|
11.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 167/2 |
P9_TA(2022)0400
L-istrateġija ta' self biex jiġi ffinanzjat Next Generation EU
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2022 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' self biex jiġi ffinanzjat Next Generation EU, l-Istrument tal-Unjoni għall-Irkupru (2021/2076(INI))
(2023/C 167/01)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta' Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (1) (id-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2020, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (4), inklużi d-dikjarazzjonijiet konġunti u unilaterali miftiehma bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2021 dwar strateġija ta' finanzjament ġdida għall-finanzjament tan-Next Generation EU (COM(2021)0250), |
|
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (COM(2021)0570), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2020 dwaru (5), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A9-0250/2022), |
|
A. |
billi d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tissellef fondi sa massimu ta' EUR 750 biljun fi prezzijiet tal-2018 bejn l-2021 u l-2026 fis-swieq kapitali f'isem l-Unjoni għall-iskop uniku li tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 permezz ta' Next Generation EU (NGEU), l-istrument tal-UE għall-irkupru; billi EUR 360 biljun fi prezzijiet tal-2018 jistgħu jintużaw biex jingħata self lill-Istati Membri u EUR 390 biljun jistgħu jintużaw direttament għan-nefqa tal-UE; |
|
B. |
billi l-ħlas lura tal-fondi mislufa u l-imgħax relatat għandhom jiġġarrbu mill-baġit tal-Unjoni u għandhom jiġu skedati b'mod li jiġi żgurat tnaqqis kostanti u prevedibbli tal-obbligazzjonijiet sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2058; billi l-limiti massimi tar-riżorsi proprji żdiedu b'0,6 % sabiex ikopru l-obbligazzjonijiet kollha tal-Unjoni li jirriżultaw minn self permezz tal-NGEU; |
|
C. |
billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottaw pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda bil-ħsieb li jiġġeneraw biżżejjed fondi biex ikopru n-nefqa mistennija relatata mal-ħlas lura tal-NGEU, u b'hekk ma jnaqqsux il-finanzjament għall-programmi u l-politiki tal-Unjoni; |
|
D. |
billi, skont id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, il-Kummissjoni jeħtiġilha tinforma b'mod regolari u komprensiv lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tal-ġestjoni tad-dejn tagħha, inklużi kalendarju tal-ħruġ bid-dati u l-volumi ta' ħruġ mistennija għas-sena li jmiss, u pjan li jistabbilixxi l-pagamenti tal-kapital u tal-imgħax mistennija; |
|
E. |
billi l-ammont totali pprogrammat għall-NGEU u l-ħlas ta' kupun perjodiku u l-fidi meta jagħlaq (kostijiet ta' ħlas lura tal-EURI) huwa stabbilit għal EUR 14,7 biljun matul il-perjodu 2021-2027; |
Il-ġustifikazzjoni tas-self għan-Next Generation EU
|
1. |
Jisħaq li l-NGEU huwa l-akbar programm komuni ta' self tal-UE u l-ewwel li mhux biss jagħti self lill-Istati Membri, iżda jipprovdi wkoll nefqa diretta tal-baġit tal-Unjoni inkorporata fi programmi u politiki ġenwini tal-UE; jissottolinja li d-dejn komuni tal-Unjoni ġestit mill-Kummissjoni jagħti spinta lid-daqs, l-impatt u l-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni, u b'hekk jappoġġa l-irkupru ta' wara l-COVID-19 u jwettaq il-prijoritajiet fit-tul tal-UE b'mod partikolari t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; |
|
2. |
Jirrimarka li b'volumi medji ta' self annwali ta' EUR 150 biljun sal-2026, il-programm ta' self tal-NGEU jagħmel lill-Unjoni attur ewlieni fis-swieq finanzjarji, ipoġġiha fuq l-istess livell ma' emittenti sovrani Ewropej oħra ewlenin, u jagħmilha l-akbar emittent supranazzjonali u l-akbar emittent ta' bonds ekoloġiċi; |
