SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla)
18 ta’ Diċembru 2024 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Ċaħda ta’ kandidatura – Rikors għal annullament – Rappreżentanza ta’ istituzzjoni minn wieħed mill-membri tal-persunal tagħha – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Responsabbiltà – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑560/21,
TB, irrappreżentata minn L. Levi u N. Flandin, avukati,
rikorrenti,
vs
Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), irrappreżentata minn C. Chalanouli, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avukat,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. Truchot, President, M. Sampol Pucurull u T. Perišin (Relatriċi), Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑8 ta’ Novembru 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrenti, TB, titlob, minn naħa, l-annullament, fl-ewwel lok, tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) tal‑10 ta’ Novembru 2020 li ma jinkludix isimha fil-lista tal-kandidati magħżula għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” u, fit-tieni lok, essenzjalment, tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-ENISA tat‑12 ta’ Jannar 2021 li ma tintgħażilx il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Fl‑1 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ġiet irreklutata mill-ENISA bħala membru tal-persunal temporanju, fil-grad AD 9, skont l-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni Ewropea, sabiex tokkupa, matul perijodu ta’ tliet snin, sal‑31 ta’ Ottubru 2020, il-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Finanzi u Kuntratti pubbliċi”. |
|
3 |
Bejn il‑15 ta’ Mejju u s‑17 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrenti tqiegħdet fuq leave tal-mard. Mar-ritorn tagħha għax-xogħol, hija ġiet integrata mill-ġdid biex tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tal-Politika”. |
|
4 |
Fil-bidu tas-sena 2020, l-ENISA kienet is-suġġett ta’ riorganizzazzjoni, li fi tmiemha s-seba’ diviżjonijiet antiki li kienu jikkomponuha, fosthom id-diviżjonijiet “Finanzi u Kuntratti pubbliċi” u “Uffiċċju tal-Politika”, ġew ristrutturati f’sitt diviżjonijiet ġodda. |
|
5 |
Fis‑26 ta’ Frar 2020, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ENISA adotta d-Deċiżjoni Nru MB/2020/5, relatata mal-prinċipji dwar ir-riorganizzazzjoni interna tal-ENISA. Id-disa’ prinċipju stabbilit minn din id-deċiżjoni, intitolat “Ftuħ”, kien jipprevedi li “l-funzjonijiet il-ġodda u l-pożizzjonijiet ġodda fi ħdan l-ENISA [għandhom] jimtlew permezz ta’ kompetizzjonijiet ġenerali jew permezz ta’ mobbiltà interna, organizzati abbażi ta’ proċeduri miftuħa u evalwazzjoni trasparenti tal-merti u tat-talenti”. |
|
6 |
Fil‑5 ta’ Awwissu 2020, l-ENISA ppubblikat fis-sit internet tagħha żewġ avviżi dwar żewġ kompetizzjonijiet ġenerali sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” (ENISA-TA70-AD-2020-04) u ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” (ENISA-TA71-AD-2020-05) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Avviżi ta’ Pożizzjonijiet Vakanti tal‑5 ta’ Awwissu 2020”), fejn l-imsemmija diviżjonijiet kienu jagħmlu parti mis-sitt diviżjonijiet ġodda maħluqa matul ir-riorganizzazzjoni tal-ENISA. Kien previst li l-kandidat magħżul għal kull waħda minn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 9 għal perijodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġġedded għal perijodu indefinit. |
|
7 |
Fl‑1 ta’ Settembru 2020, id-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA adotta l-Informazzjoni Amministrattiva 2020–11 dwar il-konklużjonijiet tad-djalogi dwar il-mobbiltà interna. Dan id-dokument kien jippreżenta r-riżultati tad-djalogi mwettqa mal-kapijiet ta’ diviżjoni li kienu ġew identifikati għall-mobbiltà interna u kien jispeċifika li l-paragun bejn, minn naħa, il-kompiti u l-funzjonijiet eżistenti fil-kuntest tal-istrutturi attwali tal-ENISA u, min-naħa l-oħra, il-kompiti u l-funzjonijiet tal-unitajiet il-ġodda kien ippermetta li jinħatru l-pożizzjonijiet ta’ tliet kapijiet ta’ diviżjoni li setgħu jimtlew mill-mobbiltà interna. Il-pożizzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” u ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi Amministrattivi ta’ Appoġġ” ma kinux fost dawk identifikati bħala li setgħu jimtlew permezz tal-mobbiltà interna. |
|
8 |
Fis‑6 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat il-kandidaturi tagħha għaż-żewġ kompetizzjonijiet organizzati sabiex timtela, minn naħa, il-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” (iktar ’il quddiem l-“ewwel kompetizzjoni kontenzjuża”) u, min-naħa l-oħra, dik ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” (iktar ’il quddiem it-“tieni kompetizzjoni kontenzjuża”). |
|
9 |
Fis‑17 ta’ Settembru 2020, kull membru taż-żewġ Kumitati ta’ Selezzjoni stabbiliti għall-kompetizzjonijiet kontenzjużi mela u ffirma dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi. |
|
10 |
Permezz ta’ ittra tad-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA, innotifikata lir-rikorrenti fl‑10 ta’ Novembru 2020, din ġiet informata bid-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li ma jinkludix isimha fil-lista tal-kandidati magħżula għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”). |
|
11 |
Fl‑10 ta’ Diċembru 2020, l-isem tal-kandidata magħżula fil-kuntest tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża tħabbar verbalment mid-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA lill-membri tal-persunal kollha matul sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar ir-riorganizzazzjoni tal-ENISA. Il-ħatra tal-kandidata magħżula ġiet uffiċjalment ikkomunikata lill-persunal tal-ENISA permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021. |
|
12 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑3 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal aċċess għad-data personali tagħha dwar iż-żewġ kompetizzjonijiet kontenzjużi. |
|
13 |
Permezz ta’ posta elettronika tal‑10 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti ressqet talba għal aċċess għall-informazzjoni dwar iż-żewġ kompetizzjonijiet kontenzjużi, li permezz tagħha hija xtaqet tikseb informazzjoni dwar ir-riżultati tagħha u dawk tal-kandidati l-oħra. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021, riċevuta mir-rikorrenti fit‑3 ta’ Frar sussegwenti, l-ENISA rrispondiet għat-talba tagħha ta’ aċċess għal data personali, billi applikat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). B’mod partikolari, permezz ta’ din l-ittra, l-ENISA kkomunikat lir-rikorrenti, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha għall-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, filwaqt li kkonfermat li, wara l-intervista u l-eżami bil-miktub, hija ma kinitx laħqet il-livell meħtieġ sabiex isimha jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni u, it-tieni nett, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha għat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża, li tindika li hija ma kinitx laħqet il-limitu meħtieġ sabiex tgħaddi mill-ewwel fażi ta’ din il-kompetizzjoni. |
