Official Journal L 295 , 29/10/1997 P. 0035 - 0036
Id-Direttiva tal-Kunsill 97/61/KE ta' l-20 ta' Ottubru 1997 li temenda l-Anness mad-Direttiva 91/492/KEE li tistabilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/492/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi l-Kapitolu V ta' l-Anness mad-Direttiva 91/492/KEE jistabilixxi l-valuri limiti aċċettabbli għal żewġ tipi tat-tossiku marin li jikkostitwixxu perikolu għas-saħħa pubblika; Billi hemm evidenza xjentifika li tossiku marin ġdid 'Amnesic Shellfish Poisoning' (ASP) li jista' jqiegħed f'perikolu s-saħħa tal-konsumatur deher fiż-żoni fejn huma prodotti l-molluski bivalvi ħajjin; Billi l-ħtiġiet tas-saħħa pubblika li jikkonċernaw molluski bivalvi ħajjin fil-Kapitolu V ta' l-Anness mad-Direttiva 91/492/KEE għandhom jiġu aġġustati sabiex jieħdu kont ta' dan it-tossiku marin ġdid; Billi valur limitu aċċettabbli għandu jiġi stabbilit għal dan it-tossiku marin ġdid, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika; Billi l-esperjenza wriet li d-dokument ta' reġistrazzjoni għall-identifikazzjoni tal-lottijiet ta' molluski previsti fil-punt 6 tal-Kapitolu II ta' l-Anness mad-Direttiva 91/492/KEE għandu jkun fih informazzjoni li tikkonċerna l-istatus tas-saħħa taż-żona ta' oriġini u kull purifikazzjoni jew operazzjonijiet ta' stabulazjoni li twettqu fuq il-molluski; Billi għandu jkun possibbli li tiġi ntraċċata l-oriġini ta' molluski bivalvi mqiegħda fis-suq; billi sabiex isir dan għandu jkun possibbli li l-informazzjoni murija fuq id-dokument tar-reġistrazzjoni tintrabat ma' kull lott imqiegħed fis-suq f'reġistru miżmum miċ-ċentru ta' kunsinna; Billi dokument standard ta' reġistrazzjoni jkun jinftiehem iktar faċilment minn operaturi u servizzi ta' spezzjoni tkun xi tkun il-lingwa li biha huwa mfassal; billi dan id-dokument standard għandu jiġi ntrodott mill-Kummissjoni, ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Anness mad-Direttiva 91/492/KE huwa hawnhekk emendat kif ġej: 1) il-punt 6 tal-Kapitolu II għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "6. Dokument ta' reġistrazzjoni għall-identifikazzjoni ta' lottijiet ta' molluski bivalvi ħajjin matul it-trasport miż-żona ta' produzzjoni lejn ċentru ta' kunsinna, ċentru ta' purifikazzjoni, żona ta' stabulazjoni jew impjant ta' l-ipproċessar għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti fuq it-talba ta' dawk li jiġborhom. Għal kull lott, minn jiġbru għandu jimla b'mod li jinqara u li ma jitħassarx is-sezzjonijiet rilevanti tad-dokument ta' reġistrazzjoni li għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja: - l-identità u l-indirizz ta' minn jiġbru, - id-data tal-ħsad, - il-lok taż-żona ta' produzzjoni deskritta f'dettal preċiż kif prattikabbli jew b'numru ta' kodiċi, - l-istatus tas-saħħa taż-żona ta' produzzjoni kif imsemmi fil-Kapitolu I, - l-ispeċi tal-molluski u l-kwantità indikata f'dettal preċiż kemm jista' jkun kif prattikabbli, - in-numru ta' approvazzjoni u l-post ta' destinazzjoni għat-tgeżwir, l-istabulazzjoni, il-purifikazzjoni jew l-ipproċessar. Id-dokument tar-reġistrazzjoni għandu jkun datat u ffirmat minn min jiġbru. Id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għandhom ikunu enumerati regolarment u f'sekwenza. L-awtorità kompetenti għandha zzomm reġistru li jindika n-numri tad-dokumenti tar-reġistrazzjoni flimkien ma' l-ismijiet tal-persuni li jiġbru l-molluski bivalvi ħajjin li lilhom jinħarġu d-dokumenti. Id-dokument tar-reġistrazzjoni għal kull lott ta' molluski bivalvi ħajjin għandu jiġi ttimbrat bid-data mal-kunsinna ta' lott f'ċentru tad-dispaċċ, ċentru ta' purifikazzjoni, żona ta' stabulazzjoni jew impjant ta' l-ipproċessar u għandu jinżamm mill-operaturi ta' dawk iċ-ċentri, żoni jew impjanti għal mill-inqas tnax-il xahar. B'żieda, min jiġbru huwa wkoll obbligat li jżommu għall-istess perijodu. Madankollu, jekk il-ġbir isir mill-istess personal li jopera