18.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/658

tal-15 ta’ Mejju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (“ir-Regolament oriġinali”) (2), il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (“il-miżuri fis-seħħ”). Id-dazji varjaw minn 6,9 % sa 9,5 %.

(2)

Fl-4 ta’ Ġunju 2018, wara rieżami interim parzjali dwar is-sussidjar tal-produtturi esportaturi kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tħalli l-miżuri kif ġew stabbiliti oriġinarjament (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823) (3). Hija sabet li l-bidla leġiżlattiva fil-leġiżlazzjoni Torka dwar is-sussidji lill-produtturi tat-troti li kienet soġġetta għar-rieżami ma kinitx tiġġustifika r-reviżjoni tad-dazji kompensatorji għall-produtturi kollha tat-troti fit-Turkija. Madankollu, ġie osservat li l-impatt tal-bidla leġiżlattiva kien differenti fil-livell ta’ kull kumpanija u kien jiddependi fuq is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull waħda mill-kumpaniji (4).

1.2.   Talba għal rieżami interim parzjali

(3)

Fil-5 ta’ Ġunju 2018, wieħed mill-produtturi esportaturi fit-Turkija, “BAFA Su Ürünleri Yavru Üretim Merkezi Sanayi Ticaret AŞ”, parti mill-Grupp Kiliç (“l-applikant”), ressaq talba għal rieżami interim parzjali limitat li jirrigwarda biss l-eżami ta’ sussidju sa fejn huwa kkonċernat.

(4)

L-applikant argumenta li ċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidjar fit-Turkija li fuqhom kienu bbażati l-miżuri eżistenti relatati miegħu nbidlu, u li l-bidliet kienu ta’ natura dejjiema sa fejn kien ikkonċernat l-applikant.

1.3.   Il-bidu ta’ rieżami interim parzjali

(5)

Wara li ddeterminat, u wara li għarrfet lill-Istati Membri, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami interim parzjali, fit-22 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni, b’avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“Notifika ta’ Bidu”) (5), ħabbret il-bidu tar-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament bażiku, limitat għall-eżami tas-sussidju sa fejn huwa kkonċernat l-applikant.

1.4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

(6)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-PIR”) kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2018.

1.5.   Il-partijiet interessati

(7)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija speċifikament infurmat lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni (l-assoċjazzjoni tal-produtturi) u lill-awtoritajiet Torok dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali.

(8)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta’ Bidu.

(9)

L-Assoċjazzjoni Daniża tal-Akkwakultura, l-assoċjazzjoni tal-produtturi li tirrappreżenta l-ilmentatur fl-investigazzjoni oriġinali (“id-DAO”, Danish Aquaculture Association) ippreżentat osservazzjonijiet. Kienet tal-fehma li l-bidliet implimentati mill-awtoritajiet Torok fil-qafas legali ma jistgħux jitqiesu bħala ta’ natura dejjiema u li l-ammont ta’ sussidji lil produtturi tat-troti, inkluż lill-applikant, kien għadu għoli. Hija qieset ukoll li l-applikant ma setax jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel rieżami tar-rata tas-sussidju tiegħu abbażi tad-deprezzament tal-lira Torka biss, u li l-Kummissjoni għandha tqis skemi oħra ta’ sussidju lill-produtturi tat-troti li l-applikant seta’ jibbenefika minnhom. Id-DAO qieset li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll fatturi oħra bħall-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni Torok waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni fakkret li t-talba għal rieżami interim ma kinitx ibbażata biss fuq id-deprezzament tal-lira Torka kif ġie ddikjarat mid-DAO. Minflok, ir-raġuni ewlenija għat-talba ta’ rieżami kienet il-pretensjoni li l-livell ta’ sussidji lill-applikant naqas wara l-bidla leġiżlattiva fit-Turkija fl-2016. It-tieni, hija osservat ukoll li r-rieżami kien limitat għall-valutazzjoni tal-livell ta’ sussidjar sa fejn huwa kkonċernat l-applikant. Ir-rieżami ma kienx jikkonċerna l-livell ta’ twaqqigħ fil-prezz (li huwa relatat mal-valutazzjoni tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni). B’dan il-mod, il-Kummissjoni vvalutat il-livell ta’ sussidji fir-rigward tal-applikant kif ukoll in-natura dejjiema tal-bidliet hawn taħt fil-premessi 30 sa 57.

(11)

Wara l-iżvelar u l-iżvelar addizzjonali, id-DAO tenniet il-fehma tagħha li l-varjazzjoni ta’ munita ma setgħetx titqies bħala bidla ta’ natura dejjiema u l-Kummissjoni missha qieset kemm id-deprezzament ikkontribwixxa għall-evoluzzjoni tal-livell ta’ sussidjar.

(12)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-rata tal-kambju tal-munita fit-Turkija varjat minn meta saret l-investigazzjoni oriġinali, u li tali fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju ma setgħetx titqies bħala bidla ta’ natura dejjiema. Madankollu, hija ma qablitx mad-DAO li hija kellha tittratta r-rata tal-kambju tal-investigazzjoni oriġinali bħala r-“referenza” li kellha tittieħed in konsiderazzjoni biex tevalwa l-effett tal-varjazzjonijiet tagħha fuq il-kalkolu tal-ammont ta’ kalkolu tas-sussidju. Filwaqt li l-varjazzjonijiet tal-munita inevitabbilment affettwaw il-kalkolu l-ġdid tas-sussidju għall-applikant, ir-raġuni għall-kalkolu mill-ġdid hija l-impatt tal-bidla leġiżlattiva tal-2016 fuq l-applikant. Il-Kummissjoni għalhekk irrifjutat it-talba.

