28.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 437/182


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/2232

tat-22 ta’ Diċembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ skont il-Ftehim u dwar lista ta’ riżerva ta’ persuni li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-Unjoni ta’ bord ta’ arbitraġġ skont il-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) fit-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Skont l-Artikolu 171(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Arikolu 164 tal- Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Kumitat Konġunt ”) irid jistabbilixxi, sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ. Il-Kumitat Konġunt għandu jiżgura li l-lista tkun konformi mar-rekwiżiti fi kwalunkwe mument.

(3)

Skont l-Artikolu 171(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-lista għandha tikkonsisti biss minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom, li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra tal-ogħla kariga ġudizzjarja fil-pajjizi rispettivi tagħhom jew li jkunu ġurikonsulti ta’ kompetenza rikonoxxuta, u li jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali pubbliku. Il-lista ma għandhiex tinkludi persuni li jkunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-gvern ta’ xi Stat Membru, jew tal-gvern tar-Renju Unit.

(4)

L-Unjoni u r-Renju Unit ipproponew b’mod konġunt ħames persuni għall-pożizzjoni ta’ president tal-bord ta’ arbitraġġ, u pproponew għaxar persuni kull wieħed għall-kariga ta’ membru tal-bord ta’ arbitraġġ,

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt.

(6)

Huwa xieraq ukoll li jiġi stabbilit grupp ta’ riżerva ta’ esperti li huma lesti u kapaċi jservu bħala arbitri skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ u li jistgħu jiġu kkuntattjati sabiex il-lista ta’ 25 persuna tinżamm aġġornata min-naħa tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Komitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ għandha tkun:

(a)

ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni; u

(b)

li jingħata appoġġ għall-idea li mal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tiġi mehmuża nota li tistabbilixxi l-proċeduri biex ikunu nominati fil-futur il-presidenti fil-lista ta’ presidenti għall-bord ta’ arbitraġġ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Lista ta’ riżerva ta’ persuni li jistgħu jiġu proposti mill-Unjoni fil-futur biex jimlew il-postijiet battala fil-lista ta’ 25 persuna msemmija fl-Artikolu 1, hija stabbilita kif stipulat fl-Anness.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI NRU …/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ …

li tistabbilixxi lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ skont il-Ftehim

Il-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 171(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 171(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Kumitat Konġunt għandu, sa mhux aktar tard minn tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit skont dan il-Ftehim, jistabbilixxi lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ,

(2)

Skont l-Artikolu 171(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, Il-lista għandha tikkonsisti biss minn persuni li ma jkun hemm l-ebda dubju dwar l-indipendenza tagħhom, li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra tal-ogħla kariga ġudizzjarja fil-pajjiżi rispettivi tagħhom jew li jkunu ġurikonsulti ta’ kompetenza rikonoxxuta, u li jkollhom għarfien speċjalizzat jew esperjenza tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali pubbliku. Dawn il persuni ma għandhomx ikunu membri, uffiċjali jew aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-gvern ta’ Stat Membru, jew tal-gvern tar-Renju Unit,

(3)

Fid-dawl tal-proposta konġunta mill-Unjoni u r-Renju Unit ta’ ħames persuni għall-funzjoni ta’ president tal-bord ta’ arbitraġġ, u l-proposti rispettivi mill-Unjoni u mir-Renju Unit ta’ 10 persuni kull wieħed għall-funzjoni ta’ membri tal-bord ta’ arbitraġġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ 25 persuna lesti u kapaċi jservu bħala arbitri skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


ANNESS I

għad-Deċiżjoni Nru …/2020 tal-Kumitat Konġunt

Presidenti għall-Bord tal-Arbitraġġ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

 

Is-Sa Corinna WISSELS

 

Is-Sa Angelika Helene Anna NUSSBERGER

 

Is-Sur Jan KLUCKA

 

Sir Daniel BETHLEHEM

 

Is-Sa Gabrielle KAUFMANN-KOHLER

Membri ordinarji għall-Bord tal-Arbitraġġ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

 

L-UE:

 

Is-Sur Hubert LEGAL

 

Is-Sa Helena JÄDERBLOM

 

Is-Sa Ursula KIREBAUM

 

Is-Sur Jan WOUTERS

 

Is-Sur Christoph Walter HERRMANN

 

Is-Sur Javier DIEZ-HOCHLEITNER

 

Is-Sa Alice GUIMARAES-PUROKOSKI

 

Is-Sur Barry DOHERTY

 

Is-Sa Tamara ĆAPETA

 

Is-Sur Nico SCHRIJVER

 

Ir-Renju Unit:

 

Sir Gerald BARLING

 

Sir Christopher BELLAMY

 

