi, jogtanácsosok, |
|
– |
għall-Gvern Taljan minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Lipari, procuratore dello Stato, u minn G. Santini, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Kovács u P. A. Messina, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU 2006, L 102, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 195, p. 83). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VOLÁNBUSZ Zrt. (iktar ’il quddiem “Volánbusz”), kumpannija b’responsabbiltà limitata li topera fil-qasam tat-trasport pubbliku fl-Ungerija, u l-Bács-Kiskun Vármegyei Kormányhivatal (Servizzi Amministrattivi tal-Kontea ta’ Bács-Kiskun, l-Ungerija) fir-rigward tal-legalità ta’ twissija indirizzata lil din il-kumpannija minħabba ksur tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol tas-sewwieqa impjegati minnha. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2002/15/KE
|
3 |
L-Artikolu 3 tad‑Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 224) jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
Ir-Regolament Nru 561/2006
|
4 |
Il-premessi 5 u 17 tar-Regolament Nru 561/2006 jiddikjaraw:
[…]
|
|
5 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi: “Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta’ sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta’ mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-modi ta’ trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta’ xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.” |
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta’:
[…]” |
|
7 |
Skont l-Artikolu 4(e) tal-istess regolament: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
8 |
L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprovdi: “Kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu bħala sewwieq ta’ vettura li ma [taqax] fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minn jew lejn [il-post ta’ teħid ta’ pussess tal-vettura li taqa’] fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li mhix fid-dar tas-sewwieq jew fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat, għandu jitqies bħala ‘xogħol ieħor’.” |
Id‑dritt Ungeriż
|
9 |
L-Artikolu 86 tal-a munka törvénykönyvéről szóló 2012. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal‑2012, li Tistabbilixxi l-Kodiċi tax-Xogħol) (MagyarKözlöny 2012/2., iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż”) jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Ma jikkonsistix ħin tax-xogħol: […]
|
|
10 |
L-Artikolu 134(1)(a) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “Il-persuna li timpjega għandha żżomm reġistru:
[…]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
11 |
Volánbusz hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li topera fil-qasam tat-trasport pubbliku u li l-unika azzjonista tagħha huwa l-Istat Ungeriż. Hija tiżgura t-trasport regolari ta’ vjaġġaturi permezz tal-karozzi tal-linja fuq itinerarji differenti fejn uħud minnhom jaqbżu l‑50 kilometru filwaqt li oħrajn ma jaqbżux il‑50 kilometru. Huma biss il-karozzi tal-linja li huma esklużivament allokati għal dan l-aħħar tip ta’ itinerarju li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006, konformement mal-Artikolu 3(a) tiegħu. |
|
12 |
Wħud mis-sewwieqa impjegati minn Volánbusz jieħdu pussess u jitilqu l-karozzi tal-linja fil-garaxxijiet esterni ta’ din il-kumpannija, li minnhom iwettqu s-servizz tagħhom b’mod regolari u li lejhom jirritornaw fi tmiem dan is-servizz, fl-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tagħhom, jiġifieri mingħajr struzzjonijiet partikolari tal-imsemmija kumpannija. Dawn il-garaxxijiet esterni, li l-parti l-kbira tagħhom huma parkings, ma fihomx installazzjonijiet għas-servizz tas-sewwieqa, jiġifieri installazzjonijiet sanitarji jew spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ. L-imsemmija garaxxijiet esterni ma jitniżżlux fir-reġistru kummerċjali bħala ċentri ta’ operazzjonijiet jew fergħat ta’ Volánbusz. Madankollu huma indikati bħala postijiet ta’ teħid ta’ pussess tal-vetturi tagħha, minn fejn jibda u minn fejn jintemm l-itinerarju indikat mill-pjan tar-rotta, u jinsabu eqreb mill-postijiet ta’ residenza tas-sewwieqa miċ-ċentru ta’ operazzjonijiet jew mill-fergħat ta’ Volánbusz. Din il-qrubija tiżgura li dawn is-sewwieqa jkollhom ħin ta’ traġitt iqsar biex jieħdu pussess ta’ dawn il-vetturi u biex imorru lura lejn ir-residenza tagħhom wara x-xift tagħhom. |
