Brussell, 30.7.2024

COM(2024) 326 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika demografika Ewropea








1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 ( 1 ) (“ir-Regolament”) jistabbilixxi qafas legali komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u avvenimenti vitali.

L-Istati Membri qabel kienu jissottomettu tali statistika b’mod volontarju għal għadd ta’ snin. Madankollu, peress li din kienet ibbażata fuq definizzjonijiet, kunċetti u metodi demografiċi differenti, l-istatistika li kienet tirriżulta kellha komparabbiltà, konsistenza u tempestività mnaqqsa b’mod sinifikanti. Il-qafas komuni kien maħsub biex jissodisfa l-ħtieġa ta’ statistika demografika ta’ kwalità għolja fil-livell nazzjonali u reġjonali li hija fundamentali għal firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet istituzzjonali u tal-politika. Pereżempju, din l-istatistika hija meħtieġa biex jiġu kkalkulati l-projezzjonijiet tal-popolazzjoni li jinfurmaw il-projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji fit-tul tal-UE u jintużaw bħala d-denominatur għal ħafna indikaturi tal-politika per capita.

Dan huwa t-tieni rapport meħtieġ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, u jkopri l-perjodu 2019–2023 ( 2 ). Huwa strutturat kif ġej:

·It-Taqsima 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istatistika koperta mir-Regolament;

·It-Taqsima 3 tiddeskrivi kif il-kriterji tal-kwalità stabbiliti għall-istatistika Ewropea jiġu mmonitorjati regolarment;

·It-Taqsima 4 tiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-evalwazzjonijiet reċenti;

·It-Taqsima 5 tiddeskrivi l-inizjattiva leġiżlattiva li għaddejja biex tiġi mmodernizzata l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni, inkluża l-istatistika skont ir-Regolament.

2.L-istatistika koperta mir-Regolament

Skont ir-Regolament, l-Istati Membri jibagħtu statistika lill-Kummissjoni (il-Eurostat) dwar:

·il-popolazzjoni abitwalment residenti ( 3 ) skont l-età, is-sess u r-reġjun ta’ residenza;

·il-każijiet ta’ twelid ħaj skont is-sess, ix-xahar tat-twelid, l-ordni tat-twelid ħaj, l-età tal-omm, is-sena tat-twelid tal-omm, il-pajjiż tat-twelid tal-omm, il-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-omm u r-reġjun ta’ residenza tal-omm;

·l-imwiet skont l-età, is-sess, is-sena tat-twelid, ir-reġjun ta’ residenza, il-pajjiż tat-twelid, il-pajjiż taċ-ċittadinanza u x-xahar tal-mewt; u

·il-popolazzjoni totali abitwalment residenti għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Minbarra l-aħħar punt, tingħata ċerta flessibbiltà fl-implimentazzjoni tad-definizzjoni ta’ residenza abitwali — l-Istati Membri jistgħu jipprovdu statistika bbażata fuq “residenza legali jew reġistrata” meta l-kriterji għar-residenza abitwali ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti.

Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 205/2014 ( 4 ). Dan jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għat-tqassim tad-data, għall-iskadenzi għat-trażmissjoni u għar-reviżjonijiet. Għaldaqstant, l-Istati Membri jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni (il-Eurostat):

·statistika annwali proviżorja dwar il-popolazzjoni totali, il-każijiet ta’ twelid ħaj totali u ta’ mwiet totali fil-livell nazzjonali fi żmien 6 xhur minn tmiem kull sena ta’ referenza; u

·statistika proviżorja ta’ kull xahar dwar il-każijiet ta’ twelid ħaj totali u ta’ mwiet totali għal tal-inqas l-ewwel 6 xhur tas-sena ta’ referenza sat-30 ta’ Novembru ta’ dik is-sena.

