European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2394

5.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2394

tal-20 ta’ Novembru 2025

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (2) (“il-Ftehim”), saħħaħ l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet fiskali bejn il-Partijiet Kontraenti u tejjeb il-konformità fiskali internazzjonali.

(2)

Bidliet importanti fl-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi ġew approvati fil-livell internazzjonali fis-26 ta’ Awwissu 2022 u ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 (3), li emendat id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (4).

(3)

Għalhekk, il-Ftehim jeħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-Prinċipat ta’ Monaco jkun allinjat mas-CRS aġġornat mill-1 ta’ Jannar 2026 u jkompli jseħħ f’konformità miegħu.

(4)

It-test tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD, Organisation for Economic Cooperation and Development) (“il-Protokoll Emendatorju”), li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti kif xieraq id-direttivi ta’ negozjar maħruġa mill-Kunsill.

(5)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2125 (5), il-Protokoll Emendatorju kien iffirmat fit-13 ta’ Ottubru 2025, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6)

Il-Protokoll Emendatorju u d-Dikjarazzjonijiet Konġunti mehmuża miegħu jenħtieġ li jiġu approvati f’isem l-Unjoni.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (7).

Artikolu 2

Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar il-Ftehim u l-Annessi, id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar l-Artikolu 5 tal-Ftehim u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti dwar id-dħul fis-seħħ u l-implimentazzjoni tal-Protokoll Emendatorju huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (8).

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  L-opinjoni tat-13 ta’ Novembru 2025 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 19, 21.1.2005, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2005/44(1)/oj.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2023/2226 tas-17 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat tassazzjoni (ĠU L, 2023/2226, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2226/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2125 tal-10 ta’ Ottubru 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet Fiskali żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (ĠU L, 2025/2125, 17.10.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2125/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(7)  It-test tal-Protokoll Emendatorju huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/2393, 5.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/2393/oj.

(8)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2394/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)