European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/2297

16.4.2025

Pubblikazzjoni ta’ emenda standard approvata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Indikazzjoni Ġeografika, kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27

(C/2025/2297)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143

1.   Isem il-prodott

“Poulet de l’Ardèche / Chapon de l’Ardèche”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

■

Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni Ġeografika (IĠ)

3.   Settur

■

Prodotti agrikoli

☐

Inbid

☐

Spirti

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Franza

5.   Kwalifika bħala emenda standard

It-talba għal emenda tal-IĠP “Poulet de l’Ardèche / Chapon de l’Ardèche” ma tikkonċerna l-ebda wieħed mit-tliet każijiet ta’ emenda hekk imsejħa tal-Unjoni, jiġifieri:

a)

ma tinkludix bidla fl-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta;

b)

ma tirriskjax li tħassar ir-rabta mal-ambjent ġeografiku;

c)

ma tinvolvix aktar restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li t-talba tikkwalifika bħala emenda tat-tip “standard”.

6.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

1.

Awtorità kompetenti tal-Istat Membru

Żdiedet it-taqsima “Awtorità kompetenti tal-Istat Membru” flimkien mad-dettalji tal-Istitut Nazzjonali għall-Kwalità u l-Oriġini (INAO, institut national de la qualité et de l’origine) bħala l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, skont ir-Regolament (UE) Nru 2024/1143.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.

Grupp applikant

It-taqsima “Grupp applikant” hija emendata biex taġġorna d-dettalji ta’ kuntatt tal-grupp.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.

Deskrizzjoni tal-prodott

It-taqsima “Deskrizzjoni tal-prodott” hija emendata biex tiċċara l-kriterji organolettiċi karatteristiċi kif ukoll il-konformità tal-karkassi skont il-kriterji tal-klassi A.

Ġie miżjud li l-qatgħat jistgħu jiġu minn karkassi tal-klassi A jew b’difetti żgħar. Il-karkassi li minnhom jiġu prodotti l-qatgħat għandhom jikkonformaw mal-piż minimu tal-karkassi mnaddfa mingħajr ġewwieni. Il-qatgħat huma konformi mal-kriterji ta’ preżentazzjoni tal-klassi A. Jiġu speċifikati wkoll l-elementi tal-preżentazzjoni għall-prodotti tal-qatgħat.

Jiżdied il-ġewwieni. Dan jiġi mill-karkassi tal-pollam magħżula għall-IĠP. Jista’ jiġi kkummerċjalizzat waħdu bħala IĠP.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

4.

Definizzjoni taż-żona ġeografika

Ġiet emendata d-deskrizzjoni tat-taqsima “Definizzjoni taż-żona ġeografika” iżda ż-żona ġeografika ma ġietx emendata. Il-lista ta’ muniċipalitajiet ġiet aġġornata wara raggruppament tal-muniċipalitajiet.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

5.

Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika

It-taqsima “Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” hija emendata. Id-dijagramma ta’ traċċabbiltà ssir tabella ta’ traċċabbiltà b’aġġornament tal-kategoriji ta’ operaturi kkonċernati skont l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Fil-preambolu jiġi speċifikat l-istabbiliment ta’ traċċabbiltà axxendenti u dixxendenti.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

6.

Metodu ta’ produzzjoni

Il-punti li ġejjin tat-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni” huma emendati kif jidher hawn:

—

“Razez użati”

It-tabella tar-razez titħassar u hija sostitwita bil-fenotip mistenni għall-produzzjoni tal-IĠP, li jispeċifika r-rix u l-kulur tat-tarsijiet.

“Mergħat tat-trobbija”

L-isem tat-taqsima u l-kontenut tagħha huma aġġornati billi jitħassru l-karatteristiċi deskrittivi u mhux kontrollabbli. Tneħħiet ukoll id-dielja mil-lista ta’ speċijiet mistennija sabiex ikun hemm 30 siġra fil-mergħat.

“Għalf”

Huwa speċifikat li l-prodotti derivati miċ-ċereali jippreżentaw massimu ta’ 15 % taċ-ċereali kollha u l-prodotti derivati miċ-ċereali għall-piż totali tal-formula.