Minbarra din l-istatistika obbligatorja, l-Istati Membri bħalissa jibagħtu diversi tipi ta’ statistika b’mod volontarju, eż. dwar l-imwiet skont il-ġimgħa li seħħew; dwar l-imwiet skont l-età, is-sess u l-livell edukattiv; dwar iż-żwiġijiet u d-divorzji skont diversi karatteristiċi. Xi wħud minn dawn l-istatistiki volontarji huma meħtieġa biex jiġu kkalkulati l-indikaturi demografiċi, eż. l-istennija tal-għomor skont il-livell edukattiv.

3.Monitoraġġ regolari tal-kwalità tal-istatistika

Din it-taqsima tiddeskrivi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament abbażi tal-kriterji standard dwar il-kwalità f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea ( 5 ) u l-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea ( 6 ). L-Istati Membri jridu jiżguraw il-kwalità tal-istatistika u jipprovdu metadata u rapporti ta’ kwalità lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Il-Eurostat janalizza dawn il-valutazzjonijiet tal-kwalità u jippubblika l-istatistika kif ukoll l-artikli analitiċi fuq is-sit web tiegħu. Il-Eurostat u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex isegwu kwistjonijiet pendenti. Fil-laqgħat annwali tal-grupp ta’ esperti dwar l-istatistika dwar il-popolazzjoni jiġu diskussi punti speċifiċi, fejn ikunu rrappreżentati l-istituti nazzjonali tal-istatistika kollha tal-UE u tal-EFTA.

3.1.Rilevanza

Il-Kummissjoni tat rilevanza kbira għad-demografija ( 7 ). L-istatistika demografika tintuża biex jitħejjew rapporti regolari, proposti ta’ politika, rapporti ta’ implimentazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, u analiżi tal-politika. Pereżempju, ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ( 8 ) u dwar l-impatt tat-tibdil demografiku f’ambjent li qed jinbidel ( 9 ) jużaw l-istatistika prodotta skont ir-Regolament. Fl-2021, il-Eurostat ħareġ il-pubblikazzjoni interattiva, “Demography of Europe”, li tiġi aġġornata kull sena, u turi l-iżvilupp, it-tibdil u t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE ( 10 ). Waħda mill-applikazzjonijiet diretti tal-istatistika prodotta skont ir-Regolament hija fil-qasam tal-projezzjonijiet demografiċi tal-popolazzjoni ta’ kull 3 snin ( 11 ) tal-Eurostat. Dawn juru kemm id-daqs u l-istruttura tal-popolazzjoni jistgħu jinbidlu jekk jibqgħu validi ċerti suppożizzjonijiet dwar il-fertilità, il-mortalità u l-migrazzjoni. Dawn il-projezzjonijiet jintużaw ukoll għar-Rapport dwar it-tixjiħ ( 12 ) biex jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku u baġitarju fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Minbarra dawn il-projezzjonijiet fit-tul tal-popolazzjoni, il-Eurostat ippubblika għall-ewwel darba aġġornamenti ta’ terminu qasir tal-projezzjonijiet f’Settembru 2022, li jikkomplementaw l-offerta tad-data. Barra minn hekk, l-għadd totali tal-popolazzjoni abitwalment residenti għal kull Stat Membru jintuża bħala ponderazzjoni għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Mill-istatistika kollha mxerrda mill-Eurostat, dik relatata mal-popolazzjoni hija fost l-aktar ikkonsultata. Mill-2015 ( 13 ), l-istokk annwali tal-popolazzjoni ( 14 ) u l-bidliet fil-popolazzjoni ( 15 ) fil-livell nazzjonali b’mod konsistenti kienu fost l-aktar tabelli popolari tal-istatistika soċjali u fost l-aktar ħames tabelli viżwalizzati tal-Eurostat. Minn nofs l-2016, it-taqsima “Id-Demografija, l-istokk tal-popolazzjoni u l-bilanċ” ( 16 ) fuq is-sit web tal-Eurostat b’mod konsistenti kienet fost l-ewwel ħames taqsimiet tematiċi f’termini ta’ żjarat tal-utenti.

