52010PC0205

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha). /* KUMM/2010/0205 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 6.5.2010

KUMM(2010)205 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-użu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (l-applikazzjoni EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha).

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[1] jippermetti li jintuża l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli li japplikaw għall-kontribuzzjonijiet mill-EGF huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fid-9 ta' Ottubru 2009, Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF u dan wara li ngħataw 585 sensja f'36 intrapriża li joperaw fis-settur tad-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta' prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifatura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') fir-reġjun tan-NUTS II Castilla-La Mancha (ES42) fi Spanja.

Wara analiżi fil-fond ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta ewlenija: |

In-numru ta' referenza tal-EGF: | EGF/2009/20 |

Stat Membru: | Spanja |

Id-data tal-applikazzjoni: | id-9 ta’ Ottubru 2009 |

L-Artikolu 2: | b |

Ir-reġjun tan-NUTS II: | Castilla-La Mancha [ES42] |

Id-diviżjoni tan-NACE (ir-reviżjoni 2)[3]: | Id-Diviżjoni 16 ('Manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, għajr għamara; manifattura ta’ oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') |

Perjodu ta’ referenza: | 01.11.2008-31.07.2009 |

Intrapriżi milquta: | 36 |

Sensji mogħtija tul il-perjodu ta' referenza, li minnhom: | 585 |

ikkalkulati skont sensji individwali | 585 |

ikkalkulati skont it-terminazzjoni facto tal-kuntratt | 0 |

ikkalkulati skont in-notifika lill-awtoritajiet pubbliċi tas-sensji kollettivi ppjanati | 0 |

Ħaddiema mogħtija s-sensja li jridu jintlaħqu għall-għoti tas-sostenn | 557 |

Il-jum li fih jinbdew is-servizzi personalizzati | l-4 ta’ Jannar 2010 |

Servizzi personalizzati (baġit f'EUR) | 2 843 950 |

Nefqa amministrattiva (baġit f'EUR) | 156 050 |

nefqa amministrattiva f'% | 5,2 |

Baġit totali f'EUR | 3 000 000 |

Kontribuzzjoni mill-EGF f'EUR (65 % tal-baġit totali): | 1 950 000 |

1. L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fit-9 ta’ Ottubru 2009 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sat-22 ta’ Frar 2010.

2. L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' intervent mill-EGF kif stipulat fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fil-limitu ta' żmien ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali madwar id-dinja dovuti għall-globalizzazzjoni jew il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali

3. Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, Spanja targumenta li s-settur tal-kostruzzjoni kien wieħed milqut tassew ħażin mill-kriżi. Il-kollass tas-suq tal-kreditu subprime fl-Istati Uniti, b'konsegwenzi negattivi kbar għall-banek u s-swieq finanzjarji madwar id-dinja, wassal direttament għal tnaqqis tal-bażi kapitali ta' istituzzjonijiet finanzjarji, hekk li bosta minnhom spiċċaw inqas disponibbli li jsellfu u ħafna aktar kawti. Għaldaqstant is-self lis-settur tal-kostruzzjoni jew lil individwi tnaqqas drastikament u d-domanda għal djar ġodda naqset kawża ta' tnaqqis fil-fiduċja tal-konsuamturi u n-nuqqas ta' flus. Fi Spanja, ngħidu aħna, l-għadd ta' krediti niżel minn medja fix-xahar ta' bejn il-140 000 u l-180 000 (mill-bidu tal-2006 sa nofs l-2007) għal medja fix-xahar ta' 80 000 (f'nofs l-2009).

