|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
|
C/2023/467 |
1.12.2023 |
P9_TA(2023)0119
Estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2023 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2024 (2022/2185(BUI))
(C/2023/467)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rekwiżiti tal-addizzjonalità fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), b’mod partikolari l-Premessa 90 u l-Artikolu 27 tagħha, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur (COM(2020)0789), b’mod partikolari l-paragrafu 9 tagħha dwar l-ivvjaġġar kollettiv; |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2022 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2023 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 (7) u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni annessi miegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 1970 dwar il-Ftehim bejn Ġentlomi dwar l-iskrutinju tan-nefqa baġitarja kkonsolidata bi ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill b'effetti vinkolanti għaż-żewġ istituzzjonijiet; |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Nofs it-Terminu 2024 tal-EMAS adottata mill-Kumitat ta' Tmexxija għall-Ġestjoni Ambjentali fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2020, |
|
— |
wara li kkunsidra l-istudju “L-impronta tal-karbonju tal-Parlament Ewropew – Lejn in-newtralità karbonika”; |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 14/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif jikkalkolaw, inaqqsu u jpaċu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra?, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE (8), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar ir-rwol eżemplari tal-bini tagħhom fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2024, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-13 ta' Marzu 2023 skont l-Artikolu 25(7) u l-Artikolu 102(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, |
|
— |
wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 102 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0153/2023), |
|
A. |
billi l-baġit propost fit-13 ta' Frar 2023 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2024 jammonta għal EUR 2 392 401 312 u jirrappreżenta żieda ta' 6,46 % jew EUR 145 miljun meta mqabbel mal-baġit tal-2023; |
|
B. |
billi l-Kummissjoni tipprevedi li r-rata tal-inflazzjoni tal-UE se tkun 6,4 % fl-2023 u 2,7 % fl-2024 fit-Tbassir (Interim) tagħha tax-Xitwa 2023; billi l-livell tan-nefqa fl-Intestatura 7 tal-QFP 2021-2027 huwa bbażat fuq żieda annwali ta' 2 %; |
|
C. |
billi huwa tal-akbar importanza li tiġi protetta l-vuċi demokratika tal-Parlament, b'mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, b'mod partikolari l-gwerra illeġittima tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-baġit tal-Parlament jeħtieġ li jkun mgħammar b'mod adegwat biex iħejji u jwettaq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024 u jikkomunika dwar l-importanza tal-impenn demokratiku u tal-votazzjoni; |
|
D. |
billi l-kredibbiltà tal-Parlament tiddependi mill-kapaċità tiegħu li jiffoka fuq il-ħidma ewlenija baġitarja, leġiżlattiva u ta' skrutinju tiegħu sal-ogħla standard, filwaqt li jservi ta' eżempju fil-konfront ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni biex jippjanaw u jwettqu l-infiq tagħhom b'mod prudenti u effiċjenti u biex jirriflettu r-realtajiet ekonomiċi prevalenti; |
|
E. |
billi l-Parlament jeħtieġ li jkun fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika; |
|
F. |
billi l-“Istrateġija tal-bini lil hinn mill-2019” issemmi l-ħtieġa li ssir manutenzjoni fil-bini biex jintlaħqu l-istandards attwali tas-sikurezza u l-ħtiġijiet reali tal-utenti tiegħu; |
|