3.2.Akkuratezza

Meta mqabbel mar-rapport preċedenti tal-2018, ma sar l-ebda titjib sostanzjali fl-akkuratezza. Il-Eurostat huwa konxju li l-istess kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-akkuratezza jibqgħu jseħħu dwar il-kopertura nieqsa (meta n-nies ma jirreġistrawx il-post ta’ residenza tagħhom) u l-kopertura żejda (eż. meta n-nies ma jneħħux ir-reġistrazzjoni, peress li spiss ma jkun hemm l-ebda obbligu jew inċentiv biex jagħmlu dan) ( 17 ). Barra minn hekk, il-metadata rrapportata mill-Istati Membri dwar l-akkuratezza tal-istima tal-popolazzjoni abitwalment residenti għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għadha insuffiċjenti għal valutazzjoni dettaljata.

F’dan il-kuntest, il-Eurostat ikompli jippromwovi l-użu ta’ “flussi mera” rrapportati mill-Istati Membri sħab biex jiġu solvuti l-iżbalji fil-kopertura dovuti għal nuqqas ta’ reġistrazzjoni u dereġistrazzjoni. L-iskambju ta’ data aggregata ta’ fluss mera jseħħ bejn l-istituti nazzjonali tal-istatistika li jqisu li din hija żieda utli għall-proċess statistiku nazzjonali tagħhom. Dan jgħinhom itejbu u jevalwaw il-kwalità tad-data tagħhom.

3.3.Tempestività u puntwalità

L-iskadenza ewlenija għall-provvista tal-biċċa l-kbira tal-istatistika demografika lill-Kummissjoni (il-Eurostat) hija 12-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ referenza; tliet settijiet ta’ data żgħar għandhom jiġu jintbagħtu fi żmien 6, 8 u 11-il xahar minn tmiem is-sena ta’ referenza. Mill-bidu tal-ġbir ta’ data skont ir-Regolament, ma kien hemm l-ebda kwistjoni notevoli ta’ dewmien fit-trażmissjonijiet tad-data mill-Istati Membri. Għalhekk ma kien hemm l-ebda bidla meta mqabbel mar-rapport tal-2018 ( 18 ).

3.4.Aċċessibbiltà u ċarezza

Id-data tal-Istati Membri u l-aggregati tal-UE huma disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-Eurostat ( 19 ). L-utenti jistgħu jaċċessaw l-istatistika demografika Ewropea ( 20 ) taħt “Settijiet ta’ data magħżula” (Selected datasets), “Settijiet ta’ data dettaljati” (Detailed datasets) u permezz ta’ artikli aġġornati regolarment dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-popolazzjoni ( 21 ). Matul is-sena, il-ħruġ tad-data ġie akkumpanjat minn punti tal-aħbarijiet distribwiti fuq medda wiesgħa u artikli ta’ Statistics Explained b’aktar informazzjoni dwar l-istatistika dwar id-demografija, ix-xejriet u l-interpretazzjoni tagħha ( 22 ). Madankollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar metadata nazzjonali ċara u komparabbli biżżejjed, inklużi indikaturi tal-kwalità kwantitattivi, jagħmilha diffiċli anke għall-utenti bl-esperjenza biex jivvalutaw u jqabblu l-kwalità tad-data tal-Istati Membri.

3.5.Komparabbiltà u koerenza

L-applikazzjoni flessibbli u mhux armonizzata tal-kunċett ta’ residenza abitwali għadha l-aktar kwistjoni serja għall-komparabbiltà u l-koerenza. Pereżempju, uħud mill-Istati Membri ma jinkludux ċerti gruppi tal-popolazzjoni (eż. applikanti għall-ażil, migranti irregolari jew nomadi) jew ma japplikawx il-kriterju ta’ 12-il xahar għall-istokkijiet tal-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali, spiss minħabba li l-istatistika tittieħed direttament mir-reġistri amministrattivi u għalhekk tiddependi fuq kriterji amministrattivi nazzjonali għar-reġistrazzjoni tan-nies u tal-avvenimenti vitali ( 23 ). Evalwazzjoni reċenti identifikat dan bħala waħda mill-kwistjonijiet ewlenin tal-istatus quo (ara t-Taqsima 4 ), filwaqt li l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata mill-ġdid il-bażi legali enfasizzat il-ħtieġa ta’ prattiki tajbin ta’ stima biex tittejjeb il-komparabbiltà tal-istatistika demografika minn sorsi amministrattivi (ara t-Taqsima 5 ).