4. Fil-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku[4] tagħha, il-Kummissjoni għarfet li kawża tal-kriżi l-industrija tal-kostruzzjoni fl-UE rat tisbita fid-domanda. Dejta aktar riċenti[5] tikkonferma d-deterjorament sinifikanti fis-settur tal-kostruzzjoni, li naqas bi 13,4 % fl-UE27 fl-ewwel tliet xhur tal-2009 meta mqabbel mas-sena preċedenti, l-aktar minħabba t-tnaqqis fl-investiment privat fis-settur residenzjali. Id-domanda għall-bibien u l-qafas tal-bibien hija marbuta mill-qrib mad-domanda fis-settur tal-kostruzzjoni, li hija influwenzata mill-għadd ta' binjiet ġodda u d-domanda għar-rinovvamenti u t-titjib (dar medja teħtieġ għaxar bibien). L-għadd ta' permessi tal-bini maħruġa fi Spanja naqas bi 15 % fl-2007 u b'57 % fl-2008. Dan it-tnaqqis fid-domanda għandu impatt negattiv qawwi fuq l-impjiegi fis-settur tal-kostruzzjoni u fl-industriji anċillari bħal tal-injam għal ġewwa, il-materjal tal-bini, l-għamara, eċċ.

Ix-xhieda tal-għadd ta’ sensji u konfomità mal-kriterji tal-Artikolu 2(b)

5. Spanja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li jitlob li jkun hemm mill-anqas 500 sensja fuq perjodu ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess diviżjoni tar-reviżjoni 2 tan-NACE f'reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi fil-livell tan-NUTS II fi Stat Membru.

6. L-applikazzjoni ssemmi 585 sensja f'36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifatura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') fir-reġjun tan-NUTS II Castilla-La Mancha (ES42) fi Spanja matul il-perjodu ta' referenza ta' disa' xhur mill-1 ta' Novembru 2008 sal-31 ta' Lulju 2009. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawn is-sensji

7. L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li l-kriżi finanzjarja u ekonomika wasslet għall-kollass f'salt tal-ekonomija dinjija b’impatt enormi fuq diversi setturi u partikolarment fuq id-domanda għall-kostruzzjoni tal-bini. F'pajjiżi bħal Spanja, fejn ir-rata tat-tkabbir annwali tal-attività tal-kostruzzjoni kienet ogħla minn dik tal-medja Ewropea, kien diġà antiċipat deterjorament fl-attività tal-kostruzzjoni għat-terminu l-medju. Il-kumpaniji li joperaw fl-industriji anċillari, bħalma hi dik tal-produzzjoni tal-bibien, ma setgħux ikunu ppreparati għal waqgħa drastika fil-bejgħ ta' madwar 30 %[6] (unitajiet mibjugħa fl-2008 mqabblin mal-bejgħ tas-sena preċedenti). L-esportazzjonijiet (l-aktar lejn il-pajjiżi tal-UE) ukoll naqsu b'19 % tul l-istess perjodu. Barra minn dan, qabel il-kriżi, tal-anqas nofs il-manifatturi tal-bibien Spanjoli[7] kienu għamlu investimenti sinifikanti sabiex iżidu l-kapaċità tagħhom ta' produzzjoni (impjanti ġodda ta' produzzjoni u makkinarju ġdid). Huma investew ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp. Dawn l-investimenti kienu jitħallew għal iktar tard kieku s-settur seta' jipprevedi l-kriżi.

L-identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema għandha tingħatalhom l-assistenza

