IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.11.2025
COM(2025) 658 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti għas-snin 2022–2023
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.11.2025
COM(2025) 658 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti għas-snin 2022–2023
Kontenut
SOMMARJU
1 SFOND
2 FAĊILITAJIET TAL-IRRADJAZZJONI APPROVATI
3 RIŻULTATI TAL-VERIFIKI MWETTQA FIL-FAĊILITAJIET TAL-IRRADJAZZJONI FL-2022–2023
4 RIŻULTATI TAL-VERIFIKI FIL-FAŻI TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI TAL-PRODOTT
SOMMARJU
Skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 1 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tijonizza, kull sena l-Istati Membri jeħtiġilhom jibagħtu lill-Kummissjoni:
– ir-riżultati tal-verifiki mwettqa fil-faċilitajiet tal-irradjazzjoni jonizzanti, inkluż il-kategoriji u l-kwantitajiet tal-oġġetti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti u d-dożi amministrati, u
– ir-riżultati tal-verifiki mwettqa fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.
L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rapport dwar l-informazzjoni pprovduta kull sena mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.
Dan ir-rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Fih ġabra tal-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri tal-UE u mill-Irlanda ta’ Fuq.
Tliet Stati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA ma ssottomettewx data fl-2022 u fl-2023.
Perjodu: 1/1/2022 – 31/12/2023
Il-pajjiżi kkonċernati: l-Istati Membri tal-UE u l-Irlanda ta’ Fuq
Faċilitajiet tal-irradjazzjoni:
– L-għadd ta’ pajjiżi b’faċilitajiet approvati: 13-il Stat Membru u n-Norveġja
– L-għadd ta’ faċilitajiet approvati: 23
– L-għadd ta’ faċilitajiet magħluqa: 0
– L-għadd ta’ pajjiżi li jużaw l-irradjazzjoni: 10 Stati Membri
Data dwar it-trattamenti:
– Il-kwantità ta’ prodotti ttrattati: 4198,2 tunnellata (-16,5 % meta mqabbel mal-2020-2021)
– Il-komoditajiet ewlenin ittrattati: “Koxox taż-żrinġijiet iffriżati” (70,31 %), “Ħxejjex aromatiċi mnixxfa, ħwawar u taħwir tal-ħxejjex” (27,62 %) u “Laħam tal-pollam irkuprat mekkanikament” (2,07 %).
– Il-post ewlieni tal-irradjazzjoni: il-Belġju (69,9 %)
Verifiki fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni:
– L-għadd ta’ kampjuni analizzati: 7205
– L-għadd ta’ kampjuni mhux konformi: 51 (0,71 %)
– Il-komoditajiet ewlenin analizzati: “Ħxejjex aromatiċi u ħwawar” (46,97 %) “Ċereali, żrieragħ, ħxejjex, frott u l-prodotti tagħhom” (23,36 %)
1SFOND
L-irradjazzjoni tal-ikel hija t-trattament tal-oġġetti tal-ikel permezz ta’ ċertu tip ta’ enerġija radjanti magħrufa bħala radjazzjoni jonizzanti. L-enerġija radjanti għandha tul ta’ mewġ u gradi ta’ potenza differenti u tisparixxi meta jitneħħa s-sors tal-enerġija. L-irradjazzjoni tintuża għal skopijiet sanitarji u fitosanitarji biex toqtol il-batterji patoġeniċi (bħal Salmonella, Campylobacter u E. coli) li jistgħu jikkawżaw l-avvelenament mill-ikel u biex telimina l-organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti bħal insetti u pesti oħra. Tintuża wkoll biex tittardja s-sajran tal-frott, biex jitwaqqaf it-tinbit u l-ġerminazzjoni fil-ħaxix (bħall-basal u l-patata) u biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi estiża l-ħajja tal-oġġetti tal-ikel fuq l-ixkaffa. L-irradjazzjoni tal-ikel ma tistax tissostitwixxi l-immaniġġjar kif suppost tal-ikel. L-ikel irradjat xorta jeħtieġ refriġerazzjoni u tisjir xierqa qabel il-konsum meta jkun meħtieġ.
Il-qafas regolatorju tal-UE għall-irradjazzjoni tal-ikel (“id-direttivi dwar l-irradjazzjoni tal-ikel”) jikkonsisti minn:
– id-Direttiva 1999/2/KE (id-Direttiva Qafas dwar l-ilma). Din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u l-importazzjoni ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti.
– Id-Direttiva 1999/3/KE (Direttiva ta’ Implimentazzjoni) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ ikel u ta’ ingredjenti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti 2 . Bħalissa, din il-lista tinkludi kategorija waħda biss ta’ ikel: il-ħxejjex aromatiċi mnixxfa, ħwawar u taħwir tal-ħxejjex.
Barra minn hekk, il-lista ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel oħra li jistgħu jiġu ttrattati bir-radjazzjoni jonizzanti hija ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-ikel u l-ingredjenti tal-ikel jistgħu jiġu ttrattati bir-radjazzjoni jonizzanti biss f’faċilitajiet tal-irradjazzjoni approvati. Għall-faċilitajiet ibbażati fit-territorju tal-UE, l-approvazzjoni tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 1999/2/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-lista tal-faċilitajiet tal-irradjazzjoni approvati tagħhom. Din il-lista tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 3 .