Is-Sur Zachary DOUGLAS

 

Sir Patrick ELIAS

 

Dame Elizabeth GLOSTER

 

Sir Peter GROSS

 

Is-Sur Toby LANDAU QC

 

Is-Sur Dan SAROOSHI QC

 

Is-Sa Jemima STRATFORD QC

 

Sir Michael WOOD

ABBOZZ TA’ NOTA BIEX TINHEMEŻ MAL-MINUTI TAL-LAQGĦA TAL-WAJC, XX TA’ DIĊEMBRU 2020, LI TISTABBILIXXI L-PROĊEDURI BIEX IKUNU NOMINATI FIL-FUTUR IL-PRESIDENTI FIL-LISTA TA’ PRESIDENTI GĦALL-BORD TA’ ARBITRAĠĠ TAL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ

Il-Kumitat Konġunt illum adotta l-lista ta’ 25 persuna li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri ta’ bord ta’ arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 171 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-Partijiet ifakkru li l-ħames persuna fil-lista ta’ presidenti ntgħażlet wara tlugħ bix-xorti li sar fid-9 ta’ Diċembru 2020 fil-preżenza ta’ rappreżentanti taż-żewġ Partijiet.

Biex jiġi żgurat bilanċ matul iż-żmien, jenħtieġ li tapplika rotazzjoni li biha meta pożizzjoni okkupata minn president ippreżentat mill-Parti li l-kandidati tagħha jokkupaw tliet postijiet fil-lista ta’ ħamsa ssir vakanti, il-Parti l-oħra tippreżenta tliet kandidati li minnhom l-ewwel Parti tagħżel, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, president biex jimla dak il-post vakanti.

Jekk pożizzjoni okkupata minn president ippreżentat mill-Parti li l-kandidati tagħha jokkupaw żewġ postijiet fil-lista ta’ ħamsa ssir vakanti, ma jkun hemm l-ebda rotazzjoni u dik il-Parti tippreżenta tliet kandidati li minnhom il-Parti l-oħra tagħżel, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, president biex jimla dak il-post vakanti.

Għaldaqstant, fl-ebda ħin il-lista ta’ presidenti ma jkollha inqas minn żewġ presidenti fiha li jkunu ġew ippreżentati minn kull Parti.

Wara kull sostituzzjoni kif stabbilit hawn fuq, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jemenda l-lista ta’ 25 persuna b’deċiżjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 171 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

F’kull każ, il-Kumitat Konġunt ser jirrieżamina l-lista ta’ 25 persuna sentejn mid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt adottata llum. Il-Partijiet ser jagħmlu ħilithom kollha biex jipproponu b’mod konġunt lista ta’ ħames presidenti matul dan ir-rieżami, kif stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ. Jenħtieġ li din il-lista tieħu post il-lista preċedenti mhux aktar tard minn sitt xhur mill-bidu tar-rieżami.

Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil dwar il-ħames president matul il-proċess ta’ rieżami, il-Parti li l-kandidati tagħha jokkupaw żewġ postijiet fil-lista ta’ ħamsa f’dak il-mument tippreżenta tliet kandidati li minnhom il-Parti l-oħra tagħżel, fi żmien tlett ijiem, president biex jimla dan il-post fil-lista. Wara l-proċess ta’ rieżami, jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jemenda l-lista ta’ 25 persuna permezz ta’ Deċiżjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 171 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

Il-kandidati kollha proposti minn Parti għall-għażla mill-Parti l-oħra skont il-proċedura stabbilita f’din in-Nota jridu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 171 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u, jekk Parti raġonevolment tqis li dan mhuwiex il-każ, hija tirriżerva d-dritt li toġġezzjona għall-inklużjoni jew il-ħatra ta’ tali kandidat.


ANNESS

Lista ta’ riżerva ta’ kandidati li huma lesti u kapaċi jservu bħala membri tal-Unjoni ta’ bord ta’ arbitraġġ skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ

Is-Sur Myron NICOLATOS

Is-Sur Ezio PERILLO

Is-Sur Vilenas VADAPALAS

Is-Sur Andreas MÜLLER

Is-Sur Pierre d’ARGENT

Is-Sur Radostin Georgiev PETROV

Is-Sur Costas CLERIDES

Is-Sur Antonin MOKRY

Is-Sur Carri GINTER

Is-Sur Nikolaos MARKOPOULOS

Is-Sur Jukka SNELL

Is-Sur János MARTONYI

Is-Sa Alessandra PIETROBON

Is-Sur Ignas VEGELE

Is-Sa Anita KOVALEVSKA

Is-Sur Kaj I. HOBER

Is-Sur Matej AVBELJ