|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2523 |
10.11.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2523
tad-9 ta’ Novembru 2026
li jemenda l-Annessi IV, V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-entrati għall-Afrika t’Isfel, għall-Kanada, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fil-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 230(1), l-Artikolu 232(1), il-punt (b), u l-Artikolu 232(3), il-punt (b), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-konsenji tal-annimali, tal-prodotti ġerminali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew territorji, jitħallew jidħlu fl-Unjoni biss jekk il-pajjiżi terzi jew it-territorji kkonċernati jkunu elenkati f’konformità mal-Artikolu 230(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li l-konsenji ta’ ċerti speċijiet u kategoriji tal-annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi, territorji, jew żoni tagħhom, jew minn kompartimenti tagħhom fil-każ tal-annimali tal-akkwakultura, iridu jkunu konformi magħhom biex jidħlu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 (3) jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji, jew żoni tagħhom, li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni tal-ispeċijiet u l-kategoriji ta’ annimali, ta’ prodotti ġerminali u ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692. Dawk il-listi u ċerti regoli ġenerali li jikkonċernaw dawk il-listi huma stabbiliti fl-Annessi I sa XXII ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
(4) |
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ annimali ekwini. Iż-żona ZA-1 fl-Afrika t’Isfel, ristretta għaż-żona Metropolitana ta’ Cape Town fil-provinċja ta’ Western Cape ta’ dak il-pajjiż terz, hija elenkata fit-tabella fil-Parti 1 ta’ dak l-Anness u deskritta fil-Parti 2 ta’ dak l-Anness. |
|
(5) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1170 (4) emenda l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 sabiex, fost l-oħrajn, jawtorizza mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ żwiemel irreġistrati miż-żona ZA-1 fl-Afrika t’Isfel skont kundizzjonijiet speċifiċi rigward miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-marda Afrikana taż-żwiemel (AHS). Waħda mill-kundizzjonijiet speċifiċi, deskritti fil-Parti 3, il-punt 4(c), ta’ dak l-Anness, hija sospensjoni immedjata tad-dħul fl-Unjoni taż-żwiemel irreġistrati miż-żona ZA-1 fil-każ ta’ każ ikkonfermat ta’AHS fiż-żona kkontrollata, li ddum sal-awtorizzazzjoni mill-ġdid tiegħu mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
(6) |
Fid-29 ta’ Ottubru 2026, l-Afrika t’Isfel irrappurtat lill-Kummissjoni tifqigħa tal-AHS fiż-żona kkontrollata, fil-provinċja ta’ Western Cape tal-Afrika t’Isfel. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċjali stabbiliti fil-Parti 3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 u filwaqt li titqies is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fl-Afrika t’Isfel, jixraq li jiġi sospiż id-dħul fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ żwiemel irreġistrati miż-żona ZA-1 fl-Afrika t’Isfel sabiex jiġi protett l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, filwaqt li titqies id-data meta ġiet ikkonfermata t-tifqigħa tal-AHS. Għalhekk, l-entrata għall-Afrika t’Isfel fit-tabella stabbilita fil-Parti 1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq. |
|
(7) |
L-Annessi V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jistabbilixxu l-listi tal-pajjiżi terzi, tat-territorji jew taż-żoni tagħhom, li minnhom hu awtorizzat id-dħul fl-Unjoni, rispettivament, ta’ konsenji tal-pollam u ta’ prodotti ġerminali tal-pollam, u ta’ laħam frisk tal-pollam u għasafar tal-kaċċa. |
|
(8) |
Il-Kanada nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tliet tifqigħat ġodda tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI, highly pathogenic avian influenza) fil-pollam fil-provinċja ta’ Alberta, li ġew ikkonfermati fl-20 ta’ Ottubru 2026 u fit-30 ta’ Ottubru 2026 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(9) |
Ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni b’tifqigħa ġdida tal-HPAI fil-pollam fiż-żona amministrattiva ta’ Scottish Borders, fl-Iskozja, li ġiet ikkonfermata fit-2 ta’ Novembru 2026 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(10) |
L-Istati Uniti nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar erba’ tifqigħat ġodda tal-HPAI fil-pollam fl-istati ta’ California, Iowa, Minnesota u Wisconsin, li ġew ikkonfermati bejn it-23 ta’ Ottubru 2026 u d-29 ta’ Ottubru 2026 permezz ta’ analiżi tal-laboratorju (RT-PCR). |
|
(11) |
Wara dawk it-tifqigħat riċenti tal-HPAI, l-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti nnotifikaw l-istabbiliment ta’ żoni ristretti ta’ mill-inqas 10 km madwar l-istabbilimenti affettwati u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ qerda biex jikkontrollaw il-preżenza tal-HPAI u jillimitaw it-tixrid ta’ dik il-marda. |