|
15 |
Fid‑9 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir- “Regolamenti tal-Persunal”), ressqet ilment kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-ENISA li ma jaċċettax il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ġunju 2021, l-ENISA ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). |
Talbiet tal‑partijiet
|
17 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
L-ENISA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id‑dritt
Fuq is‑suġġett tat‑talbiet għal annullament
Fuq l-identifikazzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tat-tieni kap ta’ talbiet
|
19 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tirriżulta b’mod impliċitu mill-kontenut tar-rikors, b’mod partikolari mill-argumenti żviluppati insostenn tal-motivi mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dan l-att jaqa’ taħt l-att imsemmi fit-talbiet tal-istess tilwima u li l-konvenut seta’ jipproċedi għal tali identifikazzjoni u, għaldaqstant, ma jkunx ġie ppreġudikat fid-drittijiet tad-difiża tiegħu (ara is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Il-Parlament vs Moi, C‑246/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:1026, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
20 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni identifikata fl-iskeda tal-annessi tar-rikors bħala li tikkorrispondi għall-Anness A.26 tal-fajl. Dan l-anness jinkludi l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021, imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, li permezz tagħha l-ENISA wieġbet għat-talba tagħha għal aċċess għad-data personali li tikkonċernaha. |
|
21 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021 la għandha l-għan u lanqas l-effett li tinforma lir-rikorrenti bil-fatt li l-kandidatura tagħha ma ntlaqgħetx għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”, iżda hija intiża biss sabiex twieġeb għat-talba tagħha għall-komunikazzjoni tad-data personali tagħha, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
22 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, fid-data tat-talba tagħha għall-komunikazzjoni tad-data personali, ir-rikorrenti kienet diġà saret taf bl-isem tal-kandidata magħżula sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”, li kienet ġiet imħabbra verbalment mid-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA fl‑10 ta’ Diċembru 2020 waqt sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, u sussegwentement ikkomunikata uffiċjalment lill-persunal tal-ENISA permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021. |
|
23 |
Konsegwentement, hija l-komunikazzjoni uffiċjali, permezz tal-posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021, tal-isem tal-kandidata magħżula sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” li tikkonkretizza d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-ENISA li ma tintgħażilx il-kandidatura tar-rikorrenti għall-imsemmija pożizzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni uffiċjali ta’ din l-informazzjoni timplika neċessarjament iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża. |
|
24 |
Għaldaqstant, sa fejn l-ittra elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021 taqa’, flimkien mal-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021, taħt tilwima waħda, sa fejn l-ENISA kienet f’pożizzjoni li twettaq tali identifikazzjoni u, għaldaqstant, ma ġietx ippreġudikata fid-drittijiet tad-difiża tagħha, hemm lok li jitqies li t-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-ENISA li ma tintgħażilx il-kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” jirrigwardaw id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Jannar 2021, li tinsab fl-Anness A.25 tal-fajl (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), u mhux l-ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021. |
Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment
|
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv, kif previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jifformaw parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment ikun dirett kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu l-effett li jadixxi lill-qorti bl-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu jkun sar l-ilment, ħlief fil-każ fejn iċ-ċaħda tal-ilment tkun ta’ portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu dan l-ilment ikun sar (ara is-s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2022, JS vs SRB, T‑271/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:652, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment sempliċement tikkonferma l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ikkontestati (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), mingħajr ma għandha portata differenti. Il-fatt li l-Bord ta’ Tmexxija tal-ENISA kellu, bi tweġiba għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, jipprovdi preċiżazzjonijiet dwar il-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma jistax jiġġustifika li ċ-ċaħda tal-ilment titqies bħala att awtonomu li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti, peress li l-motivazzjoni tal-imsemmija ċaħda tikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dik tad-deċiżjonijiet li kontrihom tressaq dan l-ilment. Konsegwentement, ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti għandu jitqies li huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-legalità tagħhom għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. |
|
27 |
Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jitqiesu li huma diretti biss kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. |
Fuq l‑ammissibiltà
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar ir-rappreżentanza tal-ENISA
|
28 |
B’risposta għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti ssostni li l-kundizzjoni ta’ rappreżentanza minn avukat indipendenti u suffiċjentement distakkat mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta, stabbilita mill-ġurisprudenza, ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ, minħabba li wieħed mill-aġenti li jirrappreżentaw lill-ENISA f’din l-istanza hija l-persuna magħżula għal wieħed mill-impjiegi kontenzjużi. |
