SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
4 ta’ Frar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Intestaturi 8472 u 9031 – Validatur tal-karti tal-flus u kaxxi tal-karti tal-flus – Apparat intiż sabiex jiġi integrat f’apparat ospitanti u konness ma’ ċentru ta’ kontroll estern – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1760 – Validità”
Fil-Kawża C‑760/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2019, fil-proċedura
JCM Europe (UK) Ltd
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal JCM Europe (UK) Ltd, minn S. Cock, assistit minn V. Sloane, QC, |
|
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn B. McGurk, barrister, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hradil u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1760 tat‑28 ta’ Settembru 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2016, L 269, p. 6). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn JCM Europe (UK) Ltd u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali, ir-Renju Unit) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott importat minn din il-kumpannija, jiġifieri l-iPRO‑RC, apparat kompost minn validatur tal-karti tal-flus u minn kaxxi tal-karti tal-flus. |
Il-kuntest ġuridiku
In-Nomenklatura Magħquda
|
3 |
Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382). |
|
4 |
In-Nomenklatura Magħquda hija bbażata fuq is-sistema armonizzata tal-indikazzjoni u tal-kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata tal-Indikazzjoni u tal-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, bil-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). Konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2658/87, in-Nomenklatura Magħquda tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li joħolqu subdiviżjonijiet li huma speċifiċi għaliha. |
|
5 |
Il-verżjoni tan-Nomenklatura Magħquda applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik għall‑2016, li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1754 tas‑6 ta’ Ottubru 2015 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 2015, L 285, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 288, p. 16, iktar ’il quddiem in-“NM”). |
|
6 |
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Taqsima A tat-Titolu I tal-Ewwel Parti tagħha, jiddisponu: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
[…]
|
|
7 |
It-Tieni Parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ Dazji tad-Dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, it-Taqsima XVI, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”. In-noti tan-NM dwar din it-taqsima jipprovdu:
[…]
[…]” |
|
8 |
Fl-imsemmija taqsima jinsab, b’mod partikolari, il-Kapitolu 84, intitolat “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; partijiet tagħhom”. Dan il-kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 8472, ifformulata kif ġej: “Magni oħrajn ta’ l-uffiċċju (per eżempju, duplikaturi bl-ettograf jew stensil, magni ta’ l-indirizzi, distributuri awtomatiċi tal-karti tal-flus, magni li jagħżlu l-muniti, magni li jgħoddu jew igeżwru l-muniti, magni li jittempraw lapsijiet, magni li jtaqqbu jew li jistejpiljaw)”. |
|
9 |
L-intestatura 8472 tan-NM hija strutturata kif ġej:
|
|
10 |
Bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 329, p. 119, u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19), il-kodiċi tas-subintestatura “Oħrajn” tal-intestatura 8472 tan-NM ġie emendat mit‑8472 90 70 sat‑8472 90 90 mill‑1 ta’ Jannar 2017 sal‑31 ta’ Diċembru 2019. |
|
11 |
It-Taqsima XVIII tan-NM hija intitolata “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; arloġġi u arloġġi tal-idejn; strumenti mużikali; partijiet u aċċessorji tagħhom”. Hija tinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 90 intitolat “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, għal kejl, għal iċċekkjar, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku; partijiet u aċċessorji tagħhom”. |
