IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.11.2025
COM(2025) 667 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2025
(skont ir-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika)
1. INTRODUZZJONI: BINI TA’ UNJONI TAL-ENERĠIJA B’SAĦĦITHA
Kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi, il-kostijiet għoljin tal-enerġija huma fil-qalba tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa. Filwaqt li huma ferm aktar baxxi milli kienu matul il-kriżi tal-enerġija tal-2022, il-kostijiet tal-enerġija għadhom ferm ogħla minn dawk tal-kompetituri tagħna u jvarjaw ħafna minn Stat Membru tal-UE għal ieħor, b’hekk jibqgħu sors ta’ tħassib għal ħafna industriji u ċittadini Ewropej. Dawn huma prinċipalment xprunati mid-dipendenza tal-Ewropa fuq il-fjuwils fossili importati li ammontaw għal kważi EUR 375 biljun fl-2024, u mill-ineffiċjenzi strutturali minħabba l-integrazzjoni mhux kompluta tas-sistema tal-elettriku tal-UE.
Unjoni tal-Enerġija ġenwina li tiddependi fuq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija nadifa prodotta domestikament, abbażi ta’ settur b’saħħtu tal-enerġija rinnovabbli u tal-użu effiċjenti hija vitali għas-sigurtà u l-kompetittività tal-UE u biex jintlaħqu l-objettivi tagħna tan-newtralità klimatika. L-Ewropa diġà laħqet is-47 % ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku tagħha fl-2024, u l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika wasslu għal stima ta’ madwar EUR 120 biljun f’iffrankar fil-kontijiet tal-enerġija, u dan witta t-triq għall-indipendenza enerġetika.
Fil-bidu tal-2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-
Patt għal Industrija Nadifa
(CID, Clean Industrial Deal) li jiddeskrivi azzjonijiet biex jitnaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u l-kundizzjonijiet it-tajba biex il-kumpaniji jirnexxu fir-rigward tal-finanzjament, is-swieq pilota, il-kummerċ u l-aċċess għar-riżorsi. Il-Patt għal Industrija Nadifa jintegra n-newtralità klimatika fil-politika industrijali billi jiddeskrivi azzjonijiet konkreti biex id-dekarbonizzazzjoni tinbidel fi xprun tat-tkabbir għall-industriji Ewropej. Fl-istess ħin, il-
Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli
jintroduċi miżuri fl-immedjat u strutturali biex jinkisbu kostijiet tal-enerġija stabbli u prevedibbli, tiżdied l-effiċjenza enerġetika, u tiġi estiża l-ġenerazzjoni rinnovabbli, filwaqt li jiġi żgurat li n-negozji jistgħu jibqgħu kompetittivi filwaqt li l-konsumaturi jibbenefikaw minn enerġija affordabbli. Flimkien, dawn l-inizjattivi jimmarkaw fażi ġdida biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija u tinkiseb sistema tal-enerġija verament integrata li tippermetti li l-enerġija nadifa rħisa prodotta lokalment tiċċirkola liberament madwar l-Ewropa.
Matul dawn l-aħħar snin, ix-xenarju ġeopolitiku li qed jevolvi malajr influwenza s-swieq globali tal-enerġija madwar id-dinja. L-użu tal-enerġija bħala arma min-naħa tar-Russja hedded is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa u kellu impatt fuq l-istabbiltà ekonomika u t-tkabbir tal-Unjoni. B’reazzjoni għal dan, f’Mejju 2022 l-UE nediet il-
Pjan REPowerEU
biex telimina gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Versailles. Sa issa, il-Pjanijiet nazzjonali kollha għall-Irkupru u r-Reżiljenza fl-ambitu ta’ NextGenerationEU jinkludu kapitolu REPowerEU b’total ta’ EUR 65,3 biljun f’investiment stmat. Bis-saħħa tal-azzjoni koordinata u rapida Ewropea u tal-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali, l-importazzjonijiet tal-gass tal-UE mir-Russja naqsu minn 45 % fl-2021 għal 19 % fl-2024 u 12 % fl-2025 (sa Awwissu) bl-interruzzjoni tat-tranżitu mill-Ukrajna. L-importazzjonijiet taż-żejt Russi naqsu wkoll bis-saħħa tal-isforzi u tas-sanzjonijiet tal-UE, minn 27 % fil-bidu tal-2022 għal 3 % fl-ewwel nofs tal-2025, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-faħam Russu ġew eliminati gradwalment għalkollox.
