European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3947

18.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Lulju 2025

dwar l-approvazzjoni ta’ linji gwida dwar l-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri adottati għall-assistenza mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perjodu 2014–2022

(C/2025/3947)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri approvati għall-assistenza mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 ġew adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2022 bir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Filwaqt li titqies l-importanza tal-għeluq f’waqtu u effiċjenti ta’ dawn il-programmi għall-iżvilupp rurali f’konformità, b’mod partikolari, mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, mar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (5) u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (6), jeħtieġ tiġi pprovduta gwida xierqa dwar l-għeluq ta’ dawn il-programmi.

(3)

L-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri għall-perjodu 2014–2022 se jkun imsejjes fuq l-esperjenza tal-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-iżvilupp rurali 2007–2013 u jenħtieġ li jiġu proposti proċeduri simplifikati bl-għan li jibnu fuq l-aħjar prattiki identifikati matul l-għeluq tal-perjodu preċedenti.

(4)

L-iskop tal-linji gwida huwa li jiġi faċilitat il-proċess tal-għeluq billi jipprovdu l-qafas metodoloġiku li skontu jenħtieġ li jseħħ l-eżerċizzju tal-għeluq għas-saldu finanzjarju tal-impenji baġitarji pendenti tal-Unjoni permezz tal-ħlas tal-bilanċ finali, l-irkupru ta’ somom imħallsa indebitament u/jew id-diżimpenn ta’ kwalunkwe impenn mhux użat.

(5)

Għalhekk, il-linji gwida jenħtieġ li jiġu approvati,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri adottati għall-assistenza mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perjodu 2014–2022, kif stabbilit fl-Anness, huma b’dan approvati.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1–29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2220/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1303/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1306/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/907/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/908/oj).


ANNESS

LINJI GWIDA DWAR L-GĦELUQ TAL-PROGRAMMI GĦALL-IŻVILUPP RURALI 2014-2022

1.   PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-GĦELUQ

Il-programmi għall-iżvilupp rurali tal-Istati Membri li ġew iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 ġew adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022 bir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, dawn il-linji gwida japplikaw għall-perjodu ta’ programmazzjoni mill-2014 sal-2022.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw għall-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (3), mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, mar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (4), mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (5), u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (6), mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 (7) u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (8).

L-għeluq tal-programmi jikkonċerna s-saldu finanzjarju (f’EUR) tal-impenji baġitarji pendenti tal-Unjoni permezz ta’ pagament (f’EUR) ta’ kwalunkwe bilanċ finali lill-Istat Membru ta’ kull programm għall-iżvilupp rurali (PŻR) jew irkupru ta’ somom (f’EUR) li jkunu tħallsu meta ma kinux dovuti mill-Kummissjoni lil Stat Membru u permezz ta’ diżimpenn (f’EUR) ta’ kwalunkwe bilanċ finali.

Id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju jibqgħu validi sal-għeluq tal-programmi għall-iżvilupp rurali. L-għeluq tal-PŻR ma jippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li tadotta korrezzjonijiet finanzjarji ulterjuri jew li tirkupra ammonti mħallsa mhux dovuti.

Kif huwa spjegat hawn fuq, ir-Regolament (UE) 2020/2220 (“ir-Regolament Tranżizzjonali”) adottat fl-2020, estenda l-perjodu stabbilit fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 sal-31 ta’ Diċembru 2022 (ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2020/2220).

Ir-Regolament Tranżizzjonali introduċa wkoll il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati programmi għall-iżvilupp rurali b’finanzjament addizzjonali mill-Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI, European Union Recovery Instrument) (9) għas-snin 2021 u 2022 sabiex jiġu indirizzati l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha fuq is-settur agrikolu u fuq iż-żoni rurali tal-Unjoni. Madankollu, il-fondi addizzjonali tal-EURI huma soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet u, għalhekk, kellhom jiġu pprogrammati u mmonitorjati separatament mill-appoġġ tal-FAEŻR għall-iżvilupp rurali. Minkejja din is-separazzjoni, japplikaw ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, inklużi r-regoli dwar l-emendi għall-programmi għall-iżvilupp rurali, ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, inklużi r-regoli dwar id-diżimpenn awtomatiku, u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament Tranżizzjonali. Il-parti tal-EURI tal-programmi għall-iżvilupp rurali tal-2014-2022 se tingħalaq fl-istess ħin bħall-parti tal-FAEŻR. Ir-regoli kollha applikabbli għall-fondi tal-FAEŻR japplikaw ukoll għall-fondi tal-EURI, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

B’riżultat tar-Regolament Tranżizzjonali, il-programmi għall-iżvilupp rurali 2014-2022 ġew estiżi għal sentejn addizzjonali (10) (ħlief għar-Renju Unit) b’finanzjament addizzjonali mill-FAEŻR u mill-EURI u l-implimentazzjoni ġiet estiża sal-aħħar tal-2025 (it-tmiem tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-programmi għall-iżvilupp rurali) (11).

2.   PREPARAZZJONI GĦALL-GĦELUQ

2.1.   Gwida u assistenza

Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tipprovdi l-gwida u l-assistenza neċessarji fil-perkors li jwassal għall-għeluq.

2.2.   Skadenzi għall-aħħar talba għall-bidliet fil-programmi

Il-proċeduri u l-iskadenzi għall-emendi tal-programmi għall-iżvilupp rurali huma speċifikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014.

2.2.1   L-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014:

—

L-emendi fil-programmi tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11, il-punt (a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ma jistgħux jiġu proposti aktar minn erba’ darbiet tul il-perjodu ta’ programmazzjoni.

—

Tista’ tiġi sottomessa proposta ta’ emenda waħda għall-kombinament tat-tipi l-oħra kollha ta’ emendi għal kull sena kalendarja u għal kull programm, bl-eċċezzjoni tal-2025. L-2025 hija l-unika sena meta tista’ tiġi sottomessa aktar minn proposta ta’ emenda waħda dment li l-emendi kkombinati jikkonċernaw esklussivament l-adattament tal-pjan ta’ finanzjament, inkluż kwalunkwe bidla li tirriżulta fil-pjan tal-indikatur. Barra minn hekk, jistgħu jiġu sottomessi erba’ proposti addizzjonali għall-kombinament tat-tipi l-oħra kollha ta’ emendi għal kull programm tul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Stat Membru (SM) jista’ juża dawn il-proposti ta’ emenda addizzjonali fl-2025, jekk ma jintużawx qabel.

2.2.2.   L-Artikolu 4(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014:

—

L-Istati Membri jridu jissottomettu l-aħħar emenda tal-programm tagħhom tat-tip imsemmi fl-Artikolu 11(a)(iii), tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022.

—

Tipi oħrajn ta’ emendi fil-programmi jridu ikunu sottomessi lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2025.

2.3.   Sottomissjoni ta’ dikjarazzjonijiet trimestrali tan-nefqa qabel l-għeluq

L-Istati Membri jridu ikomplu jissottomettu dikjarazzjonijiet tan-nefqa trimestrali għan-nefqa mġarrba mill-aġenzija tal-pagamenti sad-data finali tal-eliġibbiltà tan-nefqa f’konformità maż-żmien stabbilit fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Għalhekk, l-aħħar dikjarazzjoni tan-nefqa trimestrali li trid tasal għand il-Kummissjoni hija dik għar-raba’ trimestru tal-2025, li għaliha trid tiġi sottomessa dikjarazzjoni tan-nefqa sal-31 ta’ Jannar 2026.