G. |
billi l-fond ta' pensjoni volontarja ġie stabbilit fl-1990 mir-Regoli tal-Bureau li jirregolaw l-iskema ta' pensjoni (volontarja) addizzjonali (9); |
Qafas ġenerali
|
1. |
Ifakkar li kważi żewġ terzi tal-baġit huwa ffissat minn obbligi statutorji; ifakkar li l-indiċjar tas-salarji, f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew, bħalissa huwa mbassar mill-Kummissjoni għal Lulju 2023 u Lulju 2024 għal 4,4 % u 3,4 % rispettivament; jinnota li l-baġit tal-2023 jinkludi indiċjar tas-salarji ta' 2,6 % minn Lulju 2023; jinnota li l-Kumitat għall-Baġits se jimmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni uffiċjali mbassra tal-indiċjar tas-salarji; |
|
2. |
Japprova l-ftehim li ntlaħaq fil-Konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits fil-21 ta' Marzu 2023 biex iż-żieda fuq il-baġit tal-2023 tiġi stabbilita għal 6,06 %, li tikkorrispondi għal livell kumplessiv ta' estimi ta' EUR 2 383 401 312 għall-2024, u biex jitnaqqsu skont dan l-approprjazzjonijiet proposti fil-linji baġitarji li ġejjin għal total ta' EUR 12 195 000:
|
|
3. |
Jinnota li miż-żieda ta' EUR 136 miljun meta mqabbla mal-baġit tal-2023 żieda ta' EUR 120 miljun hija dovuta għal obbligi statutorji, prinċipalment għall-indiċjar tas-salarji (EUR 62,9 miljun) u obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn sena elettorali (EUR 32,9 miljun); jinnota li ż-żieda għall-ispejjeż mhux obbligatorji hija ta' EUR 17-il miljun, li tirrappreżenta żieda ta' 1,97 % meta mqabbla mal-2023; |
|
4. |
Iqis li jista' jinkiseb iffrankar aktar sostanzjali flimkien mal-EUR 15-il miljun previsti li għandhom jiġu ġġenerati minħabba t-tnaqqis fil-volum tal-attivitajiet parlamentari f'sena elettorali; |
|
5. |
Jilqa' t-tnedija mill-Konferenza tal-Presidenti f'Jannar 2023 tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Riforma Parlamentari li ssegwi l-ħidma tal-gruppi fokali bil-għan li jinħoloq Parlament aktar modern u effiċjenti; |
|
6. |
Jisħaq li t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-integrità huma prinċipji etiċi essenzjali fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u b'mod partikolari fil-Parlament bħala d-dar tad-demokrazija Ewropea; |
Komunikazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2024
|
7. |
Jilqa' l-kampanja ta' komunikazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2024 sabiex jiġi spjegat liċ-ċittadini l-iskop tal-Parlament u l-kisbiet tiegħu fil-leġiżlatura attwali u għaliex il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tista' tagħmel differenza; jissottolinja li l-komunikazzjoni mill-partiti politiċi u l-Membri nfushom hija l-mutur ewlieni għal rata ta' parteċipazzjoni għolja u għall-involviment u l-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-elezzjonijiet Ewropej; jenfasizza r-rwol ta' Europa Experiences bħala parti integrali mill-pjan ta' komunikazzjoni għall-kampanja elettorali; |
|
8. |
Ifakkar li EUR 27,5 miljun ġew allokati għall-kampanja elettorali mmexxija mill-amministrazzjoni tal-Parlament fil-proċedura baġitarja tal-2023; jinnota li 25 % li fadal se jiġu allokati fl-2024 (EUR 9,5 miljun); jilqa' l-fatt li l-isforzi ta' komunikazzjoni se jkomplu wara l-elezzjonijiet bil-kostituzzjoni tal-Parlament il-ġdid, l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni u s-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji; |
|
9. |
Jenfasizza li l-Parlament waħdu ma għandux ir-riżorsi meħtieġa biex jilħaq lill-400 miljun votant eliġibbli u għalhekk jeħtieġlu jagħmel l-aħjar użu tan-networks multiplikaturi tiegħu stess biex jagħmel dan; iqis li l-komunikazzjonijiet permezz tas-siti web tal-media soċjali għandhom jaqdu rwol importanti wkoll; |
|
10. |
