European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/5292

13.10.2026

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2026/5292)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Farina di castagne della Lunigiana”

Numru ta’ Referenza tal-UE: PDO-IT-0525-AM01 — 15.7.2026

1.   Isem il-prodott

“Farina di castagne della Lunigiana”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

L-Italja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Isem

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sovranità tal-Ikel u l-Forestrija – Promozzjoni tal-Kwalità Agroalimentari (PQA) 1

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi huma emendi standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 peress li ma jinkludux bidla fl-isem, ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta u ma jinvolvux aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

L-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Ir-rekwiżiti fl-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott dwar id-daqs tal-granuli tħassru.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tad-densità tat-tħawwil

Deskrizzjoni

Id-densità tas-siġar produttivi żdiedet minn 160 għal 200 siġra tal-qastan għal kull ettaru.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tad-data tal-bidu tal-ħsad

Deskrizzjoni

Id-data tal-ħsad tmexxiet ’il quddiem għall-1 ta’ Settembru.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tal-perjodu ta’ tnixxif

Deskrizzjoni

Il-perjodu minimu ta’ tnixxif għall-qastan żdied għal 20 jum.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda ta’ kif jitnaddaf il-qastan

Deskrizzjoni

Ġiet miżjuda l-possibbiltà li jintuża makkinarju xieraq fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ kif jitnaddaf il-qastan niexef.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tad-data tal-bidu tal-ħsad

Deskrizzjoni

F’konformità mal-emenda tal-Artikolu 5, id-data tal-ħsad tbiddlet għall-1 ta’ Settembru.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tal-perjodu ta’ tnixxif

Deskrizzjoni

F’konformità mal-emenda tal-Artikolu 5, tħassret ir-referenza għall-perjodu minimu ta’ tnixxif.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda ta’ kif jitnaddaf il-qastan

Deskrizzjoni

F’konformità mal-emenda tal-Artikolu 5, tħassret ir-referenza għat-tindif bl-idejn biss.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Deskrizzjoni

Tħassir tar-referenza għall-korp ta’ kontroll

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tad-data tal-ħruġ għall-konsum

Deskrizzjoni

Id-data tal-ħruġ għall-konsum tbiddlet għall-1 ta’ Novembru tas-sena tal-produzzjoni.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

L-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott – emenda tal-materjal tal-imballaġġ

Deskrizzjoni

Tneħħa l-obbligu li jintużaw kontenituri tal-plastik; dan ġie ssostitwit b’imballaġġ kompletament jew parzjalment trasparenti.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

Titolu

Tgħaqqid tal-artikolu dwar il-logo.

Deskrizzjoni

Dak li kien l-Artikolu 9 dwar id-deskrizzjoni tal-logo tħassar peress li ngħaqad mal-Artikolu 8.

☑

L-emenda taffettwa d-dokument uniku

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Farina di castagne della Lunigiana”

Numru ta’ Referenza tal-UE: PDO-IT-0525-AM01 — 15.7.2026

1.   Isem/Ismijiet

“Farina di castagne della Lunigiana”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

L-Italja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

11 – PRODOTTI TAL-INDUSTRIJA TAT-TĦIN; MALT; LAMTI; INULINA; GLUTINA TAL-QAMĦ

1106 – Dqiq, grixa u trab tal-ħaxix leguminuż imnixxef tal-intestatura 07.13, tas-sagu jew tal-għeruq jew tat-tuberi tal-intestatura 07.14 jew tal-prodotti tal-Kapitolu 8

1106 20 90 – Oħrajn

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Id-DOP “Farina di Castagne della Lunigiana” huwa l-isem mogħti lid-dqiq ħelu magħmul mill-qastan prodott mill-varjetajiet tal-ispeċi tal-qastan Castanea sativa (Mill.) li storikament jitkabbru fiż-żona inkwistjoni: jiġifieri l-varjetajiet Bresciana, Carpanese, Fosetta, Marzolina, Moretta, Primaticcia, Rigola, Rossella u Rossola. Mill-inqas 70 % tal-qastan irid ikun ġej mill-varjetajiet Bresciana, Carpanese u Rossola.

Meta jinħareġ għall-konsum, il-“Farina di Castagne della Lunigiana” jrid jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

—

Indewwa massima ta’ 8 %

—

Jinħass bellusi u fin għall-palat.

—

Il-kulur jista’ jvarja bejn abjad u lewn l-avorju;

—

It-togħma tiegħu hija ħelwa. Il-kontenut totali ta’ zokkor ma għandux ikun inqas minn 20 %.