“Kontroll ta’ mard”

Huwa emendat il-kliem tat-taqsima iżda l-proċess tal-ġlieda kontra l-mard ma huwiex emendat.

“Trasport u ġbir tat-tjur”

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiżdiedu dispożizzjonijiet sabiex is-sawm isir obbligatorju u sabiex tiġi speċifikata d-durata massima bejn tmiem it-tneħħija u l-qatla, il-ħin ta’ stennija massimu bejn il-wasla fil-biċċerija u l-qatla u l-kundizzjonijiet ta’ stennija tat-tjur.

“Preżentazzjoni tal-prodotti”

Jitneħħew ir-referenzi għat-tip ta’ tqattigħ manwali tat-tjur u jiġi speċifikat li dan tal-aħħar irid jippermetti li jiġu ssodisfati l-kriterji tal-klassi A.

Fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jiżdiedu dispożizzjonijiet rigward il-ħin bejn il-qatla u t-tqattigħ (96 siegħa) u/jew l-iffriżar (J+3).

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

7.

Elementi li juru r-rabta mal-ambjent ġeografiku

It-taqsima “Rabta mal-oriġini” ġiet organizzata mill-ġdid fi tliet partijiet biex issir distinzjoni tal-karatteristiċi taż-żona ġeografika, tal-prodott u r-rabta kawżali.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

8.

Referenzi tal-korp ta’ kontroll

Fit-taqsima “Korp ta’ kontroll” huma aġġornati d-dettalji ta’ kuntatt tad-DGCCRF u tal-INAO.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

9.

Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-taqsima “Tikkettar” hija emendata skont il-linji gwida fis-seħħ fil-livell nazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-kliem tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott; il-paragrafu attwali jitħassar u jiġi sostitwit b’sentenza li tindika l-elementi regolatorji obbligatorji.

L-emenda taffettwa d-Dokument Uniku.

10.

Rekwiżiti nazzjonali

L-intestatura “Rekwiżiti nazzjonali” hija emendata biex jiġu applikati bidliet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, it-taqsima hija ppreżentata fil-forma ta’ tabella tal-punti ewlenin li għandhom jiġu ċċekkjati u l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom. Jitqiesu l-punti ta’ emenda msemmija fit-taqsimiet preċedenti u jiġu miżjuda mat-tabella tal-punti kkonċernati.

L-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

1.   Isem/Ismijiet

“Poulet de l’Ardèche / Chapon de l’Ardèche”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP ☐ IĠP ■

3.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1, tar-Regolament (UE) 2024/1143

—

02 – LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM LI JITTIEKEL

0207 – Laħam u ġewwieni li jittiekel, tal-pollam tal-intestatura 0105 , frisk, imkessaħ jew iffriżat

0207 11 – Mhux imqattgħin f’biċċiet, friski jew imkessħin

—

02 – LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM LI JITTIEKEL

0207 – Laħam u ġewwieni li jittiekel, tal-pollam tal-intestatura 0105 , frisk, imkessaħ jew iffriżat

0207 12 – Mhux imqattgħin f’biċċiet, iffriżati

—

02 – LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM LI JITTIEKEL

0207 – Laħam u ġewwieni li jittiekel, tal-pollam tal-intestatura 0105 , frisk, imkessaħ jew iffriżat

0207 13 – Qatgħat u ġewwieni, friski jew imkessħin

—

02 – LAĦAM U ĠEWWIENI TAL-LAĦAM LI JITTIEKEL

0207 – Laħam u ġewwieni li jittiekel, tal-pollam tal-intestatura 0105 , frisk, imkessaħ jew iffriżat

0207 14 – Qatgħat u ġewwieni, iffriżati

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Poulets de l’Ardèche” / “Chapons de l’Ardèche” huma annimali tal-ispeċi Gallus gallus imrobbija fil-beraħ.

Il-“Poulets de l’Ardèche” / “Chapons de l’Ardèche” għandhom struttura tajba, karkass imlaħħam u ftit xaħmi bi żvilupp tajjeb tal-mases muskolari tal-filetti u l-koxox u laħam sod.