|
13 |
Konformement mal-Artikolu 86(3)(b) tal-Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż, il-ħin li s-sewwieqa impjegati minn Volánbusz jgħaddu jsuqu l-vettura personali tagħhom biex imorru fuq il-post ta’ teħid ta’ pussess tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 u biex jiġu lura minnu fi tmiem ix-xift tagħhom ma jagħmilx parti mill-ħin tax-xogħol tagħhom. Irrispettivament minn dan, għal dan il-għan huma jirċievu kumpens ta’ traġitt. |
|
14 |
Madankollu, wara numru ta’ kontrolli, id-dipartimenti amministrattivi tal-Kontea ta’ Bács‑Kiskun ikkonstataw li, għal 67 sewwieq impjegati minn Volánbusz, il-ħin meħud, matul ix-xahar ta’ Marzu 2022, biex imorru mill-post ta’ residenza tagħhom sal-garaxxijiet esterni ta’ din il-kumpannija u biex imorru lura minnhom fi tmiem ix-xift tagħhom imissu ġie rreġistrat bħala ħin tax-xogħol skont l-Artikolu 134 tal-Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022, id-dipartimenti amministrattivi tal-Kontea ta’ Bács‑Kiskun għalhekk indirizzaw twissija lil Volánbusz. |
|
15 |
Dawn id-dipartimenti amministrattivi jenfasizzaw li numru ta’ garaxxijiet esterni ta’ Volánbusz huma sempliċi parkings. Dan premess, parking ma huwiex installazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2001, Skills Motor Coaches et (C‑297/99, EU:C:2001:37), kif ukoll tad‑29 ta’ April 2010, Smit Reizen (C‑124/09, EU:C:2010:238). F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-garaxxijiet esterni ma jistgħux jiġu kkategorizzati bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006. Konsegwentement, kull ħin li sewwieq jgħaddi jsuq vettura li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biex imur lejn tali garaxxijiet esterni, kif ukoll biex jiġi lura minnhom fi tmiem ix-xift tiegħu, għandu jiġi kkategorizzat bħala “xogħol ieħor” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi rreġistrat konformement mal-Artikolu 134 tal-Kodiċi tax-Xogħol Ungeriż. L-imsemmija dipartimenti huma tal-fehma li l-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa ekwivalenti għal dak ta’ “ċentru operattiv” li jinsab f’dawk is-sentenzi. |
|
16 |
Volánbusz ippreżentat quddiem is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2022 imsemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. Hija ssostni li l-garaxxijiet esterni tal-karozzi tal-linja ta’ natura permanenti li fuqhom saret l-ispezzjoni għandhom jiġu kkategorizzati bħala ċentri ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, kull ħin li dawn is-sewwieqa jgħaddu jsuqu vettura li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biex imorru lejn tali garaxxijiet esterni, kif ukoll biex jiġu lura minnhom fi tmiem ix-xift tagħhom, ma jistax jiġi kkategorizzat bħala “xogħol ieħor” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni u għalhekk ma jkunx hemm obbligu li dan il-ħin jiġi rreġistrat bħala tali. |
|
17 |
Interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jagħti lok, skont Volánbusz, għal sitwazzjoni paradossali. Fil-fatt, filwaqt li l-ħin ta’ traġitt li wieħed jgħaddi jsuq vettura li ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biex imur lejn garaxx estern ikollu jiġi rreġistrat bħala ħin tax-xogħol, dan ma huwiex il-każ tal-ħin ta’ traġitt għat-teħid ta’ pussess ta’ vettura mhux fl-imsemmi garaxx estern iżda fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ din l-impriża jew tal-fergħat tagħha – minkejja li l-garaxx estern ikkonċernat ġie ddeterminat biex il-ħin ta’ dan it-traġitt jitnaqqas. L-impriżi ta’ trasport jiġu għalhekk dissważi milli jidentifikaw tali garaxxijiet esterni bħala post ta’ teħid ta’ pussess ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
|
18 |
Madankollu tali prattika hija intiża li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa kif ukoll tas-sigurtà fit-toroq, konformement mal-Artikolu 1 tal-istess regolament moqri fid-dawl tal-premessa 17 tiegħu. Volánbusz ippreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-post konkret ta’ fejn huma bbażati s-sewwieqa kkonċernati ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ numru ta’ kriterji u jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-organizzazzjoni tax-xogħol, tal-aspirazzjonijiet personali ta’ dawn is-sewwieqa bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin ta’ traġitt bejn ir-residenza tagħhom u l-post ta’ teħid ta’ pussess tal-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