It-total tal-prefinanzjament u tal-pagamenti intermedji mħallsin mill-Kummissjoni għall-programm rispettiv ma jistax jaqbeż il-95 % tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR u tal-EURI prevista fil-programm rispettiv (12). Dan ifisser li l-Kummissjoni se jkollha tieqaf tirrimborża d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa trimestrali meta l-ammont kumulattiv imħallas lil PŻR jilħaq 95 % tal-kontribuzzjoni totali kkombinata tal-FAEŻR u tal-EURI (kif stabbilit mill-aħħar verżjoni tad-deċiżjoni li tapprova l-programm rispettiv).

Ladarba l-PŻR ikun laħaq il-livell ta’ 95 % tal-kontribuzzjoni totali kkombinata tal-FAEŻR u tal-EURI, il-Kummissjoni tipproċedi bl-ikklirjar tal-prefinanzjament ma’ kull dikjarazzjoni tan-nefqa sussegwenti. Il-bilanċ finali għall-programm rispettiv jitħallas jew jiġi rkuprat mal-għeluq tal-programm.

3.   ELIĠIBBILTÀ TAN-NEFQA

3.1.   Id-data finali tal-eliġibbiltà tan-nefqa u r-regoli ġenerali applikabbli

Skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (13), id-data finali għall-eliġibbiltà tan-nefqa hija l-31 ta’ Diċembru 2025, li jfisser li jenħtieġ li n-nefqa tiġġarrab minn benefiċjarju u titħallas qabel il-31 ta’ Diċembru 2025. Barra minn hekk, in-nefqa tkun eliġibbli biss għal kontribuzzjoni mill-FAEŻR (u l-EURI) jekk l-aġenzija tal-pagamenti fil-fatt tħallas l-għajnuna rilevanti qabel il-31 ta’ Diċembru 2025.

Il-ħlas ta’ pagamenti antiċipati għal miżuri li ma jaqgħux taħt sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (mhux SIAK) (14) huwa permess skont l-Artikolu 42 u l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Skont l-Artikolu 63 tal-istess Regolament, il-pagamenti antiċipati jridu jiġu assigurati b’garanzija bankarja jew b’faċilità ekwivalenti pprovduta minn awtorità pubblika. Il-garanzija tista’ tiġi rilaxxata meta l-aġenzija tal-pagamenti kompetenti tistabbilixxi li l-ammont tan-nefqa proprja li tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni pubblika marbuta mal-operazzjoni jaqbeż l-ammont tal-pagament bil-quddiem.

Peress li l-2025 hija l-aħħar sena ta’ implimentazzjoni tal-PŻR, l-Istati Membri jridu jikklirjaw il-pagamenti antiċipati lill-benefiċjarji u li huma relatati ma’ proġetti mwettqa taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022.

Fil-kuntest tar-riport kif speċifikat fil-punt 3.8 hawn taħt, il-pagamenti antiċipati mhux ikklirjati sa tmiem l-2025 mill-Istat Membru jenħtieġ li jkunu marbutin ma’ proġetti li jkunu jinsabu għaddejjin li għalihom il-finanzjament se jiġi żgurat ineliġibbli il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) 2023-2027 skont l-Artikolu 155(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115 (15).

Kwalunkwe pagament antiċipat mhux approvat/mhux użat għall-FAEŻR 2014–2022 jew għall-EURI mhux marbut mar-riport skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK qabel l-31 ta’ Diċembru 2025, irid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess finanzjarju tal-Unjoni. F’każ li l-Istat Membru ma jibdiex proċeduri ta’ rkupru għal dawn l-ammonti qabel l-iskadenza biex jissottometti l-kont finali jew jiddikjara awtokorrezzjoni fil-kontijiet finali għal dan l-ammont, il-Kummissjoni tnaqqas dawn l-ammonti mill-bilanċ finali fl-ikklirjar finanzjarju tal-proċedura tal-kontijiet qabel l-għeluq.

Il-Korp ta’ Ċertifikazzjoni fl-Istat Membru rispettiv ikollu jikkonferma fir-rapport dwar il-kontijiet finali dovuti sat-30 ta’ Ġunju 2026 li l-pagamenti antiċipati lill-benefiċjarji skont il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022 huma kklirjati, u li l-jkunu għadhom mhux ikklirjati biss il-pagamenti antiċipati relatati ma’ proġetti b’pagamenti finali skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK għall-perjodu 2023-2027, jew li dak l-Istat Membru jkun beda l-proċeduri ta’ rkupru meħtieġa.

3.2.   Finanzjament nazzjonali addizzjonali

Id-data tal-eliġibbiltà tal-31 ta’ Diċembru 2025 ma tapplikax għal finanzjament nazzjonali addizzjonali. Għalhekk, il-pagamenti minn riżorsi nazzjonali addizzjonali lill-benefiċjarji tal-programm għall-iżvilupp rurali jistgħu jsiru wara l-31 ta’ Diċembru 2025.

L-Istati Membri jistgħu jappoġġaw lill-bdiewa b’finanzjament nazzjonali addizzjonali barra mill-programm għall-iżvilupp rurali f’konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għall-finanzjament nazzjonali addizzjonali inkluż fil-pjanijiet għall-iżvilupp rurali skont l-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-pagamenti li jsiru wara l-għeluq tal-programm iridu jkunu soġġetti għal valutazzjoni separata tal-għajnuna mill-Istat. Hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jikseb din l-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex jiżgura li l-pagamenti lill-benefiċjarji jkunu konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-benefiċjarji jissodisfaw l-impenji tagħhom matul il-perjodu speċifikat, anke jekk parti mill-impenn testendi lil hinn mill-għeluq tal-programm għall-iżvilupp rurali. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu l-kontrolli meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sa tmiem il-perjodu ta’ impenn. Jekk l-impenji ma jkunux, jew ma jkunux issodisfati bis-sħiħ, sa tmiem il-perjodu ta’ impenn, l-Istati Membri jridu jirkupraw l-ammonti korrispondenti u jirrimborżawhom lill-baġit tal-Unjoni (ara r-regoli tranżizzjonali fl-Artikolu 104(1), il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116 (16) u l-Artikolu 14, il-punt (b), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173).

3.3.   Pjan finanzjarju – il-limitu massimu tan-nefqa skont il-miżura

Il-Kummissjoni hija obbligata li tistabbilixxi limitu massimu fuq kwalunkwe nefqa ddikjarata li taqbeż l-ammonti pprogrammati fil-pjan finanzjarju fis-seħħ għal kull miżura f’konformità mal-Artikolu 36(3), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Jekk in-nefqa tkun soġġetta għal limitu massimu għal miżura, u l-Istat Membru jagħmel bidliet debitament ġustifikati fil-PŻR tiegħu fi ħdan it-termini speċifikati fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 808/2014, in-nefqa eskluża tista’ titħallas aktar tard wara l-aċċettazzjoni tal-modifika tal-PŻR mill-Kummissjoni (kif previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014).