|
29 |
L-ENISA tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti minħabba, b’mod partikolari, l-istatus ta’ ko-aġent ta’ din il-persuna fi ħdan grupp ta’ tliet aġenti, assistiti minn avukat. Madankollu, sabiex tiġi evitata kull apparenza ta’ nuqqas ta’ indipendenza, l-ENISA rrevokat il-mandat ta’ tnejn mit-tliet aġenti inizjalment maħtura sabiex jiżguraw ir-rappreżentanza tagħha, filwaqt li żammet il-mandat ad litem li jaħtar it-tielet aġenti, assistit mill-istess avukat. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 ta’ dan l-istatut: “L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat. […] Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat. […]” |
|
31 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi dan li ġej: “Il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentati minn aġent jew minn avukat fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea]”. |
|
32 |
Skont l-Artikolu 1(2)(g) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kelma “istituzzjonijiet” tindika l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 13(1) TUE u l-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat għall-eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
33 |
Għalhekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, meta tkun parti f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ENISA, li tikkostitwixxi organu inizjalment maħluq mir-Regolament (KE) Nru 460/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal‑10 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 35), u issa rregolata mir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU 2019, L 151, p. 15), għandha tkun irrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali minn aġent għal kull kawża, assistit, jekk ikun il-każ, minn konsulent jew minn avukat. |
|
34 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-għan tar-rappreżentanza minn avukat, tal-partijiet mhux imsemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti, minn naħa, li jipprekludi li l-partijiet privati jaġixxu huma stess fi proċeduri ġudizzjarji mingħajr ma jirrikorru għal intermedjarju u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxi li l-persuni ġuridiċi jiġu difiżi minn rappreżentant li jkun suffiċjentement distakkat mill-persuna ġuridika li huwa jirrappreżenta (ara is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għan tal-missjoni ta’ rappreżentanza minn avukat bħal f’dan il-każ, huwa imsemmi fit-tielet u fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li huwa eżerċitat fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa qabel kollox li jiġu protetti u difiżi bl-aħjar mod l-interessi tal-mandant, b’indipendenza sħiħa kif ukoll fl-osservanza tal-liġi, tar-regoli professjonali u tal-etika (ara is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Il-kundizzjoni tal-indipendenza tal-avukat hija ddefinita mhux biss b’mod negattiv, jiġifieri mill-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda wkoll b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għall-etika (ara is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fir-rigward tad-definizzjoni pożittiva tal-kunċett ta’ “indipendenza”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat espressament li dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jeżiġi mhux l-assenza ta’ kwalunkwe rabta bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iżda biss ta’ rabta li kienet tippreġudika manifestament il-kapaċità tal-avukat li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’osservanza tal-liġi u tar-regoli professjonali u ta’ etika (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fil-fatt, billi tapplika l-kundizzjoni ta’ indipendenza imposta mid-dritt tal-Unjoni għar-rappreżentanti tal-partijiet mhux ipprivileġġati, il-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ limitat sa fejn tillimita ruħha li tissanzjona b’inammissibbiltà lir-rikors li jkollha quddiemha fil-każijiet li fihom jidher b’mod manifest li r-rappreżentant ikkonċernat ma huwiex f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni ta’ difiża tiegħu billi jservi bl-aħjar mod l-interessi tal-klijent tiegħu, b’tali mod li dan ir-rappreżentant għandu jiġi miċħud fl-interess ta’ dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Universität Bremen vs REA, C‑110/21 P, EU:C:2022:555, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Fit-tielet lok, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq ġiet żviluppata biss fir-rigward tar-rappreżentanza minn avukat tal-partijiet mhux privileġġati fis-sens tat-tielet u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
40 |
Issa, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 33 iktar ’il fuq, peress li l-ENISA għandha tkun irrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali minn aġent, jekk ikun il-każ assistit minn avukat, hija parti privileġġata fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
41 |
Konsegwentement, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq ma humiex applikabbli għall-ENISA. |
|
42 |
Fir-raba’ lok, anki jekk jitqies li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 sa 38 iktar ’il fuq jistgħu jiġu trasposti għall-partijiet privileġġati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżultax li dan iqiegħed f’dubju l-indipendenza tat-tielet aġent jew dik tal-avukat li jirrappreżenta lill-ENISA f’din l-istanza. |
|
43 |
Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti
|
44 |
L-ENISA ssostni li r-rikorrenti ma għadx għandha interess ġuridiku sa fejn hija rriżenjat madwar għaxart ijiem wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors. Għalhekk, hija tenfasizza li r-rikorrenti rriżenjat volontarjament sabiex tokkupa impjieg ieħor, li juri li hija ma xtaqitx iktar taħdem għall-ENISA. |
|
45 |
Skont l-ENISA, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ uffiċjal b’invalidità, li ma għażilx li jsib ruħu f’sitwazzjoni medika li tipprekludih milli jeżerċita l-attività tiegħu u li, jekk jinsab f’sitwazzjoni riversibbli, jista’ jerġa’ jibda l-attivitajiet li huwa telaq. |
|
46 |
Barra minn hekk, l-ENISA ssostni li, jekk ir-rikorrenti tirbaħ il-kawża, hija ma tintegrax mill-ġdid awtomatikament il-funzjonijiet tagħha fi ħdan l-ENISA, peress li isimha jkun, skont l-eżekuzzjoni tas-sentenza, inkluż fil-lista ta’ riżerva, mingħajr dritt suġġettiv li tintgħażel u li tingħata kuntratt ġdid. |
|
47 |