8. L-applikazzjoni ssemmi 585 sensja (li minnhom 557 huma fil-mira tal-assistenza) fis-36 intrapriża li ġejjin:

Intrapriżi u l-għadd ta' sensji |

ACI- MANCHA CORCHOS, S.A. | 1 | INDUSTRIA DE LA MADERA INDEMA, S.L. | 1 |

ARPUBLOCK, S.L. | 6 | INDUSTRIAS LOSAN, S.A. | 1 |

ARTEMA PUERTAS, S.A. | 32 | MADERAS VILLACAÑAS S.A. | 62 |

ASERYMOL, S.L. | 1 | MUEBLES Y CARPINTERIA MANCHEGA, S.L. | 1 |

BARNIZADOS TECNICOS MANCHEGOS, S.L. | 3 | PUERTAS ARTEVI, S.A. | 97 |

BRICO BLOCK S.A. | 34 | PUERTAS DIMARA, S.A. | 2 |

CARPIMAN CRIPTANA, S.L. | 3 | PUERTAS DOCAVI, S.A. | 122 |

CARPINTERIA Y EBANISTERIA GOMEZ, S.L. | 1 | PUERTAS EURODOOR, S.A.L. | 6 |

CERMOLCA, S.L. | 3 | PUERTAS MAYSER 2000, S.L. | 42 |

CERMOTEC, S.L. | 2 | PUERTAS PROMA, S.A. | 24 |

DECORACIONES Y COMPLEMENTOS EL ROMERAL | 1 | PUERTAS SALMAR, S.A. | 1 |

DERMACO, S.L. | 3 | PUERTAS SANRAFAEL, S.A. | 1 |

DH PROYECTOS DE DECORACION MOBILIARIO | 1 | PUERTAS TEMBLEQUE, S.L. | 1 |

EUROARMABI, S.A. | 1 | SISTEMAS FERMA, S.L. | 1 |

EUROREVERSE PUERTAS S.L. | 1 | TERMINACIONES EN MADERA LEYMA, S.L. | 1 |

EXPOSTAND CRIPTANA S.L. | 1 | TOLEDANA DEL BLOCK, S.A.L. | 3 |

GUILLÉN INDUSTRIAS DE LA MADERA, S.A. | 3 | UNIARTE S.A. | 3 |

HERMANOS ALCOLADO PATIÑO, S.L. | 1 | VISEL PUERTAS, S.A. | 118 |

It-Total ta' Intrapriżi: 36 | It-Total ta' Sensji: 585 |

9. Ir-rendikont tal-557 ħaddiem fil-mira tal-assistenza huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Irġiel | 462 | 82,94 |

Nisa | 95 | 17,06 |

Ċittadini tal-UE | 551 | 98,92 |

Mhux ċittadini tal-UE | 6 | 1,08 |

15 sa 24 sena | 41 | 7,36 |

25 sa 54 sena | 465 | 83,48 |

55 sa 64 sena | 50 | 8,98 |

’Il fuq minn 65 sena | 1 | 0,18 |

10. Ħaddiem wieħed fil-mira tal-assistenza għandu bżonnijiet speċjali.

11. F'termini ta' kategoriji professjonali, ir-rendikont huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Professjonisti | 2 | 0,36 |

Tekniċi u professjonisti assoċjati | 3 | 0,54 |

Skrivani | 18 | 3,23 |

Ħaddiema tas-servizz | 1 | 0,18 |

Ħaddiema tas-snajja' u tal-kummerċ relatat | 110 | 20,10 |

Operaturi tal-impjanti u tal-magni | 207 | 37,17 |

Xogħlijiet elementari | 216 | 38,42 |

12. F'termini ta' livell edukattiv[8], ir-rendikont huwa kif ġej:

Kategorija | Għadd | Perċentwali |

Edukazzjoni bażika (sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja) | 300 | 53,86 |

Edukazzjoni sekondarja ogħla | 41 | 7,36 |

Edukazzjoni postsekondarja, mhux terzjarja | 13 | 2,22 |

Edukazzjoni terzjarja | 7 | 1,26 |

Mhux edukati jew li ħallew l-iskola kmieni | 196 | 35,19 |

13. Meta jitqiesu l-585 ħaddiem ssensjati, jistgħu jinstabu perċentwali simili.

14. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Spanja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-EGF u, b'mod partikolari, għall-aċċess għalih..

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u l-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

15. It-territorju kkonċernat mis-sensji hu fi ħdan ir-reġjun NUTS II ta' Castilla-La Mancha, reġjun b'densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna (25,7 abitant kull km2 filwaqt li l-medja nazzjonali hi ta' 91,2 abitant kull km2 meta l-medja tal-UE hija ta' 112 abitant kull km2). Dan ir-reġjun jiġbor fih 3,4 % tal-PGD Spanjol u hu r-reġjun bit-tieni dħul per capita l-iktar baxx (76,9% tal-medja nazzjonali). Il-mudell tan-negozju f'Castilla-La Mancha hu primarjament l-SMEs tat-tip tal-familja; 99,94 % tal-intrapriżi jaqgħu f'din il-kategorija. Id-distribuzzjoni tal-intrapriżi skont is-settur hija ta' 60 % servizzi, 17 % industrija, 14 % kostruzzjoni u 9 % agrikoltura.