1.6.   Kwestjonarju u żjara ta’ verifika

(13)

Il-Kummissjoni irriċerkat u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tevalwa l-impatt tal-bidliet legali fuq l-applikant rigward l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ sussidji diretti.

(14)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant (inklużi l-kumpaniji relatati) u lill-awtoritajiet Torok. Waslu tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju mingħand dawn iż-żewġ partijiet. Il-Kummissjoni vverifikat l-informazzjoni prevista fit-tweġiba għall-kwestjonarju fil-bini tal-applikant.

1.7.   Żvelar

(15)

Fis-27 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet biħsiebha temenda r-rata tad-dazju applikabbli għall-applikant. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità sat-12 ta’ Marzu 2020 biex jikkummentaw, u biex jitolbu li ssir seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti ta’ kummerċ. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti magħmula mill-partijiet interessati u kkunsidrathom fejn xieraq. Wara l-iżvelar, il-Kummissjoni kellha smigħ mal-applikant fit-12 ta’ Marzu 2020.

(16)

Wara li vvalutat il-kummenti mressqa mill-partijiet wara l-iżvelar, il-Kummissjoni għamlet żvelar addizzjonali fil-3 ta’ April 2020. Hija informat lill-partijiet interessati kollha bl-intenzjoni tagħha li temenda r-rata tad-dazju lill-applikant proposta fid-Dokument ta’ Żvelar Ġenerali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità sat-8 ta’ April 2020 biex jikkummentaw dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet proposti ġodda, u biex jitolbu li ssir seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti ta’ kummerċ. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti magħmula mill-partijiet interessati u ħadithom inkonsiderazzjoni, fejn xieraq.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(17)

Il-prodotti taħt rieżami huma t-troti qawsalla (Oncorhynchus mykiss):

—

ħajjin u li jiżnu massimu ta’ 1,2 kg/ħuta, jew

—

friski, imkessħa, iffriżati u/jew affumikati:

—

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li jiżnu massimu ta’ 1,2 kg/ħuta, jew

—

bla ras, bil-garġi mneħħija jew le, kemm jekk imnaddfa jew le, li kull waħda tiżen 1 kg jew anqas, jew

—

fil-forma ta’ fillets b’massimu ta’ 400 g/ħuta,

li joriġinaw mit-Turkija u li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90, ex 0302 11 80, ex 0303 14 90, ex 0304 42 90, ex 0304 82 90 u ex 0305 43 00 (il-kodiċijiet TARIC 0301919011, 0302118011, 0303149011, 0304429010, 0304829010 u 0305430011) (“il-prodott taħt rieżami”).

(18)

Bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni sabet li l-prodotti manifatturati fl-Unjoni u l-prodotti manifatturati fit-Turkija huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

3.1.   L-investigazzjoni oriġinali

(19)

Is-sussidji fuq il-produzzjoni tat-troti fit-Turkija huma rregolati permezz ta’ digriet adottat mill-Gvern Tork fuq bażi annwali. Dan id-digriet jipprevedi l-kundizzjonijiet bażiċi u l-ammonti ta’ sussidji għall-produzzjoni tal-akkwakultura fit-Turkija. Il-proċeduri u l-prinċipji dwar l-implimentazzjoni tad-digriet huma pprovduti wkoll minn komunikati maħruġa kull sena mill-Ministeru tal-Ikel, l-Agrikultura u l-Bhejjem.

(20)

Fl-investigazzjoni oriġinali, is-sussidji ġew mogħtija fuq il-bażi tad-Digriet Nru 2013/4463 tas-7 ta’ Marzu 2013 dwar is-sussidji agrikoli fl-2013 u ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 28612 tat-8 ta’ April 2013 (“il-digriet tal-2013”) Dan id-digriet huwa relatat ma’ troti prodotti fl-2013.

(21)

Skont id-digriet, is-sussidji ngħataw lill-produtturi kollha tat-troti b’liċenzja valida tal-produzzjoni marbuta ma’ unità tat-trobbija tal-ħut. Il-liċenzja tal-produzzjoni tista’ tkun marbuta ma’ produzzjoni fil-baħar, f’diga, jew ma’ produzzjoni f’ilmijiet interni. Produttur ta’ troti jista’ jkollu diversi liċenzji ta’ produzzjoni (farms tat-trobbija tal-ħut) li jinsabu fl-istess diga jew fl-istess żona fil-baħar.

(22)

Il-produzzjoni fl-ambitu ta’ kull waħda minn dawn il-liċenzji kienet eliġibbli għal sussidji sal-limiti li ġejjin: 0,65 lira Torka (‘TL’) għal kull kg ta’ troti għal produzzjoni sa 250 tunnellata fis-sena; għall-produzzjoni minn 251 sa 500 tunnellata, il-produtturi tat-troti rċevew nofs l-ammont (0,325 TL/kg); Ma seta’ jiġi riċevut l-ebda sussidju għall-produzzjoni ta’ aktar minn 500 tunnellata.