L-ENISA tikkontesta wkoll l-argument tar-rikorrenti li hija għad għandha interess ġuridiku sabiex l-illegalità allegata ma tirrepetix ruħha fil-futur fil-kuntest ta’ proċedura analoga. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti issa taħdem għal persuna oħra u li l-interess tagħha li tkompli din l-istanza huwa purament legali. |
|
48 |
Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-allegazzjonijiet ta’ ENISA. |
|
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jikseb vantaġġ għall-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull rikors ġudizzjarju, għandha titressaq mir-rikorrent (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
50 |
Dan l-interess ġuridiku għandu jkun reali u attwali. Dan l-interess ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika. Fid-dawl tal-iskop tar-rikors, dan l-interess għandu jeżisti fl-istadju tal-preżentata tiegħu taħt piena ta’ inammissibbiltà u għandu jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, għaliex fl-assenza tiegħu ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni. Il-qorti adita bl-istanza tista’ tqajjem ex officio u f’kull mument tal-proċedura n-nuqqas ta’ interess ta’ parti li żżomm it-talba tagħha, minħabba fatt li jkun seħħ wara d-data tar-rikors promotur (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il-Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
51 |
Fil-fatt, jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent jintemm matul il-proċedura, deċiżjoni fuq il-mertu mill-Qorti Ġenerali ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 43). |
|
52 |
Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li uffiċjal li, bir-riżenja tiegħu, wera r-rieda tiegħu li jieqaf ikun parti mill-istituzzjoni li fiha kienu vakanti l-impjiegi mimlija mill-att ikkontestat, bħala prinċipju, jitlef l-interess personali għall-annullament ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1975, Marenco et vs Il-Kummissjoni, 81/74 sa 88/74, EU:C:1975:139, punti 6 u 7). |
|
53 |
Ċertament, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent mhux neċessarjament jisparixxi minħabba l-fatt li l-att ikkontestat waqaf jipproduċi effetti fil-mori tal-kawża. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata minn dan l-att tista’ żżomm interess fl-att li hija talbet l-annullament tiegħu sabiex tikseb it-tqegħid lura fl-istat tas-sitwazzjoni tagħha jew sabiex twassal lill-awtur tal-att ikkontestat ikollu jwettaq, fil-futur, l-emendi adegwati u b’hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ ripetizzjoni tal-illegalità li biha l-att ikkontestat ikun allegatament ivvizzjat. Anki fil-każ fejn, minħabba ċ-ċirkustanzi, ikun impossibbli li jiġi implimentat l-obbligu tal-istituzzjoni li l-att tagħha jkun ġie annullat, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza li tkun tat dan l-annullament, ir-rikors għal annullament jista’ jżomm interess bħala bażi għal eventwali rikors għal danni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Camerin vs Il-Kummissjoni, C‑63/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:516, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
54 |
Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull rimedju ġudizzjarju. B’mod partikolari, sabiex ir-rikors għal annullament ta’ att ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika jkun ammissibbli, ir-rikorrent għandu jiġġustifika b’mod rilevanti l-interess li l-annullament ta’ dan l-att jippreżenta għalih (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Camerin vs Il-Kummissjoni, C‑63/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:516, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
55 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti rriżenjat mill-ENISA fis‑7 ta’ Ottubru 2021, jiġifieri kważi xahar wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, peress li r-rikors ġie ppreżentat fit‑2 ta’ Settembru 2021. Permezz tar-riżenja tagħha, ir-rikorrenti b’hekk uriet ir-rieda tagħha li tieqaf taħdem għall-ENISA. |
|
56 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti żiedet mat-talbiet tagħha għal annullament talbiet għal kumpens bl-għan li jiġi kkumpensat id-dannu morali tagħha minħabba l-illegalitajiet allegatament imwettqa mill-ENISA. Hija tenfasizza li hija għad għandha interess ġuridiku sabiex titlob, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet. |
|
57 |
Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, minkejja li r-rikorrenti rriżenjat wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, hija għandha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il‑mertu
Fuq it-talbiet għal annullament
|
58 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn jirriżultaw mid-deċiżjoni impliċita li ma jiġux identifikati l-pożizzjonijiet ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tal-Politika” u ta’ Kap tad-Diviżjoni “Finanzi u Kuntratti Pubbliċi” bħala li jistgħu jiġu okkupati permezz tal-mobbiltà interna u tal-Avviżi ta’ Pożizzjoni Vakanti tal‑5 ta’ Awwissu 2020, peress li din id-deċiżjoni u dawn l-avviżi huma, skont ir-rikorrenti, ukoll illegali. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn dan jinkludi l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni. It-tielet motiv huwa invokat biss kontra l-ewwel deċiżjoni kkontestata u huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tal-Bord tal-Għażla, fuq il-ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru MB/2013/6 tal-Bord ta’ Tmexxija tal-ENISA, dwar ir-regoli interni ta’ proċedura għall-Bord tat-Tmexxija tal-ENISA u l-Bord Eżekuttiv tal-ENISA. |
|
59 |
Hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina fl-ewwel lok it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sa fejn dan jinkludi l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
|
60 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-ENISA ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jinkludi d-dritt li tkun f’pożizzjoni li tirċievi informazzjoni suffiċjenti sabiex tikkontesta att legali. |
|
61 |
Fir-rigward tal-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li din kienet tindika biss li l-Kumitat ta’ Selezzjoni ma kienx f’pożizzjoni li jinkludi isimha fil-lista tal-kandidati magħżula għall-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża. |
|
62 |
Ir-rikorrenti tippreċiża li kien biss wara t-talbiet tagħha tat‑3 u tal‑10 ta’ Jannar 2021 li hija finalment irċeviet, fit‑3 ta’ Frar 2021, l-evalwazzjoni tal-intervista tagħha u tal-eżami bil-miktub tagħha, li jikkonsistu f’formola ta’ evalwazzjoni u tabella li tinkludi kummenti u marki. |
|
63 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni li hija rċeviet ma tippermettilhiex tifhem il-korrispondenza bejn il-kummenti u n-noti fit-tabella, peress li ċerti kummenti pożittivi ħafna jikkorrispondu għan-nota ta’ 7.5/10, filwaqt li kummenti oħra wkoll pożittivi ħafna u ma fihom ebda kritika jikkorrispondu għan-nota ta’ 6.5/10. |