Ifakkar li l-Parlament iħeġġeġ l-impenn demokratiku u l-votazzjoni taċ-ċittadini u jappoġġja bil-qawwa l-multilingwiżmu u jippromwovi d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi; iqis li l-Parlament jista' jikkontribwixxi b'mod attiv għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni billi jipprovdi wkoll informazzjoni, permezz tal-EPLOs tiegħu, fil-lingwi tal-minoranzi u tal-komunitajiet lingwistiċi meta xieraq; iħeġġeġ lill-Bureau jikkunsidra li jappoġġja attivitajiet ta' komunikazzjoni li jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-minoranzi nazzjonali, reġjonali u lingwistiċi fl-Istati Membri; jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-EPLOs fl-implimentazzjoni tal-ħidma tal-Parlament dwar l-edukazzjoni ċivika permezz ta' diversi programmi li jinvolvu l-komunitajiet lokali u l-minoranzi lingwistiċi, l-iskejjel u l-universitajiet; jirrimarka li l-Parlament jadatta l-komunikazzjoni tiegħu b'mod sostanzjali skont l-udjenza fil-mira tiegħu; f'dak ir-rigward jieħu nota tat-tweġibiet tas-Segretarju Ġenerali dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' April 2022 dwar l-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2023 u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023 li tenfasizza l-isforzi li saru mill-EPLOs fil-pajjiżi Baltiċi wara l-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni Russa fl-Ukrajna biex iċ-ċittadini jiġu infurmati bil-lingwa Ukrena kif ukoll bil-lingwa Russa, kull meta xieraq u b'mod partikolari biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' diżinformazzjoni; |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Bureau jappoġġja lill-Membri biex gruppi ta' viżitaturi jkunu jistgħu jżuru l-Parlament; jifhem li s-sitwazzjoni ġeopolitika attwali tikkontribwixxi għad-diffikultà u għaż-żieda tal-kostijiet assoċjati biex gruppi ta' viżitaturi jiġu jżuru l-Parlament; jirrikonoxxi l-valur li gruppi ta' viżitaturi jġibu biex jiżdiedu r-rata ta' parteċipazzjoni, l-involviment u l-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni, speċjalment f'sena elettorali; jistieden, għalhekk, lill-Bureau jirrevedi r-regoli li jirregolaw iż-żjarat sponsorjati sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-programm ta' gruppi ta' viżitaturi, b'mod partikolari rigward it-tariffa kilometrika u komponenti oħra tal-kostijiet biex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha li jżuru lill-Membri filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt ambjentali tal-ivvjaġġar f'konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni; |
Theddid ċibernetiku
|
12. |
Iqis li huwa tal-akbar importanza li l-Parlament ikun mgħammar kif xieraq kontra d-diżinformazzjoni u l-attakki ċibernetiċi, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet li ġejjin; jistieden lill-amministrazzjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tipproteġi l-proċess elettorali minn interferenza bla bżonn; jilqa' l-kontribut essenzjali tal-Awtorità għall-Partiti Politiċi Ewropej u l-Fondazzjonijiet Politiċi Ewropej għall-integrità tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fid-dawl tat-theddid li qed jevolvi ta' interferenza barranija u jżid riżorsi umani addizzjonali f'dan ir-rigward; jilqa' l-kooperazzjoni bejn id-DĠ ITEC, id-DĠ SAFE u d-DĠ COMM biex jidentifikaw, jimmonitorjaw u jirreaġixxu kif xieraq, fil-pront u b'mod ċar għall-attakki ċibernetiċi u għall-kampanji ta' diżinformazzjoni, b'mod partikolari fuq il-media soċjali; jitlob kooperazzjoni kontinwa mal-Kummissjoni, mal-Kunsill u mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fir-rigward tad-diżinformazzjoni, taħt format ta' kooperazzjoni interistituzzjonali ispirat mir-raggruppament ta' riżorsi f'korp uniku tal-Unjoni bħas-CERT EU fil-qasam taċ-ċibersigurtà; |