|
12 |
In-noti tan-NM dwar dan il-Kapitolu 90 jipprovdu:
[…]
[…]” |
|
13 |
L-imsemmi kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestatura 9031, ifformulata kif ġej: “Strumenti, tagħmir u magni għal kejl jew iċċekkjar, mhux imsemmijin jew inklużi band’ oħra f’dan il-kapitlu; proġekters għal profili”. |
|
14 |
L-intestatura 9031 tan-NM hija strutturata kif ġej:
|
Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013
|
15 |
L-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2), intitolat “Il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu: “1. Għall-applikazzjoni tat-Tariffa Doganali Komuni, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ waħda mis-subintestaturi jew sottodiviżjonijiet ulterjuri tan-[NM] li taħtha ser tiġi kklassifikata dik il-merkanzija. […] 4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri biex tiddetermina l-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija skont il-paragrafi 1 u 2.” |
|
16 |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’-atti ta’ implimentazzjoni, il-miżurimsemmija fl-Artikolu 57(4). […]” |
|
17 |
L-Artikolu 285(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760
|
18 |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 ġie adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(4) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 952/2013. |
|
19 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni: “Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-[NM] taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.” |
|
20 |
Konformement mal-Artikolu 3 tiegħu, l-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni daħal fis-seħħ fl‑24 ta’ Ottubru 2016. |
|
21 |
L-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 huwa fformulat kif ġej:
(*) L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni. ” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
22 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija stabbilita fir-Renju Unit li timporta l-iPRO‑RC. |
|
23 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi dan il-prodott bħala validatur u riċiklatur tal-karti tal-flus iddisinjat sabiex jiġi installat fuq apparat ospitanti, bħal tills self-service, distributuri awtomatiċi, magni tal-bejgħ ta’ biljetti jew magni tal-logħob, u tqis li dan ma huwiex adattat għall-użu fl-ATMs. |
|
24 |
Din il-qorti tirrileva li l-iPRO‑RC jinkludi tliet komponenti prinċipali, li kollha jinsabu f’xażi, jiġifieri l-verifikatur, ir-riċiklatur u l-kaxxa. L-apparat kollu mbagħad jitqiegħed fil-kaxxa tal-apparat ospitanti u jiġi konness miegħu b’kejbils tal-elettriku. Il-“ħalq” tal-verifikatur huwa l-unika parti tal-iPRO‑RC li hija viżibbli għall-utenti tal-apparat ospitanti. L-iPRO‑RC ma jistax jiffunzjona indipendentement minnu, anki jekk ikollu xi karatteristiċi awtonomi. |
|
25 |
Sabiex tiġi vverifikata l-awtentiċità tal-karti tal-flus li deħlin, l-iPRO‑RC tuża teknoloġija ta’ detezzjoni ottika u manjetika kif ukoll mikrokontrollur u twettaq it-tqabbil tad-data miġbura mill-karta li tidħol mad-data kollha maħżuna fil-memorja tal-mikrokontrollur. Meta d-data miġbura mill-karta li tidħol tikkorrispondi għall-parametri maħżuna fil-mikrokontrollur, l-awtentiċità tal-karta tal-flus tiġi trażmessa liċ-ċentru ta’ kontroll li mbagħad jindika meta tkun denominazzjoni aċċettata. Mill-banda l-oħra, meta, fil-każ kuntrarju, il-karta ma tiġix aċċettata, din tiġi miċħuda u tiġi mogħtija lura lill-klijent. |
|
26 |
Dan il-prodott kien inizjalment ikklassifikat mill-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali fis-subintestatura 90314990 tan-NM. |
|
27 |