|
64 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li ebda informazzjoni addizzjonali ma takkumpanja l-eżami bil-miktub li għalih hija kisbet il-marka ta’ 23.5/40. |
|
65 |
Fir-rigward tat-tieni deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tenfasizza li hija saret taf li l-kandidatura tagħha għat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża kienet ġiet miċħuda meta d-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA kien ħabbar, permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021, indirizzata lill-persunal tal-ENISA, l-isem tal-kandidata magħżula għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”. |
|
66 |
Ir-rikorrenti tippreċiża li kien biss wara li talbitha li hija finalment irċeviet, fit‑3 ta’ Frar 2021, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha għat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża. |
|
67 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni sommarja tal-evalwazzjoni tagħha ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza u ma tippermettilhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom hija lanqas biss tqieset bħala ammissibbli għall-kompetizzjoni, minkejja l-esperjenza professjonali preċedenti tagħha miksuba fi ħdan l-ENISA matul perijodu ta’ tliet snin bħala Kap tad-Diviżjonijiet “Finanzi u Kuntratti Pubbliċi” u “Uffiċċju tal-Politika”. |
|
68 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li jeżistu inkoerenzi bejn il-formola ta’ evalwazzjoni relatata mal-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv” u dik relatata mal-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”. |
|
69 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti ssostni li kellha tirċievi informazzjoni dwar il-kandidati l-oħra, skont il-punt 5 tal-Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti tal‑5 ta’ Awwissu 2020, skont liema “[k]ull talba għal informazzjoni relatata mal-kompetizzjoni, inklużi dawk relatati mar-riżultati tal-kandidati, għandhom jintbagħtu fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej”. |
|
70 |
L-ENISA tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha tkun motivata. Dan l-obbligu jikkorrispondi għal dak previst, b’mod iktar ġenerali, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 41 tal-Karta, li jirrigwarda l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari fil-punt (ċ) tal-paragrafu 2 tiegħu. |
|
72 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ din id-deċiżjoni u li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
73 |
Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju u li l-assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
Għalhekk, l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha ma jikkostitwixxix biss, b’mod ġenerali, l-espressjoni tat-trasparenza tal-azzjoni tal-amministrazzjoni, iżda għandu jippermetti wkoll lill-individwu jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalih li jressaq kawża quddiem qorti. Għalhekk, teżisti rabta mill-qrib bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, JR vs Il-Kummissjoni, T‑435/20, EU:T:2021:608, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
76 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-assenza ta’ motivazzjoni tista’ tiġi kkonstatata anki meta d-deċiżjoni inkwistjoni tinkludi ċerti elementi ta’ motivazzjoni. B’hekk, motivazzjoni kontradittorja jew li ma tinftehimx hija ekwivalenti għal assenza ta’ motivazzjoni. L-istess japplika meta l-elementi ta’ motivazzjoni li jinsabu fid-deċiżjoni inkwistjoni jkunu tant lakuni li bl-ebda mod ma jippermettu lid-destinatarju tagħha, fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, li jifhem ir-raġunament tal-awtur tagħha. Huwa għalhekk li l-eżistenza ta’ bidu ta’ motivazzjoni hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni ddettaljata mill-qorti tal-Unjoni, meta din għandha tiddeċiedi jekk motivazzjoni addizzjonali hijiex ammissibbli fil-mori tal-kawża (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
77 |
Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan is-sigriet ġie stabbilit bil-għan li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bordijiet tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet u l-oġġettività tal-ħidma tagħhom, billi jiġu protetti minn kull interferenzi u pressjonijiet esterni, sew jekk dawn joriġinaw mill-amministrazzjoni tal-Unjoni stess, mill-kandidati kkonċernati jew minn terzi. L-osservanza ta’ dan is-sigriet tipprekludi għalhekk kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet adottati mill-membri individwali tal-Bordijiet tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar tal-elementi kollha li jikkonċernaw evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva dwar il-kandidati (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
78 |
Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla għandu, f’dawn il-kundizzjonijiet, jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ħidma inkwistjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 25). |
|
79 |
Il-ħidma ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tinkludi, b’mod ġenerali, minn tal-inqas żewġ stadji distinti, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-eżami tal-kandidaturi sabiex jintgħażlu l-kandidati ammessi għall-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, l-eżami tal-kapaċitajiet tal-kandidati fid-dawl tal-pożizzjoni li għandha timtela, sabiex titħejja lista ta’ riżerva (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk l-ENISA osservatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn dan jinkludi l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
– Fuq l-ewwel deċiżjoni kkontestata
|
81 |
Fl-ewwel lok, mill-punt 4 tal-Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, li jinsab fl-Anness A.26 tal-fajl, jirriżulta li, sabiex jimla l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv”, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kellu, inizjalment, jevalwa jekk il-kandidati kellhomx il-“Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa” sabiex jitqiesu eliġibbli għall-finijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni. |
|
82 |
Sussegwentement, mill-punt 5 tal-imsemmi avviż jirriżulta li, fit-tieni stadju, il-kandidati meqjusa eliġibbli kienu mistiedna jissottomettu ruħhom għal “proċedura ta’ selezzjoni” li tikkonsisti f’żewġ eżamijiet: intervista u eżami bil-miktub. |
|
83 |