|
19 |
Qabel kollox, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006. B’mod partikolari, din tiddependi mill-punt dwar jekk dan il-kunċett ikoprix post nieqes minn kull installazzjoni u li jservi biss għall-iggaraxxjar ta’ vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, ikun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-preżenza ta’ ċerti installazzjonijiet, bħal installazzjonijiet sanitarji jew spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ, hijiex meħtieġa għall-kategorizzazzjoni bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-ftehim kollettiv konkluż bejn Vólanbusz u l-organizzazzjoni sindakali li tirrappreżenta lill-impjegati tas-settur ikkonċernat jikkategorizza bħala tali l-post konkret ta’ fejn huwa bbażat is-sewwieq ikkonċernat, jiġifieri l-post, irrispettivament minn jekk ikunx installazzjoni, parking tal-impriża jew ukoll kull punt ġeografiku ieħor fejn jibda l-itinerarju indikat fuq il-pjan tar-rotta li minnu s-sewwieq iwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh jirritorna meta jtemm is-servizz, fil-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr ma jsegwi struzzjonijiet partikolari tal-persuna li timpjegah. |
|
20 |
Sussegwentement, din il-qorti tirreferi għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Smit Reizen (C‑124/09, EU:C:2010:238), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operat tal-impriża” f’termini li ġew repetuti fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” li jinsab fil-ftehim kollettiv imsemmi fil-punt preċedenti. Skont l-imsemmija qorti, “installazzjoni tal-impriża ta’ trasport bit-triq ta’ vjaġġaturi, parking [jew] kull punt ġeografiku ieħor iddefinit bħala l-punt minn fejn jibda l-itinerarju li huwa indikat [lis-sewwieq] fuq il-pjan tar-rotta jistgħu jservu bħala l-post konkret fejn is-sewwieq huwa bbażat”. |
|
21 |
Fl-aħħar nett, bħal Volánbusz, il-qorti tar-rinviju tqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 li skontha għandu jiġi kkategorizzat bħala ħin tax-xogħol kull ħin ta’ traġitt li sewwieq jgħaddi jsuq il-vettura tiegħu biex imur iċ-“ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, biex jieħu pussess ta’ vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ikun kuntrarju għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-imsemmi regolament. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Törvényszék (il-Qorti ta’ Szeged) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel sat‑tielet domandi
|
23 |
Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkoprix post, bħal garaxx estern ta’ vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li minnu s-sewwieq ikkonċernat iwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh huwa jirritorna meta jtemm dan is-servizz, fl-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr struzzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward mill-persuna li timpjegah. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk, għal dan il-għan, humiex rilevanti, minn naħa, il-preżenza, f’tali post, ta’ installazzjonijiet sanitarji jew spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ u, min-naħa l-oħra, il-prossimità ġeografika ta’ dan il-post mal-post ta’ residenza ta’ dan is-sewwieq. |
|
24 |
L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jipprevedi li kwalunkwe ħin li s-sewwieq jieħu biex isuq vettura li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament minn jew lejn il-post ta’ teħid ta’ pussess tal-vettura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament jitqies bħala xogħol ieħor, meta din l-aħħar vettura la tkun tinsab fil-post ta’ residenza ta’ dan is-sewwieq u lanqas fiċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat. |
|
25 |
Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” imsemmi fl-Artikolu 9(3) ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 561/2006 li, għal dan il-għan, ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri. Għaldaqstant tali kunċett għandu jiġi kkategorizzat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi. |
|
