European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2357

21.10.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2357

tat-13 ta’ Ottubru 2026

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu fir-rigward tal-adozzjoni tal-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna, l-Istandard Ewropew tas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar u abbozz ta’ emenda għar-Regolamenti dwar l-Ispezzjoni tal-Bastimenti fuq ir-Renu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, kif emendata bil-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, iffirmata fi Strażburgu fl-20 ta’ Novembru 1963 (il-“Konvenzjoni”), daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967. Il-Konvenzjoni żżomm lill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) u r-reġim għan-navigazzjoni interna tar-Renu stabbiliti fl-1815. Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (“CESNI”) twaqqaf fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tas-CCNR biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tirreferi għall-edizzjoni 2025/1 tal-istandards tas-CESNI li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jiġifieri l-Istandard Ewropew li jistabbilixxi Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (“ES-TRIN”). Is-CCNR tirreferi wkoll għall-istandards l-aktar reċenti fir-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu. Skont l-Artikoli 22 u 23 tal-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ tadotta riżoluzzjonijiet vinkolanti li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni fir-rigward tan-navigazzjoni interna tar-Renu. L-istandards tekniċi li għandhom jiġu adottati mis-CESNI jkunu vinkolanti ladarba r-riżoluzzjonijiet vinkolanti rilevanti tas-CCNR jagħmlu referenza għal dawk l-istandards tekniċi.

(3)

Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tirreferi għall-aħħar standards tas-CESNI li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi biex jappoġġaw is-servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar (l-“RIS”) u jiżguraw l-interoperabbiltà tagħhom (“ES-RIS”). Skont il-Konvenzjoni, is-CCNR tista’ timmodifika l-qafas regolatorju relatat mar-RIS billi tirreferi għall-istandards tekniċi adottati mis-CESNI u tagħmel dawk l-istandards tekniċi mandatorji fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

(4)

Is-CESNI għandu jadotta l-Istandard Ewropew aġġornat li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna 2027/1 (“ES-TRIN 2027/1”) u l-Istandard Ewropew għas-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar 2027/1 (“ES-RIS 2027/1”) matul is-sessjoni tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2026. Wara l-adozzjoni ta’ dawk l-istandards, is-CCNR biħsiebha tadotta riżoluzzjonijiet li jemendaw il-qafas regolatorju tagħha, biex tirreferi għal ES-TRIN 2027/1 u ES-RIS 2027/1, waqt is-sessjoni plenarja tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2026. L-ES-TRIN 2027/1 u l-ES-RIS 2027/1 għandhom jissostitwixxu l-ES-TRIN 2025/1 u l-ES-RIS 2025/1, rispettivament.

(5)

L-ES-TRIN 2027/1 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi neċessarji sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għal bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ tagħmir tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika, dispożizzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bastiment, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, billi ES-TRIN 2027/1 ser ikun kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jirrikjedu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati li jirreferu għall-aktar verżjoni reċenti tal-istandard ES-TRIN u li tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tiegħu, dment li l-interessi tal-Unjoni ma jiġux kompromessi minn bidliet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-CESNI.

(7)

L-ES-RIS 2027/1 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u standards tekniċi uniformi sabiex jappoġġa l-RIS u jiżgura l-interoperabbiltà tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi stabbiliti fl-ES-RIS 2027/1 jipprovdu speċifikazzjonijiet għas-sistemi elettroniċi ta’ viżwalizzazzjoni ta’ mapep u ta’ informazzjoni għan-navigazzjoni interna, għar-rapportar elettroniku tal-bastimenti, għall-avviżi lill-kaptani, għas-sistemi ta’ trekkjar u ta’ traċċar tal-bastimenti u għall-kompatibbiltà tat-tagħmir neċessarju għall-użu tal-RIS.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, peress li l-ES-RIS 2027/1 ser ikun jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri fl-Anness III tad-Direttiva 2005/44/KE, li jirreferi direttament għall-aħħar edizzjoni tal-ES-RIS adottat mis-CESNI bħala speċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli għall-RIS.

(9)

Is-CCNR, waqt sessjoni plenarja li ġejja fit-3 ta’ Diċembru 2026, mistennija tadotta riżoluzzjonijiet li ser jemendaw ir-Regolamenti tagħha dwar ir-Renu sabiex jinkludu referenzi għal ES-TRIN 2027/1 u ES-RIS 2027/1. Tali emenda tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 1 u 22 tal-Konvenzjoni. Għalhekk, huwa xieraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR.

(10)

Huwa previst ukoll li, waqt is-sessjoni plenarja tagħha li jmiss, is-CCNR ser temenda r-Regolamenti dwar l-Ispezzjoni tal-Bastimenti fuq ir-Renu (“RVIR”), sabiex tallinja r-reġim regolatorju tar-Renu mal-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2016/1629. Din l-emenda mistennija tintroduċi obbligi li jirrikjedu t-trażmissjoni lill-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq, miżmuma mill-Kummissjoni, ta’ data rilevanti relatata ma’ bastimenti li jkollhom ċertifikati maħruġa f’konformità mal-RVIR u, jekk tiġi adottata, ser tipproduċi effetti legali għall-Istati Membri li huma partijiet għall-Konvenzjoni. Għalhekk, huwa xieraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR.

(11)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-ogħla livell ta’ sikurezza fin-navigazzjoni interna, sabiex tiġi segwita l-evoluzzjoni teknika f’dak is-settur u sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà tar-rekwiżiti għall-bastimenti u l-kompatibbiltà tar-RIS fl-Ewropa, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti u għar-RIS ikunu armonizzati kemm jista’ jkun fil-qafas tar-reġimi legali varji fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma wkoll membri tas-CCNR ikunu awtorizzati jappoġġaw deċiżjonijiet li jarmonizzaw regoli tas-CCNR mar-regoli applikati fl-Unjoni.

(12)

L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri ta’ dawk il-korpi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (“CESNI”) fir-rigward tal-adozzjoni tal-ES-TRIN 2027/1 u tal-ES-RIS 2027/1 għandha tkun ta’ qbil mal-adozzjoni tagħhom u li d-data tal-applikazzjoni tagħhom għandha tkun dik tal-1 ta’ Jannar 2028.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) għandha tkun li jiġu appoġġati:

(a)

il-proposti kollha li jallinjaw ir-Regolamenti tas-CCNR mal-ES-TRIN 2027/1 u mal-ES-RIS 2027/1; u

(b)

l-emenda tal-RVIR li tallinjah mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2016/1629.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni stipulata fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tas-CESNI li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Il-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri li huma membri tas-CCNR li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/1629/oj).

(2)  Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar is-Servizzi Armonizzati ta’ Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f’passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152; ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/44/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2357/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)