F’dan il-każ, mill-punt 10 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl‑10 ta’ Novembru 2020, id-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni li isimha ma jiġix inkluż fil-lista tal-kandidati magħżula fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni. Kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq, wara t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex tikseb l-aċċess għad-data personali tagħha, l-ENISA kkomunikatilha, fid‑29 ta’ Jannar 2021, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha fil-kuntest tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, filwaqt li kkonfermat li, wara l-intervista u l-eżami bil-miktub, hija ma kinitx laħqet il-limitu meħtieġ sabiex isimha jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni. |
|
84 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel deċiżjoni kkontestata taqa’ taħt it-tieni stadju tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, kif imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq. |
|
85 |
Fit-tieni lok. mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-tieni stadju tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet huwa qabelxejn ta’ natura komparattiva u, minħabba f’hekk, kopert mis-sigriet inerenti għal din il-ħidma (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
86 |
Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi kkonċiljat, waqt kompetizzjoni jew, b’mod aktar ġenerali, proċedura ta’ selezzjoni, mal-osservanza tas-sigriet tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla, b’tali mod li l-komunikazzjoni tal-marki tal-kandidat, peress li jirriflettu l-evalwazzjonijiet komparattivi li saru mill-Bord tal-Għażla, jikkostitwixxu, fil-prinċipju, motivazzjoni suffiċjenti (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
87 |
Madankollu, mill-punt 73 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. |
|
88 |
B’mod partikolari, fil-qasam tal-kompetizzjonijiet li jippermettu l-aċċess għal impjiegi ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju tal-Unjoni, wara t-tieni stadju tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, il-kandidat li jkun għadda mill-eżamijiet relatati ma’ dan it-tieni stadju għandu, bħala prinċipju, jirċievi l-marki miksuba f’dawn l-eżamijiet fl-istess ħin bħad-deċiżjoni li ismu ma jiġix inkluż fil-lista tal-kandidati magħżula fil-kuntest ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punti 50 sa 60). |
|
89 |
Fil-fatt, f’dan il-qasam partikolari, u bla ħsara għal ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawk li jikkaratterizzaw l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-ġurisprudenza ma tissuġġettax l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għat-tressiq ta’ kwalunkwe talba, kemm jekk ikun ilment minn qabel fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew talba għal eżami mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 31 u 41). |
|
90 |
Issa, għandu jiġi osservat li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej: “B’riferiment għall-kandidatura tiegħek għall-proċedura ta’ selezzjoni msemmija iktar ’il fuq u l-intervista u l-eżami bil-miktub li għalihom int ġejt imsejħa, din l-ittra għandha l-għan li tinformak li, wara evalwazzjoni fil-fond, il-Kumitat ta’ Selezzjoni ma setax jinkludi ismek fil-lista tal-kandidati li għaddew f’din l-okkażjoni. Din id-deċiżjoni ma taffettwax il-parteċipazzjoni tiegħek fi proċeduri ta’ selezzjoni futuri possibbli mill-ENISA u li għalihom inti tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà. Infakkrek li huwa neċessarju li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għal kull proċedura ta’ selezzjoni li tqajjem l-interess tiegħek. Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjak tal-interess li għandek fl-attivitajiet tal-ENISA u nawguralek kull suċċess fil-karriera futura tiegħek.” |
|
91 |
Minn dan isegwi li l-ewwel deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha r-rikorrenti saret taf biċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Uffiċċju tad-Direttur Eżekuttiv”, tinkludi biss indikazzjoni tal-fatt li ma rnexxietx fil-proċedura ta’ selezzjoni. B’dan il-mod, hija sempliċement tinforma lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha mingħajr ma tinnotifikaha bil-marki mogħtija mill-Kumitat ta’ Selezzjoni fil-kuntest taż-żewġ eżamijiet tal-proċedura ta’ selezzjoni. |
|
92 |
Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 14 iktar ’il fuq, fid‑29 ta’ Jannar 2021, l-ENISA kkomunikat lir-rikorrenti l-marki u l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha fil-kuntest tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, filwaqt li kkonfermat li, wara l-intervista u l-eżami bil-miktub, hija ma kinitx laħqet il-limitu meħtieġ sabiex isimha jiġi inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ din il-kompetizzjoni. |
|
93 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 12 sa 14 iktar ’il fuq, kien biss wara t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex tikseb l-aċċess għad-data personali tagħha li l-ENISA finalment ikkomunikatilha l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha fil-kuntest tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, filwaqt li semmiet il-marki li hija kienet irċeviet għaż-żewġ eżamijiet tal-proċedura ta’ selezzjoni. |
|
94 |
Fit-tielet lok, huwa vera li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla jista’, fl-ewwel stadju, jikkomunika biss lill-kandidati l-kriterji u r-riżultat tas-selezzjoni, filwaqt li jipprovdi ulterjorment spjegazzjonijiet individwali lil dawk il-kandidati li jitolbuh espressament (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
95 |
Madankollu, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali meħtieġa mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq ma humiex stabbiliti. Fil-fatt, l-ENISA lanqas ma sostniet, u wisq inqas uriet, li l-proċedura ta’ selezzjoni dwar l-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża kienet tikkorrispondi għal kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, b’tali mod li hija ma kinitx f’pożizzjoni, minn perspettiva prattika, li tagħti motivazzjoni suffiċjenti lil kull kandidat fi żmien xieraq u li hija setgħet tillimita ruħha li tipprovdi sussegwentement spjegazzjonijiet individwali lill-kandidati li kienu espressament talbu dan. |
|
96 |
Kif ġie ppreċiżat mill-ENISA waqt is-seduta, fost il-111-il kandidatura ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża, 14-il kandidat biss, fosthom ir-rikorrenti, ġew mistiedna għat-tieni stadju tal-imsemmija kompetizzjoni, li kien jikkonsisti f’intervista u f’eżami bil-miktub. F’dawn iċ-ċirkustanzi, li tintbagħat tweġiba ddettaljata lir-rikorrenti għalhekk ma kinitx twassal għal xogħol żejjed għall-ENISA, speċjalment meta din kienet deċiżjoni li kellha l-konsegwenza indiretta li ma tippermettix lil membru tal-persunal ikompli l-attività professjonali tiegħu għall-benefiċċju tal-aġenzija li għaliha hija kienet ħadmet għal iktar minn tliet snin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni, C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 58). |