—

Irid ikollu riħa ta’ qastan mingħajr irwejjaħ ta’ moffa jew tnawwir.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

—

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-“Farina di Castagne della Lunigiana”, inkluż l-imballaġġ, iridu jsiru esklużivament fiż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Id-DOP “Farina di Castagne della Lunigiana” tinħareġ għall-konsum mill-1 ta’ Novembru tas-sena tal-produzzjoni.

Id-DOP “Farina di Castagne della Lunigiana” tiġi ppakkjata f’imballaġġ li jkun kompletament jew parzjalment trasparenti, f’piżijiet ta’ 500 g, 1 kg jew 5 kg. Il-boroż jistgħu jitqiegħdu f’kontenituri tal-karta jew tad-drapp.

L-imballaġġ irid jingħalaq b’siġill li ma jistax jitneħħa b’tali mod li l-kontenut ma jkunx jista’ jinħareġ mingħajr ma jinqasam is-siġill.

Is-siġill li jista’ jintuża darba biss u li jintuża biex jingħalaq kull pakkett għandu jkollu stampat fuqu l-kliem “Farina di Castagne della Lunigiana D.O.P.” (DOP Farina di Castagne della Lunigiana) kif ukoll is-sena tal-produzzjoni. Il-kulur tas-siġilli jvarja skont il-piż: abjad għall-pakketti ta’ 500 g; kannella għall-pakketti ta’ 1 Kg u aħmar għall-pakketti ta’ 5 Kg.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Kull borża titwaħħlilha tikketta bl-informazzjoni li ġejja, minbarra dik meħtieġa bil-liġi:

(a)

il-logo tad-DOP “Farina di Castagne della Lunigiana” kif deskritt hawn taħt;

(b)

id-data tal-imballaġġ u d-data tal-iskadenza li ma tistax tkun aktar minn sena.

Logo

Il-logo tal-prodott, kif jidher hawn taħt, huwa magħmul:

—

mill-kliem “Farina di Castagne della Lunigiana”, li jrid jidher fuq is-simbolu grafiku b’ittri ċari u li ma jitħassrux, u li jkun jintgħaraf b’mod ċar mill-kliem l-ieħor kollu fuq it-tikketta, u mill-inqas id-doppju tad-daqs tiegħu. Il-kliem iswed b’tipa Tahoma, ikun segwit immedjatament mill-ittri “D.O.P.” [DOP];

—

simbolu grafiku li juri, fuq in-naħa tax-xellug, l-immaġni ta’ żewġ qastniet, waħda kważi tgħatti lill-oħra, bil-qastna ta’ quddiem imġennba lejn ix-xellug filwaqt li dik ta’ fuq wara wieqfa dritta. Iż-żewġ qastniet huma ta’ lewn kannella (Pantone Nru 1807 C) b’riflessi kannella ċar fuq il-parti mżaqqa tal-qastniet (Pantone Nru 50 % 1807 C) bil-qiegħ tal-qastniet ikun lewn il-ġellewża (Pantone Nru 5035 C). L-isfond jikkonsisti minn tliet strixxi ndaqs, li fi kwalunkwe każ ma jistgħux jgħattu aktar minn 40 % tal-erja tas-superfiċe totali tal-logo, fl-ilwien tal-bandiera Taljana: aħdar (Pantone Nru 348 C), abjad u aħmar (Pantone Nru 206 C). Il-kliem “Denominazione di origine protetta” [“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”] jidher fuq in-naħa tal-lemin tal-istrixxa ħadra; it-test huwa miktub bl-iswed b’tipa Tahoma.

Id-dimensjonijiet minimi tal-logo huma: wisa’ ta’ 9 cm u għoli ta’ 8 cm; dawn il-qisien jistgħu jiġu miżjuda skont l-imballaġġ.

Il-kliem “Farina di Castagne della Lunigiana” jrid ikun bit-Taljan.

Image 1

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tad-DOP “Farina di Castagne della Lunigiana” tinsab fil-provinċja ta’ Massa Carrara u tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Aulla, Bagnone, Casola in Lunigiana, Comano, Filattiera, Fivizzano, Fosdinovo, Licciana Nardi, Mulazzo, Podenzana, Pontremoli, Tresana, Villafranca in Lunigiana u Zeri.

Iż-żona ta’ produzzjoni tikkonsisti f’medda waħda u tinsab kompletament fit-territorju tal-Comunità Montana della Lunigiana (il-Komunità tal-Muntanji ta’ Lunigiana).