3.4.   Dispożizzjonijiet speċjali dwar in-nefqa għall-operazzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 59(4), il-punti (e), (f) u (g) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

It-taqsima li ġejja tispjega d-dispożizzjonijiet speċifiċi għan-nefqa fuq l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 59(4), il-punti (e), (f) u (g) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li jipprevedu derogi mir-rati ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR stabbiliti fl-Artikolu 59(3). Dawn id-derogi japplikaw għal każijiet speċifiċi fejn rati ogħla ta’ kofinanzjament huma permessi taħt ċerti kundizzjonijiet, li jeħtieġu verifika u aġġustamenti possibbli fl-għeluq biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli.

L-Artikolu 59(4), il-punt (e) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jipprevedi li r-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % hija għal operazzjonijiet li jirċievu finanzjament minn fondi ttrasferiti lill-FAEŻR b’applikazzjoni tal-Artikolu 136a(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Għalhekk, il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni tiġi kkontrollata fl-għeluq. Jekk in-nefqa kumulattiva ddikjarata mill-Istat Membru taqbeż l-ammonti allokati bħala trasferimenti minn fondi oħra għall-FAEŻR, tiġi applikata korrezzjoni tal-pagament (limitu massimu).

L-Artikolu 59(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jipprevedi li r-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % hija għal ammont ta’ EUR 100 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) allokat għall-Irlanda, għal ammont ta’ EUR 500 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) allokat għall-Portugall u għal ammont ta’ EUR 7 miljun (bil-prezzijiet tal-2011) allokat għal Ċipru.

Fl-għeluq tiġi vverifikata l-konformità mal-Artikolu 59(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Jekk in-nefqa totali kumulattiva ddikjarata mill-Istat Membru kkonċernata għal-linji baġitarji rilevanti kollha taqbeż l-ammonti addizzjonali allokati f’konformità mal-Artikolu 59(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, trid tiġi applikata korrezzjoni tal-pagament (limitu massimu).

L-Artikolu 59(4), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ippermetta lill-Istati Membri (il-Greċja u r-Rumanija) li jirċievu assistenza finanzjarja mill-1 ta’ Jannar 2014 f’konformità mal-Artikoli 136 u 143 tat-TFUE li jżidu r-rata tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR b’massimu ta’ 10 punti perċentwali sa total ta’ 95 % għan-nefqa mġarrba fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali (jiġifieri sat-tieni trimestru tal-2017 għar-Rumanija u għar-raba’ trimestru tal-2017 għall-Greċja). Madankollu, l-Artikolu 59(4), il-punt (g) jirrikjedi wkoll li r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR li tkun applikabbli mingħajr din id-deroga għandha tiġi osservata għan-nefqa pubblika totali magħmula matul il-perjodu ta’ programmazzjoni.

Fl-għeluq, il-Kummissjoni tivverifika li d-deroga temporanja skont l-Artikolu 59(4), il-punt (g), ġiet applikata b’mod korrett mill-Istati Membri rilevanti. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tivverifika li, wara perjodu ta’ sentejn, ir-rata ta’ kontribuzzjoni użata ma taqbiżx ir-rati massimi applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 59(3) għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu. Il-konformità mal-Artikolu 59(4), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tiġi vverifikata u jenħtieġ li jsiru korrezzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

3.5.   Ir-regoli speċifiċi ta’ eliġibbiltà applikabbli għal azzjonijiet ta’ strumenti finanzjarji skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 1303/2013

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022, l-awtoritajiet maniġerjali tal-FAEŻR stabbilew biss fondi ta’ self u ta’ garanzija. Għalhekk, dawn il-linji gwida ma jidħlux fid-dettall fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji (FI, financial instruments) ta’ ekwità jew ta’ kważi ekwità.

L-eliġibbiltà tan-nefqa tal-istrumenti finanzjarji fl-għeluq hija ddefinita fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (u fid-dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 (17), kif spjegat fil-paragrafi li ġejjin). Skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mal-għeluq ta’ programm, in-nefqa eliġibbli tal-istrument finanzjarju tkun l-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet tal-programmi effettivament imħallsin jew, fil-każ ta’ garanziji, impenjati mill-istrument finanzjarju fil-perjodu ta’ eliġibbiltà, li jikkorrispondu għal:

(a)

pagamenti lir-riċevituri finali, u fil-każijiet imsemmijin fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, pagamenti għall-benefiċċju tar-riċevituri finali;

(b)

riżorsi impenjati għall-kuntratti ta’ garanzija, kemm jekk ikunu pendenti kif ukoll jekk ikunu diġà mmaturaw, sabiex jiġu onorati talbiet għal ħlas ta’ garanzija possibbli għal telf, ikkalkolati abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju ex ante prudenti, li jkopru ammont multiplu ta’ self ġdid sottostanti jew strumenti li jġorru riskju oħrajn għall-investimenti ġodda f’riċevituri finali;

(c)

sussidji kapitalizzati fuq ir-rati tal-imgħax jew sussidji fuq it-tariffi ta’ garanzija, li jridu jitħallsu f’perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà, użati b’kombinament mal-istrumenti finanzjarji, imħallsa f’escrow account miftuħ speċifikament għal dak l-iskop, għall-iżborżament effettiv wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà, iżda fir-rigward ta’ self jew strumenti oħra li jġorru riskju żborżati għall-investimenti f’riċevituri finali matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà;

(d)

ir-rimborż tal-ispejjeż ta' ġestjoni mġarrba jew il-pagament ta' tariffi tal-ġestjoni tal-istrument finanzjarju.

In-nefqa mġarrba biss skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tista’ titqies bħala eliġibbli. L-investimenti mir-riċevituri finali ma għandhomx għalfejn ikunu tlestew.

Ir-riżorsi tal-programmi impenjati għall-FI fil-ftehim ta’ finanzjament u/jew imħallsin lilu, iżda mhux żborżati lir-riċevituri finali jew miżmumin għal kuntratti ta’ garanzija għas-self sottostanti żborżat, eċċ., ma humiex nefqa eliġibbli.

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà u s-sottomissjoni sussegwenti tal-kontijiet finali huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 1 u fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Tranżizzjonali.

Għal self, in-nefqa eliġibbli tikkorrispondi għar-riżorsi tal-programm effettivament żborżati lir-riċevituri finali kif iddikjarat mill-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Riżorsi tal-programmi impenjati fil-kuntratti mar-riċevituri finali u mhux żborżati, ma humiex eliġibbli. Is-sussidji fuq ir-rati tal-imgħax, is-sussidji fuq it-tariffi ta’ garanzija u l-appoġġ tekniku mħallsa għall-benefiċċju tar-riċevituri finali matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà huma nefqa eliġibbli wkoll.

Għall-garanziji, ir-riżorsi tal-programm impenjati għal kuntratti ta’ garanzija huma eliġibbli biss jekk is-self sottostanti jew strumenti oħrajn li jġorru r-riskju jkunu ġew żborżati lir-riċevituri finali. Jekk l-intermedjarju finanzjarju jew l-entità li tibbenefika mill-garanziji ma tkunx żborżat l-ammont ippjanat ta’ self ġdid jew ta’ strumenti oħrajn għall-kondiviżjoni tar-riskju lir-riċevituri finali, in-nefqa eliġibbli titnaqqas b’mod proporzjonat (kif previst fl-Artikolu 8, il-punt (d) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014).

L-eliġibbiltà tan-nefqa definita fl-Artikolu 42(1), il-punt (c), tikkonċerna l-każ ta’ kombinament ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji f’operazzjoni waħda kif definit fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament UE Nru 1303/2013. Il-kalkoli għandhom iqisu wkoll il-ftehimiet ta’ finanzjament rilevanti kif meħtieġ mill-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014.