16. Il-partijiet interessati ewlenin huma l-Junta de Comunidades de Castilla-La Mancha (il-gvern awtonomu ta' Castilla-La Mancha), Delegado Provincial de la Consejería de Trabajo y Empleo en Toledo (l-awtorità lokali tax-xogħol tal-provinċja rilevanti), it-trade unions: MCA-UGT u FECOMA-CCOO[9], il-Federazzjoni tal-Intrapriżi tal-Ekonomija Soċjali tar-reġjun awtonomu ta' Castilla-La Mancha (FECMES) u l-assoċjazzjoni reġjonali tal-manifatturi tal-bibien u prodotti oħra tal-injam (AFAP).

L-impatt mistenni tat-telf tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

17. F'Castilla-La Mancha l-għadd ta' ħaddiema qiegħda reġistrati kważi żdied b'erba' darbiet aktar fl-aħħar sentejn, hekk li żdied minn 3 701 fl-2007 għal 13 857 fl-2009.

18. Spanja hija t-tieni produttur l-aktar importanti tal-bibien tal-injam fl-UE (65 intrapriża u 12-il miljun unità prodotta fl-2006). 16 minn dawn l-intrapriżi, li jirrappreżentaw aktar minn 50% tal-produzzjoni Spanjola totali, jinsabu f'Castilla-La Mancha. 93% tas-sensji koperti minn din l-applikazzjoni huma kkonċentrati f'żewġ muniċipalitajiet żgħar fil-provinċja ta' Toledo: Villacañas (10 310 abitant) u Villa de Don Fadrique (4 065 abitant), fejn l-industrija (primarjament produzzjoni tal-bibien tal-injam) tirrappreżenta 70 % tal-impjiegi totali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-sensji jistgħu jidhru li għandhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali u reġjonali.

19. Iż-żona ssoffri mill-problema addizzjonali tad-depopolazzjoni u kemm-il darba kellha diffikulatjiet biex tipprova ssaħħaħ is-sens ta' appartenenza min-naħa tal-popolazzjoni għat-territorju, u allura s-sensji jista' wkoll ikollhom impatt ferm negattiv fuq it-territorju.

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u rendikont tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà tal-pakkett mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

20. Il-miżuri kollha li ġejjin jikkombinaw flimkien biex jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati mmirati biex jirriintegraw lill-ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

21. Monitoraġġ u Gwida dwar ix-Xogħol: L-ewwel miżura pprovduta għall-557 parteċipant kollha tikkonċerna t-tfassil tal-profil tal-ħaddiema. Il-gwida pproduta tinkludi informazzjoni dwar l-impjiegi disponibbli, dwar ir-rekwiżiti ta' ħiliet u ta' taħriġ, dwar programmi ta' taħriġ u skemi ta' taħriġ disponibbli.

22. Assistenza intensiva fit-tiftix għax-xogħol : Dan għandu jinvolvi tiftix fil-fond għax-xogħol, kemm dak passiv kif ukoll attiv tal-opportunitajiet lokali u reġjonali ta' xogħol.

23. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid: Din il-miżura għandha tinkludi stima tal-ħtiġijiet ta' taħriġ tal-ħaddiema kkonċernati, u tat-taħriġ tagħhom f'setturi fejn l-opportunitajiet jeżistu jew għad jiġu. It-taħriġ għandu jikkonsisti f'korsijiet qosra (ta' madwar 50 siegħa) b'kontenut għoli ta' prattika. Hu stmat li 500 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura.