(23)

Fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, l-applikant kellu 13-il unità ta’ trobbija tal-ħut (farms) (li jikkorrispondu għal 13-il liċenzja). Huwa bbenefika minn sussidji għal 11 minn dawn l-unitajiet ta’ trobbija.

3.2.   Sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823

(24)

Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823, il-Kummissjoni vvalutat il-bidla leġiżlattiva tal-2016 u l-impatt tagħha fuq il-livell ġenerali ta’ sussidjar ta’ produtturi tat-troti fit-Turkija.

(25)

Hija sabet li fl-2016, is-sussidji lill-produtturi tat-troti ingħataw abbażi tad-Digriet Nru 2016/8791 (6) dwar l-għajnuniet agrikoli li għandhom jingħataw fl-2016 (id-“digriet tal-2016”). Barra minn hekk, il-Komunikat Nru 2016/33 (7) dwar l-akkwakultura jappoġġja kundizzjonijiet dettaljati għas-sussidji li għandhom jingħataw.

(26)

Filwaqt li l-ammont ta’ sussidju għal kull TL/kg baqa’ fil-livelli tal-2013, l-Artikolu 4.16 tad-Digriet tal-2016 eskluda mis-sussidji l-farms b’liċenzji li kienu “jinsabu fl-istess qasam potenzjali determinat mill-Ministeru, fl-istess riżerva tad-diga jew fir-riżerva tad-diġa reġjonalizzata li jinsabu fl-istess żona”.

(27)

Skont dan l-Artikolu u għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni matul l-investigazzjoni oriġinali, fil-każ li produttur ta’ troti kellu iktar minn liċenzja ta’ produzzjoni waħda (jew “unità ta’ trobbija tal-ħut”) fl-istess żona potenzjali tal-baħar, kif definit mill-Ministeru, fl-istess riżerva (diga), jew fl-istess riżervi li jinsabu fl-istess reġjuni, li kienu jappartjenu lill-istess persuna jew lill-istess intrapriża/kumpanija, dawk il-liċenzji jew l-unitajiet tat-trobbija tal-ħut tqiesu bħala liċenzja jew unità waħda li tappartjeni għal dik il-kumpanija, u s-sussidju dirett kellu jitħallas skont din l-interpretazzjoni.

(28)

Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-limitazzjoni ma affettwatx sostanzjalment il-livell globali ta’ sussidji riċevuti għal parti importanti tal-produtturi tat-troti fit-Turkija kollha kemm huma. Barra minn hekk, peress li l-gvern Tork kien introduċa sussidji ġodda, ibbażati fuq it-tbassir baġitarju għas-snin ta’ wara, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis fis-sussidji b’mod ġenerali jista’ jkun biss temporanju u ma jistax jitqies bħala bidla ta’ natura dejjiema.

(29)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni osservat li l-impatt kien ivarja anki fil-livell ta’ kumpaniji individwali skont is-sitwazzjoni speċifika relatata mal-produzzjoni ta’ kull kumpanija. Il-produzzjoni tat-troti fit-Turkija hija bbażata fuq in-negozji tal-familja u hija settur frammentat prinċipalment magħmul minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Għal dawn il-kumpaniji żgħar, jekk kellhom farm wieħed jew farms żgħar fl-istess żona, l-għadd ta’ liċenzji li għalihom setgħu jirċievu sussidji kien se jibqa’ l-istess. Madankollu, mill-2016, il-kumpaniji li kellhom aktar minn liċenzja waħda fl-istess reġjun jew żona taħt l-iskema antika ta’ għajnuna setgħu jirċievu sussidji diretti biss għal waħda minnhom. Għalhekk, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji (żgħar) kienu affettwati biss sa ċertu punt jew ma jiġu affettwati xejn mir-riforma tal-2016, il-kumpaniji jew il-gruppi ta’ kumpaniji bħall-applikant x’aktarx li kienu affettwati b’mod aktar sostanzjali mill-bidla.

3.3.   Impatt tal-bidla leġiżlattiva fuq l-applikant u sussidji oħrajn irċevuti mill-applikant fil-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami (“PIR”)

3.3.1.   Sussidji diretti lill-applikant

(30)

Fl-2018, is-sussidji lill-produtturi tat-troti ingħataw abbażi tad-Digriet Nru 2018/11460 (8) dwar l-appoġġ agrikolu li għandu jingħata fl-2018 (id-“digriet tal-2018”). Barra minn hekk, il-Komunikat Nru 2018/24 (9) dwar l-akkwakultura jappoġġja kundizzjonijiet dettaljati għas-sussidji li għandhom jingħataw. Kif ikkonfermat fl-investigazzjoni oriġinali, dawn il-miżuri jikkostitwixxu sussidji kumpensabbli (ara l-premessi 61 sa 62 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 (10)). Il-Kummissjoni rrevediet l-ammont ta’ sussidju mogħti lill-applikant matul il-PIR.

(31)

Fil-PIR (2018), l-applikant kellu 11-il unità tal-farming. Il-farms kienu jinsabu fi 3 reġjuni differenti. Qabel il-bidla leġiżlattiva, l-applikant kien eliġibbli li jirċievi sussidji għall-11-il farm kollha tiegħu (ara l-premessa (22)). Madankollu, bħala konsegwenza tal-bidla leġiżlattiva fl-2016 u f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ matul il-PIR, kien eliġibbli li jirċievi biss sussidji għall-prodott taħt rieżami għal farm wieħed għal kull reġjun.