Il-“Poulets de l’Ardèche” / “Chapons de l’Ardèche” jitnisslu minn razez rustiċi, li jikbru bil-mod. L-età tal-qatla hija mill-inqas ta’ 81 jum għall-“Poulet de l’Ardèche” u mill-inqas ta’ 150 jum għax-“Chapon de l’Ardèche”.

Karatteristiċi tal-preżentazzjoni:

—

il-karkassi tal-klassi A biss jinbiegħu f’biċċiet sħaħ

—

il-karkassi li jinbiegħu f’biċċiet sħaħ jiġu ppreżentati bit-tarsu mitwi taħt l-isternu tal-pollam.

—

f’każ ta’ qatgħat, il-biċċiet għandhom ikunu konformi mal-kriterji tal-preżentazzjoni tal-klassi A.

Modi ta’ preżentazzjoni:

—

Imnaddfa mill-organi (piż minimu tal-karkassa = 1,3 kg għat-tiġieġa u 2,9 kg għall-ħasi)

—

Lesta għat-tisjir (piż minimu tal-karkassa mnaddfa mill-organi iżda bit-tarsu = 1,030 kg għat-tiġieġa u 2,530 kg għall-ħasi)

—

Imqattgħa (il-karkassi mingħajr tarsu fejn il-piż minimu ma jistax ikun anqas minn 90 % tal-piż definit għall-pollam sħiħ lest għat-tisjir)

Dawn il-laħmijiet (u l-ġewwieni) jiġu ppreżentati friski jew iffriżati.

4.3.   Derogi li jirrigwardaw l-oriġini tal-għalf għall-annimali (biss għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali li huma rreġistrati taħt denominazzjoni ta’ oriġini protetta) u restrizzjonijiet għall-provenjenza tal-materja prima (biss għall-prodotti pproċessati rreġistrati taħt indikazzjoni ġeografika protetta)

Il-“Poulet de l’Ardèche” / “Chapon de l’Ardèche” jitrabbew fil-beraħ b’aċċess liberu għal mergħat imsaġġra, miksija b’mod naturali biċ-ċagħaq, mill-età ta’ massimu ta’ 42 jum.

L-għalf huwa magħmul 100 % minn ħxejjex, minerali u vitamini. Ikun hemm minimu ta’ żewġ tipi ta’ ċereali preżenti fl-għalf. Il-proporzjon tax-xaħam totali tal-għalf ma jaqbiżx is-6 %.

Parti miċ-ċereali fl-għalf:

—

Fil-fażi tal-bidu mill-ewwel jum sa massimu ta’ 28 jum: minimu ta’ 50 % ċereali;

—

Fil-fażi tat-tismin mid-29 jum inkluż sal-qatla: il-perċentwal medju pponderat ta’ ċereali u prodotti miċ-ċereali fl-istadju tat-tismin ikun ta’ 80 % jew iktar. Din il-fażi tinkludi l-perjodu tat-“tkabbir” u t-“tlestija”.

Il-prodotti miċ-ċereali jirrappreżentaw massimu ta’ 15 % tat-total taċ-ċereali u l-prodotti miċ-ċereali.

L-għalf mogħti ma jkollu l-ebda sustanza medika, inklużi l-koċċidjostat. Huma awtorizzati biss ir-regolaturi tal-flora naturali.

4.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

It-trobbija tal-“Poulets de l’Ardèche” / “Chapons de l’Ardèche” ssir fiż-żona ġeografika definita. Il-fażi tat-trobbija tikkorrispondi mal-perjodu minn meta l-flieles ta’ jum jitqiegħdu fil-produzzjoni sat-tneħħija tal-pollam biex jittieħed fil-biċċerija.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Id-distanza bejn il-post tat-trobbija u l-biċċerija hija inqas minn 100 km (jew it-tul tal-vjaġġ bejn il-post tat-trobbija u l-biċċerija jkun inqas minn 3 sigħat). Il-pollam mibjugħa sħaħ jiġu ppreżentati bit-tarsu.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikketti jrid ikollhom:

—

Id-denominazzjoni: “Poulet de l’Ardèche” jew “Chapon de l’Ardèche”

5.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Id-département ta’ Ardèche (07):

Il-muniċipalitajiet kollha tal-Cantons ta’: Annonay, Annonay 1, Annonay2, Aubenas 1, Haut-Eyrieux, Guilherand-Granges, Haut-Vivarais, Pouzin, Privas, Sarras, Tournon-sur-Rhône, Rhône-Eyrieux.