|
3. |
Jissottolinja li s-suċċess tal-istrateġija tas-self se jiġi ġġudikat mill-kapaċità tagħha li tiġbor il-fondi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-NGEU fis-swieq kapitali fi żmien utli u bi spejjeż relattivament baxxi, u li d-dejn jitħallas lura sal-2058 fuq il-bażi ta' profil li huwa kemm regolari u prevedibbli u mingħajr l-esklużjoni ta' nefqiet tal-programmi stabbiliti fil-limiti tal-QFP attwali u mingħajr ma tiġi pperikolata l-azzjoni futura tal-UE; jisħaq li l-ħruġ ta' dejn mill-Unjoni m'għandux ifixkel il-kundizzjonijiet tas-self għal emittenti Ewropej oħra u għandu saħansitra jkollu rwol pożittiv fis-swieq kapitali, b'mod partikolari billi jissodisfa d-domanda tal-investituri għal assi denominati f'euro u għal prodotti ġodda bħall-bonds ekoloġiċi; |
Deskrizzjoni u valutazzjoni tal-istrateġija tas-self tan-Next Generation EU sal-lum
|
4. |
Jinnota li l-Kummissjoni żviluppat u stabbiliet programm ta' finanzjament ġdid u kbir u bniet il-kapaċitajiet ta' ġestjoni tad-dejn tagħha malajr u b'mod effiċjenti; jilqa' l-fatt li l-ħruġ ta' dejn sar b'pass kostanti mill-ewwel ħruġ fl-2021 u b'sottoskrizzjoni ogħla minn dik mistennija, u dan wera l-interess qawwi tal-investituri u ppermetta lill-Kummissjoni tilħaq il-miri tagħha f'termini ta' finanzjament; jinnota b'sodisfazzjon li, b'mod konsistenti mal-klassifikazzjoni ta' AAA tal-Unjoni, il-prodotti tal-UE ġew ikkummerċjalizzati b'rati tal-imgħax attraenti simili ma' emittenti Ewropej u supranazzjonali kbar oħra; |
|
5. |
Jirrikonoxxi li l-istrateġija ta' finanzjament adottata mill-Kummissjoni hija diversifikata u toffri firxa wiesgħa ta' prodotti (bonds u kambjali) u maturitajiet (minn tliet xhur sa 30 sena) permezz ta' metodi differenti ta' ħruġ ta' dejn (tranżazzjonijiet sindakati u rkantijiet) fuq skeda regolari; |
|
6. |
Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddependi fuq Network ta' Negozjanti Primarji kbir, li jikkostitwixxi sħab importanti fl-iżgurar ta' swieq primarji u sekondarji li jiffunzjonaw tajjeb u fir-rappurtar lill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-suq; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li tiżgura li l-banek jissodisfaw ir-rekwiżiti legali tagħhom u li ssib bilanċ ġeografiku aħjar kemm fis-sħubija fin-Network ta' Negozjanti Primarji kif ukoll fit-tmexxija tat-tranżazzjonijiet sindakati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-membri tan-Netwerk tan-Negozjanti Primarji jkollhom biżżejjed inċentivi u obbligi sabiex jaqdu r-rwol tagħhom; |
|
7. |
Jieħu nota tad-deċiżjonijiet dwar is-self u l-pjanijiet ta' finanzjament annwali ppubblikati mill-Kummissjoni s'issa; jissottolinja li t-trasparenza rigward l-istrateġija u l-operazzjonijiet tas-self tal-Kummissjoni hija essenzjali biex tinkiseb koordinazzjoni ta' suċċess ma' atturi oħra fis-suq u tiġi żgurata r-responsabbiltà, b'mod partikolari għall-Parlament, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni u s-sjieda fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tinforma malajr u sistematikament lill-Parlament billi tipprovdi data diżaggregata dwar l-imposti kollha mġarrba fil-ħruġ tad-dejn tal-UE, inklużi l-imposti tal-Kummissjoni għall-EURI bħala spejjeż amministrattivi kif ukoll il-kostijiet imġarrba mill-Istati Membri meta jassumu self fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF); |
|
8. |
Josserva li, f'konformità mad-deċiżjoni annwali dwar is-self u l-pjanijiet ta' finanzjament semi-annwali, il-Kummissjoni, ġabret aktar minn EUR 113-il biljun fuq is-swieq finanzjarji minn Ġunju 113, li minnhom EUR 23 biljun kienu fil-forma ta' bonds ekoloġiċi u bonds b'maturitajiet ta' terminu qasir, medju u twil; jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta dwar id-distribuzzjoni tat-tip ta' investitur u d-distribuzzjoni ġeografika; jitlob komunikazzjoni trasparenti u kontinwa dwar il-progress tas-sindakazzjonijiet u l-irkanti tal-bonds; |