24. Taħriġ għal kwalifika professjonali : Ippjanata bħala miżura għal taħriġ fit-tul (madwar 12-il xahar), din se tkun tikkonsisti f'sett ta' korsijiet iffukati fuq l-għoti ta' kwlaifika ġdida u professjonali biċ-ċertifikat. Hu stmat li 90 ħaddiem se jibbenefikaw minn din il-miżura.

25. Promozzjoni tal-intraprenditorija : Se jkunu pprovduti attivitajiet speċifiċi ta' taħriġ lil dawk il-ħaddiema li jixtiequ jibdew negozju għalihom. Dan għandu jkopri elementi bħalma huma l-ippjanar, it-twettiq ta' studji ta' fattibbiltà, it-tħejjija ta' pjanijiet għan-negozju u ta' kif tieħu self. Minn din il-miżura se jibbenefikaw madwar 10% tal-ħaddiema li jridu jintlaħqu.

26. Workshops ta' taħriġ ikkumbinati max-xogħol: Il-parteċipanti f'din il-miżura għandhom jikkumbinaw ix-xogħol bħala apprendist (25 siegħa fil-ġimgħa) mat-taħriġ (10 sigħat oħra fil-ġimgħa). Il-ħaddiema, wara li jkunu tħarrġu f'ħiliet professjonali ġodda, se jingħataw l-opportunità li jiksbu esperjenza ta' xogħol permezz ta' kuntratt part-time bħala apprendisti. L-apprendisti se jirċievu l-paga minima Spanjola aġġustata proporzjonalment għall-ħin li jkunu ħadmu.

27. Inċentiv għall-parteċipazzjoni : Biex tiġi inkoraġġita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri, il-ħaddiema se jirċievu somma ta' EUR 250 bil-kundizzjoni li jipparteċipaw fil-miżuri inklużi fil-pakkett tal-EGF.

28. Benefiċċju għall-mobbiltà: Dawk il-ħaddiema li jipparteċipaw f'miżura li sseħħ barra mill-muniċipalità ta' residenza tagħhom se jirċievu benefiċċju għall-mobbiltà ta' mhux iktar minn EUR 10 kuljum u ta' mhux iktar minn EUR 150 kull ħaddiem, u dan bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tagħhom tal-ivvjaġġar.

29. Inċentivi għall-outplacement : Se jitħallas sussidju f'paga ta' EUR 350 fix-xahar għal massimu ta' sitt (6) xhur lil dawk il-ħaddiema li jerġgħu jsibu xogħol kemm-il darba jiġi ffirmat kuntratt (jew kuntratti) tax-xogħol fi żmien sitt xhur wara li jidħlu bħala parteċipanti f'dan il-pakkett ta' miżuri kofinanzjat mill-EGF. Is-sussidju hu maħsub biex jinkoraġġixxi r-riintegrazzjoni fil-pront fis-suq tax-xogħol u biex tistimula l-ħaddiema, partikolarment dawk li huma mdaħħlin fl-età, biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Dan se jingħata ladarba ħaddiem ikun akkumula 30 jum ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

30. Inċentivi ta' outplacement għal min jaħdem għal rasu : Dawk li jaħdmu għal rashom, li jkunu bdew negozju fi żmien sitt xhur wara li jkunu ssieħbu bħala parteiċpanti f'dan il-pakkett ta' miżuri kofinanzjati mill-EGF, se jirċievu EUR 350 fix-xahar għal massimu ta' sitt xhur ladarba jkunu akkumulaw 30 jum ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew ħaddmu n-negozju għal 30 jum. Dan l-inċentiv hu maħsub biex isostni dawk li jkunu bdew in-negozji tagħhom tul l-ewwel xhur wara l-ftuħ tagħhom.

31. Sostenn għal min jiftaħ negozju : Il-ħaddiema li jibdew negozju għalihom se jirċievu s-somma ta' EUR 3 000 biex ikopru l-ispejjeż tal-bidu, u dan sakemm ma jkunux diġà rċevew xi kontribuzzjonii li jkun qed joffri r-reġjun ta' Castilla-La Mancha għall-istess skop.