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/2/KE, kwalunkwe ikel irradjat jew kwalunkwe ingredjent tal-ikel irradjat ta’ ikel kompost irid jiġi ttikkettat bil-kliem “irradjati” jew “trattati b’radjazzjoni li tijonizza”.
Biex tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-rekwiżit tat-tikkettar u jiġi identifikat l-ikel li seta’ ġie ttrattat illegalment bir-radjazzjoni jonizzanti, ġew standardizzati diversi metodi analitiċi mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN, European Committee for Standardisation).
2FAĊILITAJIET TAL-IRRADJAZZJONI APPROVATI
Fi tmiem il-perjodu ta’ rapportar (l-1 ta’ Jannar 2022 – il-31 ta’ Diċembru 2023), kien hemm 23 faċilità tal-irradjazzjoni approvati fl-UE, li kienu jinsabu fi 13-il Stat Membru: Franza (5), il-Ġermanja (5), il-Bulgarija (2), in-Netherlands (2), Spanja (1), il-Belġju (1), ir-Repubblika Ċeka (1), il-Kroazja (1), l-Estonja (1), l-Italja (1), l-Ungerija (1), il-Polonja (1) u r-Rumanija (1).
Minn dawk it-13-il Stat Membru mgħammra b’faċilitajiet tal-irradjazzjoni, tnejn ma irradjaw l-ebda oġġett tal-ikel matul il-perjodu 2022-2023 u wieħed ma ssottomettiex id-data.
3RIŻULTATI TAL-VERIFIKI MWETTQA FIL-FAĊILITAJIET TAL-IRRADJAZZJONI FL-2022–2023
Kwantità totali ta’ 4 198,2 tunnellata ta’ oġġetti tal-ikel ġew ittrattati bl-irradjazzjoni jonizzanti fl-Istati Membri tal-UE matul is-snin 2022 u 2023. It-trattament seħħ prinċipalment fil-Belġju, li ttratta 69,9 % tal-ikel irradjat tal-UE.
It-tliet komoditajiet ewlenin irradjati fl-UE kienu koxox taż-żrinġijiet (70,31 %) u ħxejjex aromatiċi mnixxfa, ħwawar u taħwir tal-ħxejjex (27,62 %) u l-laħam tal-pollam irkuprat mekkanikament (2,07 %).
L-Illustrazzjoni 1 turi d-distribuzzjoni tal-prodotti irradjati fil-faċilitajiet approvati fl-Istati Membri tal-UE fl-2022 u l-2023.
Illustazzjoni 1 — Distribuzzjoni, skont il-kategorija, tal-oġġetti tal-ikel irradjati fl-UE fl-2022–2023
Il-kwantitajiet ta’ oġġetti tal-ikel (f’tunnellati) ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti fl-UE ilhom jonqsu b’mod kumplessiv mill-2010, kif jidher fl-Illustrazzjoni 2.
Illustrazzjoni 2 — Kwantitajiet ta’ oġġetti tal-ikel ittrattati bir-radjazzjoni jonizzanti fi stabbilimenti tal-irradjazzjoni approvati fl-Unjoni Ewropea mill-2010
4RIŻULTATI TAL-VERIFIKI FIL-FAŻI TAL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI TAL-PRODOTT
Għall-perjodu 2022–2023, 7 205 kampjun ġew analizzati minn 20 Stat Membru tal-UE għad-detezzjoni ta’ oġġetti tal-ikel jonizzati fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni (inklużi oġġetti tal-ikel importati minn pajjiżi mhux tal-UE), jiġifieri b’mod kumplessiv 6 % inqas bħala medja milli fl-2020–2021. Id-data għal kull Stat Membru hija disponibbli fl-Anness II u spjegata fil-qosor fl-Illustrazzjoni 3.
Illustrazzjoni 3 – Kampjuni analizzati fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott f’kull Stat Membru fl-2022–2023
Erba’ Stati Membri ma wettqux verifiki analitiċi fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fl-2022–2023 minħabba nuqqas ta’ kapaċità tal-laboratorji (Ċipru u l-Greċja), restrizzjonijiet tal-persunal (l-Estonja) jew raġunijiet oħra (id-Danimarka).
Mit-total ta’ 7 205 kampjun analizzat, 51 ma kinux konformi (0,71 %) u 105 (1,46 %) ma wasslux għal riżultati konklużivi. In-nuqqasijiet ta’ konformità osservati kienu jikkonsistu l-aktar f’tikkettar skorrett u irradjazzjoni pprojbita. Il-perċentwal ta’ nuqqas ta’ konformità (0,71 %) kien ftit aktar baxx minn dak tal-perjodu ta’ rapportar preċedenti 2020–2021 (0,9 %).
Fl-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni, kif muri fl-Illustrazzjoni 4, il-maġġoranza tal-oġġetti tal-ikel analizzati kienu “ħxejjex aromatiċi u ħwawar” (46,97 %) segwiti minn “ċereali, żrieragħ, ħxejjex, frott u l-prodotti tagħhom” (23,36 %).
Illustrazzjoni 4 — Kategorija tal-oġġetti tal-ikel analizzata fil-fażi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fl-Unjoni Ewropea fl-2022–2023
Id-Direttiva 1999/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jikkonċernaw ikel u ingredjenti tal-ikel trattati b’radjazzjoni li tijonizza (ĠU L 066 13.3.1999, p. 16). ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/2/2008-12-11
ĠU L 66, 13.3.1999, p. 24.
ĠU C 37, 30.1.2019, p. 6–10