|
13. |
Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni timla l-40 pożizzjoni taċ-ċibersigurtà maqbula matul il-proċedura baġitarja tal-2023 sal-aħħar tal-2023 sabiex tkompli żżid il-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Parlament u tilħaq livell adegwat ta' kapaċità interna qabel l-elezzjonijiet fl-2024; |
|
14. |
Jappella għal programmi ta' taħriġ regolari u aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fil-Parlament; |
Politika tal-bini
|
15. |
Ifakkar fl-importanza ta' proċess trasparenti u ġust tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika tal-bini, filwaqt li jitqies kif xieraq l-Artikolu 266 tar-Regolament Finanzjarju u li l-Membri għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dettaljata dwar l-istat tal-bini, il-metodoloġija ta' valutazzjoni kif ukoll il-korpi li qed jimplimentawha u l-kost tax-xogħlijiet li huma strettament neċessarji biex jikkonformaw mal-qafas regolatorju; |
|
16. |
Jirrakkomanda li l-ippjanar tal-baġit annwali jqis ir-rinnovazzjoni regolari tal-bini kollu; jirrimarka li tali allokazzjoni tifforma parti minn politika immobiljari proattiva, li trid tiffoka fuq ir-rinnovazzjoni ekoloġika tal-istokk tal-bini u tiggarantixxi li l-Parlament jistinka biex jimmassimizza l-effiċjenza enerġetika u b'hekk inaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' CO2 u jnaqqas il-kostijiet operatorji tal-faċilitajiet tal-Parlament; |
|
17. |
Jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-istabbiliment tal-Europa Experiences qabel l-elezzjonijiet fl-Istati Membri kollha; jifhem li d-dewmien mhuwiex fil-kontroll tal-Parlament; jappella għall-istabbiliment ta' Europa Experiences fejn tingħata prijorità lill-Istati Membri li jinsabu l-aktar 'il bogħod mit-tliet postijiet tax-xogħol; ifakkar li l-Europa Experiences għandhom jippermettu liċ-ċittadini kollha jifhmu aħjar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; |
|
18. |
Jinnota li ma huwa previst l-ebda baġit għal investiment kbir fil-bini fl-estimi tal-2024; ifakkar lill-Bureau li huma meħtieġa informazzjoni u konsultazzjoni xierqa mal-Kumitat għall-Baġits qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni ewlenija dwar kwistjonijiet relatati mal-bini, minħabba l-implikazzjonijiet baġitarji importanti tagħhom; jopponi kwalunkwe riżorsa permezz ta' trasferiment biex tiġi ddedikata għal xi proġett kbir ta' bini mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-proġetti kkonċernati mill-awtorità baġitarja; jieħu nota tal-prattika li tinsab għaddejja tat-“trasferiment ta' tlaqqit” ta' tmiem is-sena li tikkontribwixxi għall-proġetti immobiljari; jinnota li tali “trasferiment ta' tlaqqit” iseħħ sistematikament fuq l-istess kapitoli, l-istess titoli u spiss eżattament fuq l-istess linji baġitarji; iqis li tali prattika tirriskja li titqies bħala bbaġitjar żejjed programmat; jitlob li, qabel it-“trasferiment ta' tlaqqit” li jmiss, titnieda riflessjoni dwar il-finanzjament ta' investimenti ewlenin ibbażati fuq it-trasparenza; jitlob lill-Bureau jimplimenta b'urġenza l-votazzjoni tal-Plenarja rigward ir-rikunsiderazzjoni tal-futur tal-bini Spaak fi Brussell; jistenna li l-għan ta' kwalunkwe xogħol fil-bini Spaak ikun biex tiġi żgurata l-konformità tiegħu mal-qafas regolatorju applikabbli, is-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal, u investimenti aċċessibbli għall-iffrankar tal-enerġija; jistenna li kwalunkwe deċiżjoni tittieħed bi trasparenza sħiħa, inkluż li jiġi żgurat l-aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha (pjanijiet u valutazzjoni teknika) u analiżi dettaljata tal-kostijiet għall-awtorità baġitarja; fir-rigward tas-sit fi Strażburgu, jistieden lill-Bureau jiżgura l-aċċessibbiltà u akkoljenza adegwata tal-viżitaturi filwaqt li jaħseb b'mod oriġinali fir-rigward tal-użu tal-bini tal-Parlament meta ma jkunx hemm sessjonijiet parzjali; jemmen li l-enfasi tal-infiq fuq il-bini għandha tkun kosteffettiva u fl-interess fit-tul tal-Parlament; |