32. L-inċentiv "Lura l-iskola": Meta titqies l-età bikrija ta' bosta mill-ħaddiema li jridu jingħataw l-assistenza u l-livelli tant baxxi ta' edukazzjoni li għandhom, u bil-għan li jitħeġġu biex ilestu l-edukazzjoni obbligatorja jew biex jidħlu għal studji sekondarji jew terzjarji, il-ħaddiema se jirċievu s-somma ta' EUR 300 wara li jkunu għaddew mill-eżami finali uffiċjali fi tmiem l-edukazzjoni obbligatorja jew somma totali ta' EUR 1 500 wara li jlestu sena ta' skola sekondarja ogħla (bachillerato jew formación profesional de grado medio), jew edukazzjoni terzjarja (formación profesional de grado superior jew enseñanzas universitarias de primer o segundo ciclo).

33. Kontribut għall-ispejjeż ta' bidla fir-residenza: Dawk il-ħaddiema li jaċċettaw impjieg li jinvolvi bidla fir-residenza se jirċievu somma ta' EUR 2 100 biex tkopri l-ispiża neċessarja.

34. Sostenn għall-indukrar tat-tfal: Il-ħaddiema bi tfal dipendenti, li jipparteċipaw f'miżuri jew li jidħlu għal impjieg ġdid jistgħu japplikaw għal rimbors ta' 50 % (sa EUR 300) għall-ispejjeż marbuta mal-indukrar tat-tfal (ċentri għall-indukrar tat-tfal, indokraturi jew canteens tal-iskola) u dan sa sitt xhur. Din il-miżura hi maħsuba biex tkopri l-ispejjeż addizzjonali li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn taħriġ jew miżuri oħrajn jew wara li jibu xogħol. Hu stmat li 350 ħaddiem jixtiequ jibbenefikaw minn din il-miżura.

35. In-nefqa amministrattiva, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri attivitajiet ta' tħejjija, ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll l-informazzjoni u l-pubbliċità.

36. Is-servizzi personalizzati mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli huma miżuri għal suq tax-xogħol attiv li jaqgħu fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Spanjoli jistmaw li l-ispejjeż totali ta’ dawn is-servizzi huma ta’ EUR 2 843 950 u li l-ispiża amministrattiva hija ta' EUR 156 050 (= 5,2 % tal-ammont totali). Din il-perċentwali hija kemxejn ogħla min-normal u dan minħabba l-inklużjoni ta' studju, fost il-miżuri ta' tħejjija li qed jittieħdu, dwar il-qagħda ekonomika lokali u l-opportunitajiet alternattivi ta' xogħol fiż-żona affettwata u li hu stmat li jiswa EUR 41 050, bil-għan li jagħmel il-miżuri għal tiftix ta' taħriġ u ta' xogħol aktar effettivi. Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-EGF hija ta’ EUR 1 950 000 (65 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet | L-għadd stmat ta’ ħaddiema immirati | L-ispiża stmata għal kull ħaddiem immirat (f'EUR) | Spejjeż totali f'EUR (EGF u l-kofinanzjament nazzjonali) |

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

1. Monitoraġġ u gwida dwar ix-xogħol (għall-impjegati) (Orientación y asesoramiento laboral para la inserción por cuenta ajena) | 500 | 780 | 390 000 |

2. Monitoraġġ u gwida dwar ix-xogħol (għal min jiftaħ għal rasu) (Orientación y asesoramiento laboral. Programa de autoempleo) | 57 | 600 | 34 200 |

3. Assistenza intensiva fit-tiftix għax-xogħol (Intermediación y gestión laboral) | 500 | 800 | 400 000 |

4. Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (Formación para la activación laboral) | 500 | 1 210 | 605 000 |

5. Taħriġ għal kwalifika professjonali (Programa para la recualificación profesional –formación de larga duración-) | 90 | 4 000 | 360 000 |

6. Promozzjoni tal-intraprenditorija (Formación en autoempleo) | 57 | 3 000 | 171 000 |

7. Workshops ta' taħriġ ikkumbinati max-xogħol (Módulos de formación en alternancia con el trabajo) | 16 | 12 500 | 200 000 |