L-ammont li għandu jitħallas f’kont miżmum minn terzi jinkludi:

(a)

l-obbligi ta’ pagament skontat f’każ ta’ rata tal-imgħax kapitalizzata jew sussidji fuq it-tariffi ta’ garanzija għal perjodu ta’ mhux aktar minn 10 snin wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà, u/jew

(b)

il-kostijiet u tariffi skontati ta’ ġestjoni li għandhom jitħallsu wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-perjodu ta’ 6 snin f’każ ta’ mikrokreditu.

L-approċċ sabiex jiġi stabbilit l-ammont li għandu jitħallas f’kont miżmum minn terzi, dment li jkun hemm raġunament ċar għall-għażla tal-metodoloġija, jista’ jvarja. L-Istati Membri jistgħu jew (i) isegwu l-approċċ tal-finanzjament tal-proġett u jużaw 4 % kif issuġġerit f’każ ta’ operazzjonijiet li jiġġeneraw dħul nett (l-Artikolu 19 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014), jew (ii) japplikaw ir-rati bażi stabbiliti mill-Kummissjoni (18).

L-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jipprevedi għal eċċezzjoni fir-rigward tal-mikrokreditu. Il-kostijiet jew it-tariffi ta’ ġestjoni kapitalizzati li għandhom jitħallsu għal perjodu li ma jaqbiżx is-6 snin wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà, fir-rigward tal-investimenti fir-riċevituri finali li seħħew fil-perjodu ta’ eliġibbiltà, li ma jistgħux jiġu koperti mill-Artikoli 44 jew 45, jistgħu jitqiesu bħala nefqa eliġibbli meta jitħallsu f’kont miżmum minn terzi stabbilit speċifikament għal dak il-għan. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14(1), (2) u (4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 480/2014 il-kostijiet u t-tariffi ta’ ġestjoni kapitalizzati li għandhom jiġu rimborżati bħala nefqa eliġibbli f’konformità mal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jiġu kkalkolati fi tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà bħala t-total tal-kostijiet u t-tariffi ta’ ġestjoni skontati li għandhom jitħallsu wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-perjodu stabbilit fl-Artikolu 42(2) ta’ dak ir-Regolament, u f’konformità mal-ftehimiet ta’ finanzjament rilevanti. Il-kostijiet u t-tariffi ta’ ġestjoni kapitalizzati li għandhom jitħallsu wara l-perjodu ta’ eliġibbiltà għal strument finanzjarju li jipprovdi l-mikrokreditu jenħtieġ li ma jaqbżux il-1 % kull sena tal-kontribuzzjonijiet tal-programm imħallsa lir-riċevituri finali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 42(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fil-forma ta’ self, li għad iridu jiġu rimborżati lill-istrument finanzjarju, ikkalkulati pro rata temporis minn tmiem il-perjodu ta’ eliġibilità sakemm isir il-ħlas lura tal-investiment, it-tmiem tal-proċedura ta’ rkupru f’każ ta’ inadempjenzi jew il-perjodu msemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, liema minnhom tkun l-ewwel. Kull riżorsa li titħalla f’kont miżmum minn terzi wara l-perjodu msemmi fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew bħala riżultat ta’ stralċ mhux mistenni tal-istrument finanzjarju qabel it-tmiem ta’ dak il-perjodu, trid tintuża f’konformità mal-Artikolu 45 ta’ dak l-istess Regolament.

Ir-riżorsi investiti mill-ġdid, irritornati jew garanziji rilaxxati ma jistgħux jiġu ddikjarati bħala nefqa eliġibbli, jiġifieri fondi li jaqgħu taħt it-tieni ċiklu ta’ investiment u dawk sussegwenti.

Barra minn hekk, ir-riżorsi mill-immaniġġjar ta’ flus investiti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jitqiesu wkoll bħala nefqa ineliġibbli fl-għeluq. L-imgħax miksub fuq il-pagamenti mill-PŻR lill-istrument finanzjarju, li huma attribwibbli għall-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ESI, European Structural and Investment) jikkonċerna l-immaniġġjar ta’ flus tar-riżorsi tal-PŻR imħallsa lill-istrument finanzjarju. Fl-għeluq tal-PŻR, kull ammont minn dawn li ma jkunx intuża f’konformità mal-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jenħtieġ li jitnaqqas min-nefqa eliġibbli.

Jekk ikun hemm imgħax negattiv nett, dan jista’ jiġi kopert mir-riżorsi rritornati skont l-Artikolu 44(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Fil-każijiet kollha, jenħtieġ li jinżammu rekords adegwati mill-Awtorità Maniġerjali.

Il-pagament tal-bilanċ finali huwa regolat bl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Fir-rigward tal-użu mill-ġdid tar-riżorsi wara t-tmiem tal-perjodu ta’ eliġibbiltà, japplika l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Fil-perjodu li jifdal sal-għeluq, l-Istati Membri u l-Awtoritajiet Maniġerjali jistgħu jirtiraw kontribuzzjonijiet minn programmi għall-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 38(1), fil-punti (a) u (c), u mill-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 38(1) , il-punt (b), implimentati f’konformità mal-Artikolu 38(4), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 biss jekk il-kontribuzzjonijiet ma kinux diġà inklużi f’applikazzjoni għall-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 41 ta’ dak ir-Regolament.

3.6.   Riport ta’ interventi ta’ sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontrol (SIAK) mill-PŻR 2014-2022 għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK 2023-2027

Skont l-Artikolu 155(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-impenji mġarrba skont il-miżuri pluriennali speċifikati fl-Artikoli 22, 28, 29, 33, u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (li jikkorrispondu għall-miżuri 8.1, 10, 11, 14, u 15 tal-programmi ta’ żvilupp rurali) jistgħu jiġu riportati għall-interventi skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Pjan Strateġiku tal-PAK (FAEŻR). Barra minn hekk, l-Artikolu 155(5) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jippermetti impenji skont l-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 (il-miżuri 10 u 11 tal-programmi għall-iżvilupp rurali) biex jirċievu appoġġ mill-FAEG (ekoskemi) fil-Pjan Strateġiku tal-PAK, sakemm dawn l-impenji jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi, bħall-eliġibbiltà għal “ekoskemi tat-tip b” skont l-Artikolu 31(7), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b).

Ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ kundizzjonalità japplikaw għan-nefqa riportata mill-impenji tal-PŻR li jinsabu għaddejjin għall-Pjan tal-PAK li se jkun iffinanzjat mill-baġit tal-Pjan tal-PAK (2023-2027). L-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jippermetti lill-bdiewa jirtiraw minn dawn l-impenji jekk ma jaqblux mal-kundizzjonijiet il-ġodda, bħal dawk relatati mal-kundizzjonalità.