Minbarra din il-kwistjoni ewlenija, l-istatistika demografika hija fil-biċċa l-kbira komparabbli fuq tul ta’ żmien għal kull pajjiż. Tipikament jirriżulta nuqqas ta’ kontinwità meta l-Istati Membri jtejbu jew ibiddlu l-metodoloġija tagħhom, inkluż l-użu ta’ serje ġdida taċ-ċensiment biex jivvalutaw u jibbażaw mill-ġdid l-istimi tal-popolazzjoni tagħhom, jew jaġġustaw l-unitajiet territorjali użati fl-istatistika. Dawn huma indikati fit-tabelli fil-bażi tad-data tal-Eurostat u ddokumentati għall-utenti permezz tal-metadata fuq is-sit web tal-Eurostat jew fil-pubblikazzjonijiet rilevanti.

3.6.Monitoraġġ tal-konformità

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għadha ssegwi każijiet iżolati ta’ nuqqas ta’ konformità mar‑Regolament fejn id-data ma kinitx kompluta, ta’ kwalità baxxa jew ma ntbagħtitx f’konformità mal-iskadenzi legali. Din timmonitorja u tivvaluta dawn l-aspetti tal-provvista tad-data fuq bażi kontinwa u tikkuntattja lill-Istati Membri kkonċernati fil-livell tekniku u amministrattiv biex isolvu l-kwistjonijiet.

4.Evalwazzjoni tal-qafas statistiku attwali 

Fl-2021, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni komprensiva tal-qafas legali attwali kollu u l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni li rriżultat ( 24 ). Din kienet tinkludi statistika skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament u l-istatistika kollha skont ir-Regolamenti (KE) Nru 862/2007 ( 25 ) u (KE) Nru 763/2008 ( 26 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni kien ħafna usa’ mill-monitoraġġ regolari deskritt fit-Taqsima 3 peress li l-fehmiet tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha — inklużi l-utenti istituzzjonali, tal-politika u tar-riċerka — inġabru f’konsultazzjoni sistematika mal-partijiet ikkonċernati ( 27 ). L-għan kien li jiġi vvalutat jekk intlaħqux l-objettivi oriġinali tal-qafas attwali u li jiġu identifikati lakuni sinifikanti.

L-evalwazzjoni sabet li kien sar titjib ġenerali sinifikanti fl-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni bis-saħħa tal-qafas attwali, meta mqabbel mal-problemi u l-ħtiġijiet inizjali ffaċċjati mill-komunità tal-istatistika qabel ma daħal fis-seħħ. B’mod partikolari, il-qafas legali attwali żied b’mod sinifikanti l-valur miżjud tal-UE billi tejjeb — għas-settijiet ta’ data li saru obbligatorji — diversi dimensjonijiet tal-kwalità tal-istatistika fil-livell tal-UE, inklużi l-kompletezza, il-konsistenza u t-tempestività. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni attwali wettqet il-ħtiġijiet rilevanti kollha għat-tfassil ta’ politika u għall-istituzzjonijiet fil-livell tal-UE li kienu magħrufa meta ġiet żviluppata (2005–2013). Dan tejjeb l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-produzzjoni statistika meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, li kienet tiddependi biss fuq il-ġbir volontarju ta’ data. Fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti fost il-gruppi ewlenin kollha tal-partijiet ikkonċernati kkonfermaw dan it-titjib u saħqu fuq il-valur miżjud tal-qafas legali attwali fil-livell tal-UE. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat ukoll erba’ lakuni sinifikanti fil-leġiżlazzjoni attwali.