Fix-xahar ta’ Jannar 2012, l-awtorità Ġermaniża kompetenti ħarġet informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem “ITV”) li tikklassifika “validatur tal-karti tal-flus” fis-subintestatura 847290 tan-NM. Fix-xahar ta’ Frar 2012, l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali ħarġet ITV għal “validatur tal-karti tal-flus u riċiklatur”, billi kklassifikatu fis-subintestatura 90314990 tan-NM. Fid-dawl ta’ din id-diverġenza ta’ klassifikazzjonijiet tariffarji, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet il-kawża quddiem il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 285 tar-Regolament Nru 952/2013. Fl‑10 ta’ Awwissu 2016, dan ħareġ opinjoni favorevoli għall-abbozz ta’ regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-prodott inkwistjoni fis-subintestatura 84729070 tan-NM. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biss ma vvotax favur din il-klassifikazzjoni. |
|
28 |
Fit‑28 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760. |
|
29 |
Fit‑3 ta’ Jannar 2018, l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali, fuq talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tat‑22 ta’ Novembru 2017, ħarġet ITV li tikklassifika l-iPRO‑RC mill-ġdid fis-subintestatura 84729090 tan-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, konformement mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760. |
|
30 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ikkontestat din l-ITV quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
31 |
Wara li kkonstatat li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 huwa applikabbli għall-iPRO‑RC, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Minn naħa, skont din il-qorti, mill-minuti tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma jirriżultax b’mod ċar li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija koperta mill-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni fil-Kapitolu 90 tan-NM ġiet prevista qabel il-Kapitolu 84 tagħha, peress li l-ebda riferiment ma sar għan-nota 1(m) tat-Taqsima XVI, kemm tas-SA kif ukoll tan-NM. Min-naħa l-oħra, lanqas ma jirriżulta minn dawn il-minuti li l-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilixxa l-funzjoni prinċipali ta’ din il-merkanzija, konformement man-noti 3 u 4 tat-Taqsima XVI kif ukoll man-nota 3 tal-Kapitolu 90, kemm tas-SA kif ukoll tan-NM. Skont dik il-qorti, il-funzjoni prinċipali tal-iPRO‑RC hija l-validazzjoni tal-karti tal-flus, sabiex dawn jinħażnu b’mod sigur jew jiġu ċċirkolati taħt id-direzzjoni taċ-ċentru ta’ kontroll, peress li kull funzjonalità oħra hija fil-parti l-kbira irrilevanti jew l-iktar l-iktar sussidjarja. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
33 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760, sa fejn din tikklassifika apparat kompost minn validatur tal-karti tal-flus u kaxxi tal-karti tal-flus, kif deskritt fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, fl-intestatura 84729070 tan-NM u mhux fl-intestatura 90314990 tagħha, bi ksur tal-portata tal-intestaturi 8472 u 9031 tan-NM, tan-Noti ta’ Spjega, kemm tas-SA kif ukoll għan-NM, relatati ma’ dawn l-intestaturi, kif ukoll tar-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM. |
|
34 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġett partikolari. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(4) u fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 952/2013 ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut u lanqas il-portata tal-intestaturi tariffarji li kienu ġew stabbiliti abbażi tas-SA, li l-Unjoni impenjat ruħha, skont l-Artikolu 3 tal-konvenzjoni msemmija fil-punt 4 ta’ din is-sentenza, li ma tibdilx il-portata tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk, bil-klassifikazzjoni tal-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 fl-intestatura 8472 tan-NM u mhux fl-intestatura 9031 tagħha, il-Kummissjoni biddlitx il-kontenut jew il-portata ta’ dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji tan-NM, stabbiliti abbażi