2005E0797 — MT — 06.12.2007 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/797/PESK

ta' l-14 ta' Novembru 2005

dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani

(ĠU L 175M, 29.6.2006, p.13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/806/CFSP tas-6 ta’ Diċembru 2007

  L 323

50

8.12.2007




▼B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/797/PESK

ta' l-14 ta' Novembru 2005

dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 14 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea, bħala parti mill-Kwartett, hija impenjata li tassisti u tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Roadmap, li tistabbilixxi l-passi reċiproċi mill-Gvern Iżraeljan u l-Awtorità Palestinjana fil-qasam politiku, ta' sigurtà, ekonomiku, umanitarju u ta' bini ta' istituzzjonijiet, li sejrin jirriżultaw fil-ħolqien ta' stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, u vijabbli li jgħix ma' ġemb l-Iżrael u l-ġirien l-oħra tiegħu fil-paċi u s-sigurtà.

(2)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2004 afferma mill-ġdid ir-rieda ta' l-UE li tappoġġja lill-Awtorità Palestinjana biex tieħu responsabbiltà għal-liġi u l-ordni, u b'mod partikolari, li ttejjeb il-pulizija ċivili u l-kapaċita ta' infurzar tal-liġi tagħha.

(3)

L-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Pulizija Palestinjana ġie stabbilit formalment bi Skambju ta' ittri fl-20 ta' April 2005 bejn il-Prim Ministru Palestinjan Ahmed Qurei, u r-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għall-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani, Marc Otte.

(4)

Il-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Lulju 2005 tenna l-impenn ta' l-UE li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' sigurtà Palestinjana permezz tal-Pulizija Ċivili Palestinjani, f'koordinazzjoni mal-Koordinatur tas-Sigurtà ta' l-Istati Uniti. Il-Kunsill qabel ukoll fil-prinċipju li l-appoġġ ta' l-UE għall-Pulizija Ċivili Palestinjani għandu jieħu l-forma ta' bini ta' missjoni Politika Ewropea ta' Sigurta' u ta' Difiża dwar il-ħidma ta' l-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-UE għall-appoġġ tal-Pulizija Palestinjana f'kooperazzjoni mal-partijiet kollha konċernati.

(5)

Is-segwitu għall-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Pulizija Palestinjana hija espressjoni tar-rieda kontinwa ta' l-UE li tagħti appoġġ lill-Awtorità Palestinja biex tikkonforma ma' l-obbligi tagħha tar-Roadmap, b'mod partikolari fir-rigward tas-“sigurtà” u “bini ta' istituzzjonijiet” inkluż il-proċess ta' konsolidazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet tas-sigurtà Palestinjani fi tliet servizzi li jirrapportaw lil Ministru ta' l-Intern Palestinjan inkarigat. Barra minn hekk, l-appoġġ ta' l-UE lill-Pulizija Ċivili Palestinjana jimmira li jżid is-“sigurezza u s-sigurtà” tal-popolazzjoni Palestinjana u li jservi l-aġenda domestika ta' l-awtorità Palestinja fir-rinfurzar ta' l-istat tad-dritt.

(6)

F'ittra ta' stedina tal-25 ta' Ottubru 2005 l-Awtorità Palestinjana stiednet lill-UE biex tagħti bidu għal missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS).

(7)

L-EUPOL COPPS ser tkun kumplimentari u ġġib valur miżjud għall-isforzi internazzjonali attwali, kif ukoll tiżviluppa sinerġiji ma' sforzi tal-Komunità Ewropea u ta' l-Istati Membri li għaddejjin. L-EUPOL COPPS ser tfittex koerenza u koordinazzjoni ma' l-azzjonijiet ta' bini ta' kapaċitajiet tal-Komunita', notevolment fil-qasam tal-ġustizzja kriminali.

(8)

L-assistenza ta' l-UE ser tkun kondizzjonali fuq il-livell ta' impenn u appoġġ ta' l-Awtorità Palestinjana għar-riorganizzazzjoni u r-riforma tal-pulizija. Mekkaniżmu adegwat għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet Palestinjani rilevanti ser jiġi stabbilit matul il-fażi ta' tħejjija biex jiġi żgurat l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u s-segwitu ta' l-EUPOL COPPS. Mekkaniżmu adegwat għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet Iżraeljani rilevanti ser jiġi stabbilit biex tiġi żgurata l-faċilitazzjoni tagħhom ta' l-attivitajiet ta' l-EUPOL COPPS.

(9)

L-EUPOL COPPS ser tiġi stabbilita fil-kuntest usa' ta' l-isforz tal-komunità internazzjonali biex tagħti appoġġ lill-Awtorità Palestinjana biex tieħu responsabbiltà għal-liġi u l-ordni, u b'mod partikolari, li ttejjeb il-pulizija ċivili u l-kapaċita ta' infurzar tal-liġi tagħha. Koordinazzjoni mill-qrib bejn l-EUPOL COPPS u atturi internazzjonali oħra involuti f'assistenza ta' sigurtà, inkluż il-Koordinatur tas-Sigurtà ta' l-Istati Uniti, kif ukoll dawk li jipprovdu appoġġ lill-Ministeru ta' l-Intern Palestinjan, ser ikunu żgurati.