(32)

Fil-PIR, l-applikant għalhekk ibbenefika minn sussidji biss għal 2 mill-11-il farm (11) tiegħu msemmija fid-digriet tal-2018 hawn taħt (meta mqabbla mal-11-il farm li kienu jkunu eliġibbli għal sussidji skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel l-2016).

(33)

L-ammont ta’ sussidji matul il-PIR kienu dawn li ġejjin: għal produzzjonijiet sa 250 tunnellata, is-sussidju ġie stabbilit għal 0,75 TL/kg; bejn 250 tunnellata u 500 tunnellata, is-sussidju ġie stabbilit għal 0,375 TL/kg u ma ngħata l-ebda sussidju għal produzzjoni ta’ aktar minn 500 tunnellata (12).

(34)

Skont l-istess metodoloġija kif stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali, għall-ħut imrobbi minnu stess, il-benefiċċju totali għall-applikant kien l-ammont medju tas-sussidju dirett riċevut matul il-PIR. Għall-ħut mixtri, il-benefiċċju ġie kkalkulat abbażi tas-sussidji totali mogħtija mill-awtoritajiet Torok u diviż bl-ammont totali tal-produzzjoni tat-troti fit-Turkija. Il-kalkolu tal-benefiċċju rriżulta f’rata ta’ sussidju ad valorem ta’ 1,44 %.

(35)

Wara l-iżvelar tal-informazzjoni, l-applikant iddikjara li l-iskema ta’ appoġġ għall-“prattiki ta’ trobbija tajba” intemmet fl-2019 u li l-Kummissjoni għalhekk ma għandhiex tikkunsidraha għall-kalkolu tas-sussidju indirett. L-applikant argumenta wkoll li l-livell tat-tariffa amministrattiva li għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ sussidju ma kienx ta’ 0,2 % iżda ta’ 2 %.

(36)

Il-Kummissjoni aċċetat dawn iż-żewġ talbiet u kkalkulat mill-ġdid ir-rati ta’ sussidju skont dan. Il-kalkolu tal-benefiċċju rriżulta f’rata ta’ sussidju ad valorem ġdida ta’ 1,42 %.

(37)

L-applikant argumenta wkoll li l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà nbidlu fl-2019. Skont il-kundizzjonijiet il-ġodda, min irabbi l-ħut jista’ jibbenefika minn 0,75 TL/kg għal massimu ta’ 350 tunnellata ta’ produzzjoni. Meta mqabbel mal-2018, il-benefiċċju massimu għal kull liċenzja tas-sajd għalhekk naqas. Il-Kummissjoni tqis li għandha tibbaża l-kalkoli tagħha biss fuq id-data vverifikata mill-PIR. Għaldaqstant, hi ċaħdet din l-affermazzjoni.

(38)

Wara l-iżvelar, id-DAO rreferiet ukoll għall-kundizzjonijiet ġodda ta’ eliġibbiltà għas-sussidji diretti fl-2019. Skont id-DAO, fl-2019, persuna li trabbi l-ħut li tipproduċi bejn 250 u 350 tunnellata setgħet tirċievi aktar sussidji milli fl-2018. Għalhekk, id-DAO talbet lill-Kummissjoni tiddetermina jekk fl-2019 l-applikant setax jixtri l-ħut mingħand dawk li jrabbu l-ħut, u b’hekk indirettament jibbenefika minn aktar sussidji milli fl-2018.

(39)

Il-Kummissjoni l-ewwel fakkret li fl-2019, l-ammont ta’ sussidju massimu riċevibbli għal kull liċenzja tas-sajd naqas (ara l-premessa 37). Għalhekk, dawk li jrabbu iktar minn 350 tunnellata ta’ troti rċevew inqas sussidji għal kull liċenzja tas-sajd. Kieku l-applikant kien xtara l-ħut minn dawk li jrabbu l-ħut, dan kien għalhekk jibbenefika minn inqas sussidji milli kien jibbenefika fl-2018. It-tieni, bħal ma kien il-każ fil-PIR, il-kalkolu tas-sussidji indiretti kellu jkun ibbażat fuq sussidju medju għal kull tunnellata ta’ ħut mixtri. Tali medja ma setgħetx tirrifletti s-sitwazzjoni ta’ kull bidwi individwali li l-applikant xtara l-ħut mingħandu. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din it-talba.

3.3.2.   Appoġġ għat-trobbija tat-troti f’imfaqas protetti mill-mard

(40)

Fl-2018, l-awtoritajiet Torok introduċew skema ġdida ta’ appoġġ għat-trobbija ta’ troti f’imfaqas protett mill-mard. Din l-iskema l-ġdida ma kinitx eżaminata fl-investigazzjoni oriġinali. Il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta’ appoġġ ġew speċifikati fid-digriet tal-2018 u l-komunikat Nru 2018/24 (ara l-premessa 30).

(41)

Jekk kumpanija tkun topera mafqas għat-troti li jissodisfa ċerti kriterji, tista’ tibbenefika mis-sussidju ta’ 60 TL għal kull ħuta għal massimu ta’ 10 000 ħuta (l-ammont massimu ta’ sussidju riċevibbli kien ta’ 600 000 TL kull sena).