Sabiex titnaqqas kompletament id-dipendenza, il-Kummissjoni wettqet il-wegħda tagħha li tindirizza l-bqija tad-dipendenzi f’Mejju 2025 billi ppreżentat
Pjan Direzzjonali lejn tmiem l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa
segwit mill-ewwel proposta leġiżlattiva f’Ġunju. Din il-proposta storika, li bħalissa qiegħda tiġi nnegozjata mill-koleġiżlaturi, tinkludi sinjal politiku b’saħħtu — l-Ewropa mhux se tibqa’ tittollera l-użu tal-provvisti tal-enerġija bħala arma. Dan huwa konformi mad-
19-il pakkett ta’ sanzjonijiet
kontra r-Russja, fejn il-Kummissjoni pproponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni fl-UE kollha tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG, liquefied natural gas) Russu mill-1 ta’ Jannar 2027, flimkien ma’ azzjoni aktar stretta fejn tidħol il-flotta mistura u projbizzjonijiet totali fuq it-tranżazzjonijiet ma’ Rosneft u Gazprom Neft biex trażżan il-flussi tal-flus miż-żejt.
L-Ewropa hija l-aktar kontinent li qed jisħon malajr fid-dinja, u dan jhedded il-prosperità u s-sigurtà tagħha. Billi tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili mir-Russja u mill-bqija tad-dinja, l-UE għandha l-għan li mhux biss issaħħaħ l-indipendenza enerġetika tagħha, iżda wkoll li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u li twassal lill-Ewropa biex tikseb ir-rwol ta’ mexxej fl-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni, peress li l-UE ma tistax tiddependi fuq il-fjuwils fossili li ma tipproduċix hi stess.
Skont il-
valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-livell tal-UE tal-Pjanijiet Nazzjonali aġġornati finali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs, National Energy and Climate Plans)
, jekk l-Istati Membri jimplimentaw l-NECPs flimkien mal-politiki tal-UE, l-UE se tkun qed toqrob lejn l-objettivi għall-2030 tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-enerġija rinnovabbli. Madankollu, għad hemm distakk sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika, li jindika li huma meħtieġa miżuri addizzjonali u implimentazzjoni aktar b’saħħitha biex jintlaħqu l-miri tal-iffrankar tal-enerġija tal-UE għall-2030, flimkien ma’ azzjonijiet ulterjuri biex jiġu żgurati l-investimenti u l-finanzjament meħtieġa.
Minkejja l-aċċellerazzjoni tal-investimenti nodfa f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari bl-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-fondi ta’ koeżjoni, il-livelli kurrenti ta’ investiment ma jilħqux il-ħtiġijiet annwali stmati ta’ investiment fis-sistema tal-enerġija li jammontaw għal EUR 660 biljun matul il-perjodu 2026–2030 u livelli saħansitra ogħla matul il-perjodu 2031–2040 — meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tagħna tal-klima u l-enerġija.
F’dan l-isfond, il-proposta għal Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ambizzjuż li jammonta għal EUR 1,98 triljun għall-perjodu 2028–2034 (fi prezzijiet kurrenti), tipproponi żieda ta’ ħames darbiet tal-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera — u dan juri l-ħtieġa assoluta li jiżdied b’mod sinifikanti l-investiment fil-grilji Ewropej.
