|
25.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 53/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/293
tal-24 ta' Frar 2015
li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Liliputas (IĠP)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(2) u 52(3)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Litwanja biex tirreġistra d-denominazzjoni “Liliputas” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Il-Polonja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-avviż ta' oppożizzjoni tat-13 ta' Settembru 2013 u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tat-8 ta' Novembru 2013. L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli. |
|
(3) |
Bl-ittri tat-8 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom fi żmien sitt xhur skont il-proċeduri interni tagħhom. |
|
(4) |
Bil-kontra ta' dan, ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn il-Litwanja u l-Polonja. |
|
(5) |
Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(6) |
Bi qbil mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-parti opponenti allegat li r-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun ta' ħsara għal marki kummerċjali u għal prodotti b'isem li huwa kważi identiku, li ilhom legalment fis-suq Pollakk għal ħafna aktar minn ħames snin qabel ma ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (15 ta' Ġunju 2013); skont il-parti opponenti, din ir-reġistrazzjoni tkun ta' periklu għall-eżistenza tal-prodott li jismu “Liliput”, li huwa ġobon Pollakk b'karatteristiċi simili għal dawk tal-ġobon “Liliputas” u li ismu huwa simili fonetikament għal “Liliputas”. |
|
(7) |
Il-parti opponenti ssostni li t-terminu “Liliput” b'mod ġenerali jintuża fil-Polonja biex jirreferi għal prodotti li jkunu kkaratterizzati miċ-ċokon tagħhom u jintuża wkoll għall-ġobon. Hemm ġobon bl-isem ta' “Liliput” li ilu jiġi prodott u kkummerċjalizzat b'mod legali fil-Polonja sa mill-1971. Fl-istandards tal-kumpaniji, fl-istruzzjonijiet tekniċi, u fin-normi għall-użu tal-materja prima, il-ġobon “Liliput” huwa elenkat fost tipi oħrajn ta' ġobon, bħalma huma l-Gouda, l-Edam u l-Emmental. Dan it-terminu li bih imsemmi l-ġobon Pollakk, huwa popolari mal-konsumaturi Pollakki u ma għandu l-ebda rabta mal-ġobon Litwan. Għaldaqstant għandu jitqies bħala terminu ġeneriku għal ġobon ġeneriku fil-Polonja. Rigward il-prodott, il-ġobon “Liliput” Pollakk jixbaħ ħafna, fil-karatteristiki, fid-dehra, u fid-daqs lill-ġobon Litwan “Liliputas”. Finalment, qed tgħid il-parti opponenti, il-ġobnijiet “Liliput” u “Liliputas” huma prodotti simili għal xulxin, u t-tnejn li huma jużaw isem ġeneriku. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun twaqqaf lill-produtturi Pollakki milli jikkummerċjalizzaw il-ġobon “Liliput” tagħhom, jew, jekk xejn ieħor, milli jużaw l-isem “Liliput” għal tip ta' ġobon. |
|
(8) |
Il-parti opponenti ssostni wkoll li l-prodott u l-isem li se jiġu rreġistrati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Kif inhu ddikjarat fid-Dokument Uniku ppubblikat, il-ġobon issemma “Liliputas” minħabba ċ-ċokon tiegħu. Għaldaqstant, l-isem “Liliputas” ma jurix li l-prodott ġej minn xi post partikolari, iżda bħal isem il-ġobon Pollakk “Liliput” jirreferi biss għaċ-ċokon tal-ġobon. Barra minn hekk, il-kwalitajiet tal-prodott ma jistgħux jiġu attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu, iżda ġejjin sempliċiment mill-fatt li dan jiġi mmaturat bħala ġobniet tondi żgħar. L-impatt tal-moffa mikroskopika lokali Penicillium pallidum Smith fuq il-karatteristiki organolettiċi tal-“Liliputas” ma ġiex ippruvat. Barra minn hekk, il-fatt li l-prodott kien isir skont Standards tal-Istat fil-USSR (l-Unjoni ta' Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi) jikkonferma li seta' ġie prodott kullimkien fil-USSR u li ma hemm l-ebda rabta speċifika maż-żona ġeografika ddefinita. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġobon “Liliputas” għandu jitqies bħala prodott ġeneriku. |
