02017D2370 — MT — 20.07.2020 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2370

tat-18 ta' Diċembru 2017

li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

(ĠU L 337 19.12.2017, p. 28)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/1066 tal-20 ta’ Lulju 2020

  L 234I

1

21.7.2020




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2370

tat-18 ta' Diċembru 2017

li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva



Artikolu 1

1.  F'konformità mal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li tistabbilixxi l-objettivi taż-żamma, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tat-trattati u l-ftehimiet multilaterali dwar id-diżarm u nonproliferazzjoni, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi (il-“Kodiċi”).

2.  L-attivitajiet b'appoġġ għall-Kodiċi, li jikkorrispondu għall-miżuri skont l-Istrateġija, għandhom jikkonsistu minn workshops reġjonali u subreġjonali, konferenzi, żjarat minn esperti, riċerka, informazzjoni u komunikazzjoni kif ukoll avvenimenti sekondarji fil-marġini tal-konferenzi internazzjonali.

3.  L-għan tal-attivitajiet għandu jkun:

(a) 

il-promozzjoni tal-aderenza għall-Kodiċi minn għadd saħansitra akbar ta' Stati u finalment tal-universalità tiegħu;

(b) 

l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi;

(c) 

il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-Istati aderenti u mhux aderenti bil-għan li tingħata għajnuna fit-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza, fl-inkoraġġiment li wieħed joqgħod lura u l-ħolqien ta' aktar stabbiltà u sigurtà għal kulħadd;

(d) 

it-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji u t-theddidiet mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi;

(e) 

l-esplorazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studji akkademiċi, ta' possibbiltajiet ta' titjib tal-Kodiċi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħas-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-UNSCR 1540(2004) u r-Reġistru tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Oġġetti Sparati fl-Ispazju Extraatmosferiku.

4.  Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha tkun imwettqa mill-Fondation pour la recherche stratégique (FRS). L-FRS għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għak, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-FRS.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 878 120,05 .

2.  In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' għotja mal-FRS għall-ammont ta' referenza mal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja. Il-ftehim għandu jistipula li l-FRS għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' għotja msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' għotja.

Artikolu 4

1.  Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-FRS. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni li ssir mill-Kunsill.

2.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M1

2.  Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fl-20 ta’ Diċembru 2021.

▼B




ANNESS

1.    OBJETTIV

L-objettiv ewlieni ta' din id-Deċiżjoni huwa li permezz ta' miżuri speċifiċi tippromwovi l-universalità, l-implimentazzjoni sħiħa u t-titjib tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi (il-“Kodiċi”), skont l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva.

Din id-Deċiżjoni ser tikkomplementa l-impenn diplomatiku tal-Unjoni mal-Istati aderenti u l-Istati mhux aderenti għall-Kodiċi. F'dan ir-rigward, dawn huma l-messaġġi rilevanti tal-Unjoni:

(a) 

għall-Istati aderenti:

(i) 

l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi, b'mod partikolari permezz tad-dikjarazzjonijiet annwali u n-notifiki ta' qabel it-tnedija previsti fil-Kodiċi;

(ii) 

l-inkoraġġiment tal-użu sħiħ tal-Kodiċi bħala mezz li jippromwovi t-trasparenza u l-fiduċja, kemm reġjonalment kif ukoll internazzjonalment, u biex jgħin fit-trażżin u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi li kapaċi jġorru armi ta' qerda massiva (AQM);

(b) 

għall-Istati mhux aderenti:

(i) 

l-inkoraġġiment li jaderixxu għall-Kodiċi u b'hekk jikkontribwixxu għall-isforzi multilaterali b'mod aktar ġenerali għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi li jinġarru bihom;

(ii) 

jittieħed vantaġġ mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi biex tingħata għajnuna fit-tnaqqis tat-tensjonijiet reġjonali u biex tissaħħaħ il-fiduċja, biex b'hekk tiġi promossa s-sigurtà għal kulħadd.

Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni għandha tintuża biex tgħin fil-finanzjament ta' għadd limitat ta' dokumenti ta' riċerka dwar is-sinerġiji bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħas-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-UNSCR 1540(2004) u r-Reġistru tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Oġġetti Sparati fl-Ispazju Extraatmosferiku.

Finalment, din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tappoġġa d-djalogu ta' politika li għaddej tal-komunità internazzjonali dwar is-sigurtà u sostenibbiltà fl-ispazju extraatmosferiku, b'mod partikolari permezz tal-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja limitata għall-konferenzi spazjali annwali, organizzati mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) f'Ġinevra.

2.    MIŻURI

2.1.   Objettivi tal-miżuri

(a) 

il-promozzjoni tal-aderenza għall-Kodiċi minn għadd saħansitra akbar ta' Stati u finalment tal-universalità tiegħu;

(b) 

l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi mill-Istati aderenti;

(c) 

il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-Istati aderenti u mhux aderenti bil-għan li tingħata għajnuna fit-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza, fl-inkoraġġiment li wieħed joqgħod lura u l-ħolqien ta' aktar stabbiltà u sigurtà għal kulħadd;

(d) 

it-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji u t-theddidiet mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi;

(e) 

l-esplorazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studji akkademiċi, ta' possibbiltajiet ta' titjib tal-Kodiċi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħall-MTCR u l-UNSCR 1540(2004).