(42)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-appoġġ (fil-forma ta’ għotja diretta) kien jikkostitwixxi sussidji għal produzzjoni tat-troti simili għal sussidji diretti, jiġifieri kontribuzzjoni finanzjarja li tagħti benefiċċju skont l-Artikoli 3(1)(a)(i) u 3(2) tar-Regolament bażiku. Peress li l-appoġġ ingħata lill-produtturi tat-troti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema kienet speċifika fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċju kien jikkonsisti f’għotjiet diretti lill-produtturi tat-troti li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

(43)

Għalhekk, hija kkonkludiet li l-appoġġ seta’ jitqies bħala sussidju kumpensabbli.

(44)

Matul iż-żjara ta’ verifika, il-maniġer tal-produzzjoni tal-kumpanija semma li l-kumpanija investiet u se tinvesti aktar f’tagħmir sabiex issir eliġibbli għas-sussidju fis-snin li ġejjin. Madankollu, is-CEO tal-kumpanija u r-rappreżentanti legali ċaħdu din l-informazzjoni u qalu li din id-deċiżjoni kienet soġġetta għall-approvazzjoni tal-membri tal-bord u li fi kwalnkwe każ ma kinitx prevista.

(45)

Minħabba l-informazzjoni ċara u mhux ambigwa mill-maniġer tal-produzzjoni dwar il-miżuri ta’ investiment meħuda fil-passat u d-dikjarazzjonijiet kontradittorji tar-rappreżentanti tal-kumpanija matul iż-żjara ta’ verifika, il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-futur x’aktarx il-kumpanija tista’ tibbenefika mill-iskema, u kkalkolat benefiċċju massimu, espress bħala rata ta’ sussidju ad valorem ta’ 0,72 %. Hija kkomunikat l-intenzjoni tagħha lill-partijiet fid-Dokument ta’ Żvelar ta’ Informazzjoni Ġenerali.

(46)

Wara l-iżvelar, l-awtoritajiet Torok u l-applikant oġġezzjonaw għall-intenzjoni tal-Kummissjoni espressa fid-dokument ta’ żvelar biex jiġu applikati miżuri ta’ kumpens għall-iskema. Huma sostnew li l-applikant ma kkwalifikax għall-iskema u ma kien għamel l-ebda applikazzjoni lill-Gvern fir-rigward tal-iskema. Ma kien hemm l-ebda pagament mill-Gvern lill-applikant la fl-2018 u lanqas fl-2019 taħt l-iskema. Il-gvern Tork indika wkoll li l-iskema kienet fi kwalunkwe każ limitata għal tliet snin.

(47)

Fit-23 ta’ Marzu 2020, l-applikant bagħat ittra uffiċjali biex jirribatti d-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk huwiex probabbli li jibbenefika minn xi sussidju taħt l-iskema fil-futur. L-applikant impenja ruħu li ma jagħmel l-ebda investiment sal-2025 biex isir eliġibbli taħt l-iskema. Barra minn hekk, f’każ li l-investiment isir fl-2025 jew wara, ma ssir l-ebda applikazzjoni minn kumpanija relatata tal-Grupp Kiliç taħt din l-iskema.

(48)

Wara l-preżentazzjoni tal-ittra tar-rikorrenti, id-DAO sostniet li l-ittra kienet tikkostitwixxi prova ffabbrikata minnha stess li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li l-applikant ma għamel l-ebda impenn fil-konfront ta’ skemi oħra ta’ sussidju.

(49)

Abbażi tal-fatti ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid jekk kienx probabbli li l-applikant ikun jista’ jirċievi benefiċċji taħt l-iskema fil-futur. Kienet assigurata mill-kummenti tal-Gvern li l-applikant ma kienx eliġibbli taħt l-iskema u ma kien għamel l-ebda applikazzjoni matul il-PIR jew fl-2019. Barra minn hekk, ħadet nota tal-ittra tal-kumpanija tat-23 ta’ Marzu 2020 li qalet li mhux se ssir eliġibbli mill-inqas sal-2025. Fir-rigward tal-argument tad-DAO li l-ittra kienet tikkostitwixxi prova ffabrikata minnha stess li waslet biss wara l-iżvelar, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-ittra ġiet ippreżentata fil-mument tal-iżvelar, jiġifieri fiż-żmien dovut għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-applikant u għalhekk is-sustanza tagħha ma tistax tiġi injorata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tivvaluta bis-serjetà l-kummenti kollha li tirċievi, inkella l-iskop tal-iżvelar jiġi mfixkel. L-ittra tikkostitwixxi impenn sod mill-applikant u tirrigwarda l-valutazzjoni tal-probabbiltà li jingħata benefiċċji kompensatorji taħt l-iskema fil-futur. Għalhekk, il-fatt li l-ittra ma ssemmix skemi oħra ta’ sussidju huwa irrelevanti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikax miżuri kompensatorji għal din l-iskema.

(50)

Wara l-iżvelar addizzjonali, id-DAO tenniet li l-Kummissjoni għandha d-dmir li tqis il-fatturi relatati ma’ perjodu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, u li l-Kummissjoni missha kkonfermat il-valutazzjoni oriġinali tagħha billi inkludiet l-appoġġ fil-kalkolu. Id-DAO kkontestat partikolarment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu l-ittra tal-applikant bħala prova affidabbli. Hija sostniet li d-deċiżjoni tal-bord ma kinitx vinkolanti u setgħet tinbidel fi kwalunkwe mument. Fl-opinjoni tagħha, hija kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju legali fundamentali li skontu kumpannija ma għandhiex titħalla toħloq evidenza favur tagħha stess, kontra l-informazzjoni miż-żjara ta’ verifika dwar il-miżura ta’ investiment meħuda fil-passat.