4.1.Lakuna 1: Koerenza, komparabbiltà, kompletezza

Għalkemm ir-Regolament jistabbilixxi definizzjonijiet komuni għal kunċetti statistiċi ewlenin, għad hemm ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni tal-popolazzjoni nnifisha. L-Istati Membri bħalissa japplikaw tliet kunċetti differenti (ir-residenza abitwali, ir-residenza reġistrata, ir-residenza legali) permessi mir-Regolament, xi drabi bl-użu ta’ kunċetti differenti għal settijiet ta’ data differenti. Din il-kwistjoni ċentrali kkawżat nuqqas ta’ komparabbiltà u koerenza fid-data minn Stati Membri differenti, u dan naqqas il-valur miżjud tal-UE tal-ġbir ta’ data. Barra minn hekk, l-istatistika li tibqa’ volontarja spiss ma tkunx kompluta fil-livell tal-UE minħabba data nieqsa minn ftit Stati Membri. Dan inaqqas il-kosteffettività ġenerali b’mod sinifikanti, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri jonfqu riżorsi biex jipproduċuhom, iżda ma tinkisibx stampa sħiħa tal-UE.

4.2.Lakuna 2: Tempestività u frekwenza

Ir-Regolament ikopri biss l-istatistika demografika annwali, bil-biċċa l-kbira tas-settijiet ta’ data għandhom jiġu pprovduti 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ referenza. Għalkemm it-tempestività ġenerali tjiebet prinċipalment minħabba li d-dewmien eċċessiv minn ftit Stati Membri ġie solvut, dan għadu’l bogħod mill-aspettattivi tal-utenti. Id-data pprovduta skont ir-Regolament hija inqas fil-ħin minn pubblikazzjonijiet nazzjonali tal-istatistika komparabbli u trażmissjonijiet oħra tal-istatistika internazzjonali fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Skont ir-Regolament, l-iskadenzi legali u l-perjodiċitajiet tal-istatistika ma jistgħux jittejbu, eż. biex ikopru l-istatistika infraannwali dwar il-popolazzjoni bħal dik żviluppata reċentement b’mod volontarju għall-mortalità.

4.3.Lakuna 3: Dettalji ta’ suġġetti u gruppi rilevanti għas-soċjetà

Ir-Regolament jiffoka fuq il-ħtiġijiet tad-data li jikkorrispondu għall-prijoritajiet ta’ politika fiż-żmien li ġie żviluppat. Maż-żmien, il-prijoritajiet inbidlu, u l-istatistika demografika disponibbli ma għadhiex tkopri b’mod adegwat il-karatteristiċi, is-suġġetti jew il-gruppi tal-popolazzjoni rilevanti għall-politika ( 28 ). B’mod partikolari, il-lakuni kkonfermati fil-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati jirrelataw mal-karatteristiċi ta’ suġġetti u gruppi rilevanti. Hemm ukoll lakuni relatati ma’ granularità ġeografika insuffiċjenti, b’mod partikolari tipoloġiji funzjonali u data ġeoreferenzjata għall-integrazzjoni urbana/rurali u l-analiżi transfruntiera.

4.4.Lakuna 4: Nuqqas ta’ flessibbiltà tal-qafas legali

Minbarra d-dgħufijiet imsemmija hawn fuq, il-leġiżlazzjoni eżistenti ma għandhiex il-flessibbiltà biex tadatta biex tissodisfa l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti għall-istatistika. Sorsi ġodda tad-data fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE (b’mod partikolari data amministrattiva, inklużi sistemi ta’ interoperabbiltà u data miżmuma minn persuni privati) joffru wkoll titjib potenzjali f’termini ta’ kostijiet u tempestività, iżda l-leġiżlazzjoni attwali ma tippermettix li dawn l-iżviluppi jiġu mħaddna. Għalhekk, il-qafas legali ma setax jadatta għall-ebda bidla rilevanti għall-politika minn meta ġie adottat, u għalhekk kien qed jitlef ir-rilevanza pjuttost malajr.