tas-SA, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura u tas-subintestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli tagħha (sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Amoena, C‑677/18, EU:C:2019:1142, punt 40, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Fit-tieni lok, għalkemm il-klassifikazzjoni ma tistax issir biss abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott ikkonċernat, l-użu intenzjonat tiegħu, b’mod partikolari l-użu essenzjali tiegħu, jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni, bil-kundizzjoni li dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott. L-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, TDK-Lambda Germany, C‑559/18, EU:C:2019:667, punt 27, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, minkejja l-fatt li ma għandhomx saħħa vinkolanti, in-Noti ta’ Spjega għan-NM u tas-SA jikkostitwixxu strumenti importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Hydro Energo, C‑340/19, EU:C:2020:488, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
38 |
Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-intestaturi tariffarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi rrilevat li dik tal-intestatura 9031 tan-NM tirrigwarda, b’mod partikolari, “[s]trumenti, tagħmir u magni għal kejl jew iċċekkjar”, mhux speċifikati jew inklużi xi mkien ieħor fil-Kapitolu 90 tan-NM, filwaqt li dik tal-intestatura 8472 tan-NM tikkonċerna “[m]agni oħrajn ta’ l-uffiċċju”, fosthom b’mod partikolari d-distributuri awtomatiċi tal-karti tal-flus kif ukoll il-magni li jagħżlu, jgħoddu jew igeżwru l-muniti. |
|
39 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li n-Noti ta’ Spjega tas-SA jiddeskrivu l-Kapitolu 90 tagħha bħala li jinkludu l-istrumenti u l-apparat kollha li, bħala regola ġenerali, huma kkaratterizzati essenzjalment mit-tmiem tal-manifattura tagħhom u mill-preċiżjoni kbira tagħhom, li jiddistingwihom mill-prodotti ordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C‑260/00 sa C‑263/00, EU:C:2002:637, punt 37, kif ukoll tas‑16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif jippreċiżaw dawn in-noti ta’ spjega, il-parti l-kbira tagħhom jintużaw “b’mod partikolari fil-qasam purament xjentifiku (riċerka tal-laboratorji, analiżi, astronomija, eċċ.), għal applikazzjonijiet tekniċi jew industrijali partikolari ħafna (miżuri jew kontrolli, osservazzjonijiet, eċċ.) jew għal finijiet mediċi”. |
|
40 |
Barra minn hekk, in-Noti ta’ Spjega tas-SA jippreċiżaw, dwar l-intestatura 9031 tagħha, li din l-intestatura tinkludi, minbarra l-projetturi tal-profil, “[s]trumenti, tagħmir u magni għal kejl jew iċċekkjar, ottiċi jew le, li ma jikkostitwixxux strumenti, apparat jew magni inklużi b’mod iktar speċifiku” fl-intestaturi l-oħra tal-Kapitolu 90 tas-SA. Fl-aħħar nett, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar is-subintestatura 903149 tagħha tindika wkoll li din is-subintestatura “ma tkoprix biss l-istrumenti u l-apparat li direttament jiffaċilitaw jew itejbu l-vista umana, iżda wkoll l-istrumenti u l-apparat oħrajn li jiffunzjonaw permezz ta’ elementi jew ta’ proċessi ottiċi”. |
|
41 |
Fir-rigward tal-intestatura 8472 tan-NM, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li din tirrigwarda, b’mod residwu, il-magni tal-uffiċċju li għandhom prinċipalment struttura u funzjonament mekkaniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ottubru 1997, Rank Xerox, C‑67/95, EU:C:1997:470, punt 25). |
|
42 |
F’dan il-każ, abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760, kif deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tar-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, kif huwa stabbilit fil-motivazzjoni li tinsab fil-kolonna 3 ta’ din it-tabella, minn naħa, eskludiet il-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija fl-intestatura 9031 tan-NM, peress li l-imsemmija merkanzija “[hija] aktar minn strument tal-iċċekkjar kopert minn dik l-intestatura” u, min-naħa l-oħra, ikklassifikatha fl-intestatura 84729070 tan-NM bħala “magna tal-uffiċċju”, peress li “[i]l-funzjonijiet kollha li jwettaq l-apparat huma koperti mill-intestatura 8472” tan-NM. |
