European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/632

24.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/632

tal-21 ta’ Jannar 2025

dwar il-ħatra tal-President tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu

(C/2025/632)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1620 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2024/1620, fid-9 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni ħejjiet lista qasira ta’ kandidati għall-ħatra bħala l-President tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-President”) u pprovdietha lill-Parlament Ewropew.

(2)

Il-Kunsill ġie infurmat bil-lista qasira fl-istess jum.

(3)

Skont l-Artikolu 68(3) tar-Regolament (UE) 2024/1620, il-mandat tal-President għandu jkun ta’ erba’ snin.

(4)

Skont l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2024/1620, fis-6 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għamlet proposta għall-ħatra tas-Sa Bruna Szego bħala l-President (“il-proposta”) u ppreżentat dik il-proposta lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni.

(5)

Fit-18 ta’ Diċembru 2024, il-Parlament Ewropew approva l-proposta.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li s-Sa Bruna SZEGO tinħatar bħala l-President għal mandat ta’ erba’ snin,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sa Bruna SZEGO hija b’dan maħtura President tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu għal mandat ta’ erba’ snin mis-16 ta’ Frar 2025.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fd-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)   ĠU L, 2024/1620, 19.6.2024, (ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1620/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/632/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)