Ir-rapport annwali tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija huwa l-eżerċizzju ta’ rendikont annwali tal-progress tal-UE lejn l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Ir-rapport ta’ din is-sena jippreżenta l-progress li sar bejn l-2024 u l-2025, u jiddeskrivi kif l-UE wieġbet għall-isfidi globali u domestiċi li kienu qed jevolvu fl-ewwel sena tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni. Ir-rapport huwa strutturat fi tliet partijiet: l-ewwel jindirizza kif it-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli miexi ’l quddiem u jankra l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-miri tal-politika tal-2030. It-tieni parti tanalizza s-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija fil-ħames dimensjonijiet kollha tagħha, abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-rapporti biennali ta’ progress tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-NECPs ippreżentati fl-2025. It-tielet parti hija prospettiva, u twitti t-triq għal azzjonijiet deċiżivi biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija u jitħejja l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għad-deċennju li ġej.
Kisbiet ewlenin għall-2025 lejn Unjoni tal-Enerġija ġenwina
-Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli ppreżentat mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Frar 2025 flimkien mal-Patt għal Industrija Nadifa se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija għall-industriji, għan-negozji u għaċ-ċittadini. Dan fih sett komprensiv ta’ miżuri, inkluż il-mobilizzazzjoni tal-investiment, it-tisħiħ tal-flessibbiltà u ta’ ħruġ simplifikat tal-permessi biex tiżdied il-provvista tal-enerġija nadifa u affordabbli, biex jiżdiedu l-investimenti f’miżuri tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll ir-rinfurzar tal-grilja.
-Biex tappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu, fit-2 ta’ Lulju 2025 il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ dokumenti ta’ gwida dwar il-promozzjoni ta’ investimenti antiċipatorji fil-grilji, teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli u forom ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli, id-deżinjazzjoni ta’ żoni ta’ infrastruttura tal-grilja u tal-ħżin, u r-reviżjoni tal-metodoloġiji tat-tariffi tan-network, bl-għan li jiġu appoġġati l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-operaturi tal-grilja fl-espansjoni tal-flotta rinnovabbli, fit-tisħiħ tal-grilji u tal-ippjanar tan-network tagħna, u t-tfassil ta’ tariffi tan-network li jinċentivaw il-flessibbiltà u l-użu kosteffiċjenti tan-network.
-L-ewwel żewġ Ftehimiet Tripartitiċi għall-Enerġija Affordabbli li jkopru, rispettivament, l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-grilji, u l-ħżin tal-enerġija tħabbru mill-Kummissarju Jørgensen fl-4 ta’ Settembru 2025, u huma mistennija jiġu konklużi fix-xhur li ġejjin. Billi jlaqqgħu flimkien lill-produtturi tal-enerġija, lill-konsumaturi industrijali u lis-settur pubbliku rrappreżentat mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, dawn il-kuntratti se jistabbilixxu impenji reċiproċi biex jiġu sfruttati l-investimenti meħtieġa għall-integrazzjoni rapida ta’ enerġija prodotta lokalment u affordabbli fis-sistema. Barra minn hekk, bħalissa, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-potenzjal għal kuntratti simili f’setturi oħra, bħall-bijometan, l-effiċjenza enerġetika, ir-reatturi modulari żgħar jew l-integrazzjoni tal-enerġija ta’ ċentri tad-data.
-L-UE naqqset drastikament id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija Russa: l-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja (gass bil-pipeline u LNG) naqsu minn 45 % fl-2021 għal 12 % fl-2025 (sa Awwissu), filwaqt li l-importazzjonijiet taż-żejt naqsu minn 27 % fil-bidu tal-2022 għal 3 % biss bħala riżultat tas-sanzjonijiet implimentati. Dan it-tnaqqis sostanzjali, xprunat minn miżuri kkoordinati tal-UE u minn sforzi ta’ diversifikazzjoni tal-enerġija, jimmarka pass ewlieni lejn l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija Russa u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni.