|
97 |
Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn assenza ta’ motivazzjoni. |
– Fuq it-tieni deċiżjoni kkontestata
|
98 |
Fl-ewwel lok, mill-punt 4 tal-Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża, li jinsab fl-Anness A.26 tal-fajl, jirriżulta li, sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi”, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kellu, inizjalment, jevalwa jekk il-kandidati kellhomx il-“Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa” sabiex jitqiesu eliġibbli għall-finijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni. |
|
99 |
Sussegwentement, mill-punt 5 tal-imsemmi avviż jirriżulta li, fit-tieni stadju, il-kandidati meqjusa eliġibbli kienu mistiedna jissottomettu ruħhom għal “proċedura ta’ selezzjoni” li tikkonsisti f’żewġ eżamijiet: intervista u eżami bil-miktub. |
|
100 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 12 u 14 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża, ir-rikorrenti ma laħqitx il-livell meħtieġ sabiex tkun is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-“Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa” u b’hekk tiġi mistiedna tissottometti ruħha għall-intervista, u sussegwentement għall-eżami bil-miktub. |
|
101 |
Ċertament, mill-punt 4 tal-imsemmi Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti jirriżulta li l-operazzjoni tal-għażla tal-kandidaturi ġiet implimentata f’żewġ stadji. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-“Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa”, l-ewwel nett, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kellu jeżamina jekk il-kandidati kinux jissodisfaw il-“Kriterji ta’ Eliġibbiltà”. It-tieni nett, għall-kandidati li kienu jissodisfaw il-“Kriterji ta’ Eliġibbiltà”, il-Kumitat ta’ Selezzjoni kellu jeżamina jekk dawn kinux jissodisfaw il-“Kriterji ta’ Selezzjoni”, li jikkonsistu f’ħames “Kriterji ta’ Ponderazzjoni Għolja” u tliet “Kriterji b’Piż Baxx”. |
|
102 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-metodu ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji kien distint, sa fejn il-“Kriterji ta’ Selezzjoni” kienu akkumpanjati minn kwotazzjoni numerika, kuntrarjament għall-“Kriterji ta’ Eliġibbiltà”, xorta jibqa’ l-fatt li l-“Kriterji ta’ Selezzjoni”, li kienu intiżi sabiex jevalwaw id-detenzjoni ta’ ċerti diplomi, it-tul tal-esperjenza professjonali f’ċerti setturi u d-detenzjoni ta’ ċerti kompetenzi, kienu jikkorrispondu għal data oġġettiva u ma kinux suġġetti għal ġudizzji ta’ valur min-naħa tal-Bord tal-Għażla. Barra minn hekk, l-Avviż ta’ Pożizzjoni Vakanti jiddistingwi b’mod ċar l-evalwazzjoni tal-“Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa”, imsemmija fil-punt 4 tiegħu u li tinkludi l-“Kriterji ta’ Eliġibbiltà” u l-“Kriterji ta’ Selezzjoni”, mill-“proċedura ta’ selezzjoni” fil-veru sens tal-kelma, imsemmija fil-punt 5 tiegħu u li tinkludi l-intervista u l-eżami bil-miktub. |
|
103 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni deċiżjoni kkontestata taqa’ taħt l-ewwel stadju tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni msemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq. |
|
104 |
F’dan ir-rigward, dan l-ewwel stadju jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-każ ta’ kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki, f’paragun tal-kwalifiki prodotti mill-kandidati mal-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Peress li dan il-paragun isir abbażi ta’ data oġġettiva u barra minn hekk magħrufa minn kull wieħed mill-kandidati f’dak li jikkonċernahom, l-osservanza tas-sigriet marbut mal-ħidma tal-Bord tal-Għażla ma tipprekludix li tiġi kkomunikata din id-data oġġettiva u, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni li jservu bħala bażi għas-selezzjoni magħmula, fl-istadju tal-operazzjonijiet preliminari tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-persuni li l-kandidaturi tagħhom ikunu twarrbu qabel kull eżami personali jkunu f’pożizzjoni li jirrikonoxxu l-motivi possibbli għall-eliminazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
105 |
Barra minn hekk, anki meta l-Bord tal-Għażla għandu l-obbligu li jipprovdi, inizjalment, biss motivazzjoni sommarja, bħalma huwa l-każ f’kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, din il-motivazzjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-kompetizzjoni kkonċernata, mingħajr ma jkun mistenni mill-kandidati li huma jitolbu l-komunikazzjoni ta’ dawn ir-riżultati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punti 35 u 36). |
|
106 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-motivazzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ġiet informata bir-riżultat tal-kandidatura tagħha biss b’mod impliċitu meta, fl‑10 ta’ Diċembru 2020, l-isem tal-kandidata magħżula fil-kuntest tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża tħabbar verbalment mid-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA lill-membri tal-persunal kollha matul sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, u sussegwentement ikkomunikat uffiċjalment lill-persunal tal-ENISA permezz ta’ posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021. |
|
107 |
Mill-punti 12 u 14 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li kien biss wara li bagħtet iż-żewġ talbiet tat‑3 u tal‑10 ta’ Jannar 2021 li r-rikorrenti rċeviet, fit‑3 ta’ Frar 2021, l-evalwazzjoni tal-kandidatura tagħha għat-tieni kompetizzjoni kkontestata, li tindika li hija ma kinitx laħqet il-limitu meħtieġ sabiex tiġi ammessa tgħaddi mill-fażi segwenti tal-imsemmija kompetizzjoni. |
|
108 |
Kif ġie rrilevat fil-punt 23 iktar ’il fuq, hija l-komunikazzjoni uffiċjali, permezz tal-posta elettronika tat‑12 ta’ Jannar 2021, tal-informazzjoni dwar l-isem tal-kandidata magħżula sabiex timla l-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni “Servizzi ta’ Sostenn għall-Impriżi” li tikkonkretizza d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Selezzjoni tal-ENISA li ma tintgħażilx il-kandidatura tar-rikorrenti għall-imsemmija pożizzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni uffiċjali ta’ din l-informazzjoni implikat neċessarjament iċ-ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża. |
|