(10)

L-EU COPPS ser timplimenta l-mandat tagħha fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li hija ta’ theddida għal-liġi u l-ordni, is-sigurtà u s-sigurezza ta’ individwi, u għall-istabbilità taż-żona u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat.

(11)

Bi qbil mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Nizza mis-7 sad-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat,

(12)

L-Artikolu 14(1) tat-Trattat isejjaħ għall-indikazzjoni ta’ ammont finanzjarju ta’ referenza għall-perijodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget Komunitarju turi r-rieda ta’ l-awtorità leġislattiva u hi soġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena tal-budget rispettiva,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:



Artikolu 1

Missjoni

1.  L-Unjoni Ewropea b'dan tistabbilixxi l-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Appoġġ tal-Pulizija Palestinjana (EUPOL COPPS), b'fażi operattiva li tibda mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2006.

2.  L-EUPOL COPPS għandha topera skond id-dikjarazzjoni tal-missjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

1.  L-għan ta' l-EUPOL COPPS huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' arranġamenti tal-pulizija sostenibbli u effettivi taħt il-proprjetà Palestinjana skond l-aħjar standards internazzjonali, f'kooperazzjoni mal-programmi għall-bini ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll sforzi internazzjonali oħra fil-kuntest usa' tas-Settur ta' Sigurtà inkluż ir-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali.

Għal dan l-għan l-EUPOL COPPS għandha:

a) tassisti lill-Pulizija Ċivili Palestinjana (PCP) fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Żvilupp tal-Pulizija billi tagħti konsulenza u tiggwida mill-qrib lill-PCP, u b'mod speċifiku uffiċċjali għolja fil-livell tad-Distrett, il-Kwartieri-Ġenerali u l-Ministeri;

b) tikkoordina u tiffaċilita l-assistenza ta' l-UE u l-Istati Membri, u fejn mitluba, assistenza internazzjonali għall-PCP;

ċ) tagħti konsulenza dwar elementi tal-Ġustizzja Kriminali relatati mal-pulizija.

Artikolu 3

Tul ta’ żmien

Din il-missjoni ser ikollha tul ta' 3 snin.

Artikolu 4

Reviżjoni

Proċess ta' reviżjoni ta' kull sitt xhur, skond il-kriterji ta' valutazzjoni stabbiliti fil-Kunċett ta' l-Operat (CONOPS) u l-Pjan ta' l-Operat (OPLAN) u li jieħu kont ta' l-iżviluppi fil-post, ser iservi biex isiru aġġustamenti kif meħtieġa fid-daqs u l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-EUPOL COPPS.

Artikolu 5

Struttura

Fit-twettiq tal-missjoni tagħha, l-EUPOL COPPS għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(1) Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija,

(2) Sezzjoni ta' Konsulenza,

(3) Sezzjoni ta' Koordinazzjoni tal-Programm,

(4) Sezzjoni ta' Amministrazzjoni.

Dawn l-elementi għandhom ikunu żviluppati fil-CONOPS u l- OPLAN. Il-Kunsill għandu japprova l-CONOPS u l-OPLAN.

▼M1

Artikolu 5a

Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL COPPS.

2.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGĦ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta' l-EUPOL COPPS f'livell strateġiku.

3.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.

4.  Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat emittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza ta' l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.

6.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ..

▼M1

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni f'livell ta' fuq il-post ta' l-operazzjoni.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, għat-twettiq effettiv ta' l-EUPOL COPPS fil-post ta' l-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali jew ta' mill-istituzzjoni ta' l-UE konċernati.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPOL COPPS fiż-żona ta' l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif xieraq, ma' atturi ta' l-UE oħrajn fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE..

▼B

Artikolu 7

Fażi ta’ ppjanar

1.  Waqt il-fażi ta' ppjanar tal-missjoni, grupp ta’ ippjanar għandu jiġi stabbilit u għandu jinkludi l-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija, li għandu jmexxi l-grupp ta’ ippjanar, u l-persunal meħtieġ biex jittratta l-funzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtiġijiet stabbiliti tal-missjoni.

2.  Stima komprensiva tar-riskju għandha titwettaq bħala prijorità fil-proċess ta’ l-ippjanar u għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ.

3.  Il-grupp ta’ ippjanar għandu jfassal OPLAN u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa biex tiġi eżegwita l-missjoni. L-OPLAN għandu jieħu kont tal-valutazzjoni komprensiva tar-riskju u għandu jinkludi pjan ta' sigurtà.

Artikolu 8

Persunal ta' l-EUPOL COPPS

1.  Il-kwantità u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EUPOL COPPS għandhom ikunu konsistenti ma' l-istqarrija tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 5.

2.  Il-persunal ta' l-EUPOL COPPS għandu jkun issekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati mal-persunal ta' l-EUPOL COPPS issekondati minnu, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-ispejjeż tal-vjaġġi lejn u miż-żona tal-missjoni, u l-allowances minbarra dawk per diem.

3.  Il-persunal internazzjonali u dak lokali għandu jiġi reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EUPOL COPPS kif meħtieġ.