3.6.1.   Pagamenti Matul il-Perjodi ta’ Programmazzjoni

Il-ħlas ta’ pagamenti antiċipati skont l-PŻR filwaqt li jiġu saldati l-pagamenti finali skont il-Pjanijiet tal-PAK jenħtieġ li jseħħ biss f’każijiet eċċezzjonali u sa grad limitat kif irregolat mill-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Billi l-Artikolu 155 jipprevedi l-eliġibbiltà ta’ ċerta nefqa mġarrba fil-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti bil-kundizzjoni li tali nefqa tkun inkluża fil-Pjanijiet tal-PAK u tosserva r-regoli tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid, ir-regoli relatati mal-obbligi tagħhom kif ukoll ir-regoli dwar il-verifiki u l-kontrolli jistgħu jinbidlu b’mod sinifikanti għall-benefiċjarji fil-każ ta’ miżuri skont sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (SIAK). Għalhekk, il-kombinament tal-pagamenti għal impenn individwali minn żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, irregolat minn oqfsa legali distinti, joħloq kumplessità amministrattiva sinifikanti kemm għall-Awtoritajiet Maniġerjali kif ukoll għall-benefiċjarji u jenħtieġ li jiġi evitat kemm jista’ jkun.

Sabiex jiġu indirizzati l-lakuni potenzjali fil-finanzjament u tiġi evitata l-kumplessità tal-applikazzjoni ta’ settijiet differenti ta’ regoli għan-nefqa mġarrba fiż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jesploraw possibbiltajiet oħrajn, bħar-riallokazzjoni tal-pakkett finanzjarju tal-PŻR jew l-użu ta’ finanzjament nazzjonali addizzjonali (“żieda”) biex jiġi żgurat li l-pagamenti finali jkunu jistgħu jiġu pproċessati skont l-PŻR.

L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu f’moħħhom ukoll li l-kostijiet imġarrba mill-benefiċjarji huma eliġibbli biss skont il-Pjanijiet tal-PAK jekk iġġarrbu mill-1 ta’ Jannar 2023 (l-Artikolu 86(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115).

3.6.2.   Kundizzjonalità u Kontrolli tal-Kundizzjonalità

Wara s-simplifikazzjoni riċenti tal-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116 (emendat bir-Regolament (UE) 2024/1468 (19)), il-bdiewa b’azjenda ta’ daqs massimu ta’ mhux aktar minn 10 ettari huma eżentati mill-kontrolli tal-kundizzjonalità. Konsegwentement, ma humiex soġġetti għas-sistema ta’ kontrolli tal-kundizzjonalità u għal din ir-raġuni dawn il-bdiewa ma humiex eżentati minn kontrolli li jikkonċernaw il-kundizzjonalità f’konformità mal-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116. Fi kliem ieħor, il-bdiewa b’azjendi ta’ daqs massimu ta’ mhux aktar minn 10 ettari huma soġġetti għal kontrolli li jikkonċernaw il-kundizzjonalità meta jirċievu l-appoġġ rilevanti mill-pjanijiet għall-iżvilupp rurali.

Qabel l-emenda reċenti tal-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) 2021/2116, l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1172 kien jistabbilixxi regoli tranżizzjonali li jnaqqsu l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi eċċessivi relatati mal-kontrolli għal ċerti benefiċjarji, li jkunu soġġetti fl-istess ħin għall-kundizzjonalità u l-kundizzjonalità. Għall-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq iż-żona, ir-regola fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1172 illimitat il-kontrolli biss għar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Huwa biss meta jinstab nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità li l-obbligu korrispondenti ta’ kundizzjonalità kellu jiġi vverifikat. Madankollu, wara l-emenda tal-Artikolu 104(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(iv) tar-Regolament (UE) 2021/2116 tali obbligi korrispondenti ta’ kundizzjonalità ma għandhomx għalfejn jiġu vverifikati f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità (peress li l-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tħassru).

3.7.   Riport ta’ interventi mhux SIAK mill-PŻR 2014-2022 għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK 2023-2027

Skont l-Artikolu 155(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115, in-nefqa relatata mal-impenji legali għall-benefiċjarji mġarrba skont il-miżuri msemmija f’dak l-Artikolu (20) tista’ tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni tal-FAEŻR skont il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

—

in-nefqa kienet a) imġarrba wara l-31 ta’ Diċembru 2025 (in-nefqa mġarrba tinftiehem bħala n-nefqa mġarrba mill-aġenzija tal-pagamenti) u b) hija prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) 2021/2115, ħlief għall-Artikolu 73(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), u c) tikkonforma mar-Regolament (UE) 2021/2116;

—

tapplika r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR għall-intervent stabbilita fil-Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 biex tkopri dawk il-miżuri.

F’dan il-kuntest, l-impenji legali huma mifhuma bħala impenji lejn il-benefiċjarji li huma deċiżjonijiet ta’ għotja jew atti amministrattivi oħra adottati mill-awtorità nazzjonali li jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu n-nefqa riportata fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (21) tagħhom, billi jippjanaw intervent separat jew billi jinkludu n-nefqa f’intervent eżistenti b’ammont unitarju separat. In-nefqa riportata jenħtieġ li tiġi indikata fil-pjan finanzjarju. Imbagħad, din tiġi approvata mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ emenda tal-Pjan Strateġiku tal-PAK.

In-nefqa relatata mal-impenji għall-investimenti f’infrastruttura fuq skala kbira, eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 iżda mhux skont il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK skont l-Artikolu 73(3), il-punt (f), tar-Regolament (EU) 2021/2115, tista’ tiġi inkluża fil-Pjan Strateġiku tal-PAK, iżda biss għall-finijiet ta’ riport. Din l-eċċezzjoni hija prevista fl-Artikolu 155(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Għalhekk, intervent bħal dan ma jistax jintuża għal impenji ġodda skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK iżda jista’ jintuża biss biex jiffinanzja l-impenji li jifdal magħmula skont il-PŻR. Dan jista’ jsir, jew billi jiġi ppjanat intervent separat fil-Pjan Strateġiku tal-PAK jew billi jsir pjan għal, fi ħdan intervent eżistenti, azzjoni/subintervent li jipprovdi għall-finanzjament tal-investiment f’infrastruttura fuq skala kbira mibdi skont il-PŻR.

Fir-rigward tar-riport tan-nefqa relatata mal-impenji fil-kuntest tal-LEADER, dan huwa legalment possibbli skont l-Artikolu 155(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115. Madankollu, minħabba li l-LEADER jikkonċerna proġetti implimentati minn Gruppi ta’ Azzjoni Lokali fil-kuntest ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali approvati skont il-PŻR 2014-2022, li jridu jitlestew sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, riport bħal dan jenħtieġ li jkun limitat u marbut ma’ ċirkostanzi speċifiċi li jkunu ġustifikati debitament.

Fil-prinċipju, l-Artikolu 155(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115 jippermetti r-riport ta’ kull tip ta’ appoġġ tal-LEADER (inklużi azzjonijiet preparatorji). Madankollu, dan ir-riport ta’ impenji, fil-prattika, jikkonċerna primarjament proġetti b’impenji legali skont il-PŻR, is-submiżura 19.2 (Appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet skont l-istrateġija ta’ Żvilupp lokali Mmexxi mill-Komunità) fejn għal raġunijiet ġustifikati proġetti speċifiċi ma jistgħux jitlestew qabel it-tmiem tal-2025, minkejja li inizjalment kienu ppjanati li jintemmu fil-ħin. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tagħhom tal-Pjan Strateġiku tal-PAK dwar il-pagamenti u l-kontrolli ta’ proġetti bħal dawn.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri jingħataw il-parir li jillimitaw kemm jista’ jkun l-ammonti ta’ impenji ta’ riport u jfasslu t-talbiet għall-baġit li għadu disponibbli fil-qafas tal-PŻR bl-għan li jimplimentaw il-proġetti qabel it-tmiem tal-2025. Madankollu, sabiex isir l-aħjar użu mill-fondi disponibbli u sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ baġit mhux użat tal-FAEŻR/EURI, ċertu livell ta’ prenotazzjoni eċċessiva u ta’ riport possibbli huwa aċċettabbli, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 155(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

3.8.   Imgħax iġġenerat mill-prefinanzjament

Kif meħtieġ mill-Artikolu 35(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni trid tikklirja l-ammont totali ta’ prefinanzjament fid-deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet qabel ma jingħalaq il-programm għall-iżvilupp rurali. Għal dak il-għan, l-Istati Membri huma ġentilment mitluba jinnotifikaw lill-programm għall-iżvilupp rurali l-imgħax iġġenerat fuq il-prefinanzjament li jkunu rċevew u li jnaqqsuh mill-ammont ta’ nefqa pubblika indikat fid-dikjarazzjoni finali tan-nefqa.

