10.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/60


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 172/2019

tal-14 ta' Ġunju 2019

li temenda l-Anness XIX (Protezzjoni tal-konsumatur) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2022/2164]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 iħassar, b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020, ir-Regolament (KE) 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li huwa inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE, u li konsegwentement irid jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020.

(3)

Il-Partijiet Kontraenti jikkondividu l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u l-fehim li l-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2394 fil-Ftehim dwar iż-ŻEE ma timplikax bidliet fid-definizzjoni ta’ “ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni”. B’konsegwenza ta’ dan, il-limiti għad-determinazzjoni ta’ jekk ksur għandux dimensjoni tal-Unjoni se jiġu kkalkulati biss fuq il-bażi tal-Istati Membri tal-UE kkonċernati mill-ksur mingħajr ma jitqiesu l-Istati tal-EFTA.

(4)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 7f (ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jinbidel b’dan li ġej, b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020:

 

“ 32017 R 2394: Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, it-territorji u l-popolazzjonijiet tal-Istati tal-EFTA ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 3(4).

(b)

Fl-Artikolu 10(2), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem “il-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” għandu jinqara “drittijiet fundamentali”.

(c)

Fl-Artikolu 35(1):

(i)

il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni’;

(ii)

għandha tiżdied is-sentenza li ġejja: ‘L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni pprovduta minn jew li tikkonċerna l-Istati tal-EFTA.’”

Artikolu 2

It-test tar-Regolament (UE) 2017/2394 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2019, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Claude MAERTEN


(1)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.

(2)   ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(*)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.