4.  Stati Terzi jistgħu wkoll, kif xieraq, jissekondaw persunal għall-missjoni. Kull Stat terz li jissekonda għandu jħallas l-ispejjeż relatati ma' kull persunal sekondat minnu inklużi s-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni ta' riskju għoli u l-ispejjeż tal-vjaġġi lejn u miż-żona tal-missjoni.

▼M1

5.  Il-persunal kollu għandu jwettaq id-dover tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill ( 1 ).

▼B

Artikolu 9

Status tal-persunal ta' l-EUPOL COPPS

1.  Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal ta’ l-EUPOL COPPS, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel ta' l-EUPOL COPPS, għandu jkun is-suġġett ta' ftehim li jiġi konkluż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jgħin lill-Presidenza, jista' jinnegozja tali arranġamenti f'isimha. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li jgħin lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha.

2.  L-Istat Membru jew l-Istituzzjoni ta’ l-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal marbuta ma’ l-issekondar. L-Istat Membru jew l-Istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex jibdew kwalunkwe azzjoni kontra l-issekondat.

3.  Il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u dak lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija u l-membru tal-persunal.

▼M1

Artikolu 10

Linja ta' Kmand

1.  L-EUPOL COPPS għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPOL COPPS.

3.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant ta' l-EUPOL COPPS f'livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL COPPS f'livell ta' fuq il-post ta' l-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 11

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta' Kap tal-Missjoni, fuq proposta tas-SĠ/RGħ, u għall-emendament ta' l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li sussegwentement jittieħdu deċiżjonijiet rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta' deċiżjoni fir-rigward ta' l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

▼B

Artikolu 12

Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-UE u l-qafas instituzzjonali uniku tagħha, Stati aderenti ser jiġu mistiedna u Stati Terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPOL COPPS sakemm iħallsu l-ispejjeż biex jibgħatu l-persunal sekondat minnhom, inkluż is-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni kontra r-riskji kbar, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta' kuljum ta' l-EUPOL COPPS, kif xieraq.

2.  Stati Terzi li jagħmlu kontributi lill-EUPOL COPPS għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri ta' l-UE li jieħdu sehem fil-missjoni.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u biex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.  Arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim li jiġi konkluż skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, li jgħin lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali arranġamenti f’isimha. Fejn l-UE u Stat terz ikkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz fl-operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ l-EUPOL COPPS.

▼M1

Artikolu 13

Sigurtà

1.  Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPOL COPPS skond l-Artikoli 5a u 10, f'koordinazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta' l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta' sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat u d-dokumenti ta' sostenn tiegħu.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li ser jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.  Il-persunal ta' l-EUPOL COPPS għandu jagħmel taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma' l-OPLAN. Għandu jingħatalu taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post organizzat mill-MSO..

▼B

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-missjoni għandu jkun EUR 2,5 miljun għall-2005 u EUR 3,6 miljun għall-2006.

2.  Il-budget finali ta' l-EUPOL COPPS għas-snin 2006, 2007 u 2008 għandu jiġi deċiż mill-Kunsill fuq bażi annwali.

3.  In-nefqa ffinanzjata mill-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-UE bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Ċittadini ta' Stati terzi li jipparteċipaw finanzjarjament fil-missjoni, ta' partijiet ospitanti u, jekk meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, ta' pajjiżi ġirien għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.

4.  Il-Kap tal-Missjoni/Kummissarju tal-Pulizija għandu jirraporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jiġi sorveljat minnha, dwar l-attivitajiet eżegwiti fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

5.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi ta' l-EUPOL COPPS, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tat-timijiet tagħha.

6.  L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

Artikolu 15

Azzjoni Komunitarja

1.  Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond is-setgħat rispettivi tiegħu, konsistenza bejn l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-attivitajiet esterni tal-Komunità skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3 tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan il-għan.

2.  Għandu jkun hemm l-arranġamenti meħtieġa ta' koordinazzjoni fiż-żona tal-missjoni, kif meħtieġ, kif ukoll fi Brussel.

Artikolu 16

Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

1.  Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din l-Azzjoni Konġunta, kif xieraq u skond il-ħtiġijiet operattivi tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-għanijiet tal-missjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

2.  Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu wkoll awtorizzat jirrilaxxa lill-awtoritajiet lokali informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġġenerati għall-għanijiet tal-missjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, tali informazzjoni u dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-awtoritajiet lokali skond il-proċeduri xierqa għal-livell ta' kooperazzjoni tagħhom ma' l-UE.

3.  Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta u lill-awtoritajiet lokali dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-missjoni koperta mill-obbligu ta' sigriet professjonali skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).

▼M1

Artikolu 16a

Għassa

Il-Kapaċità ta' l-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL COPPS. .

▼B

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2008.

Artikolu 18

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

▼M1

Id-Deċiżjonijiet tal-KPS meħuda skond l-Artikolu 11(1), dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni, għandhom ukoll jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24)..

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta' Marzu 2004 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22). Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/701/KE, Euratom (ĠU L 319, 20.10.2004, p. 15).