Il-Canton ta’ Aubenas 2: il-muniċipalitajiet ta’ Mercuer, Saint-Didier-sous-Aubenas, Saint-Etienne-de-Boulogne, Saint-Michel de Boulogne, Saint-Privat, Vesseaux.

Il-Canton ta’ Berg-Helvie: il-muniċipalitajiet ta’ Berzème, Darbres, Lussas, Mirabel, Saint-Gineys-en-Coiron, Saint-Jean-le-Centenier, Saint-Laurent-sous-Coiron, Saint-pons, Sceautres.

Il-Canton ta’ Haute–Ardèche: il-muniċipalitajiet ta’ Astet, Barnas, Burzet, Chirols, Coucouron, Cros-de-Géorand, Issanlas, Issarlès, Lachapelle-Graillouse, Lalevade-d’Ardèche, Lanarce, Lavillatte, Le Béage, le Lac d’Issarlès, le Roux, Lespéron, Mayres, Mazan l’Abbaye, Meyras, Montpezat-sous-Bauzon, Péreyres, Pont-de-Labeaume, Prades, Sagnes-et-Goudoulet, Saint-Cirgues-en-Montagne, Sainte-Eulalie, Saint-Pierre-de-Colombier Thueyts, Usclades-et-Rieutord.

Id-département ta’ Loire (42):

Il-muniċipalitajiet kollha tal-Cantons ta’: Pilat, Saint-Chamond.

Il-Canton ta’ Rive-de-Gier: il-muniċipalitajiet ta’ Châteauneuf, Farnay, La Grand-Croix, Lorette, Rive-de-Gier, Saint-Paul-en-Jarez.

Id-département ta’ Haute-Loire (43):

Il-muniċipalitajiet kollha tal-Cantons ta’: Aurec-sur-Loire, Boutières, Deux-Rivières-et-Vallées, Emblavez-et-Megal, Mézenc, Monistrol-sur-Loire, Le-Puy-en-Velay, Le-Puy-en-Velay 3, Le-Puy-en-Velay 4, Yssingeaux.

Il-Canton ta’ Bas-en-Basset: il-muniċipalitajiet ta’ Bas-en-Basset, Beauzac, Malvalette, Retournac.

Il-Canton ta’ Le-Puy-en-Velay 1: il-muniċipalità ta’ Le-Puy-en-Velay.

Il-Canton ta’ Le-Puy-en-Velay 2: il-muniċipalitajiet ta’ Chaspinhac, Le Monteil, Le-Puy-en-Velay.

Il-Canton ta’ Velay Volcanique: il-muniċiaplitajiet ta’ Cussac-sur-Loire, le Brignon, Solignac-sur-Loire.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-“Poulets de l’Ardèche” / “Chapons de l’Ardèche” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni ta’ dawn il-prodotti kif ukoll fuq is-sengħa tat-trobbija.

Iż-żona ġeografika tal-“Poulet de l’Ardèche” / “Chapon de l’Ardèche” hija l-firxa ta’ muntanji ta’ Vivarais, firxa muntanjuża li tinkludi essenzjalment l-Ardèche iżda wkoll li tifrex fuq l-Haute-Loire min-naħa tal-Lvant u n-naħa tan-Nofsinhar tal-Loire. Waħda mill-karatteristiċi ta’ din iż-żona hi li hija magħmula esklużivament minn muniċipalitajiet fiż-żona tal-muntanji u l-għoljiet u din toffri żvantaġġi marbuta mal-altitudni, ma’ tlajja’ weqfin u/jew mal-klima, li għandhom l-effett li jirrestrinġu sostanzjalment il-possibilitajiet tal-użu tal-art u liema art tista’ tintuża għall-attivitajiet agrikoli estensivi.