26 |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda rekwiżit dwar il-preżenza, fiċ-“ ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, ta’ ċerti installazzjonijiet bħal installazzjonijiet sanitarji jew spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ. L-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma tirrikjedi li dan iċ-ċentru ta’ operazzjonijiet ikun qrib il-post ta’ residenza ta’ dan is-sewwieq. Min-naħa l-oħra, din il-formulazzjoni ma tippermettix li jiġi solvut il-punt dwar jekk il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat”, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, huwiex il-post li minnu l-imsemmi sewwieq iwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh huwa jirritorna fi tmiem is-servizz tiegħu fl-assenza ta’ struzzjonijiet partikolari mill-persuna li timpjegah. |
|
27 |
Eżami tal-oriġini ta’ dan il-kunċett u tad-dispożizzjoni li fiha jidħol tippermetti li tiġi solvuta din il-mistoqsija. |
|
28 |
Fil-fatt, kif tosserva, essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 jikkodifika s-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2001, Skills Motor Coaches et (C‑297/99, EU:C:2001:37) li kienet tirrigwarda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal‑20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu, għal sewwieq, li jirreġistra kull ħin ieħor tax-xogħol jirrigwarda wkoll il-perijodi ddedikati għaċ-ċaqliq neċessarji biex jieħu pussess ta’ vettura suġġetta għall-obbligu li jinstalla u juża tagħmir ta’ kontroll (takografu) u li tkun tinsab f’post li ma huwiex id-dar ta’ dan is-sewwieq jew iċ-ċentru operattiv tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2001, Skills Motor Coaches et (C‑297/99, EU:C:2001:37, punt 35). |
|
29 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-kunċett ta’ “ċentru operattiv tal-persuna li timpjega” ma jistax jiġi ddefinit esklużivament skont kriterji marbuta mal-persuna li timpjega, b’mod partikolari mal-istruttura jew mal-organizzazzjoni tal-impriża ta’ trasport ikkonċernata, iżda għandu jieħu wkoll inkunsiderazzjoni kriterji relatati mal-persuna tas-sewwieq ikkonċernat. Għalhekk, dan il-kunċett ma jistax jiġi ekwiparat għal dak ta’ “sede” u lanqas ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li kull garaxx ta’ vetturi li jappartjeni lill-impriża ta’ trasport ikkonċernat jista’ jiġi kkunsidrat bħala ċentru operattiv tal-persuna li timpjega. L-imsemmi kunċett għalhekk jirrigwarda l-bażi konkreta jew il-“punt ta’ dħul” ta’ dan is-sewwieq, jiġifieri l-post fejn l-imsemmi sewwieq imur b’mod regolari biex jieħu pussess u jsuq vettura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3821/85, jew il-post li minnu huwa jwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh huwa jirritorna fi tmiem dan is-servizz fl-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr struzzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward tal-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Smit Reizen, C‑124/09, EU:C:2010:238, punti 24 sa 28 u 31). |
|
30 |
Fid-dawl tal-punti preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “ċentru operattiv tal-persuna li timpjega” hekk iddefinit jikkorrispondi, essenzjalment, ma’ dak ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” li jinsab fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006. |
|
31 |
Bl-istess mod, il-kunċett ta’ “xogħol ieħor” li jinsab f’din id-dispożizzjoni u li huwa ddefinit fl-Artikolu 4(e) ta’ dan ir-regolament bħala “l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta’ xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva [2002/15] ħlief ‘sewqan’, inkluż kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport” jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak ta’ “perijodi ta’ xogħol l-oħra kollha” li jinsab fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 3821/85. |
|
32 |
Għalhekk, meta sewwieq jieħu pussess ta’ vettura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 561/2006 f’post li huwa ċ-“ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn [dan] is-sewwieq hu normalment ibbażat”, kull ħin li huwa jgħaddi jsuq vettura li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biex imur f’dan iċ-ċentru ta’operazzjonijiet u biex jiġi lura minnu ma jistax jiġi kkategorizzat bħala “xogħol ieħor” fis-sens tal-Artikolu 4(e) tal-imsemmi regolament. |
|
33 |