(51)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjoni li ma tapplikax miżuri ta’ kumpens għall-iskema ma kinitx ibbażata biss fuq l-ittra ta’ impenn mill-applikant iżda wkoll fuq evidenza fattwali oħra, bħall-informazzjoni mill-gvern li l-applikant la applika għall-appoġġ u lanqas ma kien eliġibbli taħt l-iskema. Il-Kummissjoni tenniet id-dmir tagħha li tivvaluta l-informazzjoni u l-evidenza kollha li waslet wara l-iżvelar, u f’dan il-kuntest, il-fatt li l-applikant għamel l-impenn għal dan l-iskop ma kienx deċiżiv għall-valutazzjoni tal-probabbiltà li l-applikant jibbenefika mill-iskema fil-futur. Hija fakkret ukoll li m’hemmx dubju dwar il-fatt li l-applikant ma kienx għamel l-investiment kollu meħtieġ biex isir eliġibbli għal appoġġ taħt l-iskema. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din it-talba.

(52)

Fl-aħħar nett, peress li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens għal kull appoġġ għat-trobbija tat-troti fl-imfaqas protett mill-mard ma baqgħetx attwali, il-Kummissjoni ma qisitx il-kummenti tad-DAO dwar il-kalkolu xieraq tal-benefiċċji futuri ta’ din l-iskema.

3.3.3.   Self issussidjat

(53)

Matul il-PIR, l-applikant ibbenefika minn sitt selfiet preferenzjali, biex jiffinanzja l-kapital operatorju. Is-self ingħata mill-Bank tal-Agrikoltura tar-Repubblika tat-Turkija (Türkiye Cumhurriyotti Ziraat bankasi jew “Ziraat Bankasi”) għal self relatat mal-produzzjoni agrikola speċifikament u minn Türk Eximbank (13) għal self marbut mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni. Konformi mas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali (14), u peress li ma ngħatat l-ebda evidenza li s-sitwazzjoni kienet inbidlet, il-Kummissjoni stabbiliet li ż-żewġ banek jimplimentaw il-politika tal-Istat u huma korpi pubbliċi skont it-tifsira tar-Regolament bażiku.

(54)

Il-bażi ġuridika rilevanti kienet id-Digriet 2018/11188 (Investiment b’rata tal-imgħax baxxa u self operattiv għall-produzzjoni agrikola min-naħa ta’ Ziraat Bank) u l-programm ta’ riskontar ta’ Türk Eximbank (15).

(55)

Il-benefiċċju għall-applikant kien jikkonsisti f’li jiġu pprovduti rati ta’ imgħax aktar baxxi minn dawk normalment disponibbli fis-suq. Il-Kummissjoni allokat il-benefiċċju relatat mal-programm ta’ riskontar fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni filwaqt li s-self issussidjat l-ieħor għall-produzzjoni sħiħa tal-Grupp ġie allokat fuq il-bejgħ totali. Il-benefiċċju totali tas-sitt selfiet irriżulta f’rata ta’ sussidju ad valorem ta’ 0,15 %.

(56)

Wara l-iżvelar, l-applikant iddikjara li għal self wieħed mis-self ikkontestat kellu jħallas kummissjoni, filwaqt li s-self ta’ referenza kien ħieles mill-ħlas ta’ kummissjoni. Huwa argumenta li l-Kummissjoni kellha tnaqqas il-benefiċċju kif xieraq. Il-Kummissjoni sabet li sabiex ikun żgurat tqabbil ġust, il-kalkoli kellhom isiru biss fuq it-tqabbil tar-rati tal-imgħax biss, mingħajr ebda spejjeż bankarji oħra fuq kwalunkwe naħa, għas-self reali jew is-self ta’ referenza. Il-Kummissjoni għalhekk ma laqgħetx din it-talba.

(57)

Barra minn hekk, l-applikant ikkontesta li l-Kummissjoni użat l-istess punt ta’ riferiment biex tistabbilixxi benefiċċju għal tnejn mis-selfiet soġġetti għal miżuri kompensatorji li kienu ngħataw f’perijodi differenti. Barra minn hekk, huwa sostna li r-rata tal-imgħax għal wieħed mis-selfiet ikkontestati kienet stabbilita fuq bażi ta’ kull xahar (u mhux ta’ kull sena) u għalhekk ir-rata tal-imgħax li l-applikant irċieva ġiet stabbilita bir-rata tas-suq. Il-Kummissjoni aċċettat iż-żewġ talbiet. Dan irriżulta f’rata ta’ sussidju ad valorem għal dan is-self ta’ 0,13 %.

3.4.   Rati kompensatorji ġodda għall-applikant

(58)

Il-benefiċċju totali għall-applikant irriżulta f’rata ta’ sussidju ad valorem ta’ 1,55 %:

Sussidju dirett

1,42 %

Self issussidjat

0,13 %

Total

1,55 %

(59)

Il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq huma relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-applikant u għalhekk ma jaffettwawx il-livell tar-rati ta’ sussidju għall-kumpaniji elenkati fl-Anness tar-Regolament oriġinali.