ċ-ċentru tad-dispaċċ, iċ-ċentru ta' purifikazzjoni, iż-żona ta' stabulazzjoni jew l-impjant ta' pproċessar tad-destinazzjoni, id-dokument tar-reġistrazzjoni jista' jiġi sostitwit b'awtorizzazzjoni permanenti ta' trasport mogħtija mill-awtorità kompetenti. Dokument standard ta' reġistrazzjoni, li jkun fih referenza għall-ħtiġiet varji li għandhom jiġu nklużi fih u li huma msemmija fil-Kapitoli II, III u IV ta' dan l-Anness, jiġi ntrodott mill-Kummisjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 tad-Direttiva."; 2) il-punt 9 tal-Kapitolu III għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "9. wara l-ħsad miż-żona ta' stabulazzjoni, il-lottijiet għandhom, tul it-trasport miż-żona ta' stabulazzjoni lejn iċ-ċentru approvat ta' dispaċċ, iċ-ċentru ta' purifikazzjoni jew l-impjant ta' l-ipproċesar, ikollhom magħhom dokument ta' reġistrazzjoni, li mudell tiegħu għandu jitħejja mill-Kummisjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, li jistabilixxi, b'żieda għall-informazzjoni speċifikata fil-punt 6 tal-Kapitolu II ta' dan l-Anness, inter alia il-lok u n-numru ta' l-approvazzjoni taż-żona ta' stabulazzjoni u d-dewmien ta' l-istabulazzjoni, flimkien ma' kull informazzjoni oħra meħtieġa għall-identifikazzjoni u l-intraċċar tal-prodott. Madankollu, dan ta' hawn fuq m'għandux ikun meħtieġ meta l-istess personal jopera kemm fiż-żona ta' stabulazzjoni u kemm fiċ-ċentru tad-dispaċċ, iċ-ċentru ta' purifikazzjoni jew l-impjant ta' l-ipproċessar."; 3) it-tieni subparagrafu tal-punt 13 tas-sezzjoni III tal-Kapitolu IV għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "Ċentri ta' purifikazzjoni li jibagħtu lottijiet ta' molluski bivalvi ħajjin liċ-ċentri ta' dispaċċ għandhom jipprovdu dokument ta' reġistrazzjoni, li mudell tiegħu għandu jitħejja mill-Kummisjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, li jistabilixxi, b'żieda ma' l-informazzjoni speċifikata fil-punt 6 tal-Kapitolu II ta' dan l-Anness, inter alia in-numru ta' l-approvazzjoni u l-indirizz ta' l-impjant ta' purifikazzjoni u t-tul tal-purifikazzjoni, id-dati tad-dħul u l-ħruġ miċ-ċentru ta' purifikazzjoni, flimkien ma' kull informazzjoni oħra meħtieġa għall-identifikazzjoni u l-intraċċar tal-prodott."; 4) il-punt 4 tas-sezzjoni IV tal-Kapitolu IV għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: "4. Iċ-ċentri ta' dispaċċ għandu jkollhom għad-disposizzjoni ta' l-awtorità kompetenti dan li ġej: - ir-riżultati tat-testijiet mikrobijoloġiċi fuq molluski bivalvi ħajjin minn żona approvata ta' produzzjoni jew erja ta' stabulazzjoni jew minn impjant ta' purifikazzjoni, - id-dati u l-kwantitajiet ta' molluski bivalvi ħajjin imwassla fiċ-ċentru tad-dispaċċ, flimkien mad-dokumenti tar-reġistrazzjoni li jikkorrispondu, - id-dettalji tad-dispaċċ inklużi l-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarji, id-dati u l-kwantitajiet ta' molluski bivalvi ħajjin mibgħuta, flimkien man-numru/i ta' iskrizzjoni tad-dokument tar-reġistrazzjoni li jikkorrispondu/i. Din id-data għandha tiġi kklassifikata kronoloġikament u tiġi ppreżervata għal perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti, iżda mhux anqas minn tnax-il xahar."; 5) Il-punt li ġej għandu jiġi inserit fil-Kapitolu V: "7a. It-total ta' kontenut ta' Amnesic Shellfish Poison (ASP) fil-partijiet tal-molluski li jittieklu (il-ġisem sħiħ jew kull parti li tittiekel separatament) m'għandux jeċċedi 20 mikrogramma ta' aċidu domoic għal kull gramma bl-użu tal-metodu HPLC." Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Lulju 1998. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn id-disposizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jaddottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, l-20 ta' Ottubru 1997. Għall-Kunsill Il-President F. Boden [1] ĠU L 268, 24. 9. 1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994. --------------------------------------------------