|
(12) |
Il-Kanada, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti ssottomettew iktar informazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorji rispettivi tagħhom u l-miżuri li ttieħdu biex jevitaw aktar tixrid tal-HPAI wara dawk it-tifqigħat riċenti tal-HPAI. |
|
(13) |
L-informazzjoni pprovduta mill-Kanada, mir-Renju Unit u mill-Istati Uniti ġiet evalwata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali fiż-żoni bir-restrizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet veterinarji tal-Kanada, tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, jixraq li jiġi sospiż id-dħul fl-Unjoni tal-konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa miż-żoni kkonċernati mit-tifqigħat il-ġodda f’dawk il-pajjiżi terzi, biex jitħares l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu d-dati meta ġew ikkonfermati t-tifqigħat. Għalhekk, l-entrati għall-Kanada, għar-Renju Unit u għall-Istati Uniti fit-tabelli stabbiliti fit-Taqsima B tal-Parti 1 u fil-Parti 2 tal-Anness V, u fit-tabella stabbilita fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(14) |
Barra minn hekk, il-Kanada pprovdiet informazzjoni aġġornata lill-Kummissjoni b’rabta mas-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħha fir-rigward ta’ tifqigħa preċedenti tal-HPAI li wasslet għas-sospensjoni tad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji tal-pollam u ta’ prodotti ġerminali tal-pollam u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa, kif stabbilit fit-tabella tal-Anness V, il-Parti 1, it-Taqsima B, u fit-tabella tal-Anness XIV, il-Parti 1, it-Taqsima B, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404. |
|
(15) |
Il-Kanada infurmat lill-Kummissjoni li, wara dik it-tifqigħa preċedenti tal-HPAI, implimentat politika tal-qerda biex tikkontrolla u tillimita t-tixrid ta’ dik il-marda, u lestiet ukoll it-tindif u d-diżinfettar meħtieġa wara l-implimentazzjoni tal-politika tal-qerda fl-istabbiliment tal-pollam infettat. |
|
(16) |
Il-Kummissjoni evalwat l-informazzjoni sottomessa mill-Kanada f’dak ir-rigward u jidhrilha li tat garanziji xierqa li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-annimali li kienet wasslet għas-sospensjoni tad-dħul ta’ konsenji tal-pollam u tal-prodotti ġerminali tal-pollam, u tal-laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa fl-Unjoni miż-żona affettwata, kif stabbilit fit-tabella fit-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness V u fit-tabella tat-Taqsima B tal-Parti 1 tal-Anness XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404, ma għadhiex toħloq theddida għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni u li, għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi awtorizzat mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni ta’ dawk il-konsenji miż-żona affettwata tal-Kanada li minnha kien ġie sospiż id-dħul fl-Unjoni. Għalhekk, l-entrati għall-Kanada f’dawk it-tabelli ta’ dawk l-Annessi jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq. |
|
(17) |
Filwaqt li jitqiesu t-tifqigħa tal-AHS fl-Afrika t’Isfel u t-tifqigħat tal-HPAI fil-Kanada, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, u biex jiġi evitat it-tfixkil bla bżonn fil-kummerċ mal-Kanada, l-emendi li jridu jsiru fl-Annessi IV, V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jsiru effettivi b’mod urġenti. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi IV, V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/692/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/404 tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew żoni tagħhom li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta’ annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali skont ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 114, 31.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/404/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1170 tat-23 ta’ April 2024 li jemenda l-Annessi IV, VIII, XIII, XIV u XV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 fir-rigward tal-listi ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ċerti annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, u li jikkoreġi l-Anness XIV tiegħu fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi jew territorji, jew żoni tagħhom, awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ laħam frisk tal-pollam u tal-għasafar tal-kaċċa (ĠU L, 2024/1170, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1170/oj).
ANNESS
L-Annessi IV, V u XIV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/404 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
fl-Anness IV, fil-Parti 1, l-entrata għall-Afrika t’Isfel hija sostitwita b’dan li ġej:
|
|
(2) |
l-Anness V huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
fil-Parti 1 tal-Anness XIV, it-Taqsima B hija emendata kif ġej:
|
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2523/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)