|
19. |
Ifakkar fl-appoġġ tal-maġġoranza vasta tal-Membri għal sede unika biex jiġi żgurat li flus il-kontribwenti tal-Unjoni jintefqu b’mod effiċjenti u biex il-Parlament jassumi r-responsabbiltà istituzzjonali tiegħu li jnaqqas l-impronta tal-karbonju tiegħu; ifakkar fil-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu ottimizzati l-ħidma istituzzjonali, il-kostijiet finanzjarji u l-impronta tal-karbonju tal-Parlament; jemmen li l-esperjenza miksuba u l-investimenti li saru fix-xogħol u l-laqgħat remoti tista’ sservi bħala bażi biex jiġu adattati l-ħtiġijiet għall-missjonijiet tal-persunal; ifakkar li, skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew irid ikollu s-sede tiegħu fi Strażburgu; jinnota li bidliet permanenti jkunu jirrikjedu bidla fit-Trattat li għaliha hija meħtieġa l-unanimità; |
|
20. |
Jilqa' l-politika tal-Parlament li għandha l-għan li tiżgura l-użu kompletament indipendenti tal-bini tal-Parlament minn persuni b'diżabilità u jappoġġja aktar miżuri u adattamenti li se jkunu meħtieġa f'dan ir-rigward; |
|
21. |
Jitlob li jsir studju dwar il-possibbiltà li jinfetħu uffiċċji esterni tal-Parlament f'pajjiżi li applikaw formalment biex jissieħbu mal-Unjoni, jiġifieri r-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Georgia, u jtenni l-ħtieġa li l-Parlament ikun preżenti f'dawk il-pajjiżi b'kampanji ta' informazzjoni attivi; |
Parlament Ekoloġiku
|
22. |
Ifakkar li l-amministrazzjoni tal-Parlament bħalissa qed taħdem fuq approċċ komprensiv biex tiddefinixxi l-politika tal-bini fuq perjodu ta' żmien twil tal-Parlament filwaqt li tqis b'mod partikolari l-obbligi ambjentali, l-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni tal-iskart f'konformità mal-pakkett “lesti għall-mira ta' 55 %”; jilqa' l-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija deċiżi mill-Bureau tal-Parlament fit-2 ta' Mejju u fit-3 ta' Ottubru 2022; |
|
23. |
Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-miri tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali (EMAS) tal-Parlament għall-2024; jilqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-miri x'aktarx li jintlaħqu fl-2024 u jitlob li jkun hemm ambizzjoni kontinwa biex jintlaħqu l-miri kollha malajr kemm jista' jkun; |
|
24. |
Jieħu nota taż-żieda fil-prezzijiet tal-kreditu tal-karbonju; jistieden lill-Parlament jagħmel l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni fuq il-post prijorità aktar milli jikkumpensa livell baxx ta' ambizzjoni bix-xiri ta' krediti tal-karbonju; jindika li tali investimenti fl-effiċjenza enerġetika huma metodu aħjar biex jinkiseb valur għall-flus; iħeġġeġ lis-servizzi jiżviluppaw l-ipprezzar tal-karbonju bħala għodda informattiva (ipprezzar parallel) aktar milli prezz tal-karbonju iebes li jżid mal-kostijiet eżistenti tal-prezzijiet ta’ kumpens għall-emissjonijiet ta’ karbonju li diġà huma previsti li jogħlew fil-futur qrib fid-dawl taż-żieda qawwija reċenti fil-prezzijiet tal-kreditu tal-karbonju biex tiġi ffaċilitata n-newtralità karbonika; |
|
25. |