5.Modernizzazzjoni tal-istatistika demografika Ewropea bħala parti mill-iżvilupp mill-ġdid tal-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni

Għal-lakuni sinifikanti deskritti fit-Taqsima 4 , l-evalwazzjoni identifikat erba’fatturi leġiżlattivi li japplikaw ukoll għal dan ir-Regolament:

·Huma biss il-ġabriet obbligatorji ta’ data b’regoli komuni definiti li jistgħu jiżguraw il-kompletezza u t-tempestività tal-istatistika fil-livell tal-UE. Ir-regolamentazzjoni tal-ġabriet volontarji ta’ data li diġà għandhom kompletezza għolja tista’ ttejjeb l-effettività u l-effiċjenza b’mod sinifikanti peress li jista’ jiġi ġġenerat valur miżjud konsiderevoli tal-UE b’kostijiet inkrementali limitati.

·Il-ġabriet volontarji ta’ data huma strumenti xierqa biex imexxu l-produzzjoni ta’ suġġetti jew karatteristiċi ġodda, u jagħtu spinta lill-kapaċità inkrementali tas-sistemi nazzjonali tal-istatistika biex jipprovdu tali data ġdida. Madankollu, dawn għandhom it-tendenza li jsiru ineffiċjenti maż-żmien minħabba li l-ispejjeż rikorrenti tal-produzzjoni eventwalment jonqsu milli jiġġeneraw valur miżjud tal-UE f’termini ta’ kompletezza madwar l-Istati Membri.

·Definizzjonijiet legali vagi ta’ suġġetti statistiċi jwasslu għat-telf tal-kontroll fuq l-armonizzazzjoni kunċettwali. Dan fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal telf ta’ koerenza u komparabbiltà maż-żmien. L-eżempju tad-definizzjoni tal-bażi tal-popolazzjoni wera kif klawżola prestabbilita introdotta oriġinarjament bħala eċċezzjoni b’kamp ta’ applikazzjoni limitat inbidlet fi standard fattwali ġdid ( 29 ).

·Qafas legali riġidu wisq jagħmilha diffiċli biex tinżamm ir-rilevanza maż-żmien. Il-qafas attwali qed jitlef ir-rilevanza pjuttost malajr — dan diġà beda matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ mekkaniżmi flessibbli biex il-ġbir ta’ data jiġi adattat għall-ħtiġijiet li qed jevolvu jew għall-profitt minn opportunitajiet immexxija minn sorsi ġodda tad-data li qed isiru disponibbli.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni indikat is-elementi amministrattivi żejda fil-konformità, fl-infurzar u fil-monitoraġġ peress li l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-istatistika dwar il-popolazzjoni hija mifruxa fi tliet atti legali li ma ġewx żviluppati flimkien. Għalhekk, abbażi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt ( 30 ), il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament qafas ġdid dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni li jindirizza l-fatturi leġiżlattivi responsabbli għal-lakuni sinifikanti ta’ hawn fuq, filwaqt li għandha l-għan li tintegra l-bażi legali f’regolament wieħed ( 31 ).

Il-proposta leġiżlattiva fiha elementi ambizzjużi biex jissaħħu l-konsistenza ġenerali u r-rabtiet bejn l-istatistika soċjali kollha tal-UE bbażata fuq in-nies u l-unitajiet domestiċi, inkluż skont ir-Regolament (UE) 2019/1700 ( 32 ). Il-proposta fiha dispożizzjonijiet li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ definizzjoni armonizzata tal-popolazzjoni, abbażi ta’ kunċetti sodi ta’ stima statistika, u jippermettu aċċess għal sorsi tad-data disponibbli li jtejbu l-proċessi tal-produzzjoni u l-kwalità ġenerali tal-istatistika soċjali. Il-proposta fiha wkoll dispożizzjonijiet biex l-istatistika dwar il-popolazzjoni u l-migrazzjoni internazzjonali tkompli tiġi allinjata aktar mal-istatistika dwar l-ażil u l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni li jibqgħu skont l-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007. Fiż-żmien ta’ dan ir-rapport, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar il-proposta kienet għadha għaddejja ( 33 ).