L-isfidi u l-effetti pożittivi potenzjali tas-self tan-Next Generation EU
|
9. |
Jemmen li, jekk l-Unjoni kellha ssir wieħed mill-akbar emittenti ta' bonds fl-Ewropa, l-NGEU jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-istabbiltà u l-likwidità tas-swieq kapitali tal-UE, itejjeb il-perspettiva ekonomika tal-UE, jikkomplementa l-arkitettura makroekonomika taż-żona tal-euro u jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro; jinnota li l-NGEU huwa legalment limitat fid-daqs u fiż-żmien, u jista' jkollu rwol saħansitra aktar influwenti bħala sors ta' assi sikuri, jgħin fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-Unjoni, dment li t-tagħlimiet jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq; jinnota, barra minn hekk, li kemm it-temporalità kif ukoll il-volum tal-programm ta' self tal-NGEU jillimitaw il-potenzjal tal-bonds tal-UE li jsiru assi sikuri ġenwini, li jservu l-funzjonament xieraq tas-swieq finanzjarji u li jtejbu l-istabbiltà tal-unjoni ekonomika u monetarja; jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar modi potenzjali biex jinżamm il-volum pendenti ta' bonds tal-NGEU lil hinn mill-2027 sabiex jiġi evitat li l-likwidità tonqos ftit wara li tintlaħaq il-quċċata fi tmiem il-fażi tal-infiq tal-NGEU; |
|
10. |
Jinnota d-domanda għolja għal integrazzjoni bla xkiel tad-dejn tal-UE fis-swieq kapitali; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsolida l-pożizzjoni tad-dejn tal-UE billi tiddiversifika l-profil tal-investituri, tistimula s-swieq sekondarji u tneħħi l-ostakli tekniċi; |
|
11. |
Jaċċentwa, b'mod partikolari, li l-Unjoni tista' tistabbilixxi parametri referenzjarji għal investiment sostenibbli bħala l-akbar emittent globali ta' bonds ekoloġiċi, kif ukoll billi tiddiversifika l-bażi tal-investituri tagħha u tiżgura kostijiet ta' self aktar baxxi; jisħaq fuq ir-rwol importanti tal-bonds ekoloġiċi fil-finanzjament tal-assi meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn livelli baxxi ta' emissjonijiet tal-karbonju; jilqa' l-fatt li l-qafas tal-bonds ekoloġiċi tal-Kummissjoni juża standards għoljin fil-qasam tas-sostenibbiltà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe tip ta' greenwashing u tiżgura rappurtar ta' kwalità għolja dwar l-użu tar-rikavati sabiex il-primjum ekoloġiku ma jitpoġġiex f'riskju; jinnota li l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” jservi bħala standard għan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-NGEU; jisħaq li bil-ħruġ ta' parti mid-dejn tal-NGEU bħala bonds ekoloġiċi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ir-responsabbiltà li jagħmlu l-almu tagħhom biex jiżguraw li l-impenji li saru fil-konfront tal-investituri dwar l-infiq fuq il-klima jiġu ssodisfati, u jistenna li l-Kummissjoni tonora bis-sħiħ l-impenn tagħha li teskludi proġetti problematiċi milli jiġu ffinanzjati minn bonds ekoloġiċi hekk kif jitqajjem kwalunkwe tħassib sostanzjat kif xieraq dwar il-greenwashing; jilqa' d-Dashboard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-NGEU, paġna web interattiva li fiha informazzjoni dwar l-investimenti ffinanzjati mill-bonds ekoloġiċi (6); |
|
12. |
Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tuża miżuri ta' awditjar robusti biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-RRF, b'mod partikolari sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' kwalunkwe tip ta' greenwashing, u fid-dawl tal-konfigurazzjoni unika tal-NGEU, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tiġbor fondi fis-swieq kapitali u hija responsabbli fil-konfront tal-investituri, iżda fir-realtà l-flus jintefħqu mill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, iżommu mal-impenji li ħadu fl-ambitu tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, jimplimentaw dawk l-impenji kif xieraq u bis-sħiħ, u jipprovdu rappurtar bir-reqqa lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istadji importanti u l-miri; |
|
13. |
Jinnota li, minkejja l-iskala tiegħu, l-NGEU s'issa taffa b'suċċess ir-riskju li tinħonoq id-domanda ta' tneħħija ta' bonds sovrani Ewropej oħra; jenfasizza li, jekk is-suq sovran taż-żona tal-euro jsir aktar attraenti speċjalment għall-investituri mhux tal-UE, il-ħruġ tal-NGEU jista' jkollu impatt pożittiv fuq id-domanda għal titoli maħruġa minn atturi oħra tas-suq Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkoordina mill-qrib mal-aġenziji tad-dejn tal-Istati Membri u mal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà; itenni l-importanza li jinfirex l-kummerċ tad-dejn tal-UE permezz ta' boroż oħra tal-UE f'konformità mal-prinċipji tal-unjoni tas-swieq kapitali; |
|
14. |
Isostni wkoll li l-NGEU qed ikollu impatt pożittiv fuq l-attraenza u s-sostenibbiltà tad-dejn tal-Istati Membri billi joffri kundizzjonijiet ta' self bi klassifikazzjoni AAA lill-Istati Membri kollha permezz ta' self tal-RRF, u dan jgħin b'mod sinifikanti fit-tnaqqis tar-rendimenti sovrani, jeskludi l-għotjiet mill-kalkolu tad-dejn nazzjonali u jwassal messaġġ qawwi lis-swieq finanzjarji dwar ir-reżiljenza u l-koeżjoni taż-żona tal-euro u tal-UE; |
|
15. |
Jemmen li l-NGEU juri l-merti ta' rispons aktar ambizzjuż, kollettiv u demokratiku għall-kriżi fil-livell tal-UE; iqis li din l-opportunità għaċ-ċittadini tal-UE li jixtru bonds tal-UE direttament tista' żżid is-sens tagħhom ta' appartenenza għall-UE; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu sempliċi u trasparenti f'dan ir-rigward; jinnota li din il-prattika diġà teżisti f'diversi Stati Membri; jemmen li l-benefiċċji ekonomiċi jkunu sinifikanti u jegħlbu l-kostijiet tal-implimentazzjoni; jinnota li l-appoġġ sostanzjali għall-kriżi ffinanzjat mill-ħruġ ta' dejn konġunt saħħaħ il-fiduċja fir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jirrikonoxxu b'mod wiesa' li l-arkitettura finanzjarja Ewropea hija aktar robusta; jissottolinja li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-NGEU turi li l-UE pprovdiet rispons adegwat għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, għalhekk, jiżguraw li l-UE twettaq il-wegħdiet tagħha, anki billi toffri viżjoni politika fit-tul; |
|
16. |
Jinnota bi tħassib l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw min-nuqqas ta' sigurtà fl-ambjent globali bħala riżultat tal-aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żidiet qawwija fl-inflazzjoni u fir-rati tal-imgħax, li jaffettwaw lill-emittenti sovrani; iwissi li l-kostijiet tal-finanzjament żdiedu b'mod sinifikanti minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, u li huma mistennija inċertezzi enormi f'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-imgħax fit-tul; jantiċipa li dan se jaffettwa l-linja ta' ħlas lura tal-EURI fil-baġit tal-UE; josserva bi tħassib li spejjeż ta' rifinanzjament ogħla milli pprogrammati diġà qed ikollhom impatt fuq id-disponibbiltajiet fl-Intestatura 2b u saħansitra qed inaqqsu d-disponibbiltajiet limitati tal-istrumenti speċjali matul il-proċedura baġitarja annwali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u tinforma regolarment lill-awtorità baġitarja; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni qed ikollha topera f'suq inċert ħafna lil hinn mill-intervall ta' kunfidenza ta' 99 %; ifakkar li l-pagamenti kollha ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Istati Membri għandhom isiru sal-31 ta' Diċembru 2026, kif stabbilit fir-Regolament dwar l-EURI u dak dwar l-RRF, iżda jistgħu jsiru bidliet għal din l-iskadenza; jissottolinja li tali bidliet jirrikjedu l-emendar kemm tar-Regolament dwar l-EURI kif ukoll ta' dak dwar l-RRF; |
