European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1916

23.9.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1916

tas-16 ta’ Settembru 2025

dwar il-ħruġ ta’ munita kommemorattiva b’disinn komuni li tiċċelebra 25 sena mit-tkabbir tal-Unjoni fl-2004

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 (2), il-muniti kommemorattivi maħruġa kollettivament mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkommemoraw biss suġġetti tal-ogħla rilevanza Ewropea u d-disinn tagħhom għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti kostituzzjonali possibbli ta’ dawk l-Istati Membri.

(2)

Fit-13 ta’ Ġunju 2025, abbażi ta’ proposta mis-Sottokumitat għall-Munita tal-Euro, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill approva l-prinċipju ta’ ħruġ kommemorattiv komuni fl-2029, li jiċċelebra 25 sena mit-tkabbir tal-Unjoni fl-2004.

(3)

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 651/2012, deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ muniti kommemorattivi b’disinn komuni maħruġa kollettivament mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro għandha tittieħed mill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħruġ kollettiv fl-2029 ta’ munita kommemorattiva b’disinn komuni mill-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro, u li tiċċelebra 25 sena mit-tkabbir tal-Unjoni fl-2004 huwa b’dan approvat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 135, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/651/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014 tal-24 ta’ Ġunju 2014 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 194, 2.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/729/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1916/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)