2.2.   Deskrizzjoni tal-miżuri

(a) 

L-FRS ser torganizza attivitajiet ta' komunikazzjoni fl-għamla ta' seminars reġjonali u/jew subreġjonali u missjonijiet ta' esperti mfassla biex:

(i) 

iżidu s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u l-isfidi tal-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi;

(ii) 

jipprovdu pjattaforma għall-esperti rilevanti biex jiskambjaw b'mod informali (“ir-regoli ta' Chatham House”) dwar kwistjonijiet strateġiċi u b'hekk tingħata għajnuna fit-tisħiħ tal-fiduċja bejn l-Istati; u

(iii) 

jippromwovu l-objettivi tal-Unjoni tal-universalità, l-implimentazzjoni sħiħa u t-titjib tal-Kodiċi.

L-FRS ser torganizza sa disa' avvenimenti reġjonali u/jew subreġjonali, inkluż fl-Amerka Latina u l-Karibew, fil-Lvant Nofsani/l-Afrika u fl-Asja tax-Xlokk, kif ukoll sa sitt missjonijiet ta' esperti speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati mhux aderenti. L-avvenimenti kollha bħal dawn għandhom isiru b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-gvernijiet ospitanti rispettivi u, kif adatt, akkademja rilevanti oħra;

(b) 

L-FRS ser torganizza sa sitt avvenimenti sekondarji ddedikati għall-Kodiċi, fil-marġini tal-konferenzi internazzjonali, b'mod partikolari l-Laqgħa Annwali Regolari tal-Kodiċi fi Vjenna u s-sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York. Tali avvenimenti sekondarji ser jitfasslu biex jgħinu fl-approfondiment tar-relazzjoni bejn il-Kodiċi u n-NU, skont ir-Riżoluzzjoni 71/33, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-5 ta' Diċembru 2016;

(c) 

L-FRS ser torganizza, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti, żjara minn grupp internazzjonali ta' esperti f'sit ta' llanċjar fl-ispazju, f'konformità mat-tielet inċiż tas-subpunt (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi;

(d) 

L-FRS ser tittrasferixxi, mill-għotja allokata mill-Unjoni, tliet darbiet l-ammont ta' EUR 29 240,00 lill-UNIDIR sabiex tgħin fil-finanzjament tal-konferenzi annwali tal-UNIDIR dwar kwistjonijiet ta' sigurtà fl-ispazju u b'hekk tgħin fl-għan ġenerali tal-appoġġ għall-Kodiċi. L-FRS u l-UNIDIR ser jiżguraw il-viżibbiltà tal-Unjoni f'dawn il-konferenzi, adatta għad-daqs tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni;

(e) 

L-FRS ser tikkummissjona u tippubblika minn tal-inqas erba' dokumenti ta' riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-Kodiċi, inkluż dokument ta' riċerka jew aktar dwar ir-relazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħall-MTCR u l-UNSCR 1540 (2004). Għal dak il-għan, l-FRS ser titlob kontribuzzjonijiet mill-istituti ta' riċerka kollha li huma parti mill-Konsorzju NPD tal-UE jew huma assoċjati miegħu. Is-suġġetti tad-dokumenti ta' riċerka ser jintlaħaq qbil dwarhom bejn l-FRS u s-servizzi rilevanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE);

(f) 

L-FRS ser tagħmel attivitajiet ta' komunikazzjoni u informazzjoni bl-objettiv doppju li ttejjeb il-viżibbiltà tal-Kodiċi u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għalih. L-FRS ser tfassal pjan dettaljat ta' komunikazzjoni u informazzjoni, biex jiġi approvat mis-SEAE u l-Kummissjoni.

2.3.   Riżultati tal-miżuri

(a) 

żieda fin-numru ta' Stati aderenti għall-Kodiċi;

(b) 

implimentazzjoni aħjar tal-Kodiċi mill-Istati aderenti;

(c) 

sensibilizzazzjoni aħjar fost dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, l-esperti u l-pubbliku inġenerali dwar l-importanza li l-Istati jaderixxu għall-Kodiċi u jimplimentawh;

(d) 

viżibbiltà aħjar tal-isforzi tal-Unjoni fil-promozzjoni tal-universalità, l-implimentazzjoni sħiħa u t-titjib tal-Kodiċi.

3.    SĦAB GĦALL-MIŻURI

L-FRS, waqt li taġixxi mill-qrib mas-SEAE, ser tkompli tiżviluppa sħubiji effikaċi ma' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali interessati, awtoritajiet tal-Istat, istituti ta' riċerka u korpi rilevanti oħra.

L-FRS ser tikkoopera mill-qrib mal-UNIDIR rigward il-miżura stabbilita fil-punt 2.2(e).

4.    INTERAZZJONI MAL-ISFORZI TAL-UNJONI

Abbażi tal-feedback regolari mill-FRS dwar l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tikkomplementa dawk l-isforzi permezz ta' azzjoni diplomatika mmirata bl-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li l-Istati jaderixxu għall-Kodiċi u jimplimentawh.

5.    BENEFIĊJARJI TAL-MIŻURI

(a) 

l-Istati, kemm dawk aderenti kif ukoll l-Istati mhux aderenti għall-Kodiċi;

(b) 

l-uffiċjali tal-Gvern, il-persuni li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, l-esperti;

(c) 

l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali;

(d) 

l-akkademja u s-soċjetà ċivili;

(e) 

il-President tal-Kodiċi.

6.    POST

L-FRS ser tagħżel, b'konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tas-SEAE, il-postijiet potenzjali għal-laqgħat, il-workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji li jintużaw għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta' Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva rilevanti f'reġjun partikolari li tospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi taż-żjarat f'pajjiż jew tal-attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu mill-istediniet mill-Istati jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi interessati.

7.    TUL TA' ŻMIEN

It-tul ta' żmien totali stmat tal-azzjoni huwa ta' 36 xahar.



( 1 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).