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Sommarju tar-rabta

Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Farina di Castagne della Lunigiana” hija kkaratterizzata mit-togħma ħelwa distinta tad-dqiq, li hija prinċipalment ir-riżultat tal-varjetà tal-qastan ikkultivata flimkien mal-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima fiż-żona ta’ produzzjoni, u tal-attività tan-nies li żammew it-tradizzjoni tal-produzzjoni tad-dqiq tal-qastan matul is-sekli. Il-ħlewwa tal-qastan hija attribwibbli għall-orjentazzjoni tal-art, u b’mod partikolari l-altitudni u l-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-muntanji, il-morfoloġija, l-idrografija u l-klima partikolari ta’ Lunigiana jagħmluha ambjent partikolarment favorevoli biex toħroġ il-ħlewwa tal-frotta tas-siġra tal-qastan, li tikber sew kullimkien, mill-qiegħ tal-wied sa elf metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-konfigurazzjoni partikolari tal-muntanji taż-żona tal-produzzjoni, li qisha baċir, flimkien mal-esponiment mil-Lvant għall-Punent tal-għoljiet li fihom jitħawlu l-imsaġar tal-qastan, it-temperaturi li qatt ma jkunu eċċessivi matul is-sena kollha u b’mod partikolari matul ix-xhur tal-attività bijoloġika tas-siġra (Ġunju sa Settembru), flimkien maż-żiffiet friski mill-baħar viċin fis-sajf, itaffu l-eqqel temperaturi tas-sajf, u b’hekk jevitaw l-istress fuq is-siġar u jippermettulhom jakkumulaw zokkor kostanti u sinifikanti fil-qastan li jintuża biex isir id-dqiq. F’termini ta’ terren, Lunigiana hija kkaratterizzata minn widien dojoq u fondi, li minnhom jgħaddu korsiji tal-ilma torrenzjali, għoljiet, muntanji u baċiri tettoniċi. Dan it-terren partikolari jirriżulta f’network idrografiku abbundanti bi xmajjar torrenzjali, li ġie sfruttat bl-aħjar mod min-nies tal-post bħala sors ta’ enerġija għall-bosta mtieħen tal-ilma li hemm fiż-żona. Sal-lum, l-imtieħen huma karatteristika importanti fil-pajsaġġ rurali u għadhom jintużaw għat-tħin tal-qastan niexef. Barra minn hekk, il-ġebel tat-tħin użat fl-imtieħen, li qabel kienu jiġu mħaddma bl-ilma u issa jitħaddmu wkoll bl-elettriku, jippermetti li l-qastan jiġi mitħun bil-mod u b’mod kostanti u dan jevita t-tisħin eċċessiv u jipproduċi dqiq li jkun bellusi u fin għall-palat. Barra minn hekk, il-fran tat-tnixxif tal-qastan, magħrufa bħala gradili, li jinsabu mxerrda mal-imsaġar tal-qastan, ma humiex sempliċi karatteristika distintiva tal-pajsaġġ ta’ Lunigiana flimkien mal-imtieħen, iżda jixhdu wkoll l-istorja twila tal-ipproċessar tal-qastan fiż-żona.

Biżżejjed insemmu l-kronaki tas-seklu 15 ta’ Giovanni Antonio da Faie li jisħqu fuq l-importanza tal-qastan għall-ekonomija lokali u l-bżonn li tinżamm il-produzzjoni tal-qastan peress li kien “jipprovdi l-għajxien għal żewġ terzi tal-popolazzjoni ta’ Lunigiana”. L-istess awtur isemmi wkoll kif kien hemm ftit differenza fil-prezz bejn id-dqiq magħmul mill-qamħ u dak magħmul mill-qastan.

Il-kontribut uman tal-bdiewa tal-post ukoll irid jitqies mal-karatteristiċi speċifiċi taż-żona ġeografika u l-metodi tradizzjonali tat-tħin. Il-bdiewa tal-post huma responsabbli għal kull fażi fl-ipproċessar tad-dqiq u jikkontrollawh mill-ħsad tal-qastan sat-tnixxif tiegħu, f’konformità sħiħa mat-tradizzjonijiet lokali. Id-data tal-bidu tal-ħsad, li tikkoinċidi mal-perjodu meta l-qastan jibda jaqa’ waħdu mis-siġra, għadha f’Settembru, l-istaġun tradizzjonali meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jġiegħlu l-qoxra tal-varjetajiet l-aktar prekoċi tinqasam u tinfetaħ. Wieħed mill-proverbji tradizzjonali taż-żona huwa “per San Michelo la castagna nel panéro” (qastan fil-qoffa għall-Festa ta’ San Mikiel) [id-29 ta’ Settembru]. Fi żmien il-ħsad, l-ewwel jintgħażel il-qastan b’saħħtu fl-imsaġar, imbagħad jitħejjew u jitlestew il-gradili (il-fran tat-tnixxif tal-qastan) fejn jitqiegħed il-qastan u fejn in-nar, li tradizzjonalment jitqabbad biss bl-injam tal-qastan, jinżamm għaddej taħt superviżjoni kostanti biex la jintefa u lanqas jaqbad iżżejjed. Wara t-tnixxif, ikun meħtieġ għal darba oħra l-intervent tal-bniedem biex il-qastan imnixxef jitnaddaf minn xi impuritajiet qabel ma jintaħan fi dqiq.