109 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li huwa b’mod totalment inċidentali li r-rikorrenti saret taf li hija ma kinitx ġiet ammessa tagħmel l-intervista u l-eżami bil-miktub, filwaqt li mill-punt 105 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kandidat f’kompetizzjoni li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ammissjoni fi tmiem l-ewwel stadju kif iddefinit fil-punt 104 iktar ’il fuq għandu, tal-inqas, jiġi informat bir-riżultat ta’ din il-proċedura ta’ reklutaġġ, u dan anki fil-każ ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża. Fil-fatt, ir-riżultat tal-proċedura ta’ reklutaġġ li fiha pparteċipa uffiċjal jew membru tal-persunal jikkostitwixxi informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta fi kwalunkwe każ lill-kandidati, peress li ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minnhom li jitolbu l-komunikazzjoni ta’ dan ir-riżultat, meta l-eżistenza tagħha stess ma tkunx magħrufa lilhom. |
|
110 |
Konsegwentement, għandu jiġi rrilevat li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn assenza ta’ motivazzjoni. |
|
111 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 73, 88 u 89 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-ENISA ma osservatx l-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjonijiet ikkontestati u, konsegwentement, kisret id-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta. |
|
112 |
Għandu jitfakkar li, meta qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-annullament ta’ miżura marbuta mal-proċeduri ta’ selezzjoni tal-persunal tal-Unjoni, hija għandha tipprova tikkonċilja l-interessi tal-kandidati żvantaġġati minn irregolarità mwettqa waqt din il-proċedura u l-interessi tal-kandidati l-oħra, b’tali mod li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-neċessità li tqiegħed lura l-kandidati ppreġudikati fid-drittijiet tagħhom, iżda wkoll l-aspettattivi leġittimi tal-kandidati diġà magħżula. Sabiex tagħmel dan, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità inkwistjoni u l-effetti tagħha, kif ukoll id-diversi miżuri possibbli sabiex tikkonċilja n-neċessità li r-rikorrent ippreġudikat jitqiegħed lura fid-drittijiet tiegħu, is-sitwazzjoni tat-terzi u l-interess tas-servizz. Jistgħu wkoll ikunu rilevanti, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, elementi bħan-numru ta’ persuni affettwati mill-irregolarità tal-proċedura ta’ selezzjoni u n-numru ta’ kandidati li għaddew (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Impriża Konġunta Fusion for Energy vs Galocha, C‑243/18 P, EU:C:2019:378, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
113 |
Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-difetti li jivvizzjaw id-deċiżjonijiet ikkontestati huma kkaratterizzati mill-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jikkostitwixxi formalità essenzjali u li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jitqajjem ex officio mill-qorti. It-tieni nett, mill-proċess ma jirriżultax li dawn id-difetti affettwaw biss id-deċiżjonijiet ikkontestati, b’tali mod li ma jistax jiġi eskluż li l-kandidati l-oħra li ma ġewx ammessi fi tmiem it-tieni fażi tal-ewwel kompetizzjoni kontenzjuża kif ukoll dawk li ma ġewx ammessi fi tmiem l-ewwel fażi tat-tieni kompetizzjoni kontenzjuża ġew ikkonfrontati bl-istess illegalità. It-tielet nett, l-eventwali annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma jimplikax neċessarjament il-ħatra tar-rikorrenti f’pożizzjoni waħda jew oħra ta’ kapijiet ta’ diviżjoni li għalihom hija kienet applikat. Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, anki jekk jitqies li l-ENISA, fil-kuntest tal-miżuri intiżi sabiex ir-rikorrenti tiġi stabbilita mill-ġdid fid-drittijiet tagħha, ikollha l-intenzjoni li tipproċedi bil-ħatra tagħha f’pożizzjoni waħda jew oħra ta’ kapijiet ta’ diviżjoni inkwistjoni f’din il-kawża, tali ħatra tista’ tikkontesta biss, jekk ikun il-każ, il-ħatra ta’ persuna waħda. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali ma tinsabx f’sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha s-soluzzjoni ta’ annullament għandha titqies bħala eċċessiva fir-rigward tad-drittijiet ta’ terzi. |
|
114 |
Għalhekk, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati insostenn tagħha, u li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti. |
Fuq it-talbiet għad-danni
|
115 |
Insostenn tat-talbiet għad-danni, ir-rikorrenti tqis li ġarrbet dannu morali li jirriżulta mill-illegalitajiet imwettqa mill-ENISA, li wasslu għaliha għal stress kbir u għal sentimenti qawwija ta’ inġustizzja u nuqqas ta’ rispett, li affettwaw is-saħħa tagħha kif ukoll id-dinjità tagħha. Hija tqis li d-dannu morali tagħha ma jistax jiġi kkumpensat bis-sempliċi annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Konsegwentement, hija titlob li l-ENISA tiġi kkundannata tħallasha kumpens evalwat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 5000. |
|
116 |
L-ENISA ma tressaqx argumenti dwar it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti. |
|
117 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni jippreżupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, in-natura reali u ċerta tad-dannu invokat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità allegata u dan id-dannu (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2021, Helbert vs EUIPO, T‑548/18, EU:T:2021:4, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
118 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dannu ta’ natura immaterjali jew morali jista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, jitqies li huwa kkumpensat b’mod adegwat u suffiċjenti permezz tal-annullament tal-att illegali li kkawżah (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, IMG vs Il-Kummissjoni, C‑619/20 P u C‑620/20 P, EU:C:2022:722, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
119 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tan-natura tal-illegalitajiet imwettqa mill-ENISA u tan-natura tad-dannu invokat, l-annullament tal-atti kkontestati huwa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ta’ natura li jiżgura kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali invokat. |
|
120 |
Għaldaqstant, it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati sa fejn jirrigwardaw id-dannu morali li jirriżulta mill-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
Fuq l‑ispejjeż
|
121 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-ENISA tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Truchot Sampol Pucurull Perišin Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Diċembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.