|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3029 |
10.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3029
tal-21 ta’ Ottubru 2024
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti u fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit bil-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-istediniet biex il-Georgia taderixxi ma’ dawk il-Konvenzjonijiet
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti (1) u l-Konvenzjoni tal-20 ta’ Mejju 1987 dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (2) (flimkien il-“Konvenzjonijiet”), konklużi bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja u l-Konfederazzjoni Żvizzera, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1988. |
|
(2) |
Il-Georgia esprimiet ix-xewqa tagħha li taderixxi għall-Konvenzjonijiet ladarba tkun ikkonformat mar-rekwiżiti marbuta mal-adeżjoni tagħha. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti, il-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit minn dik il-Konvenzjoni jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jadotta stediniet biex il-pajjiżi terzi jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 15(3), il-punt (e), tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu, il-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit minn dik il-Konvenzjoni jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jadotta stediniet biex il-pajjiżi terzi jaderixxu ma’ dik il-Konvenzjoni. |
|
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitati Konġunti EU-CTC stabbiliti mill-Konvenzjonijiet, peress li d-deċiżjonijiet li jistiednu lill-Georgia taderixxi għall-Konvenzjonijiet se jkunu vinkolanti għall-Unjoni. |
|
(6) |
Il-Konvenzjonijiet se jiżguraw proċeduri effiċjenti għall-qsim tal-fruntieri bejn il-Georgia u l-partijiet għall-Konvenzjonijiet. |
|
(7) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitati Konġunti EU-CTC stabbiliti mill-Konvenzjonijiet fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistieden lill-Georgia taderixxi mall-Konvenzjonijiet jenħtieġ għalhekk li tkun favorevoli u tkun imsejsa fuq l-abbozzi mehmużin tad-deċiżjonijiet. |
|
(8) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-adeżjoni f’waqtha tal-Georgia mal-Konvenzjonijiet, huwa meħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata mingħajr dewmien, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt EU-CTC stabbilit mill-Konvenzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet fil-kummerċ tal-oġġetti fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistieden lill-Georgia taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tal-EU-CTC stabbilit mill-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistieden lill-Georgia taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni għandha tkun imsejsa fuq l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Wara l-adozzjoni tagħhom, id-deċiżjonijiet tal-Kumitati Konġunti EU-CTC imsemmija fl-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3029/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)