|
(9) |
Għadd kbir ta' produtturi tal-ġobon Pollakki ngħataw il-protezzjoni għal marki kummerċjali li jinkorporaw il-kelma “Liliput”, bħall-kelma u l-marka kummerċjali figurattiva “Cheesland Liliput” u “Ser liliput”, u l-marka kummerċjali użata, il-kliem “Serenada Liliput”. Il-produzzjoni tal-“Liliput” Pollakk hija sostanzjali: fl-2013 ġew prodotti 2 762 tunnellata fuq skala industrijali u ġew ikkummerċjalizzati madwar il-Polonja kollha minn 2 250 ħanut, u 4,8 % tal-produzzjoni ġiet esportata fis-suq tal-UE. 90 % tal-produzzjoni tal-ġobon “Liliput” hija protetta minn marka kummerċjali. Fil-fehma tal-parti opponenti, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun ta' ħsara għall-eżistenza ta' dawn il-marki kummerċjali. |
|
(10) |
Minkejja l-allegazzjonijiet imsemmijin hawn fuq li ressqet il-parti opponenti, jixraq li l-isem “Liliputas” jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta għar-raġunijiet li ġejjin. |
|
(11) |
Minkejja li l-isem “Liliputas” bilfors li oriġina minħabba ċ-ċokon tal-ġobna li jirreferi għaliha, jidher ċar li f'nofs seklu dak l-isem tilef l-assoċjazzjoni tiegħu maċ-ċokon fil-Litwanja, u fl-istess ħin kibret rabta soda bejnu u bejn iż-żona tal-produzzjoni tiegħu. Fil-Litwanja llum, l-isem “Liliputas” huwa mingħajr dubju marbut mal-ġobon iffermentat, kemxejn iebes u ta' kwalità għolja magħmul bl-idejn fir-raħal Belvederis. Il-konsumaturi Litwani ma' jassoċjawx lil dan l-isem ma' ġobon Pollakk jew ma' produzzjoni standard industrijali tal-ġobon. Għaldaqstant, minkejja li ma fihx referenza ġeografika, l-isem “Liliputas” jikkonforma mad-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 li jistipula li Indikazzjoni Ġeografika Protetta hija isem li jidentifika prodott li jkun joriġina minn post, reġjun, jew pajjiż speċifiku. |
|
(12) |
Fid-dawl ta' dan, l-isem “Liliputas” ma jistax jitqies bħala isem ġeneriku. L-ismijiet ġeneriċi huma ismijiet li minkejja li fl-imgħoddi kellhom rabta mal-post fejn oriġinarjament kienu ġew prodotti jew ikkummerċjalizzati l-prodotti li jirreferu għalihom, dawn issa bl-ebda mod ma għadhom marbutin ma' din l-oriġini ġeografika. Fil-każ tal-“Liliputas” ġara eżattament bl-oppost. Oriġinarjament dan l-isem ma kellu ebda assoċjazzjoni mal-oriġini ġeografika tal-ġobon, iżda llum għandu rabta qawwija maż-żona tal-produzzjoni ta' dan il-ġobon. |
|
(13) |
Il-prodott għandu kwalitajiet u reputazzjoni li huma attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu. Minkejja li d-Dokument Uniku ppubblikat jistqarr li l-ġobon ħa l-isem ta' “Liliputas” minħabba ċ-ċokon tiegħu, b'danakollu jagħmilha ċara wkoll li t-togħma u r-riħa speċifiċi tiegħu huma kkawżati mill-fatt li jiġi mmaturat bħala ġobniet tondi żgħar u permezz tal-mikroflora interni u l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith li tikber fil-kantini f'dik iż-żona ġeografika. Din il-moffa, li titrabba speċifikament fil-kantini tar-raħal Belvederis, tikkawża l-aċidu lattiku, it-togħma u r-riħa friski li jiddistingwu l-ġobon “Liliputas”. Iż-żona tipprovdi l-kundizzjonijiet speċjali biex tgħix din il-moffa. Barra minn hekk, il-fatt li l-ġobon isir bl-idejn u mingħajr l-użu ta' magni jgħin biex il-moffa tibqa' ħajja u tiżviluppa. Ta' min jgħid ukoll li l-“Liliputas” għandu reputazzjoni tajba dokumentata li hu l-prodott ewlieni fost il-prodotti tal-ħalib Litwani, li ġew deskritti b'mod preċiż fid-Dokument Uniku ppubblikat. |