Ma hemm l-ebda dubju li l-produzzjoni u l-ipproċessar tal-qastan fir-reġjun ta’ Lunigiana kisbu importanza ekonomika kbira maż-żmien. Mis-seklu 15 sas-seklu 18, ġew stabbiliti regoli u penali preċiżi fl-istatuti kollha tad-diversi komunitajiet ta’ Lunigiana, minn Rocca Sigillina sa Tresana, Equi u Moncigoli u minn Gragnola sa Pontremoli, biex jiġu ppreservati l-imsaġar tal-qastan li kienu ilhom jeżistu fiż-żona għal sekli sħaħ.

Ir-riċerka arkeoloġika wriet li s-siġar tal-qastan kien ilu jikber f’Lunigiana sa mill-ewwel seklu wara Kristu u li stabbilew ruħhom sew bejn il-ħames u s-sitt seklu wara Kristu. Is-sejbiet arkeoloġiċi li saru qrib il-knisja parrokkjali ta’ Santo Stefano di Sorano f’Filattiera, f’sit ta’ insedjament Biżantin, li dan stess kien mibni fuq dak li qabel kien razzett Ruman, huma fost l-eqdem li nstabu fl-Italja u huma evidenza ta’ “rivoluzzjoni” agrikola mgħaġġla, fejn is-siġar tal-qastan ħa post is-siġar tal-ballut. Il-qastan sab ambjent ideali, kiber tajjeb tul is-sekli, u għen biex jipprovdi sors affidabbli u ewlieni ta’ ikel għall-popolazzjoni tal-post. Bħala art ta’ tradizzjonijiet antiki, ir-reġjun ta’ Lunigiana żamm id-drawwiet u l-użanzi li jiddistingwuh fil-qasam tal-folkor Taljan. Fil-“Festa della Ricca” [Festa tas-Sinjura], il-mara tal-iktar bidwi għani fil-villaġġ kienet tipprovdi affarijiet żgħar tal-ikel għall-komunità lokali u f’Filetto kien ikun mistenni li tħejji platti magħmula mid-dqiq ħelu tal-qastan. Anke la baladura jew ballatura, proċess li kien jinvolvi t-tgħaffiġ bis-saqajn tal-qastan parzjalment miftuħ fuq art għad-dirsa bl-għan li jinħareġ mill-fosdqa, akkumpanjat minn kant folkloristiku tradizzjonali, kien festival fih innifsu — l-aktar parti ferriħija u animata taċ-ċiklu kollu tal-ipproċessar tal-qastan. Ir-reġjun ta’ Lunigiana huwa miżgħud proverbji bid-djalett lokali u użanzi soċjali marbuta mat-tkabbir tal-qastan.

L-arti kulinarja lokali ta’ Lunigiana tinkludi wkoll firxa sħiħa ta’ platti magħmula mid-dqiq tal-qastan, fosthom la pattona (pattòna) [ħobż magħmul mid-dqiq tal-qastan moħmi tradizzjonalment fuq weraq tal-qastan], il-focaccine (cian) [ħobżiet ċatti bil-ħmira Taljani magħmula mid-dqiq tal-qastan u moħmija fil-forn], il-fritei jew il-padléti li huma tip ta’ sfineġ moqlijin magħmulin mid-dqiq tal-qastan, il-lasagna bastarda [varjant sempliċi tal-lażanja magħmul mid-dqiq tal-qastan] u l-pane marocca, [ħobż magħmul minn taħlita ta’ dqiq tal-qastan, dqiq tal-qamħ u patata maxx]. Dawn il-prodotti spiss kienu jkunu akkumpanjati minn prodotti tal-ħalib jew zalzett.

Fl-aħħar nett, sabiex wieħed jifhem kemm il-qastan daħal sew fil-kultura ta’ Lunigiana, ikun biżżejjed li wieħed jirrifletti fuq il-fatt li, skont it-tradizzjoni popolari, it-trabi ma kinux jitwieldu taħt il-kaboċċi jew jinġiebu biċ-ċikonja iżda kienu jinstabu f’zokk vojt ta’ siġra antika tal-qastan!

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeAttachment.php/L/IT/D/1%252Fe%252F6%252FD.4ffd213e52f076a2f928/P/BLOB%3AID%3D3343/E/pdf?mode=download


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/5292/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)