Jilqa' u jħeġġeġ l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili u b'mod partikolari l-installazzjoni ta' pompi tas-sħana minħabba l-kriżi tal-enerġija u l-kuntest ġeopolitiku; ifakkar li hemm 52 bojler tal-gass fil-bini tal-Parlament fi Brussell biss; jappella għal pjan direzzjonali għat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili bi stadji importanti speċifiċi li għandhom jiġu inklużi fl-istrateġija pluriennali li jmiss dwar il-bini biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli u għal analiżi tal-effettività u l-effiċjenza tal-użu ta' sistemi ta' pompi tas-sħana u teknoloġiji rilevanti oħra; jinnota li l-Parlament installa u qed ikompli jinstalla pannelli solari fotovoltajċi (PV) biex ikompli jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post biex tintlaħaq il-mira ta' 25 %; jistieden lill-Parlament jieħu l-passi kollha meħtieġa biex inaqqas il-konsum tal-enerġija fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jimplimenta l-istudji u l-awditi aġġornati dwar il-fattibbiltà teknika biex jiġu installati pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut tal-bini ta' Strażburgu, biex titqies l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji u l-prezzijiet tas-suq peress li l-istudji oriġinali saru għaxar snin ilu u l-valur miżjud tagħhom meta mqabbla ma' tipi oħra ta' investiment fl-iffrankar tal-enerġija; jemmen li l-aspett baġitarju ta' deċiżjonijiet possibbli f'dak il-qasam irid ikun ibbilanċjat bejn l-aħjar valur miżjud u l-ammont raġonevoli ta' investiment f'kuntest baġitarju ristrett; |
|
26. |
Ifakkar li kważi żewġ terzi tal-impronta tal-karbonju tal-Parlament joriġinaw mit-trasport tal-persuni; jitlob li tiġi promossa bidla lejn alternattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għall-ivvjaġġar u li jitqiesu l-modi ġodda ta' ħidma implimentati matul il-pandemija, sakemm dan ma jaffettwax il-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva u politika b'mod partikolari fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament u jirrikonoxxi li l-vjaġġi ta' ħafna Membri mill-kostitwenzi tagħhom lejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jirrikjedu vjaġġi twal u jistgħu jsiru biss bl-ajruplan; jilqa' l-isforzi tal-Parlament biex inaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 permezz ta' ferroviji mikrija u l-inizjattiva mingħajr karti; |
|
27. |
Jilqa' l-isforzi tal-Parlament biex iħeġġeġ lill-persunal juża mezzi ta' trasport sostenibbli għall-ivvjaġġar billi jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom roti klassiċi u elettriċi mingħajr ħlas u billi jirrimborża parti mill-kost tal-biljetti tat-trasport pubbliku bi skambju għal limitazzjoni tal-aċċess għall-parkeġġ; ifakkar u jistieden lill-Membri u lill-gruppi politiċi jikkontribwixxu għat-tnaqqis li għaddej bħalissa tat-trasport tal-bagolli bejn Brussell u Strażburgu fis-sessjonijiet plenarji, skont l-impenn meħud mill-Bureau; itenni t-talbiet tiegħu biex l-investiment rilevanti jiġi ppjanat fil-baġits li ġejjin dwar l-irkupru u l-użu mill-ġdid tal-ilma tax-xita u użu aktar razzjonali tal-ilma; |
|
28. |
Jitlob, għal raġunijiet ta' trasparenza, li t-tabella tal-progress tal-ikkompletar tal-objettivi tal-EMAS għall-perjodu ta' wara l-2021-2024 tiġi inkluża fl-abbozz preliminari tal-estimi kull sena peress li l-monitoraġġ tan-nefqa fuq il-klima qed jiġi implimentat għall-baġits tal-politiki tal-Unjoni; |
Kwistjonijiet oħrajn
|
29. |
Jiddispjaċih li parti mis-66 pożizzjoni ġdida tat-tabella tal-persunal maqbula matul il-baġit tal-2022 għas-segretarjati tal-kumitati għadhom mhumiex okkupati kompletament; ifakkar fl-għan li jissaħħaħ malajr l-appoġġ għall-kumitati parlamentari f'konformità mat-talba tal-plenarja; jilqa' f'dak il-kuntest id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali li jreġġa' lura t-tnaqqis parallel fil-pakkett għall-aġenti kuntrattwali għad-DĠ IPOL mill-2023, li jippermetti li jerġgħu jiddaħħlu l-25 rwol ta’ aġent kuntrattwali li tnaqqsu fl-2022; jistenna, apparti dan il-kumpens temporanju, li s-segretarjati tal-kumitati jeħtieġ li jiġu ssodisfati b'dawn is-66 pożizzjoni maqbula u li dawn mhuma se jservu l-ebda skop ieħor; jitlob li jsiru valutazzjonijiet regolari tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni u l-ħtiġijiet tal-persunal tal-Parlament; jitlob, f'dak ir-rigward, għall-ottimizzazzjoni tat-tqassim tal-persunal fis-Segretarjat tal-Parlament, b'mod partikolari billi jiġu allokati mill-ġdid il-pożizzjonijiet vakanti bejn is-servizzi; |