|
(14) |
Għaldaqstant, id-distinzjonijiet bejn il-“Liliputas” u l-“Liliput” huma evidenti. Il-“Liliputas” ma jistax jitqies bħala prodott ġeneriku. |
|
(15) |
Rigward l-allegazzjonijiet li, peress li kien protett mill-istandards tal-USSR dan seta' jiġi prodott madwar l-USSR kollha, ta' min jinnota li l-inklużjoni tal-prodotti f'dan l-istandard dak iż-żmien kienet obbligatorja. Barra minn hekk, dawn iċ-ċirkostanzi ma jfissrux li l-prodott, kif inhu deskritt fl-istandard li ddaħħal bl-inizjattiva tal-Litwanja, qatt ġie prodott f'xi żona oħra. Bejn l-1969 u l-1979 dan il-prodott ingħata bosta premji, diplomi, marki ta' kwalità u medalji, u kien magħruf sew bħala ġobon Litwan prodott fir-raħal ta' Belvederis. |
|
(16) |
It-terminu “Liliput” jixbaħ fonetikament lit-terminu “Liliputas” li se jiġi rreġistrat. Iż-żewġ ismijiet li huma oriġinaw minħabba ċ-ċokon tal-ġobna. Minkejja li l-ġobon “Liliputas” huwa prodott bi karatteristiki, kwalitajiet u reputazzjoni distinti ħafna, il-ġobon “Liliput” għandu aspetti li jġibuh jixbah lill-ġobon “Liliputas”. Billi l-ismijiet huma simili, u minħabba x-xebh fid-dehra tal-prodotti, jekk tingħata l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jista' jirriżulta li, jekk il-“Liliputas” jiġi rreġistrat, dan iwaqqaf lill-produtturi tal-ġobon Pollakki milli jużaw it-terminu “Liliput”. |
|
(17) |
L-evidenza turi li l-użu ta' dan it-terminu “Liliput” qatt ma kien maħsub biex tiġi sfruttata r-reputazzjoni tal-isem “Liliputas”. Il-konsumaturi ma ġewx imqarrqa, u qatt ma setgħu jitqarrqu dwar l-oriġini veri taż-żewġ prodotti. Tabilħaqq, iż-żewġ prodotti jgawdu żewġt iswieq separati fejn huma magħrufin sew u fejn jiġu identifikati tajjeb. Għal dawn ir-raġunijiet, u billi ntwera li l-isem “Liliput” ilu jintuża b'mod konsistenti, legali u ġust, għal mill-inqas 25 sena qabel ma tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” lill-Kummissjoni, fl-interess tal-ekwità u tal-użu tradizzjonali, għandu jingħata l-perjodu tranżitorju massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(18) |
Din il-konklużjoni ma twassalx biex l-użu tal-isem “Liliput” isir illegali. Bi qbil mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jekk jista' jiġi stabbilit li, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti, u b'mod partikolari l-qagħda attwali taż-żoni ta' konsum tal-prodott u l-atti legali rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni, l-isem “Liliput” sar terminu ġeneriku u l-użu tiegħu ma jiġix affettwat bir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas”. |
|
(19) |
Rigward il-marki kummerċjali li fihom it-terminu “Liliput” u li kien hemm applikazzjoni għalihom, dawn kienu rreġistrati jew stabbiliti f'bonafidi fit-territorju tal-Unjoni qabel ma saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dawn il-marki kummerċjali jistgħu jibqgħu jintużaw u jiġġeddu għal dak il-prodott, sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ġenerali l-oħra skont il-leġiżlazzjoni dwar il-marki kummerċjali. |
|
(20) |
Fid-dawl ta' dan kollu, l-isem “Liliputas” għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. |
|
(21) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-prodotti agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Liliputas” (IĠP) huwa reġistrat.
L-isem fl-ewwel inċiż ta' dan l-Artikolu jidentifika prodott tal-klassi 1.3. Ġobon tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
It-terminu “Liliput” jista' jintuża biex jindika ġobon li ma jikkonformax mal-Ispeċifikazzjoni tal-“Liliputas” għal perjodu ta' 15-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU C 170, 15.6.2013, p. 46.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).