|
17. |
Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-NGEU jista' jiġi sfruttat biss jekk il-pjanijiet nazzjonali kollha għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu implimentati b'mod effettiv u fi żmien utli; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' kapaċità ta' assorbiment finanzjarju ta' diversi Stati Membri; jiddispjaċih dwar id-dinamika li nħolqot f'xi Stati Membri fejn l-implimentazzjoni tal-fondi tradizzjonali tal-UE ddewmet biex il-fondi tal-RRF jiġu assorbiti aktar malajr; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ u konsistenti mis-self ipprovdut fl-ambitu tal-NĠEU; |
|
18. |
Jissottolinja li se jkunu meħtieġa aktar investimenti fil-politiki tal-UE biex jissaħħu l-kompetittività, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-industrija u tal-azzjoni klimatika; iqis li r-riallokazzjonijiet permanenti mhumiex soluzzjoni vijabbli fit-tul għall-finanzjament tal-prijoritajiet tal-UE u jissottolinja l-ħtieġa ta' riżorsi addizzjonali; ifakkar li t-tibdil fil-klima kif ukoll il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna jaċċentwaw il-ħtieġa urġenti li tintemm id-dipendenza tal-Unjoni fuq pajjiżi terzi f'setturi essenzjali tal-ekonomija tagħha, bħall-enerġija, il-materja prima, l-industrija u l-agrikoltura; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tħabbira magħmula mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen dwar il-ħolqien ta' Fond Ewropew ta' Sovranità hija konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Mejju 2022 (7) u mad-dikjarazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-30 ta' Ġunju 2022 dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu, għahekk, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kunsiderazzjoni ulterjuri lis-self komuni fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jinħolqu kundizzjonijiet ta' self aktar favorevoli, filwaqt li jinżammu politiki fiskali responsabbli fil-livell tal-Istati Membri; jiddispjaċih dwar il-ħolqien u l-użu sistematiċi ta' strumenti, fondi u programmi ta' self komuni, bħall-NGEU, barra mill-ambitu tal-baġit tal-UE u mingħajr l-iskrutinju jew il-kontroll tal-awtorità baġitarja; jappella, għalhekk, għall-ibbaġitjar tal-operazzjonijiet ta' għoti u ta' teħid b'self u tal-programmi jew l-istrumenti futuri kollha tal-UE; jitlob li l-Parlament ikun involut bis-sħiħ fil-każijiet kollha permezz tal-kodeċiżjoni; |
Il-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi proprji ġodda
|
19. |
Jirrimarka li l-karatteristiċi tas-self tal-NGEU se jkollhom konsegwenzi diretti fuq il-ħlas lura mill-baġit tal-Unjoni għal għexieren ta' snin; jinsisti, għalhekk, fuq l-ottimizzazzjoni tas-servizz tad-dejn u l-iżgurar ta' profil tad-dejn bla xkiel sabiex il-piż futur jinfirex b'mod ugwali; |
|
20. |
Jissottolinja li permezz tal-NGEU, il-kapaċità ta' għoti u teħid b'self tal-UE żdiedet b'mod konsiderevoli; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-awtorità baġitarja tiġi involuta fl-istadji kollha tal-proċess tal-għoti u teħid b'self; ifakkar li, skont id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, il-Kummissjoni hija obbligata tippubblika pjan regolarment aġġornat tal-pagamenti tal-kapital u tal-imgħax mistennija, li għandu jiġi diskuss mal-Parlament u mal-Kunsill fil-laqgħat interistituzzjonali regolari dwar l-NGEU; |
|
21. |