|
30. |
Iħeġġeġ lill-Parlament jintroduċi perjodu ta’ preklużjoni għall-ex Membri ugwali għaż-żmien li matulu jirċievu allowance tranżitorja li matulha ma jkunux jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ lobbying jew ta’ rappreżentanza mal-Parlament; |
|
31. |
Jemmen li l-ebda Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali m’għandha titħallas lill-ex Membri; jitlob għalhekk li jitħassar l-Artikolu 42, subparagrafu 4 tal-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri; |
|
32. |
Jirrikonoxxi d-diffikultajiet ġenerali li jiltaqgħu magħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inkluż il-Parlament, biex jattiraw u jżommu t-talent, li jkollu impatt fuq id-diversità u d-distribuzzjoni ġeografika tal-forza tax-xogħol; jitlob li jsiru sforzi kontinwi mill-Bureau u mis-Segretarju Ġenerali sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi fil-Parlament ikunu ugwalment attraenti għan-nazzjonalitajiet kollha tal-Unjoni u li jittejjeb il-bilanċ ġeografiku tal-persunal; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta r-riskji relatati mal-impjieg ta' għadd dejjem jikber ta' aġenti kuntrattwali, inkluż il-periklu li tinħoloq struttura tal-persunal b'żewġ livelli fi ħdan il-Parlament; jinsisti li l-kompiti u l-karigi permanenti ewlenin għandhom jitwettqu minn persunal permanenti; |
|
33. |
Huwa tal-fehma li huwa inammissibbli għall-Parlament li jikkontribwixxi għan-normalizzazzjoni u għal-leġittimizzazzjoni ta' arranġamenti ta' impjieg prekarju jew għall-użu ta' rċevuti ħodor fittizji u li jeħtieġlu jimpenja ruħu li jirrispetta, jippromwovi u jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema; |
|
34. |
Jilqa' d-diskussjonijiet fil-livell tal-Bureau bl-għan li jiġu riveduti l-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-assistenti akkreditati biex ir-rimborżi tal-ispejjeż tal-missjonijiet jiġu allinjati ma' dawk applikabbli għall-bqija tal-persunal għas-seduti plenarji, filwaqt li jitqies li l-pakkett tal-allowance parlamentari għadu l-istess; ifakkar li din it-talba ġiet adottata ripetutament mill-Plenarja fil-passat; |
|
35. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni li jirregolaw il-ħidma tad-delegazzjonijiet u tal-missjonijiet barra mill-Unjoni; jissottolinja li tali reviżjoni għandha tqis il-possibbiltà li l-assistenti akkreditati, skont ċerti kondizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u f'missjonijiet uffiċjali tal-Parlament; |
|
36. |
Jitlob lill-Bureau jaħdem fuq soluzzjoni teknika li tippermetti lill-Membri jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw anke meta jibbenefikaw mil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-mard għal żmien twil; |
|
37. |
Jitlob lill-Bureau janalizza l-fattibbiltà u jistma l-kost finanzjarju tal-forniment ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti kollha tal-plenarja fir-rigward tal-prinċipju ta' aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha u jitlob li jiġu żviluppati inizjattivi speċifiċi biex tiġi implimentata l-interpretazzjoni fil-lingwi tas-sinjali użati f'kull Stat Membru għal dibattiti speċifiċi tal-plenarja, b'enfasi partikolari fuq id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni, id-dibattiti “Din hija l-Ewropa” u s-seduti solenni; |
|
38. |