6.Konklużjonijiet

Bis-saħħa tal-isforzi konġunti kontinwi tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ( 34 ), ir-Regolament huwa implimentat sew. Dan iwassal għall-pubblikazzjoni regolari ta’ statistika demografika Ewropea ta’ kwalità ġenerali għolja, meħtieġa mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha. Il-konformità legali u l-kwalità tal-istatistika jiġu mmonitorjati regolarment f’konformità mar-Regolament. Bħal fl-ewwel rapport tal-2018, ma hemm l-ebda kwistjoni kbira ta’ konformità.

Madankollu, evalwazzjoni reċenti tal-qafas legali attwali għall-istatistika dwar il-popolazzjoni identifikat erba’ lakuni sinifikanti fil-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ u li huma parzjalment marbuta mal-fatt li l-istatistika dwar il-popolazzjoni hija mifruxa fi tliet regolamenti, li jinkludu dan ir-Regolament. Dawn il-lakuni huma (i) in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kunċetti statistiċi, b’mod partikolari d-definizzjoni tal-popolazzjoni; (ii) in-nuqqas ta’ tempestività u frekwenza tal-pubblikazzjonijiet statistiċi; (iii) in-nuqqas ta’ dettalji dwar il-gruppi u s-suġġetti rilevanti; u (iv) in-nuqqas ta’ flessibbiltà għall-adattament għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu jew għal sorsi ġodda tad-data. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet regolament qafas uniku ġdid dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u l-akkomodazzjoni li jikkonsolida l-qafas legali u jindirizza l-erba’ lakuni.

L-isforzi jkomplu javvanzaw il-proċedura leġiżlattiva ordinarja dwar il-qafas legali integrat il-ġdid għall-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni li tinkorpora u testendi l-istatistika demografika skont ir-Regolament.