-Il-Pjan Direzzjonali lejn tmiem l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa, imressaq mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2025, stabbilixxa approċċ ikkoordinat u gradwali biex jintemmu l-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-enerġija nukleari Russi lejn l-UE. L-ewwel proposta leġiżlattiva għal Regolament dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet ta’ gass naturali Russu se tiżgura l-eliminazzjoni gradwali iżda effettiva tal-gass u taż-żejt Russi, filwaqt li tippreserva s-sigurtà tal-provvista u l-istabbiltà tas-suq tal-UE. Tipprevedi wkoll miżuri għat-tisħiħ tat-trasparenza u tal-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, billi tintemm bis-sħiħ id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija Russa. Bid-19-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja, il-Kummissjoni pproponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni fl-UE kollha tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG, liquefied natural gas) Russu mill-1 ta’ Jannar 2027, flimkien ma’ azzjoni aktar stretta fuq il-flotta mistura u projbizzjonijiet sħaħ fuq it-tranżazzjonijiet ma’ Rosneft u Gazpromneft biex trażżan il-flussi tal-flus taż-żejt.
-Fid-9 ta’ Frar 2025, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja ssinkronizzaw b’suċċess il-grilji elettriċi tagħhom maż-Żona Sinkronika tal-Ewropa Kontinentali. Is-sinkronizzazzjoni tal-Istati Baltiċi hija proġett ewlieni li jiżgura s-sigurtà tal-enerġija tal-UE, li ġie appoġġat mill-Kummissjoni b’appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju mingħajr preċedent matul l-aħħar 15-il sena. Dan jinkludi aktar minn EUR 1,23 biljun f’għotjiet mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) tal-UE u EUR 60 miljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility).
-L-UE qed tħejji ruħha għax-xitwa bi trajettorja għall-mili tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass f’konformità mal-medja rreġistrata mill-2016 sal-2021 (83 % sal-bidu ta’ Ottubru) u tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ 90 % sal-1 ta’ Novembru. L-emendi reċenti għar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass jipprovdu flessibbiltà akbar, u jgħinu lill-Istati Membri jottimizzaw l-operazzjonijiet ta’ ħżin u jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija.
-Il-Pjanijiet Nazzjonali finali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) juru li l-Istati Membri naqqsu b’mod sinifikanti d-diskrepanza lejn il-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2030 bi tnaqqis stmat ta’ madwar 54 % fl-emissjonijiet netti totali ta’ gassijiet serra fl-2030 meta mqabbel mal-1990, diskrepanza limitata fl-ambizzjoni ta’ 1,5 % lejn il-mira tal-enerġija rinnovabbli ta’ 42,5 %, iżda huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-kontributi tal-Istati Membri għall-mira tal-effiċjenza enerġetika ta’ 11,7 % sal-2030, kif ukoll fir-rigward tal-iżgurar tal-investimenti u tal-finanzjament meħtieġa. Il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjanijiet u qed tesplora azzjoni ulterjuri biex twettaq il-projezzjonijiet tal-Istati Membri. Sabiex tappoġġa t-tnaqqis tad-diskrepanza fl-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni nediet il-Forum ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza fil-Kunsill Informali tal-Enerġija fl-4 u fil-5 ta’ Settembru 2025.
to
-It-Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli u mnedija diġà f’Ġunju 2025, tlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni madwar l-Unjoni tal-Enerġija kollha u biex tissaħħaħ il-governanza u t-tlestija tagħha. Għandha l-għan li tagħti spinta politika lil sfidi ewlenin konkreti li jsawru s-sistema kollettiva tagħna tal-enerġija tal-futur.
-Il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata ġdida fl-2024 hija stmata li tlaħħaq madwar 77 GW (12,9 GW għall-enerġija mir-riħ u 65,5 GW għall-enerġija solari), u dan jirrappreżenta żieda annwali ta’ 17 % meta mqabbla mal-2023. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kkonsolidat il-pożizzjoni ewlenija tagħha fl-2024 fl-UE, u pprovdiet 47,3 % tal-elettriku totali. Għall-ewwel darba, f’Ġunju 2025, l-enerġija solari saret l-akbar sors ta’ enerġija tal-UE.
-Il-mira tal-UE għall-2030 ta’ 42,5 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tal-UE (bl-aspirazzjoni tal-kisba ta’ 45 %) se tirrikjedi adozzjoni ħafna aktar malajr ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin, b’żieda annwali ta’ 2,6 punti perċentwali meħtieġa biex fl-2025 jintlaħaq il-punt ta’ referenza li jmiss ta’ 29,7 %.