Il-klima taż-żona ġeografika hija klima bejn tal-muntanji medji u kontinentali, li tvarja skont l-istaġuni, b’devjazzjonijiet fit-temperatura bi sjuf sħan u xtiewi kesħin, staġuni bejniethom qosra ħafna u ambjent b’ħafna riħ.

Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata wkoll minn ħamrija li toriġina minn blat vulkaniku antik, granit u shale. Il-punt komuni ta’ dan il-blat hu li huwa iebes imma jitfarrak faċilment, li jfisser li hemm ħafna ċagħaq fuq il-ħamrija tal-mergħat fejn jinsab il-pollam.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-mergħat li jintużaw b’aċċess liberu huma msaġġra u jinkludu mill-inqas 30 siġra ta’ speċijiet lokali. Dawn tal-aħħar jipprovdu kenn għall-pollam mix-xemx fis-sajf u jillimitaw il-forza tar-riħ. Hekk jippromwovu l-possibbiltà li l-annimali joħorġu kif ukoll jippromwovu saħħithom. L-użu tas-siġar lokali jippermetti li fuq il-mergħat jiġu riprodotti l-pajsaġġi ta’ Ardèche tal-madwar. In-natura mhux uniformi taż-żona ġeografika tidher ukoll fil-mergħat.

L-agrikoltura ta’ Ardèche hija msejsa fuq il-biedja mħallta u t-trobbija: b’mod partikolari produzzjonijiet tal-ħalib u tal-frott. Hija kkaratterizzata minn azjendi agrikoli ta' daqs limitat li ħafna drabi ftit ikollhom uċuħ ċatti u li fihom jistgħu jintużaw il-magni.

Barra minn hekk, l-għażla ta’ għalf bi proporzjon kbir ta’ ċereali tikkorrispondi mal-prattiki tradizzjonali tal-bdiewa ta’ Ardèche li kellhom il-prassi li jissupplimentaw il-porzjon fil-mergħat b’ċereali li jiġu prodotti fil-ftit irqajja’ tal-art li jinħadmu.

Sabiex jippreservaw in-natura estensiva tal-produzzjoni anke fil-ġlieda kontra l-mard, il-bdiewa ma jużawx supplimenti mediċinali fl-għalf iżda jippreferu l-profilassi preventiva bbażata fuq kontroll bijoloġiku u l-użu ta’ estratti mill-ħxejjex.

F’kuntest ta’ eżodu rurali u abbandun agrikolu, l-operaturi orjentaw ruħhom lejn il-produzzjoni diversifikata li tippermettilhom jagħmlu l-aħjar użu miż-żona ġeografika mhux uniformi, jirreżistu kontra kundizzjonijiet klimatiċi ħorox permezz ta’ kuntrasti termali importanti aċċenwati mir-riħ, jorganizzaw il-piż tax-xogħol tal-ġurnata u tal-istaġuni u jwieġbu għall-aspirazzjoni tal-produtturi lokali għal produzzjoni ta’ kwalità. Kemm mil-lat tradizzjonali kif ukoll mil-lat ta’ kwalità, il-produzzjoni tat-tjur tas-simna ssodisfat dawn l-objettivi differenti.

Fl-1985, il-bdiewa ħolqu “la Confrérie des Volailles Fermières de l’Ardèche et du Haut Vivarais” (il-Fratellenza tal-Biedja tat-Tjur ta’ Ardèche u Haut Vivarais) bl-għan li turi l-produzzjoni tagħhom f’temi bħall-gastronomija, it-turiżmu u l-kultura u fl-istess ħin inħolqot unjoni ta’ difiża.

Il-biċċiet sħaħ u l-qatgħat mibjugħin taħt id-denominazzjoni “Poulet de l’Ardèche” / “Chapon de l’Ardèche” jingħarfu mir-reputazzjoni li kisbu matul is-snin minħabba l-kwalità tal-prodotti tagħhom, il-modi ta’ preparazzjoni kif ukoll l-għarfien prattiku tal-bdiewa.