(1) ()    Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39 ).
(2) ()    L-ewwel rapport ġie ppubblikat bħala COM(2018) 843 .
(3) ()    “Residenza abitwali” hija definita fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bħala l-post fejn persuna normalment tqatta’ l-perjodu tal-mistrieħ tagħha ta’ kuljum għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas 12-il xahar. Meta ċ-ċirkostanzi għal residenza abitwali ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti, din tista’ titqies li tfisser il-post ta’ residenza legali jew reġistrata, ħlief għall-finijiet ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
(4) ()    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 205/2014 tal-4 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika demografika, fir-rigward tat-tqassim tad-data, tal-iskadenzi u tar-reviżjonijiet tad-data (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU L 65, 5.3.2014, p. 10 ).
(5) ()    Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ( ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164 ).
(6) ()     http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-32-11-955
(7) ()     https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/impact-demographic-change-europe_mt
(8) ()     http://ec.europa.eu/regional_policy/en/information/cohesion-report/ (disponibbli bl-Ingliż biss).
(9) ()     https://commission.europa.eu/system/files/2023-01/Demography_report_2022_0.pdf (disponibbli bl-Ingliż biss).
(10) ()    L-aħħar edizzjoni hija disponibbli fuq https://ec.europa.eu/eurostat/web/interactive-publications/demography-2023 (disponibbli bl-Ingliż biss).
(11) ()    L-aħħar projezzjonijiet tal-popolazzjoni tal-EUROPOP2023 ġew ippubblikati mill-Eurostat fit-30 ta’ Marzu 2023: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Population_projections_in_the_EU (disponibbli bl-Ingliż biss).
(12) ()     https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-underlying-assumptions-and-projection-methodologies_en (disponibbli bl-Ingliż biss).
(13) ()    Dan ikopri t-tixrid kollu skont ir-Regolament, hekk kif id-data miġbura skont l-Artikolu 3 xxerdet għall-ewwel darba fl-ewwel trimestru tal-2015.
(14) ()    “Il-popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar” — kodiċi tad-data online tps00001 (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(15) ()    “Il-bidla fil-popolazzjoni — bilanċ demografiku u rati grossi fil-livell nazzjonali” — kodiċi tad-data online demo_gind (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(16) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography/demography-population-stock-balance (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(17) () L-aktar rapport reċenti dwar il-kwalità jtenni d-diffikultajiet persistenti minħabba reġistrazzjonijiet jew dereġistrazzjonijiet mhux kompluti u biex jiġu koperti persuni b’soġġorn irregolari fil-pajjiż, mingħajr ma jiġi stmat l-impatt kwantitattiv fuq l-akkuratezza tal-kopertura.
(18) ()    Pereżempju, skont l-aktar rapport reċenti dwar il-kwalità, kważi l-Istati Membri kollha bagħtu s-settijiet ta’ data kollha tagħhom fil-ħin (76 minn 81 trażmissjoni kienu fil-ħin, tnejn kellhom dewmien ta’ inqas minn ġimagħtejn u tlieta kellhom dewmien ta’ inqas minn 4 ġimgħat).
(19) ()    Il-paġna ewlenija tal-Eurostat ( http://ec.europa.eu/eurostat ) u l-bażi tad-data ( http://ec.europa.eu/eurostat/data/database ) (it-tnejn disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(20) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography/demography-population-stock-balance/database (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(21) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography/demography-population-stock-balance/publications (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(22) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Category:Population (disponibbli bl-Ingliż biss).
(23) ()    Skont l-aktar rapporti reċenti dwar il-kwalità, għall-istatistika demografika (minbarra l-għadd tal-popolazzjoni totali għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill), 18-il Stat Membru japplikaw il-kunċett ristrett ta’ residenza abitwali b’mod konsistenti, filwaqt li disgħa japplikaw kunċetti nazzjonali jew imħallta oħra. Għall-għadd tal-popolazzjoni totali għall-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, fejn il-kunċett ristrett ta’ residenza abitwali huwa meħtieġ legalment, hemm prattiki diverġenti bejn l-Istati Membri dwar ċerti gruppi tal-popolazzjoni, b’mod partikolari l-applikanti għall-ażil (17-il Stat Membru jinkluduhom, 10 le), il-migranti irregolari (13 vs 14), u n-nomadi (19 vs 8).
(24) ()     SWD(2023) 13
(25) () Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23 ).
(26) () Ir-Regolament (KE) Nru 763/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensimenti tal-popolazzjoni u tad-djar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU L 218, 13.8.2008, p. 14 ).
(27) ()     SWD(2023) 15
(28) ()    Eż. data dwar l-akkomodazzjoni għall-Patt Ekoloġiku; data dwar il-migranti u l-mobbiltà fl-UE; data dwar il-popolazzjoni urbana/rurali; u data dwar gruppi ta’ minoranza vulnerabbli għal politiki dwar in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet fundamentali.
(29) ()    Kif innotat fit-Taqsima 4.1 , ir-Regolament jippermetti tliet kunċetti differenti tal-bażi tal-popolazzjoni: residenza abitwali jew, b’mod awtomatiku, residenza reġistrata jew legali (skont ir-regoli nazzjonali) meta ċ-ċirkostanzi għar-residenza abitwali deskritti fir-Regolament ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti. Din il-klawżola prestabbilita oriġinarjament ġiet introdotta bħala eċċezzjoni għal għadd żgħir ta’ Stati Membri iżda sadanittant inbidlet fi standard fattwali ġdid, peress li aktar u aktar Stati Membri qed japplikaw definizzjonijiet tal-bażi tal-popolazzjoni nazzjonali fid-dawl tat-tħaddin ta’ sorsi tad-data amministrattiva.
(30) ()     SWD(2023) 11
(31) ()     COM(2023) 31
(32) ()    Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) ( ĠU LI 261, 14.10.2019, p. 1 ).
(33) ()     Proċedura 2023/0008/COD
(34) ()     https://ec.europa.eu/eurostat/web/european-statistical-system