European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/220

3.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/220

tad-29 ta’ Novembru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna billi jistabbilixxi l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/792 stabbilixxa l-Faċilità għall-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem “il-Faċilità”) biex tikkontribwixxi biex tindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna u żżomm l-istabbiltà makrofinanzjarja tagħha sal-2027. L-objettiv huwa li jingħata kontribut għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-Ukrajna filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi ta’ riforma tal-pajjiż fit-triq tal-adeżjoni tiegħu lejn is-sħubija fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2024/792, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta l-kisba tal-objettivi tagħha. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqin taħt il-Faċilità.

(3)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2024/792, il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (il-Pilastru I tal-Faċilità) għandu jintwera fil-forma ta’ tabella ta’ valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna (“it-Tabella ta’ Valutazzjoni”).

(4)

Jenħtieġ li t-Tabella ta’ Valutazzjoni turi b’mod trasparenti informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna kif approvat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 (2).

(5)

Jenħtieġ li l-elementi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni jkunu bbażati biss fuq: (i) l-informazzjoni inkluża fil-Pjan għall-Ukrajna vvalutat f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/792; (ii) il-valutazzjonijiet tal-issodisfar sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792; u (iii) żborżi awtorizzati skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/792.

(6)

Peress li jenħtieġ li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tkun operattiva mill-1 ta’ Jannar 2025 u sabiex tippermetti għall-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Elementi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Pjan għall-Ukrajna

It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tinkludi l-elementi li ġejjin biex jintwera l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna:

(a)

it-twettiq tal-passi, li jirriflettu l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447, billi jiġu elenkati l-passi li ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti, b’kollox u diżaggregati skont ir-riformi u l-investimenti, filwaqt li jiġi indikat l-għadd tagħhom, u jintwera l-perċentwal fuq l-għadd totali ta’ passi stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1447;

(b)

il-progress fl-iżborż tal-appoġġ finanzjarju u s-self mhux ripagabbli;

(c)

il-komponenti ta’ fondi żborżati;

(d)

ir-referenzi għall-valutazzjonijiet;

(e)

il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna permezz tal-kapitoli ta’ dak il-Pjan;

(f)

kontroreferenza għal-lista ta’ persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament li jaqbeż l-ekwivalenti ta’ EUR 100 000 b’mod kumulattiv matul il-perjodu ta’ erba’ snin għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna, kif ippubblikat mill-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2024/792.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1447 tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/1447, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1447/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/220/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)