Il-prodotti huma konformi mal-kriterji tal-klassi A, jistgħu jiġu kkummerċjalizzati bħala karkassi mnaddfa mill-organi, karkassi lesti għat-tisjir, bit-tarsu mitwi taħt l-isternu tal-pollam, biċċiet ta’ qatgħat u ġewwieni. Dawn il-prodotti kollha jistgħu jkunu maħsubin għal networks ta’ distribuzzjoni differenti u għalhekk jiġu ppakkjati skont il-ħtiġijiet tal-konsumaturi.

Iż-żona ġeografika tat-trobbija tal-pollam bid-denominazzjoni “Poulet de l’Ardèche” / “Chapon de l’Ardèche” tinsab fuq territorju bil-muntanji jew bl-għoljiet li jiffavorixxi n-natura estensiva tat-trobbija tal-pollam.

Il-pajsaġġ huwa kkaratterizzat minn alternanza ta’ spazji naturali u agrikoli bi skopijiet varji: trobbija, arborikultura, bakek, vitikultura, siġar tal-qastan.

Minn naħa, il-pollam igawdi minn mod ta’ trobbija fil-beraħ. Dan jiġi prodott minn razez rustiċi, li jikbru bil-mod, b’mobilità kbira, adattati għall-ħajja fil-beraħ li tippermettilhom jisfruttaw il-mergħat mhux uniformi li ġeneralment isibu fiż-żona ġeografika. Min-naħa l-oħra, permezz tal-metodu ta’ trobbija estensiva, jintużaw mergħat li jirrappreżentaw il-pajsaġġi taż-żona ġeografika: ħafna drabi pajsaġġi mhux uniformi, imħawla b’siġar ta’ speċijiet li jikkorrispondu għall-pajsaġġi ta’ Ardèche u li joffru frak żgħir naturali tad-degradazzjoni tal-blat tipiku taż-żona ġeografika: blat vulkaniku antik, granit u shale. Il-karatteristiċi tal-mergħat jikkontribwixxu għall-ħtieġa ta’ eżerċizzju għall-annimali, għalf addizzjonali (ħxejjex, insetti) u l-benesseri diġestiv tagħhom peress li jipprovdulhom il-frak żgħir meħtieġ għad-diġestjoni xierqa tal-ikel.

In-natura mħarbta tal-mergħat tippromwovi wkoll l-iżvilupp tal-muskoli tan-naħa ta’ fuq, partikolarment tal-koxox, kif ukoll l-eliminazzjoni tax-xaħam li jirriżulta fil-laħam tal-“Poulet de l’Ardèche” / “Chapon de l’Ardèche” bi ftit xaħam.

L-industrija tal-pollam li bdiet fis-snin 60 fit-Tramuntana ta’ Ardèche, ikkonkretizzat fit-tmeninijiet, meta, fl-1985, il-bdiewa ħolqu s-“Syndicat de défense des Volailles Fermières de l’Ardèche” (Assoċjazzjoni ta’ difiża tal-Biedja tat-Tjur ta’ Ardèche).

Ir-reputazzjoni tagħhom tidher ukoll mill-kisba ta’ bosta premji. Hekk, ingħatawlhom diversi medalji tal-“concours général agricole” (kompetizzjoni ġenerali agrikola), żewġ medalji tad-deheb fl-1993 u fl-1997 rispettivament għall-“Poulet de l’Ardèche” imnaddfa mill-organi u l-koxox tal-“poulet de l’Ardèche” u medalja tal-bronż fl-1996 ukoll għall-koxox tal-“Poulet de l’Ardèche”.

L-involviment tal-bdiewa fil-postijiet tal-bejgħ, siti turistiċi jew festi lokali biex jispjegaw il-metodi tal-produzzjoni tagħhom u r-riċetti marbuta mal-prodotti tagħhom ikkontribbwixa għal dan is-suċċess.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-indikazzjoni ġeografika

https://info.agriculture.gouv.fr/boagri/document_administratif-efdfe564-6283-4f26-95c5-276997e6f349


(1)  Ir-Regolament Delegat (UE) 2025/27 tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27 du 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2297/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)