8. Inċentiv għall-parteċipazzjoni (Incentivos para la participación activa) | 557 | 250 | 139 250 |

9. Benefiċċji għall-mobilità (Becas de desplazamiento) | 400 | 150 | 60 000 |

10. Inċentivi għall-outplacement (Incentivos para la reinserción laboral) | 75 | 2 100 | 157 500 |

11. Inċentivi għall-outplacement (għal min jiftaħ għal rasu) (Incentivos para el fomento del autoempleo) | 20 | 2 100 | 42 000 |

12. Sostenn għal min jiftaħ negozju (Incentivo para la cobertura de gastos de establecimiento | 20 | 3 000 | 60 000 |

13. L-inċentiv "Lura l-iskola" (Incentivo de retorno a las aulas) | 120 | 900 | 108 000 |

14. Kontribut għall-ispejjeż ta' bidla fir-residenza (Incentivos a la movilidad geográfica) | 30 | 2 100 | 63 000 |

15. Sostenn għall-indukrar tat-tfal (Incentivo para la conciliación) | 30 | 1 800 | 54 000 |

Subtotal tas-servizzi personalizzati | 2 843 950 |

Assistenza teknika għall-implimentazzjoni tal-EGF (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) |

Preparatorja | 63 050 |

Il-ġestjoni | 55 000 |

Informazzjoni u pubbliċità | 15 000 |

Attivitajiet ta' kontroll | 23 000 |

Subtotal tan-nefqa amministrattiva | 156 050 |

Stima tal-ispejjeż kollha | 3 000 000 |

Kontribuzzjoni tal-EGF (65 % tal-ispejjeż totali) | 1 950 000 |

37. Fir-rigward tal-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, l-awtoritajiet Spanjoli jikkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementari ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Għaldaqstant, biex nieħdu eżempju, il-miżura "Taħriġ ikkumbinat max-xogħol" se jibbenefikaw minnha ħaddiema li, minħabba l-età tagħhom, huma esklużi minn miżuri simili tal-ESF.

38. L-għajnuna tal-EGF se tkun immirata direttament biex ittaffi l-konsegwenzi tal-għadd kbir ta' sensji marbuta mal-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ta' bħalissa, filwaqt li s-sostenn mill-Fond Soċjali Ewropew (ESF) hu programmat u użat biex jiffinanzja miżuri ta' politika għal suq tax-xogħol attiv ippjanati għal perjodu ta' programmazzjoni fuq seba' snin. L-għanijiet ewlenin tal-programmi operazzjonali għall-2007-2013 tal-ESF għal Castilla-La Mancha huma li jippromwovu it-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema u biex inaqqsu r-rata tat-tluq minn kmieni mill-iskola, u dan b'mod li jiffukaw partikolarment fuq l-iktar persuni vulnerabbli jew dawk mhedda mill-esklużjoni soċjali.

Id-dati meta nbdew jew huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta

39. Fl-4 ta' Jannar 2010 Spanja bdiet tipprovdi servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta u li huma inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost għal kofinanzjament mill-EGF. Din id-data għalhekk tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista' tingħata mill-EGF.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

40. Waqt it-tħejjija tal-pakkett ikkoordinat ta' miżuri kienu kkonsultati l-imsieħba soċjali. L-applikazzjoni proposta ġiet diskussa f'laqgħa ta' tnedija li saret f'Ġunju 2009 kif ukoll f'bosta laqgħat li saru f'Settembru 2009 flimkien mal-imsieħba soċjali: Servicio Público de Empleo de Castilla-La Mancha-SEPECAM (servizzi pubbliċi għall-impjiegi tar-reġjun milqut), l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem (Asociación de Fabricantes de Puertas y Afines de Castilla-La Mancha –AFAP- u Federación Castellanomanchega de Empresas de Economía Social –FECMES-) it-trade unions prinċipali (FECOMA-CCOO u MCA-UGT[10]) u s-Sur Santiago García Aranda, is-Sindku ta' Villacañas, il-muniċipalità l-aktar milquta mis-sensji.

41. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi

42. Fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, fl-applikazzjoni tagħhom l-awtoritajiet Spanjoli:

43. ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi,

44. urew li l-azzjonijiet isostnu l-ħaddiema individwali u m’għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi,

45. ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija fil-punti 20 sa 22 hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

46. Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess entitajiet li jiġġestixxu u jikkontrollaw l-ESF. Id-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol tas-Servizzi Pubbliċi għall-Impjiegi ta' Castilla-La Mancha, li jissemma fil-programm operazzjonali reġjonali tal-ESF għal Castilla-La Mancha, se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

Finanzjament

47. Abbażi tal-applikazzjoni minn Spanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-EGF għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati huwa ta' EUR 1 950 000, li jirrappreżenta 65% tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat minn Spanja.

48. Meta jitqies li l-kontribuzzjoni massima possibbli mill-EGF stabbilita skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll l-ambitu tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tuża l-ammont totali msemmi hawn fuq mill-EGF, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

49. L-ammont ta' kontribuzzjoni finanzjarja propost se jħalli aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-EGF disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

50. Bit-tressiq ta' din il-proposta sabiex jiġi użat l-EGF, il-Kummissjoni qed tagħti bidu għall-proċedura trijaloga ssimplifikata, kif jitlob il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, bil-għan li jsir il-ftehim taż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit dwar il-ħtieġa li jiġi użat l-EGF u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta tal-mobilizzazzjoni, fil-livell politiku xieraq, biex tinforma lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit, tissejjaħ laqgħa trijaloga formali.

51. Il-Kummissjoni tippreżenta, separatment, talba ta' trasferiment sabiex iddaħħal fil-baġit għall-2010 approporjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament speċifiċi, kif jitlob il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/020 ES/Castilla-La Mancha).

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba[11], u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[13],

Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) kien ġie stabbilit biex jipprovdi sostenn addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati konsegwenza ta' bidliet strutturali ewlenin fl-andament tal-kummerċ dinji, u sabiex jgħinhom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) L-ambitu tal-EGF twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema ssensjati bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF fil-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4) Fid-9 ta' Ottubru 2009 Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-EGF fir-rigward ta' sensji mogħtija minn 36 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 16 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE ('Il-manifattura tal-injam u ta’ prodotti tal-injam u s-sufra, minbarra l-għamara; il-manifattura ta' oġġetti tat-tiben u materjal għall-immaljar') f'reġjun wieħed tan-NUTS II, Castilla-La Mancha (ES42) u kompliet issostni din l-applikazzjoni b'informazzjoni addizzjonali sat-22 ta' Frar 2010 . Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li jintuża l-ammont ta' EUR 1 950 000.

(5) Għaldaqstant għandu jiġi mmobilizzat l-EGF sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 950 000 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell/Strażburgu,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3] Ir-Regolament (KE) 1893/2006, 20.12.2006 (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1)

[4] Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku. COM(2008) 800

[5] DĠ Intrapriża: "Impact of the economic crisis on key sectors of the EU - The case of the manufacturing and construction industries"(http://ec.europa.eu/enterprise/policies/industrial-competitiveness/documents/index_en.htm)

[6] Sors : ANFPM (L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Spanjola għall-manifatturi tal-bibien tal-injam).

[7] Idem.

[8] Il-kategoriji huma msejsa fuq l-International Standard Classification of Education (ISCED-97)

[9] Federación Regional del Metal, Construcción y Afines de la Unión General de Trabajadores (MCA-UGT) u Federación Regional de Madera de Comisiones Obreras (FECOMA-CCOO).

[10] Federación Regional de Madera de Comisiones Obreras (FECOMA-CCOO) u Federación Regional del Metal, Construcción y Afines de la Unión General de Trabajadores (MCA-UGT)

[11] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[12] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[13] ĠU C [...], [...], p. [...].