Itenni t-talba soda tiegħu li l-approprjazzjonijiet baġitarji għall-kostijiet tal-ħlas lura tal-EURI għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-UE lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, sabiex jiġu salvagwardjati l-marġnijiet u l-mekkaniżmi ta' flessibbiltà għall-finijiet maħsuba tagħhom; jitlob li jsiru l-modifiki rilevanti għar-Regolament dwar il-QFP matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; |
|
22. |
Jemmen bis-sħiħ li s-suċċess aħħari tal-NGEU, u b'mod partikolari l-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-finanzjament tiegħu, se jiġu vvalutati wkoll fid-dawl tal-kapaċità tal-Unjoni li tħallas lura d-dejn komuni b'riżorsi proprji ġodda fis-settur ambjentali u dak korporattiv, pjuttost milli b'żieda fil-kontribuzzjonijiet nazzjonali grossi bbażati fuq l-introjtu nazzjonali mill-Istati Membri; |
|
23. |
Jenfasizza li r-riżorsi proprji huma faċilitatur ewlieni għall-Unjoni biex timplimenta l-prijoritajiet ta' politika tagħha, parzjalment minħabba l-ħtieġa għal aktar ta' investiment biex tiġi indirizzata l-indipendenza enerġetika u biex jittaffa l-impatt soċjali tal-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, u biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija ekoloġika; jisħaq li l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda tevita l-ħtieġa ta' tnaqqis fil-programmi tal-Unjoni fil-futur, li tikkomprometti l-iskop proprju u l-benefiċċji fit-tul tal-pjan ta' rkupru; jemmen li l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda kif maqbul fil-Ftehim Interistituzzjonali legalment vinkolanti tas-16 ta' Diċembru 2020, tikseb benefiċċji dejjiema, mhux biss fit-twettiq tal-politiki tal-UE, iżda anki fl-iżgurar tal-pożizzjoni tal-Unjoni bħala emittent kredibbli u intelliġenti tad-dejn; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jmexxu malajr kemm jista' jkun u jħaffu n-negozjati tal-ewwel basket tal-hekk imsejħa ġenerazzjoni ġdida ta' riżorsi proprji tal-UE bbażati fuq is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, il-Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri u l-Pilastru I tal-ftehim internazzjonali tal-OECD fuq it-tassazzjoni minima tal-multinazzjonali, kif deskritt mill-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2021; iħeġġeġ lill-Kunsill japprova l-ewwel basket ta' riżorsi proprji qabel tmiem l-2022; |
|
24. |
Jinnota, madankollu, li r-rikavati stmati minn dawn it-tliet riżorsi proprji mhumiex biżżejjed biex ikopru d-dejn tas-self tal-NGEU; jerġa jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tressaq proposta għat-tieni basket ta' riżorsi proprji ġodda qabel Diċembru 2023, inkluża proposta għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, sabiex tiżgura riżorsi suffiċjenti għall-ħlas lura tad-dejn tal-NGEU; jissottolinja l-pjan direzzjonali legalment vinkolanti stabbilit skont il-Ftehim Interistituzzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi reċenti madankollu, tkun saħansitra aktar ambizzjuża u ma teskludix il-possibbiltà li jiżdiedu riżorsi proprji li jkunu innovattivi, ġodda u – preferibbilment – ġenwini; |
o
o o
|
25. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1.
(2) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23.
(3) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(4) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11.
(6) https://ec.europa.eu/info/strategy/eu-budget/eu-borrower-investor-relations/nextgenerationeu-green-bonds/dashboard_mt
(7) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2022 dwar il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-gwerra Russa fl-Ukrajna għall-UE – it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li taġixxi (Testi adottati, P9_TA(2022)0219).