|
30.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 112/31 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/689
tal-24 ta' April 2015
li ġġedded l-awtorizzazzjoni għall-prodotti eżistenti mill-qoton immodifikat ġenetikament MON 531 (MON-ØØ531-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2015) 2761)
(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-addittivi tal-ikel, il-materjali tal-għalf u l-addittivi tal-għalf prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat MON 531 tqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru1829/2003, u ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti skont l-Artikoli 8(1)(b) u 20(1)(b) tal-istess Regolament. |
|
(2) |
Fis-17 ta' April 2007, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għal addittivi tal-ikel, materjali tal-għalf u addittivi tal-għalf eżistenti prodotti minn qoton modifikat ġenetikament MON 531 (“l-applikazzjoni”). |
|
(3) |
Fis-16 ta' Ġunju 2011, Monsanto Europe S.A. talbet estensjoni tal-ambitu ta' applikazzjoni biex tinkludi ż-żejt taż-żerriegħa tal-qoton fl-ikel prodott minn qoton ġenetikament modifikat MON 531, li qabel ġie nnotifikat bħala prodott eżistenti b'konformità mal-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(4) |
L-ambitu tal-applikazzjoni kif estiż ikopri l-firxa sħiħa ta' użi kummerċjali attwali ta' ikel u għalf prodotti minn qoton kif definit fl-Artikoli 3(1)(c) u 15(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(5) |
Fis-16 ta' Settembru 2011, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“EFSA”) tat opinjoni favorevoli (2) skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. Hija kkonkludiet li l-prodotti derivati minn qoton ġenetikament modifikat MON 531, kif deskritti fl-applikazzjoni, huma bla periklu daqs prodotti derivati mill-kontroparti konvenzjonali tiegħu, fil-kuntest tal-użu maħsub tagħhom. |
|
(6) |
L-EFSA kkonkludiet li l-analiżi ta' trasferiment orizzontali tal-ġeni mill-qoton ġenetikament modifikat MON 531 għall-batterji ma indikatx riskju għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent fil-kuntest tal-użi maħsuba tiegħu, meta wieħed iqis li wieħed jistenna frekwenza baxxa tat-trasferiment tal-ġeni mill-pjanti għall-batterji meta mqabbla ma' dik bejn il-batterji, u l-esponiment baxx ħafna għad-DNA mill-qoton ġenetikament modifikat MON 531. |
|
(7) |
L-EFSA qieset il-mistoqsijiet speċifiċi kollha u t-tħassib li tqajjem mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 6(4) u 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(8) |
Konsegwentement, l-awtorizzazzjoni għandha tiġġedded għal prodotti minn qoton ġenetikament modifikat MON 531. |
|
(9) |
Għandu jiġi assenjat identifikatur uniku għal kull organiżmu ġenetikament modifikat kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (3). |
|
(10) |
Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-EFSA, ma jidher li hemm bżonn tal-ebda rekwiżiti ta' ttikkettjar speċifiċi għajr dawk stipulati fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għall-ikel, l-ingredjenti tal-ikel u għalf prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat MON 531. |
|
(11) |
L-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz tal-Clearing-House tal-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta' Kartaġena dwar il-Bijosikurezza għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikoli 9(1) u 15(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(13) |
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma tax opinjoni saż-żmien stabbilit mill-President tiegħu. Minħabba li tqies li kien meħtieġ att ta' implimentazzjoni, il-President ippreżenta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni lill-kumitat ta' appell għal aktar deliberazzjoni. Il-kumitat ta' appell ma ressaqx opinjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-organiżmu modifikat ġenetikament u l-identifikatur uniku
Il-qoton immodifikat ġenetikament (Gossypium hirsutum L. u Gossypium barbadense L.) MON 531, kif inhu speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni, hu assenjat l-identifikatur uniku MON-ØØ531-6, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 65/2004.