4.   SOTTOMISSJONI TA’ DOKUMENTI GĦALL-GĦELUQ

4.1.   Dokumenti li jridu jiġu pprovduti mill-Istati Membri għall-għeluq

Il-Kummissjoni tapprova l-kontijiet tal-aġenziji tal-pagamenti akkreditati kull sena (22). Konsegwentement, l-għeluq ta’ programm ikun ibbażat fuq il-kontijiet annwali għas-snin finanzjarji suċċessivi kollha (2015-2025) u d-deċiżjonijiet korrispondenti ta’ approvazzjoni finanzjarja.

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-kontijiet annwali ta’ aġenzija tal-pagamenti akkreditata jridu ikunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ ġestjoni ffirmata mill-persuna responsabbli mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, il-korp taċ-ċertifikazzjoni jrid jipprovdi opinjoni dwar il-kompletezza, l-akuratezza u l-veraċità tal-kontijiet annwali tal-aġenzija tal-pagamenti, dwar il-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ kontroll intern tal-aġenzija tal-pagamenti u dwar il-legalità u r-regolarità tan-nefqa li għaliha intalab rimborż mill-Kummissjoni. Il-korp taċ-ċertifikazzjoni jrid jabbozza dik l-opinjoni fuq il-bażi tal-prinċipji u tal-metodi tal-awditjar stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Dik l-opinjoni għandha tkun appoġġata minn rapport li jagħmel id-dikjarazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Id-dettalji dwar il-kontenut tal-kontijiet annwali tal-aġenzija tal-pagamenti huma stabbiliti fl-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

Il-Kummissjoni se tispeċifika l-infornazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-Istati Membri b’rabta mal-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni għall-FAEŻR 2014-2022 (ikklirjar tal-aħħar kontijiet annwali) u se tistabilixxi linji gwida speċifiċi li jkun fihom linji gwida speċifiċi lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-Istat Membru dwar l-awditu ta’ ċertifikazzjoni u r-rapportar li għandu jsir għall-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni tal-FAEŻR 2014-2022 (23).

F’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-għeluq ta’ programm jista’ jsir biss wara li jiġi riċevut l-aħħar rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni (jiġifieri r-rapport annwali ta’ implimentazzjoni).

4.2.   Skadenza għas-sottomissjoni tad-dokumenti għall-għeluq

L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-aħħar rapport annwali ta’ implimentazzjoni hija t- 30 ta’ Ġunju 2026 (l-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013).

Id-dokumenti meħtieġa għall-ikklirjar tal-kontijiet li jikkonċernaw s-sena finanzjarja 2025 jenħtieġ li jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Frar 2026  (24). Kull sena finanzjarja tkopri n-nefqa mġarrba mill-aġenziji tal-pagamenti mis-16 ta’ Ottubru (n-1) sal-15 ta’ Ottubru (n). Barra minn hekk, għas-sena ta’ eżekuzzjoni finali (is-16 ta’ Ottubru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025), l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-kontijiet li jkopru n-nefqa mġarrba sal-31 ta’ Diċembru 2025 lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 6 xhur wara d-data finali tal-eliġibbiltà, jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2026  (25).

Jekk l-Istat Membru ma jkunx issottometta d-dokumenti msemmija hawn fuq lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2026, il-bilanċ jiġi diżimpenjat awtomatikament (26).

4.3.   Bdil tad-dokumenti wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tagħhom

B’mod ġenerali, l-Istati Membri ma huma se jitħallew jimmodifikaw l-ebda wieħed mid-dokumenti elenkati fil-punt 4.2 wara l-iskadenza għas-sottomissjoni tagħhom, sakemm dan ma jintalabx mill-Kummissjoni wara kjarifiki matul il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni, ħlief sabiex jikkoreġu żbalji klerikali.

Fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru, aktar informazzjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet tista’ tiġi indirizzata lill-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien iddeterminat mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqies l-ammont ta’ xogħol meħtieġ għall-għoti ta’ dik l-informazzjoni. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni bħal din, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-kontijiet fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha (27).

F’każijiet debitament iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taċċetta talba għal sottomissjoni tard tal-informazzjoni, jekk dik it-talba tiġi riċevuta qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni kkonċernata (28).

4.4.   Disponibbiltà tad-dokumenti (29)

Id-dokumenti ta’ sostenn dwar in-nefqa ffinanzjata u d-dħul assenjat li għandu jinġabar mill-FAEŻR (inkluż l-EURI) iridu jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal tal-anqas 3 snin ta’ wara s-sena li fiha jkun sar il-pagament finali mill-aġenzija tal-pagamenti.

Fil-każ ta’ irregolaritajiet jew negliġenza, id-dokumenti ta’ sostenn iridu jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal mill-anqas 3 snin wara s-sena li fiha l-ammonti jkunu ġew irkuprati kollha mill-benefiċjarju u kkreditati lill-FAEŻR (inkluż l-EURI) jew li fiha l-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jkunu ddeterminati skont l-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Fil-każ ta’ proċedura tal-ikklirjar tal-konformità prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dokumenti ta’ sostenn, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ irregolarijiet, iridu jinżammu għal mill-anqas sena wara s-sena li fiha tkun ingħalqet dik il-proċedura b’ korrezzjoni finanzjarja jew mingħajrha jew, jekk deċiżjoni ta’ konformità tkun is-suġġett ta’ proċedimenti legali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għal mill-anqas sena wara s-sena li fiha jingħalqu dawk il-proċedimenti.

Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jinżammu jew f’forma stampata, f’forma elettronika jew fiż-żewġ forom.

Id-dokumenti jistgħu jinżammu esklussivament f’forma elettronika jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tippermetti l-użu ta’ dokumenti elettroniċi bħala evidenza tat-tranżazzjonijiet sottostanti fi proċedimenti tal-qorti nazzjonali.

Jekk id-dokumenti jinżammu biss f’forma elettronika, is-sistema għal dan trid tikkonforma mal-Anness I, il-punt 3(B) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127.

5.   GĦELUQ TAL-PROGRAMMI

5.1.   Approvazzjoni tal-kontijiet

L-aħħar deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali se tkun ibbażata fuq l-istess dokumentazzjoni (l-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014) bħal kwalunkwe deċiżjoni tal-ikklirjar annwali ta’ qabel iżda jkollha skeda ta’ żmien differenti u tikkonċerna ħames “trimestri” minflok erbgħa.

