IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2018
COM(2018) 604 final
2018/0311(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju
li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej
u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra,
biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, kien iffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Lulju 1995. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.
Fl-Att ta’ Adeżjoni tagħha, ir-Repubblika tal-Kroazja timpenja ruħha li taderixxi mal-ftehimiet internazzjonali diġà ffirmati jew konklużi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha permezz ta’ protokoll ma’ dawn il-ftehimiet.
Il-proposta mehmuża hija l-istrument ġuridku għall-iffirmar, u għall-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għal mal-Ftehim, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.
Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala parti kontraenti għall-Ftehim u jorbot lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi verżjoni awtentika tal-Ftehim bil-Kroat.
Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati, sabiex tikkonkludi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mar-Repubblika tat-Tuneżija ġew konklużi b’suċċess fil-11 ta' Mejju 2018.
Il-Kummissjoni tiġġudika li r-riżultati tan-negozjati huma sodisfaċenti u titlob lill-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni mehmuża rigward l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll.
2018/0311 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,
u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju
li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej
u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra,
biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), kien iffirmat fi Brussell fis-17 ta’ Lulju 1995. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.
(2)Ir-Repubblika tal-Kroazja saret Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013.
(3)F’konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim għandu jkun hemm qbil dwarha permezz ta’ protokoll mal-Ftehim (minn hawn ’il quddiem "il-Protokoll"). Skont il-proċedura simplifikata, għandu jiġi konkluż protokoll bejn il-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiż terz ikkonċernat.
(4)Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. In-negozjati mar-Repubblika tat-Tuneżija kienu konklużi b’suċċess fil-11 ta’ Mejju 2018.
(5)Jenħtieġ għalhekk li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.
(6)Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju sakemm tasal id-data ta’ dħul fis-seħħ tiegħu, skont l-Artikolu 7(3) tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.
It-test tal-Protokoll huwa anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri.
Artikolu 3
Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, skont l-Artikolu 7(3) tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President