|
43 |
Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 huma relatati, b’mod partikolari, mal-fatt li l-klassifikazzjoni tariffarja li hija stabbilita fiha kienet tmur kontra, minn naħa, in-nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM kif ukoll, min-naħa l-oħra, in-noti 3 u 4 ta’ din it-taqsima, moqrija flimkien man-nota 3 tal-Kapitolu 90 tan-NM, sa fejn ir-raġunijiet indikati fil-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ma jirreferu għal ebda wieħed minn dawn in-noti. |
|
44 |
Fl-ewwel lok, in-nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM, li tinkludi l-Kapitoli 84 u 85 tagħha, sempliċement tindika li din it-taqsima ma tinkludix l-artikoli tal-Kapitolu 90 tan-NM. Għalhekk, jekk merkanzija taqa’ taħt il-Kapitolu 90 tan-NM, huwa eskluż li din taqa’ wkoll taħt il-Kapitoli 84 u 85 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2019, Estron, C‑138/18, EU:C:2019:419, punt 75). |
|
45 |
Issa, kif tosserva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mit-tieni paragrafu tal-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 jirriżulta b’mod espliċitu li l-klassifikazzjoni f’waħda mill-intestaturi tal-Kapitolu 90 tan-NM, jiġifieri l-intestatura 9031 tagħha, ġiet eskluża, li jimplika li dan kien ġie previst, tal-inqas, bħala alternattiva għall-klassifikazzjoni fl-intestatura 8472 tan-NM, li fl-aħħar mill-aħħar kienet dik li ġiet adottata. |
|
46 |
Minn dan jirriżulta li l-merkanzija msemmija f’dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni ma ġietx ikklassifikata fl-intestatura 8472 tan-NM bi ksur tan-nota 1(m) tat-Taqsima XVI tan-NM. |
|
47 |
Barra minn hekk, il-fatt li l-motivazzjoni indikata fil-kolonna 3 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 ma tagħmel l-ebda riferiment għal din in-nota ma jistax iwassal, fih innifsu, għall-invalidità ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha, madankollu ma huwiex meħtieġ li hija tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, L‑Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑456/18 P, EU:C:2020:421, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
48 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tan-nota 3 tal-Kapitolu 90 tan-NM, din, min-naħa tagħha, tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tan-noti 3 u 4 tat-Taqsima XVI tan-NM japplikaw għal dan il-kapitolu. |
|
49 |
Mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet tal-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760, kif deskritti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, jirriżulta li din il-merkanzija tippreżenta ruħha bħala komposta minn elementi distinti, jiġifieri validatur tal-karti tal-flus u kaxxi tal-karti tal-flus. L-apparat kollu huwa konness ma’ “ċentru ta’ kontroll” u integrat f’apparat ospitanti, bħal magna tal-logħob, magna tal-bejgħ awtomatiku jew tal-parkeġġ, sabiex jiżgura l-“ħlas ta’ servizzi jew ta’ prodotti miksuba” minnu. |
|
50 |
Għal dan l-għan, kif ġie ppreċiżat fil-kolonna 3 ta’ din it-tabella, dan l-apparat jiżgura diversi funzjonijiet, jiġifieri li, “[a]pparti li jivverifika l-awtentiċità tal-karti tal-flus, it-tagħmir iwettaq ukoll funzjonijiet oħra bħall-issortjar u t-tqassim tal-karti tal-flus bejn id-diversi kaxxi tal-ħażna, u d-distribuzzjoni tal-karti tal-flus”. |
|
51 |