Ifakkar fl-appelli preċedenti tiegħu lill-Bureau biex jiżgura t-traduzzjoni ta' riżoluzzjonijiet ewlenin ta' politika barranija adottati skont l-Artikolu 54 (rapporti fuq inizjattiva proprja) fil-lingwi uffiċjali tan-NU li mhumiex lingwi tal-Unjoni (jiġifieri l-Għarbi, iċ-Ċiniż u r-Russu), kif ukoll ta' riżoluzzjonijiet speċifiċi għal pajjiż adottati skont l-Artikolu 132 (riżoluzzjoni li takkumpanja d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni/VPHR) u l-Artikolu 144 (riżoluzzjoni ta' urġenza) fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż ikkonċernat; iqis li dawk it-traduzzjonijiet għandhom ikunu disponibbli malajr fuq is-sit web tal-Parlament b'mod viżibbli, meta titqies in-natura sensittiva għaż-żmien tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament ta' urġenza u dwar l-affarijiet barranin; |
|
39. |
Jitlob impenn ġenwin biex jiġi implimentat il-prinċipju tal-multilingwiżmu; |
|
40. |
Jitlob riforma fil-ġlieda kontra kull tip ta' fastidju u abbuż fil-Parlament; jirrikonoxxi li l-Bureau beda jaħdem fuq it-talba tal-Plenarja rigward il-passi ta' riforma ewlenin għall-Parlament li ssemmew inizjalment fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (10), fosthom l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' taħriġ obbligatorji kontra l-fastidju għall-persunal u għall-Membri kollha; |
|
41. |
Jieħu nota li l-Artikolu 44(2) rivedut tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni għall-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew jipprevedi l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati kostijiet żejda marbuta mal-baġits għall-assistenza parlamentari li jittrasferixxu approprjazzjonijiet mill-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali tagħhom (GEA); jinnota madankollu li l-limitu massimu għall-infiq għall-assistenza parlamentari stabbilit fl-Artikolu 29(4) huwa kontradittorju għal dan; jistieden lill-Bureau jemenda l-Miżuri ta' Implimentazzjoni kif meħtieġ biex il-Membri li jixtiequ jagħmlu dan ikunu jistgħu jittrasferixxu parti mill-GEA tagħhom f'każ li l-allowance għall-assistenza parlamentari tagħhom tkun sottoskritta bis-sħiħ; |
|
42. |
Jappella lill-Parlament biex ikompli jenfasizza l-programmi u l-politiki tal-Unjoni dwar l-anzjani li jkunu ta' benefiċċju għat-tixjiħ attiv; |
|
43. |
Iqis li huwa tal-akbar importanza u fl-aħjar interess tal-Parlament li s-sewwieqa tal-Parlament jirċievu taħriġ professjonali speċifiku u mfassal apposta, u li dan jagħtihom is-setgħa li jittrattaw sitwazzjonijiet mhux mistennija fil-kuntest ta' dmirijiethom inklużi s-sikurezza u s-sigurtà; peress li l-għarfien prattiku jeżisti fl-Unità tat-Trasport tal-Persuni tad-DĠ INLO, iqis li t-taħriġ jista' jiġi pprovdut permezz ta' mezzi interni, ħlief għall-infrastruttura meħtieġa għat-taħriġ bħall-faċilitajiet ta' taħriġ speċjali li għalihom għandhom jiġu impenjati riżorsi finanzjarji adegwati; |
|
44. |
Jistieden lill-Bureau jiżgura li r-ristoranti kollha fil-Parlament isaħħu l-proporzjon tagħhom ta' kwalità mal-prezz u jistabbilixxu mill-ġdid il-kontrolli tal-aċċess fl-entraturi għar-ristoranti self-service; |
|
45. |
Jistenna li t-talbiet ivvutati mill-Plenarja jiġu implimentati; |
|
46. |
Iħeġġeġ lill-Bureau jagħti segwitu b'mod attiv biex tinstab soluzzjoni fattibbli, legali u ġusta minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni tal-Fond ta' Pensjoni Volontarja; |
o
o o
|
47. |
Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2024; |
|
48. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) ĠU C 434, 15.11.2022, p. 160.
(6) Test adottat, P9_TA(2022)0366.
(8) Testi adottati, P9_TA(2020)0227.
(9) Testi adottati mill-Bureau, PE 113.116/BUR./rev. XXVI/01-04-2009.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/467/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)