L-aħħar deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet li tiġi qabel l-għeluq se tiddetermina l-ammonti tan-nefqa mwettqa fl-Istat Membru matul il-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025, li se jkunu imponibbli lill-FAEŻR abbażi tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. L-aħħar deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet se tiddetermina wkoll in-nefqa eliġibbli għall-istrumenti finanzjarji msemmijin fl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u kwalunkwe tnaqqis u sospensjoni skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Bħala riżultat tad-deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet, l-ammont rekuperabbli mill-Istat Membru se jkun stabbilit billi jitnaqqsu l-pagamenti intermedji fir-rigward tal-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025 min-nefqa rikonoxxuta bħala imponibbli lill-Fond għall-istess perjodu. Madankollu, meta l-prefinanzjament u l-pagamenti intermedji jilħqu l-95 % tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEŻR u tal-EURI (ara l-punt 2.3 ta’ dawn il-Linji Gwida), il-Kummissjoni se tipproċedi bl-ikklirjar tal-prefinanzjament ma’ kull dikjarazzjoni tan-nefqa segwenti. F’dan il-każ, l-ammont rekuperabbli jew pagabbli se jkun stabbilit billi jitnaqqsu l-pagamenti intermedji fir-rigward tal-perjodu mis-16 ta’ Ottubru 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2025 u l-ammont ta’ prefinanzjament ikklirjat għall-perjodu rispettiv min-nefqa rikonoxxuta li hija imponibbli lill-fond għall-istess perjodu.

Il-Kummissjoni se tikkomunika lill-Istat Membru r-riżultati tal-eżami tagħha tal-kontijiet, flimkien ma’ kwalunkwe emenda li tipproponi, fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi l-kontijiet finali.

Jekk għal raġunijiet attribwibbli lill-Istat Membru, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikklirja l-kontijiet fi żmien 4 xhur minn meta tirċevihom, il-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bl-inkjesti addizzjonali li tipproponi li twettaq.

5.2.   Kalkolu tal-bilanċ tal-għeluq

Fid-deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet imsemmija fil-punt 5.1. ta’ dawn il-Linji Gwida, il-Kummissjoni se tikkalkula u tinkorpora wkoll il-bilanċ li jrid jitħallas jew jiġi rkuprat fl-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali. Madankollu, jenħtieġ li wieħed jinnota li jekk ikun hemm kontijiet annwali għas-snin finanzjarji preċedenti li jkunu għadhom ma ġewx ikklirjati wara d-deċiżjoni dwar l-ikklirjar għall-aħħar sena ta’ eżekuzzjoni, il-programm ma jistax jingħalaq, u l-bilanċ ma jistax jitħallas.

Kwalunkwe ordni ta’ rkupru pendenti maħruġa mill-Kummissjoni tiġi kkumpensata mill-pagament tal-bilanċ finali.

Meta Stat Membru jkun għamel aġġustamenti finanzjarji wara l-kontrolli tiegħu u jkun irkupra l-ammonti korrispondenti, dan għandu jalloka mill-ġdid l-ammonti għall-programm ikkonċernat. F’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-ammonti tal-finanzjament tal-Unjoni skont il-FAEŻR li jiġu kkanċellati u l-ammonti rkuprati, kif ukoll l-imgħax fuqhom, iridu jiġu allokati mill-ġdid għall-programm ikkonċernat. Għalhekk, l-ammonti rkuprati minn irregolaritajiet li jikkonċernaw il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022 ma jistgħux jintużaw sabiex jiffinanzjaw operazzjonijiet skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK, u lanqas ma jistgħu jiġu allokati mill-ġdid għal operazzjonijiet/proġetti li kienu soġġetti għal aġġustament finanzjarju (30). Fl-għeluq ta’ PŻR, l-ammonti li l-Istat Membru ma jkunx uża mill-ġdid iridu jiġu rritornati lill-baġit tal-Unjoni u għalhekk jitnaqqsu mill-bilanċ finali.

Fl-għeluq ta’ PŻR, il-Kummissjoni se tqis ukoll l-aħħar rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ programm għall-iżvilupp rurali msemmi fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru fi żmien 5 xhur bir-riżultati tal-eżami tagħha ta’ dan ir-rapport (31).

Il-Kummissjoni se tqis kwalunkwe pagament pendenti mnaqqas jew sospiż skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fil-bilanċ tal-għeluq billi tnaqqas il-pagament finali b’dawn l-ammonti ta’ tnaqqis u sospensjonijiet.

Il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru bil-miktub dwar il-proposta tagħha għall-bilanċ li għandu jitħallas jew jiġi rkuprat.

Eżempju tal-kalkolu tal-bilanċ finali huwa pprovdut fit-Tabella 1 ta’ dawn il-Linji Gwida.

5.3.   Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ rispett tal-iskadenza għall-pagament fl-għeluq tal-programm

Il-verifika tal-osservanza tal-aħħar skadenza għall-pagament għall-ħlasijiet lill-benefiċjarji skont il-programmi tal-PŻR ta’ qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali se tkun ibbażata fuq l-istess dispożizzjonijiet (l-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-Artikolu 5a tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014) bħal kull eżerċizzju annwali ta’ skadenza għall-pagament, iżda jkollha twaqqit differenti, b’mod simili għall-aħħar deċiżjoni dwar l-ikklirjar tal-kontijiet.

Il-kalkolu tal-limitu ta’ 5 % imsemmi fl-Artikolu 5a(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 907/2014 għall-aħħar sena ta’ implimentazzjoni mhux se jinbidel, jiġifieri l-perjodu ta’ riżerva se jqis it-trimestri li ġejjin: T3 2024 sa T2 2025. T3 u T4 2025 se jkunu trattati bħala trimestri ta’ ħlas tard u mhux se jibdlu r-riżerva.

L-aħħar kalkolu tat-tnaqqis tal-iskadenzi għall-pagament għal programm partikolari se jkun ibbażat fuq 5 trimestri minflok 4, jiġifieri jitqies it-T4 tal-2025.

5.4.   Pagament tal-bilanċ

Il-Kummissjoni se tħallas il-bilanċ, soġġett għad-disponibbiltà tar-riżorsi, mhux aktar tard minn 6 xhur wara li l-aħħar kontijiet annwali u r-rapport ta’ progress annwali jitqiesu bħala riċevibbli, u l-kontijiet annwali kollha jkunu ġew ikklirjati (32). Dan il-pagament tal-bilanċ finali huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni dwar il-konformità sussegwenti wara l-għeluq ta’ programm.

5.5.   Diżimpenji

Il-parti tal-impenji baġitarji li tkun għadha miftuħa fl-aħħar data ta’ eliġibbiltà għan-nefqa (il-31 ta’ Diċembru 2025) li għaliha l-Istat Membru ma jkunx għamel dikjarazzjoni tan-nefqa sat-30 ta’ Ġunju 2026 se tkun diżimpenjata b’mod awtomatiku mill-Kummissjoni (33).

Wara li tħallas il-bilanċ, il-Kummissjoni tiddiżimpenja kwalunkwe impenn miftuħ fi żmien 6 xhur wara l-għeluq (34).

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament Finanzjarju”) (35), l-approprjazzjonijiet diżimpenjati jistgħu jerġgħu jsiru disponibbli fil-każ ta’ żball manifest attribwibbli unikament lill-Kummissjoni.