Minn dan jirriżulta li l-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 hija, minn naħa, magna ddisinjata sabiex twettaq diversi funzjonijiet differenti, alternattivi jew kumplimentari, fis-sens tan-nota 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, b’tali mod li, konformement ma’ din in-nota, il-klassifikazzjoni tagħha għandha tiġi ddeterminata, sakemm il-kuntest ma jeżiġix mod ieħor, skont il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizzaha f’għajnejn il-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, DHL Logistics (Slovakia), C‑810/18, EU:C:2020:336, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, din il-merkanzija hija wkoll magna kkostitwita minn elementi distinti ddisinjati sabiex jiżguraw fl-istess ħin funzjoni ddeterminata sew, fis-sens tan-nota 4 tat-Taqsima XVI tan-NM, peress li l-klassifikazzjoni tagħha għandha tiġi ddeterminata minn din il-funzjoni. Issa, il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizza l-apparat inkwistjoni kollu f’għajnejn il-konsumatur u li għaliha huma ddisinjati l-elementi distinti li jikkomponuh hija l-pagament tal-oġġett jew tas-servizz ipprovdut permezz tal-apparat ospitanti li fih dan l-apparat huwa integrat. |
|
52 |
Kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-funzjoni prinċipali tal-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 ma tistax titqies li hija l-kontroll jew il-validazzjoni tal-karti tal-flus. Ċertament, il-kontroll, bl-użu ta’ teknoloġija ta’ detezzjoni ottika, tal-awtentiċità tal-karti tal-flus, skont karatteristiċi predeterminati, huwa wieħed mill-funzjonijiet imwettqa mill-apparat inkwistjoni, b’mod konkret mill-validatur tal-karti tal-flus li jikkomponih. Xorta jibqa’ l-fatt li din il-funzjoni ma hijiex maħsuba bħala għan fiha nnifisha. |
|
53 |
Fil-fatt, il-validazzjoni tal-karti tal-flus wara dan il-kontroll hija neċessarja sabiex jiġu żgurati l-funzjonijiet ta’ għażla, ta’ tqassim u ta’ ħażna tal-karti tal-flus fil-kaxxi differenti kif ukoll ta’ distribuzzjoni ta’ dawn l-istess karti għall-għan segwit mill-apparat ospitanti li fih dan l-apparat huwa integrat, jiġifieri l-pagament tal-oġġett jew tas-servizz ipprovdut minn dan l-apparat. |
|
54 |
Barra minn hekk, min-nota 1(g) tal-Kapitolu 90 tan-NM jirriżulta li ċerti prodotti li għandhom apparat ta’ kejl jew ta’ kontroll, b’mod partikolari apparat ottiku tal-qari, ma humiex kollha kklassifikati f’waħda mill-intestaturi ta’ dan il-Kapitolu 90, iżda għandhom, min-naħa l-oħra, jiġu kklassifikati taħt intestaturi differenti tal-Kapitolu 84 tan-NM. Għalhekk, kif issostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi affermat li l-prodotti li jiżguraw ċerta tip ta’ kejl jew ta’ kontroll jistgħu jiġu kklassifikati biss taħt waħda mill-intestaturi tal-Kapitolu 90 tan-NM, b’mod partikolari l-intestatura 9031. |
|
55 |
Barra minn hekk, il-portata tal-intestatura 8472 tan-NM hija wiesgħa ħafna. Fil-fatt, din l-intestatura tikkonċerna “[m]agni oħrajn ta’ l-uffiċċju” li ma humiex, għalhekk, inklużi b’mod iktar speċifiku f’intestatura tariffarja oħra. Barra minn hekk, il-formulazzjoni stess ta’ din l-intestatura ssemmi espressament il-magni tal-uffiċċju li jimmaniġġjaw il-flus, jiġifieri d-“distributuri awtomatiċi tal-karti tal-flus” kif ukoll il-“magni li jagħżlu l-muniti, magni li jgħoddu jew igeżwru l-muniti”. F’dan il-każ, mir-raba’ paragrafu tal-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 jirriżulta b’mod espliċitu li l-merkanzija koperta minnu tintuża, pereżempju, f’distributuri awtomatiċi, li huma stess huma koperti mill-intestatura 8472 tan-NM. |
|
56 |
Il-portata wiesgħa tal-kunċett ta’ “magni tal-uffiċċju”, fis-sens tal-intestatura 8472 tan-NM, hija kkorroborata min-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8472 tagħha. Dawn in-noti jippreċiżaw li l-kunċett ta’ “magni tal-uffiċċju”, fis-sens ta’ din l-intestatura, għandu jinftiehem f’sens wiesa’, jiġifieri li jkopri mhux biss il-“magni u l-apparat użati fl-uffiċċji nnifishom”, iżda wkoll dawk li jintużaw f’varjetà kbira ta’ kuntesti professjonali, bħal “ħwienet, fabbriki, workshops, skejjel, stazzjonijiet, lukandi”, sabiex jitwettaq ix-“xogħol tal-uffiċċju”, jiġifieri “ix-xogħol relatat mal-entrati (reġistrazzjoni, żamma ta’ dokumenti, korrispondenza, eċċ.), il-klassifikazzjoni, il-kontabbiltà, eċċ.”. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni ta’ dawn l-istess noti ta’ spjega jirriżulta li l-enumerazzjonijiet ta’ sensiela ta’ “magni tal-uffiċċju” ma humiex eżawrjenti peress li dawn huma akkumpanjati jew mit-taqsira “eċċ.”, jew mill-avverbju “b’mod partikolari”. |