B’hekk jidher li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 huwa intiż li jirregola sitwazzjoni speċifika, bl-esklużjoni ta’ kull sitwazzjoni oħra, jiġifieri dik li fiha s-sewwieq jieħu pussess tal-vettura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament f’post li ma huwiex il-post ta’ residenza tiegħu jew iċ-ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat. |
|
34 |
Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet li għandu l-intenzjoni li jilħaq dan ir-regolament, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri flimkien mal-premessa 17 tiegħu, li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa kkonċernati u s-sigurtà fit-toroq. Billi jieħu dawn l-għanijiet inkunsiderazzjoni, il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006, ma jistax jiġi ddefinit esklużivament fir-rigward ta’ kriterji funzjonali marbuta mal-organizzazzjoni interna tal-impriża ta’ trasport, iżda għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni kriterji relatati mal-persuna tas-sewwieq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Smit Reizen, C‑124/09, EU:C:2010:238, punt 24). |
|
35 |
Madankollu, il-fatt li tali post huwa iktar favorevoli għas-sewwieq ikkonċernat, b’mod partikolari minħabba lokalizzazzjoni ġeografika eqreb lejn il-post ta’ residenza tiegħu, ma jikkostitwixxix kriterju suffiċjenti biex dan jiġi kkategorizzat bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jikkaraterizzaw is-sitwazzjoni tas-sewwieq ikkonċernat, li l-post inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa effettivament il-bażi konkreta ta’ dan is-sewwieq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Smit Reizen, C‑124/09, EU:C:2010:238, punt 30). |
|
36 |
Għandu jingħad ukoll, bi tweġiba għal mistoqsija speċifika tal-qorti tar-rinviju, li, bla ħsara għall-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sewwieqa kkonċernati, ir-Regolament Nru 561/2006 ma jimponix il-preżenza ta’ installazzjonijiet sanitarji, ta’ spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ sabiex post, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi kkategorizzat bħala “ċentru ta’ operazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn is-sewwieq hu normalment ibbażat”, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006. |
|
37 |
Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel sat-tielet domandi tkun li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 561/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri post, bħal garaxx estern ta’ vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li minnu s-sewwieq ikkonċernat iwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh huwa jirritorna meta jtemm dan is-servizz, fl-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr ma jsegwi struzzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward. Il-preżenza possibbli, f’tali post, ta’ installazzjonijiet sanitarji jew ta’ spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ huwa mingħajr effett f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-prossimità ġeografika tal-post ta’ residenza ta’ dan is-sewwieq jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr madankollu ma jkun, fih innifsu, determinanti. |
Fuq ir‑raba’ domanda
|
38 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel tliet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
il-kunċett ta’ “ċentru ta’ operazzjonijiet tal-persuna li timpjega fejn is-sewwieq huwa normalment ibbażat” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jkopri post, bħal garaxx estern ta’ vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li minnu s-sewwieq ikkonċernat iwettaq b’mod regolari s-servizz tiegħu u li lejh huwa jirritorna meta jtemm dan is-servizz, fl-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet tiegħu u mingħajr ma jsegwi struzzjonijiet partikolari f’dan ir-rigward. Il-preżenza possibbli, f’tali post, ta’ installazzjonijiet sanitarji jew ta’ spazji ta’ interazzjoni soċjali jew ta’ mistrieħ huwa mingħajr effett f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-prossimità ġeografika tal-post ta’ residenza ta’ dan is-sewwieq jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr madankollu ma jkun, fih innifsu, determinanti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.
( i ) Fil-punti 12, 17 u 22 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.