6.   RESPONSABBILTAJIET WARA L-GĦELUQ

6.1.   Segwitu ta’ pagamenti mhux dovuti skoperti wara s-sottomissjoni tad-dokumenti għall-għeluq

Ir-responsabbiltà għall-irkupru ta’ pagamenti mhux dovuti ma tintemmx fl-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, iżda l-Istati Membri jridu jsegwu l-irkupru ta’ kwalunkwe pagament mhux dovut skopert wara l-għeluq tal-programmi f’każijiet li fihom il-fondi tal-Unjoni jkunu tħallsu lill-benefiċjarji, skont l-Artikolu 59(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2021/2116 (36).

L-ammonti kkonċernati jridu jiġu rrapportati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 908/2014 u t-tabella “50/50”, għall-finijiet tal-Artikolu 54(2), l-ewwel u t-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 54(3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

L-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ rkupru li għaddejjin bħalissa u għall-proċeduri ta’ rkupru li għadhom se jinbdew fir-rigward tal-ammonti mħallsa indebitament li jirriżultaw mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022 tal-FAEŻR.

Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf il-proċedura ta’ rkupru, f’każijiet li fihom il-kostijiet imġarrbin ikunu ogħla mill-ammont li jrid jiġi rkuprat kif speċifikat fl-Artikolu 54(3), il-punt (a), tar-Regolament 1306/2013 jew meta l-irkupru jirriżulta li jkun impossibbli minħabba l-insolvenza, irreġistrata u rikonoxxuta skont id-dritt nazzjonali, tad-debitur jew tal-persuna legalment responsabbli għall-irregolarità, kif speċifikat fl-Artikolu 54(3), il-punt (a), tar-Regolament 1306/2013.

L-ammonti li jridu jiġu imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-każijiet ta’ irregolarità pendenti li jaqgħu taħt ir-regola tal-50/50 (37) wara d-deċiżjoni ta’ għeluq se jkollhom jiġu rimborżati lill-baġit tal-Unjoni fuq bażi annwali.

6.2.   Approvazzjoni tal-konformità wara l-għeluq

L-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali ma jippreġudika l-ebda deċiżjoni tardiva dwar l-ikklirjar tal-konformità, li tista’ tinkludi ammonti li jridu jiġu imposti lill-Istat Membru wara l-awditi mill-Kummissjoni.

6.3.   Valutazzjoni tal-qafas ta’ prestazzjoni fl-għeluq

Il-valutazzjoni tal-kisba tal-mira finali tal-qafas ta’ prestazzjoni tal-PŻR se ssir fl-2026 abbażi tar-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjoni finali. F’din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni taċċerta l-grad ta’ kisba tal-miri finali u tidentifika kwalunkwe nuqqas serju fil-kisba tagħhom.

Nuqqas serju li tinkiseb prijorità tal-qafas ta’ prestazzjoni jfisser li r-rata ta’ kisba tal-mira jew miri (fejn ikun hemm aktar minn żewġ miri għal kull prijorità) hija taħt ċertu perċentwal kif definit fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014. Barra minn hekk, is-sejba ta’ nuqqas serju ta’ kisba ta’ prijorità hija soġġetta għal għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi kif previst fl-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi nuqqas serju biex tinkiseb prijorità, hija trid tistabbilixxi li n-nuqqas serju jkun dovut għal dgħufija fl-implimentazzjoni u tikkomunika dan lill-Awtorità Maniġerjali, li trid tingħata possibbiltà għal azzjoni korrettiva.

Il-Kummissjoni tista’ tapplika korrezzjoni finanzjarja għal nuqqas serju stabbilit fl-ilħuq ta’ mira ta’ qafas ta’ prestazzjoni finali iżda ma hijiex obbligata tagħmel dan.

Il-Kummissjoni ma hijiex se tapplika korrezzjonijiet finanzjarji meta n-nuqqas li tinkiseb prijorità ta’ qafas ta’ prestazzjoni jkun minħabba l-impatt ta’ fatturi soċjoekonomiċi jew ambjentali, bidliet sinifikanti fil-kundizzjonijiet ekonomiċi jew ambjentali fl-Istat Membru kkonċernat jew minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri li jaffettwaw serjament l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ikkonċernati (38).

TABELLA 1: Eżempju tal-kalkolu tal-bilanċ finali

Kalkolu tal-bilanċ finali għal PŻR

I -

Verifika tal-osservanza tal-pjan finanzjarju għal kull miżura:

a)

Nefqa totali ddikjarata fid-dikjarazzjonijiet annwali għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022

b)

Aġġustamenti

c)

Bi tnaqqis tal-limitu massimu totali fil-livell tal-miżura

II -

Tnaqqis tal-ammonti diġà mħallsa lill-PŻR:

a)

Prefinanzjament imħallas

b)

Pagamenti interim

= Il-Bilanċ Finali dovut

- Sospensjonijiet/interruzzjonijiet

= BILANĊ FINALI li jrid jitħallas jew jiġi rkuprat


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L437, 28.12.2020, p. 1–29, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2220/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 320, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1303/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1306/oj).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/907/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/908/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 lli jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/808/oj).

(8)   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/809/oj).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19, (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2094/oj).

(10)  L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2020/2220.

(11)  L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2020/2220 estenda l-iskadenza għall-eliġibbiltà tan-nefqa tal-FAEŻR kif stabbilit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(12)  L-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(13)  L-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ġiet estiża għal sentejn bl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/2220.

(14)  L-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jelenka miżuri ta’ żvilupp rurali li huma koperti mis-sistema SIAK. Il-miżuri mhux SIAK huma miżuri li ma humiex elenkati f’dan l-artikolu.

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).

(17)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ĠU L 138 13.5.2014, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/480/2019-05-30).

(18)  Il-metodoloġija hija stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (2008/C 14/02) (ĠU C 14, 19.1.2008, p.6). Ir-rati bażi huma ppubblikati hawnhekk: https://competition-policy.ec.europa.eu/system/files/2023-12/reference_rates_base_rates2024_1_croatia_eurozone.pdf.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2024/1468 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali (ĠU L, 2024/1468, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1468/oj).

(20)  L-Artikoli li ġejjin huma kkonċernati: L-Artikoli 14 sa 18, l-Artikolu 19(1), il-punti (a) u (b), u l-Artikoli 20, 23 sa 27, 35, 38, 39 u 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/2220.

(21)  Skont l-istruttura tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni, b’mod partikolari l-punti 5(d) u (e) (ĠU L 458, 22.12.2021, p. 463, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2289/oj).

(22)  L-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(23)  Guidelines for the Certification Audit of the EAGF/EAFRD Accounts – Reporting Requirements and Opinions issued by the Certification Body.

(24)  L-Artikolu 30(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

(25)  L-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(26)  L-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(27)  L-Artikolu 30(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

(28)  L-Artikolu 30(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014.

(29)  L-Artikolu 32 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 908/2014.

(30)  L-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(31)  L-Artikolu 50(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(32)  L-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(33)  L-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(34)  L-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(35)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dan ir-Regolament tħassar bir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Madankollu, skont l-Artikolu 277(4) tiegħu, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 imħassar ikompli japplika għall-impenji legali li jkunu ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Skont l-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar l-impenji legali fil-programmi għall-iżvilupp rurali, ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 b’hekk għadu applikabbli.

(36)  L-Artikolu 58(1)(e) preċedenti tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(37)  L-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(38)  L-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3947/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)