Artikolu 2
Tiġdid ta' awtorizzazzjoni
L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li ġejjin tiġġedded għall-finijiet tal-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni:
|
(a) |
ikel prodott minn qoton MON-ØØ531-6; |
|
(b) |
għalf prodott minn qoton MON-ØØ531-6. |
Artikolu 3
It-tikkettar
Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar previsti fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem tal-organiżmu” huwa “qoton”.
Artikolu 4
Ir-reġistru Komunitarju
L-informazzjoni stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.
Artikolu 5
Id-Detentur tal-awtorizzazzjoni
Id-dententur tal-awtorizzazzjoni għandha tkun Monsanto Europe S.A., il-Belġju, li tirrappreżenta lil Monsanto Company, l-Istati Uniti tal-Amerika.
Artikolu 6
Il-validità
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta' għaxar (10) snin mid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 7
Id-destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Monsanto Europe S.A., Avenue de Tervuren 270-272, B-1150 Brussell — il-Belġju.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2015.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) Il-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament (GMO); L-Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni EFSA-GMO-RX-MON531 għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-issoktar tat-tqegħid fis-suq ta' żejt taż-żerriegħa tal-qoton eżistenti, addittivi tal-ikel, materjali tal-għalf u addittivi tal-għalf magħmulin mill-qoton MON 531 li ġew notifikati skont l-Artikoli 8(1)(a), 8(1)(b) u 20(1) (b) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 minn Monsanto. EFSA Journal 2011;9(9):2373. [1-30] doi:10.2903/j.efsa.2011.2373.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta' identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1).
ANNESS
(a) L-applikant u d-detentur tal-Awtorizzazzjoni
|
Isem |
: |
Monsanto Europe S.A. |
|
Indirizz |
: |
Avenue de Tervuren 270-272, B-1150 Brussels — Il-Belġju |
F'isem Monsanto Company — 800 N. Lindbergh Boulevard — St. Louis, Missouri 63167 — l-Istati Uniti tal-Amerika.
(b) Id-desinjazzjoni u l-ispeċifikazzjoni tal-prodotti
|
1. |
Ikel prodott minn qoton MON-ØØ531-6; |
|
2. |
Għalf prodott minn qoton MON-ØØ531-6. |
Il-qoton ġenetikament modifikat MON-ØØ531-6, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina Cry1Ac li tipprovdi reżistenza kontra ċerti parassiti lepidotteri. Il-ġene nptII, li tipprovdi reżistenza kanamiċina u neomiċina, u l-ġene aadA, li tipprovdi reżistenza spektinomiċina u streptomiċina, intużaw bħala markaturi selettivi fil-proċess ta' modifikazzjoni ġenetika.
(c) It-tikkettar
Għall-finijiet tar-rekwiżiti speċifiċi dwar it-tikkettar previsti fl-Artikoli 13(1) u 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-“isem tal-organiżmu” huwa “qoton”.
(d) Metodu għad-ditezzjoni
|
1. |
Metodu f'ħin reali speċifiku għall-avveniment ibbażat fuq il-PCR għall-kwantifikazzjoni tal-qoton MON-ØØ531-6; |
|
2. |
Ivvalidat fuq DNA ġenomika, estratta miż-żrieragħ mil-Laboratorju ta' Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/statusofdoss.htm; |
|
3. |
Materjal ta' Referenza: L-AOCS 0804-C u AOCS 0804-A huma aċċessibli permezz tal-American Oil Chemists Society fis-sit http://www.aocs.org/tech/crm. |
(e) L-identifikatur uniku
MON-ØØ531-6
(f) L-informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosigurtà tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
Mhux applikabbli.
(g) Il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet rigward it-tqegħid fis-suq, l-użu jew l-immaniġġjar tal-prodotti
Mhux meħtieġa.
(h) Pjan ta' monitoraġġ għall-effetti ambjentali
Mhux meħtieġ.
(i) Ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-użu tal-ikel għall-konsum mill-bniedem
Mhux meħtieġa.