(60)

Wara l-iżvelar u l-iżvelar addizzjonali, l-awtoritajiet Torok argumentaw li l-Kummissjoni missha kkalkulat mill-ġdid ir-rata ta’ sussidju għall-“kumpaniji l-oħra kollha”. Il-Kummissjoni ma laqgħetx l-argument. Hija tenniet li r-rieżami interim parzjali u s-sejbiet tiegħu dwar tnaqqis sinifikanti fil-livell ta’ sussidju kienu relatati biss mal-applikant. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li s-sejbiet fir-rigward tal-produtturi tat-troti Torok l-oħra kollha baqgħu ma nbidlux. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat ukoll li, kif iddikjarat fin-Notifika ta’ Bidu (it-Taqsima 5), jekk xi parti interessata tqis li jkun meħtieġ rieżami tal-miżuri applikabbli għaliha, dik il-parti tista’ titlob rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament antisussidji bażiku.

(61)

Wara l-iżvelar, l-awtoritajiet Torok sostnew li jekk il-Kummissjoni injorat il-benefiċċju fir-rigward tal-“Appoġġ għat-trobbija tat-troti f’imfaqas protetti minn mard”, ir-rata ta’ sussidju ad valorem totali kienet de minimis. Hija tenniet din l-affermazzjoni wara l-iżvelar addizzjonali. Il-Kummissjoni fakkret li l-limitu de minimis huwa ta’ 1 % iżda għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa ta’ 2 %. Hija fakkret ukoll li għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(5), pajjiż jitqies bħala pajjiż li qed jiżviluppa jekk ikun elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1) (16). Billi t-Turkija mhijiex inkluża fil-lista ta’ pajjiżi eliġibbli skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba.

3.5.   Bidla sinifikanti taċ-ċirkostanzi u n-natura dejjiema tal-bidla leġiżlattiva

(62)

Is-sejbiet relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-applikant jikkonfermaw is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823, elenkati fil-qosor fil-premessi 24 sa 29 iktar’ il fuq. Filwaqt li r-Regolament ta’ hawn fuq ivvaluta s-sitwazzjoni ġenerali vis-à-vis il-produtturi tat-troti kollha fit-Turkija (jiġifieri sitwazzjoni ta’ produttur medju tat-troti), huwa sab ukoll li wara l-bidla leġiżlattiva fl-2016, xi produtturi tat-troti rċevew sostanzjalment inqas sussidji (il-premessa 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823).

(63)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien il-każ tal-applikant. L-ewwel nett hija osservat li r-rata ta’ sussidju ad valorem ikkalkulata mill-ġdid ta’ 1,55 % kienet tirrappreżenta tnaqqis sinifikanti meta mqabbla mar-rata ta’ 9,5 % stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali.

(64)

It-tieni, l-applikant ma setax jibbenefika minn ħafna skemi oħra ta’ sussidju biex jikkumpensa b’mod sħiħ għat-tnaqqis tas-sussidju dirett (17).

(65)

Barra minn hekk, il-bidla leġiżlattiva li wasslet għat-tnaqqis fl-għadd ta’ farms tal-ħut ġiet introdotta fl-2016 u baqgħet fis-seħħ fil-PIR (2018) u fl-2019 (18), jiġifieri għal perjodu ta’ 4 snin. Il-Gvern Tork ma kkomunika l-ebda pjan lill-Kummissjoni biex jerġa’ jdaħħal il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ qabel l-2016. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset il-bidla mill-2016 bħala bidla dejjiema fis-sens tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku.

(66)

Wara l-iżvelar u l-iżvelar addizzjonali, id-DAO kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis fis-sussidji li rċieva l-applikant kien ta’ natura dewwiema. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha tivvaluta n-natura dejjiema tas-sistema ta’ sussidjar fl-intier tagħha u ma kellhiex tiffoka fuq il-bidla tal-2016 f’waħda mill-iskemi ta’ sussidju biss. Id-DAO argumentat ukoll li wara l-2016, l-awtoritajiet Torok baqgħu jintroduċu skemi ġodda ta’ sussidju biex jikkumpensaw għat-tnaqqis fis-sussidjar minħabba l-bidla fl-2016, jiġifieri sussidji għal sistema magħluqa ta’ produzzjoni, sussidji għal troti ta’ aktar minn 1 kg, sussidji għal prattiki tajba ta’ trobbija u sussidji għal tikettar tal-ħut. Id-DAO argumentat ukoll li fil-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni ma qisitx il-kundizzjonijiet ġodda ta’ eliġibbiltà tal-“Appoġġ ta’ trobbija ta’ troti f’imfaqas protetti minn mard” u ż-żieda fl-2019 tal-ammont massimu li kellu jiġi riċevut. Barra minn hekk, id-DAO qieset li kwalunkwe investiment ġdid mill-applikant biex jikseb l-appoġġ kien se jsir permezz ta’ self issussidjat mill-gvern.