|
57 |
Fid-dawl kemm tal-formulazzjoni tal-intestatura 8472 tan-NM kif ukoll tan-Noti ta’ Spjega tas-SA relatati mal-intestatura 8472 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din l-intestatura tkopri wkoll, bħala apparat jew magni tal-uffiċċju, l-apparat li, peress li ma huwiex użat f’uffiċċju, iwettaq funzjonijiet speċifiċi għax-xogħol tal-uffiċċju. Minn dawn l-elementi jirriżulta wkoll li l-intestatura 8472 tan-NM tkopri, bħala “magni jew apparat tal-uffiċċju” f’sens wiesa’, il-magni li jimmaniġġjaw il-flus użati f’varjetà kbira ta’ kuntesti professjonali u li jwettqu mekkanikament il-funzjonijiet inerenti għall-immaniġġjar tal-flus, jiġifieri l-karti tal-flus u l-muniti, b’mod partikolari l-għażla, l-għadd, il-ħażna u t-tqassim tagħhom, peress li dawn il-funzjonijiet huma tradizzjonalment imwettqa manwalment mill-persunal li jwettaq ix-xogħol tal-uffiċċju li jista’ b’mod partikolari jikkonsisti fil-pagamenti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. |
|
58 |
Għalhekk, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 hija iktar minn magna ta’ kejl jew ta’ kontroll, fis-sens tal-intestatura 9031 tan-NM, li eskludiet il-klassifikazzjoni ta’ din il-merkanzija f’din l-intestatura, u li d-diversi funzjonijiet imwettqa minnha huma koperti mill-intestatura 8472 tan-NM. |
|
59 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li n-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8472 tagħha jżidu li taħt din l-intestatura huma ammessi biss il-magni u l-apparat tal-uffiċċju “li fihom bażi sabiex jitqiegħdu, pereżempju fuq mejda jew fuq skrivanija, jew apparat ta’ mmuntar, bl-esklużjoni, konsegwentement, tal-istrumenti tal-idejn”, bħall-għodod tal-idejn imsemmija fil-Kapitolu 82 tas-SA. Minn naħa, din il-preċiżazzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li huwa biss l-apparat li jinkludi bażi sabiex jitqiegħed fuq mejda jew skrivanija li huwa kopert mill-intestatura 8472 tas-SA. Fil-fatt, minn dan jirriżulta b’mod ċar li huma koperti minn din l-intestatura tariffarja kemm il-magni u l-apparat tal-uffiċċju li jinkludu tali bażi, kif ukoll dawk li jinkludu “apparat ta’ mmuntar”. Mezzi oħra ta’ mmuntar jew ta’ tqegħid tal-magni jew tal-apparat tal-uffiċċju huma għalhekk possibbli, b’mod partikolari mal-art fi spazju fejn jitwettaq xogħol tal-uffiċċju. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija preċiżazzjoni turi iktar li l-magni u l-apparat tal-uffiċċju li jaqgħu taħt l-intestatura 8472 tas-SA prinċipalment għandhom struttura u funzjonament mekkaniċi sabiex dawn jiġu distinti minn “strumenti tal-idejn”, li l-merkanzija koperta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760 ma hijiex. |
|
60 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi kklassifikat l-apparat kompost minn validatur tal-karti tal-flus u minn kaxxi tal-karti tal-flus, kif deskritt fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760, fl-intestatura 8472 tan-NM u mhux fl-intestatura 9031 tagħha, il-Kummissjoni ma biddlet il-kontenut jew il-portata ta’ ebda minn dawn iż-żewġ intestaturi tariffarji. |
|
61 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-eżami tagħhom ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1760. |
Fuq l-ispejjeż
|
62 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-eżami tad-domandi magħmula ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1760 tat‑28 ta’ Settembru 2016 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.