European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/159

22.1.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/159

tal-21 ta’ Jannar 2026

dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza għall-Ungerija li jidderogaw minn dispożizzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Minħabba avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi relatati mal-ġlata li seħħew fl-Ungerija f’April u Mejju 2025, il-produzzjoni tal-frott saritilha ħsara drastika. Dan irriżulta f’telf għall-ħsad tal-frott tal-2025, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċirasa, it-tuffieħ, il-berquq, il-ġewż, l-għanbaqar, il-lanġas, il-ħawħ u l-frawli. It-telf stmat jammonta għal EUR 29,2 miljun. Huwa stmat li ġew affettwati 57 % tal-membri produtturi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. It-tnaqqis fir-rendiment ta’ tipi differenti ta’ frott għas-sena 2025 huwa stmat għal 41 %. Lanqas it-tekniki tal-produzzjoni, bħall-magni tat-taħlit tal-arja, il-produzzjoni tas-sħana jew it-tisqija kontra l-iffriżar ma kienu effettivi. Il-ħsara kellha impatt qawwi fuq il-produzzjoni tal-frott fl-Ungerija fis-sena 2025.

(2)

Fid-dawl tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi ta’ April u Mejju 2025, il-membri produtturi ta’ ħafna organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex qed jiffaċċjaw tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-konsegwenzi u l-impatt tagħhom fuq il-valur tal-prodotti mibjugħa, jenħtieġ li fis-sena 2025 l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jiġu eżentati mir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 (2), li l-valur ekonomiku tal-prodotti mibjugħa mill-produtturi li mhumiex membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jrid ikun taħt il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

(3)

Is-sitwazzjoni ġenerali kkawżata mill-eventi meteoroloġiċi avversi severi ta’ April u Mejju 2025 tikkostitwixxi problema speċifika skont it-tifsira tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ tfixkil eżistenti u uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. Lanqas ma hi marbuta ma’ miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew it-telf fil-fiduċja tal-konsumaturi minħabba r-riskji għas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata u li jiġu adottati b’mod urġenti miżuri biex jittaffew l-effetti negattivi severi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi ta’ April u Mejju 2025 fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-Artikolu 221(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-miżuri jridu jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx it-12-il xahar, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformita mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga temporanja mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891

1.   B’deroga mill-Artikolu 11(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/891, fis-sena 2025, organizzazzjoni tal-produtturi li l-Ungerija tidentifika li hija affettwata mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi ta’ April u Mejju 2025 tista’ tbigħ prodotti minn produtturi li mhumiex membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi irrispettivament mill-valur ekonomiku ta’ dik l-attività meta mqabbel mal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

2.   L-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jagħtu prova lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ġew issodisfati.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-22 ta’ Jannar 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/891 tat-13 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (ĠU L 138, 25.5.2017, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/891/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/159/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)