(67)

Kif spjegat hawn fuq, il-Kummissjoni vvalutat mhux biss l-effett tal-bidla leġiżlattiva tal-2016 fuq l-applikant, iżda wkoll kwalunkwe skema ġdida ta’ sussidju li l-applikant seta’ jibbenefika minnha matul il-PIR u wara. Hija sabet li l-applikant ma kienx eliġibbli biex jirċievi xi sussidji għall-iskema ta’ sistema magħluqa ta’ produzzjoni minħabba li l-produzzjoni tat-troti tiegħu tinsab f’ġibjuni u mhux f’sistema magħluqa li tissodisfa r-rekwiżiti tal-eliġibbiltà. Il-Kummissjoni sabet ukoll li s-sussidji għat-tikkettar tal-ħut u għal prattiki tajba ta’ trobbija ġew terminati fl-2018 u fl-2019 rispettivament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet u vverifikat li s-sussidju għat-troti ta’ aktar minn 1 kg kien għall-benefiċċju ta’ troti ta’ aktar minn 1,2 kg, jiġifieri t-troti li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Fl-aħħar nett, kif spjegat fil-premessi 40 sa 52, l-applikant ma bbenefikax mill-appoġġ għat-trobbija f’imfaqas protetti minn mard fil-PIR u ma kien hemm l-ebda probabbiltà li l-applikant kien se jirċievi tali appoġġ sal-2025. Fid-dawl tal-valutazzjoni mill-ġdid ta’ informazzjoni ġdida kif spjegat fil-premessi 46 u 47, il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-futur l-applikant ma kienx se jibbenefika minn xi sussidju mill-iskema “Appoġġ għat-trobbija ta’ troti f’imfaqas protetti minn mard”.

(68)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-affirmazzjoni li l-applikant kien se jiffinanzja kwalunkwe tagħmir ġdid minn self issussidjat kienet ibbażata fuq possibbiltà aktar milli fuq kwalunkwe evidenza konkreta. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet l-argument.

(69)

Abbażi ta’ dak li ssemma, il-Kummissjoni sostniet li skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament bażiku u abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, iċ-ċirkostanzi fir-rigward tas-sussidju nbidlu b’mod sinfikanti u t-tnaqqis ta’ sussidji diretti huwa ta’ natura dejjiema f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikant ikkonċernat.

3.6.   Konklużjoni

(70)

Għaldaqstant jirriżulta li d-dazju kompensatorju għall-applikant għandu jiġi emendat kif stabbilit fit-taqsima 3.4.

(71)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 huwa emendat kif ġej fir-rigward tal-applikant:

Kumpanija

Dazju kompensatorju

Kodiċi addizzjonali TARIC

BAFA Su Ürünleri Yavru Üretim Merkezi Sanayi Ticaret AŞ

1,5 %

B965

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 tas-26 ta’ Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 tal-4 ta’ Ġunju 2018 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 14).

(4)  Ara l-premessa 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/823.

(5)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċertu trota qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU C 176, 22.5.2019, p. 24).

(6)  Id-digriet Tork Nru 2016/8791 dwar is-sussidji agrikoli fl-2016, datat il-25 ta’ April 2016 (implimentati b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2016).

(7)  Il-Komunikat bl-isem: “Komunikat dwar l-Appoġġ għall-Akkwakultura” bin-numru 2016/33 dwar l-implimentazzjoni tad-Digriet Nru 2016/8791 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit- 3 ta’ Awwissu 2016.

(8)  Id-Digriet Tork Nru 2018/11460 dwar is-sussidji fl-agrikoltura fl-2018, tat-2 ta’ Frar 2018 (implimentati b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2018).

(9)  Il-Komunikat bl-isem “Komunikat dwar l-Appoġġ għall-Akkwakultura” bin-numru 2018/24 dwar l-implimentazzjoni tad-Digriet Nru 2018/11460 ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fid-29 ta’ Mejju 2018.

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014 tad-29 ta’ Ottubru 2014 li jimponi dazju kumpensatorju proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 319, 6.11.2014, p. 1).

(11)  F’wieħed mir-reġjuni l-applikant rabba trota ta’ aktar minn 1,2 kg (prodott mhux ikkonċernat mill-investigazzjoni) u ma użax il-farm biex irabbi t-troti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk huwa bbenefika minn sussidji għal 2 mit-3 reġjuni eliġibbli.

(12)  Il-limiti ġew introdotti minn leġiżlazzjoni li ġiet adottata fl-2017.

(13)  Il-programm jista’ jiġi implimentat direttament minn Türk Eximbank jew b’involviment ta’ banek privati.

(14)  Ara l-premessi 67 u 69 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1195/2014.

(15)  Id-dettalji huma pprovduti fi ħdan il-Prinċipji ta’ Implimentazzjoni u ċ-Ċirkolari dwar il-krediti ta’ riskontar fuq is-servizzi tal-esportazzjoni u fuq ta’ muniti barranin (il-Programm ta’ Riskontar).

(16)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/918/UE tas-16 ta’ Diċembru 2014 li ttemm il-proċediment antisussidju dwar importazzjonijiet ta’ fibri bażiċi tal-poliester li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Indja u l-Vjetnam (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 65), premessa 76, nota f’qiegħ il-paġna 3.

(17)  Kif spjegat fil-premessi minn 32 sa 41, il-benefiċċju mill-Appoġġ għat-trobbija tat-troti f’imfaqas protetti minn mard u minn self issussidjat żied ir-rata ta’ sussidju għall-Grupp Kiliç biss b’0,72 % u għalhekk ma kkumpensax għat-tnaqqis fis-sussidji diretti.

(18)  Fl-2019, l-ammont massimu ta’ sussidji għal kull liċenzja kien ta’ 0,75 TL/kg għal massimu ta’ 350 000 kg. Meta mqabbel mal-2018, dan irrappreżenta tnaqqis fl-ammont massimu li għandu jiġi riċevut għal kull liċenzja tas-sajd.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).