32001R0408



Official Journal L 060 , 01/03/2001 P. 0024 - 0026


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 408/2001

tat-28 ta’ Frar 2001

li jiffissa r-rata tal-kambju applikabbli għal ċerti għajnuniet diretti u miżuri ta’ natura strutturali jew ambjentali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi l-arranġamenti agrimonetarji għall-euro [1],

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1410/1999 tad-29 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja għall-euro fl-agrikoltura [2], u b’mod partikolari Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

(1) Skond Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2342/1999 tat-28 ta’ Ottubru 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella għal dak li għandu x’jaqsam ma’ skemi ta’ premium [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 192/2001 [4] id-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni tikkostitwixxi l-ġrajja operattiva għall-istabbiliment tas-sena li fiha l-annimali koperti mill-iskemi tal-premium fis-settur taċ-ċanga u l-vitella huma allokati. Skond Artikolu 43 ta’ dak ir-Regolament, il-bdil fil-munita nazzjonali ta’ l-ammonti ta’ premium isir skond il-medja kkalkulata pro rata temporis tar-rati tal-kambju applikabbli fix-xahar ta’ Diċembru li jippreċedi s-sena ta’ allokazzjoni.

(2) Skond Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2808/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema agrimonetarja għall-euro fl-agrikoltura [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2452/2000 [6], il-ġrajja operattiva għar-rata tal-kambju fil-każ ta’ ammonti ta’ natura strutturali jew ambjentali hija l-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tittieħed id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna. Skond Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1410/1999, ir-rata tal-kambju li għandha tiġi wżata hija l-medja, tar-rati tal-kambju applikabbli matul ix-xahar li jippreċedi d-data tal-ġrajja operattiva kkalkulata pro rata temporis.

(3) Skond Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 293/98 ta’ l-4 ta’ Frar 1998 li jistabbilixxi l-ġrajjiet operattivi applikabbli għall-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex, għal prodotti pproċessati minn frott u ħxejjex u parzjalment għal pjanti ħajjin u prodotti tal-florikultura kif ukoll għal ċerti prodotti elenkati f’Anness 1 li jinsab mat-Trattat KE, u li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 1445/93 [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1410/1999, ir-rata tal-kambju li għandha tiġi applikata għall-konverżjoni kull sena, f’munita nazzjonali, ta’ l-għajnuna massima għal kull ettaru biex tittejjeb il-kwalità u l-marketing tal-lewż u tal-ħarrub stabbilita f’Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 790/89 [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/97 [9], hija l-medja, tar-rati tal-kambju applikabbli matul ix-xahar qabel l-1 ta’ Jannar tal-perijodu annwali ta’ referenza skond it-tifsira ta’ Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2159/89 [10], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1363/95 [11], kalkulata pro rata temporis.

(4) Skond Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2700/93 tat-30 ta’ Settembru 1993 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-premium favur il-produtturi tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [12], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1410/1999, ir-rata tal-konverżjoni li għandha tiġi applikata għall-ammont tal-bilanċ tal-premium fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ hija l-medja tar-rati tal-kambju applikabbli matul ix-xahar qabel l-aħħar ġurnata tas-sena tas-suq li għaliha jingħata l-premium, ikkalkulata pro rata temporis.

(5) Skond Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2700/93, ir-rata tal-konverżjoni li għandha tiġi applikata għall-ħlas minn qabel fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ hija l-medja tar-rati tal-kambju applikabbli matul ix-xahar qabel l-ewwel jum tas-sena tas-suq li għaliha jingħata l-premium, kalkulata pro rata temporis.

(6) Il-Kunsill stabbilixxa r-rata tal-kambju fissa u irrevokabbli bejn id-drakma Griega u l-euro fir-Regolament (KE) Nru1478/2000 tad-19 ta’ Ġunju 2000 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rata tal-konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro [13]. Din ir-rata hija valida b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001 u tapplika għall-miżuri li jkollhom ġrajja operattiva f’dik id-data jew wara. Ir-Regolament (KE) Nru 1410/1999 għalhekk m’għadux japplika għal dawn il-miżuri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Ir-rata tal-konverżjoni applikabbli:

- għall-ammonti ta’ premiums fis-settur taċ-ċanga u l-vitella msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 [14],

- għall-għajnuna massima għal kull ettaru biex jittejjeb l-immarkitjar fis-settur tal-lewż, u tal-ħarrub iffissata f’Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 790/89,

- għl-ammont ta’ ħlas minn qabel imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ Artikolu 5(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98 [15] u l-ammont tat-tnaqqis imsemmi f’Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3493/90 [16] u,

- għall-ammonti ta’ natura strutturali jew ambjentali msemmija f’Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2799/98,

hija preskritta f’Anness I.

2. Ir-rata tal-konverżjoni li għandha tiġi applikata għall-ammont tal-premium u tal-bilanċ imsemmi fir-raba’ subparagrafu ta’ Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 2467/98 u għall-ammont tat-tnaqqis imsemmi f’Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 3493/90 hija preskritta f’Anness II.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Memrbi kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Frar 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 1.

[2] ĠU L 164, tat-30.6.1999, p. 53.

[3] ĠU L 281, ta’ l-4.11.1999, p. 30.

[4] ĠU L 29, tal-31.1.2001, p. 27.

[5] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 36.

[6] ĠU L 282, tat-8.11.2000, p. 9.

[7] ĠU L 30, tal-5.2.1998, p. 16.

[8] ĠU L 85, tat-30.3.1989, p. 6.

[9] ĠU L 260, tat-23.9.1997, p. 9.

[10] ĠU L 207, tad-19.7.1989, p. 19.

[11] ĠU L 132, tas-16.6.1995, p. 8.

[12] ĠU L 245, ta’ l-1.10.1993, p. 99.

[13] ĠU L 167, tas-7.7.2000, p. 1.

[14] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 21.

[15] ĠU L 312, ta’ l-20.11.1998, p. 1.

[16] ĠU L 337, ta’ l-4.12.1990, p. 7.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Rata ta' konverżjoni msemmija f'Artikolu 1(1)

EUR 1 = (medja ta' l- 1.12.1999 sal- 31.12.1999)

7,45834 | Krona Daniża |

8,68177 | Krona Svediża |

0,614545 | Lira Sterlina |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Rata ta' konverżjoni msemmija f'Artikolu 1(2)

EUR 1 = (medja tat- 30.11.2000 sat- 30.12.2000)

7,45819 | Krona Daniża |

340, 690 | Drakma Griega |

8,67698 | Krona Svediża |

0,613990 | Lira Sterlina |

--------------------------------------------------