-
-Fir-rigward tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili, il-produzzjoni u l-konsum tal-faħam qed ikomplu jonqsu. Mill-2018 sal-2024, l-UE, bejn wieħed u ieħor, naqqset bin-nofs il-konsum tagħha kemm tal-antraċit kif ukoll tal-faħam kannella.
-Il-konsum ta’ enerġija primarja fl-UE naqas b’4,1 % fl-2023 u l-konsum finali tal-enerġija naqas bi 3 % meta mqabbel mal-2022. It-tnaqqis ewlieni fil-konsum finali tal-enerġija għandu jiġi osservat fis-settur residenzjali, segwit minn dak industrijali u tas-servizzi.
-Fil-11 ta’ Settembru 2025, tnediet l-inizjattiva Effiċjenza Enerġetika fl-SMEs, biex tappoġġa l-investimenti fl-enerġija għal 350 000 intrapriża żgħira u ta’ daqs medju madwar l-Ewropa b’pakkett ta’ finanzjament ġdid ta’ EUR 17.5 biljun (2025–2027). Il-Kummissjoni se tkompli timmobilizza l-kapital pubbliku u privat permezz ta’ koalizzjonijiet, ċentri nazzjonali, pjattaformi ta’ investiment, appoġġ tal-BEI, u billi tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ għodod ġodda ta’ investiment biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika.
-It-tmien Programm Indikattiv Nukleari (PINC, Nuclear Illustrative Programme) tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2025 jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva u bbażata fuq il-fatti tax-xejriet tal-iżvilupp nukleari. It-twettiq tal-pjanijiet tal-Istati Membri se jirrikjedi investimenti sinifikanti stmati għal EUR 241 biljun sal-2050 li jkopru l-bini ġdid ta’ reatturi fuq skala kbira u estensjonijiet tal-ħajja (“xenarju ta’ każ ta’ bażi” b’kapaċità ta’ 109 GW). Fi tmiem l-2024, kien hemm 101 reattur tal-enerġija nukleari li kienu qed joperaw fi 12-il Stat Membru, jew kważi kwart ta’ ’l fuq minn 400 reattur li kienu qed joperaw fid-dinja.
-Il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u tal-Materja Prima ġiet stabbilita mill-Kummissjoni biex tingrana d-daqs tas-suq Ewropew u biex tagħti s-setgħa lill-kumpaniji Ewropej biex jakkwistaw b’mod effettiv prodotti u materja prima relatati mal-enerġija. Din tospita mekkaniżmi differenti bl-għan li jkopru l-idroġenu, il-materja prima, il-bijometan, il-gass naturali likwifikat (LNG) u l-gass naturali.
-Sar progress fil-ħidma biex il-pajjiżi kandidati jiġu allinjati mal-politiki tal-enerġija tal-UE bħala parti mill-prijoritajiet usa’ tat-tkabbir. Saru laqgħat ta’ eżami analitiku tal-acquis għall-Ukrajna u għall-Moldova, biex jiġi vvalutat l-allinjament tagħhom mal-acquis tal-UE dwar l-enerġija. Il-Kummissjoni lestiet il-proċess ta’ eżami analitiku tal-acquis għall-Albanija u għall-Maċedonja ta’ fuq. In-negozjati dwar il-Kapitolu 15 (l-enerġija) u l-Kapitolu 21 (in-networks trans-Ewropej) tar-Raggruppament 4 tal-proċess ta’ adeżjoni għadhom għaddejjin għas-Serbja u għall-Montenegro.
-F’Jannar 2025, il-President von der Leyen nediet il-Forum dwar it-Tranżizzjonijiet Globali tal-Enerġija (GETF, Global Energy Transitions Forum), li se jiffoka fuq it-twettiq tal-ewwel Rendikont Globali (GST, Global Stocktake) li qatt sar billi jittrippla l-kapaċità globali tal-enerġija rinnovabbli u jirdoppja r-rata tat-titjib fl-effiċjenza enerġetika sal-2030.
-Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-viżjoni l-ġdida tal-UE għat-tisħiħ tat-tranżizzjoni dinjija tal-klima u tal-enerġija, f’Ottubru 2025.
-Qiegħed jiġi propost qafas ta’ governanza ġdid għall-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET, Strategic Energy Technology) biex jitfasslu Aġendi Komuni ta’ Implimentazzjoni u ta’ Investiment għal kull teknoloġija tal-enerġija nadifa, filwaqt li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati tar-riċerka u dawk industrijali, f’allinjament mal-ambizzjonijiet tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti.
2. TWETTIQ TAL-PJAN TA’ AZZJONI GĦAL ENERĠIJA AFFORDABBLI
L-Unjoni Ewropea qiegħda tiffaċċja sfida urġenti: il-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija jheddu li jnaqqsu l-appoġġ pubbliku għat-tranżizzjoni tal-enerġija, b’47 miljun persuna Ewropea affettwati mill-faqar enerġetiku u mid-disparitajiet dejjem akbar fil-prezzijiet ma’ ekonomiji ewlenin oħra li qed idgħajfu l-kompetittività industrijali tal-UE.
Biex tindirizza l-isfidi kkombinati tad-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-fjuwils fossili għaljin, l-ineffiċjenzi fis-suq tal-enerġija u n-nuqqas ta’ integrazzjoni sħiħa tas-sistema tal-enerġija, l-UE qed tieħu approċċ komprensiv biex tlesti l-Unjoni tal-Enerġija. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli ppreżenta azzjonijiet biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija fl-immedjat bħat-tnaqqis tat-taxxi fuq l-elettriku li diġà beda jagħti l-frott f’xi Stati Membri, filwaqt li jimmira għal miżuri aktar strutturali biex jimmodernizza s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa billi jsir investiment fil-grilji u l-interkonnetturi, jittejbu l-kundizzjonijiet abilitanti bħall-ħruġ tal-permessi u l-governanza, u tingħata spinta lill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u lill-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni hija impenjata li timplimenta malajr dan il-Pjan u li tappoġġa lill-Istati Membri f’kull pass. Fil-21 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni ħabbret li se żżid l-isforzi biex tbaxxi l-prezzijiet tal-enerġija b’
sett ta’ seba’ azzjonijiet biex tgħin lill-industriji u lill-konsumaturi
. Ħarsa ġenerali lejn il-progress miksub f’kull azzjoni tal-pjan hija pprovduta fl-Anness 1.
Azzjonijiet tal-Istati Membri biex inaqqsu t-tassazzjoni fuq l-enerġija
Id-Danimarka introduċiet il-Liġi dwar il-Finanzi tal-2026
li tinkludi tnaqqis fit-taxxi fuq l-elettriku għall-minimu tal-UE mill-2026 sal-2027. Dan huwa tnaqqis minn madwar EUR 97/MWh għal madwar EUR 1,1/MWh, jew kważi żero. Skont id-Danimarka, dan se jwassal għal iffrankar ta’ EUR 134 fis-sena (DKK 1 000) għal persuna waħda, u madwar EUR 533 fis-sena (DKK 3 975) għal familja li taħdem li tgħix f’dar (it-3 ta’ Settembru).
Il-Ġermanja ħabbret l-intenzjoni li tnaqqas it-taxxi fuq l-elettriku
għall-minimu tal-UE għal setturi speċifiċi (l-industrija, l-agrikoltura, il-forestrija) għall-benefiċċju ta’ madwar 600 000 kumpanija b’
appoġġ ta’
EUR 1,5 biljun fl-2026 u EUR 3 biljun fl-2027, kif ukoll EUR 6,5 biljun bħala appoġġ għat-tariffi tal-grilja tat-trażmissjoni (it-3 ta’ Settembru).
Integrazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija tal-UE
It-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija hija kruċjali biex jingħelbu l-ineffiċjenzi fis-Suq Intern tal-Enerġija. Is-sistema tal-enerġija tal-UE tibqa’ kkaratterizzata minn kapaċità transfruntiera limitata, minn nuqqas ta’ integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija li jirriżultaw f’żidiet fil-prezzijiet u minn disparitajiet reġjonali fil-prezzijiet. Dan jipprevjeni l-użu ottimali ta’ elettriku nadif u jimmina s-sigurtà tal-provvista. Nofs il-ħtiġijiet tal-infrastruttura transfruntiera tal-Ewropa għadhom ma humiex issodisfati, u kjuwijiet twal għall-produtturi u għall-konsumaturi rinnovabbli biex jiġu konnessi mal-grilja jxekklu l-kompetittività tal-Ewropa u s-sigurtà u t-tranżizzjoni tal-enerġija.
Il-ħżin jibqa’ wkoll sfida kritika: minkejja tkabbir rekord, il-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija tal-batteriji tal-UE kienet biss ta’ 61 GWh fl-2024, filwaqt li xi stimi jqisu li l-UE jeħtieġ tikseb ħżin tal-enerġija ta’ 200 GW li sal-2030 ikun operazzjonali, ekwivalenti għal mill-inqas 18,5 GW fis-sena.
Biex tindirizza dawn id-diskrepanzi persistenti u biex tħaffef il-benefiċċji ta’ Unjoni tal-Enerġija kompletament integrata, il-Kummissjoni nediet it-Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija. Filwaqt li tlaqqa’ flimkien rappreżentanti ta’ livell għoli mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, mill-korpi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-UE, it-Task Force se ssaħħaħ il-kooperazzjoni politika dwar kwistjonijiet bħall-aċċellerazzjoni tal-interkonnettività, il-varar tal-ħżin, id-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, it-tisħiħ tat-tħejjija għal sitwazzjonijiet diffiċli għas-sistema tal-elettriku, u t-titjib tal-ippjanar tal-grilja fl-Istati Membri kollha.
B’mod parallel, biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, tnaqqas il-kostijiet tas-sistema tal-enerġija u tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni, il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ dokumenti ta’ gwida. Dawn jinkludu, inter alia,
gwida dwar investimenti antiċipatorji
, imfassla biex jiġi żgurat li l-grilji elettriċi jiġu estiżi u msaħħa f’konformità mal-ħtiġijiet futuri u mad-domanda dejjem akbar. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-metodoloġiji tat-tariffi tan-network se toħloq ukoll is-sinjali tal-prezz it-tajba għall-investiment fil-flessibbiltà, fir-rispons min-naħa tad-domanda u fl-użu effiċjenti tal-grilja. Billi jallinjaw it-tariffi aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tas-sistema, pereżempju permezz tal-elementi ta’ użu ta’ ħin u ta’ post, dawn jgħinu biex titnaqqas id-domanda massima, tittejjeb il-flessibbiltà biex tiġi evitata l-konġestjoni, u fl-aħħar mill-aħħar biex jitnaqqsu l-kostijiet għall-konsumaturi.
Il-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, li se jiġi ppreżentat aktar tard din is-sena, għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jżid ir-rwol tal-UE fl-ippjanar tal-infrastruttura, isaħħaħ l-ippjanar u t-twettiq tal-UE ta’ interkonnessjonijiet transfruntiera. Fost l-objettivi tiegħu, il-Pakkett se jgħin biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ networks nazzjonali, biex jiġu razzjonalizzati u ssimplifikati l-proċessi tal-ħruġ tal-permessi għall-grilji, għall-ħżin u għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, kif ukoll biex jittejjeb il-mekkaniżmu tal-kondiviżjoni tal-kostijiet. Billi jiffaċilitaw l-użu f’waqtu ta’ proġetti tal-enerġija u jsaħħu l-integrazzjoni tas-suq, dawn il-miżuri se jgħinu biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet tas-sistema, tiżdied l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u jitnaqqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni qed tniedi wkoll l-inizjattiva tal-Awtostradi tal-Enerġija biex tneħħi tmien konġestjonijiet kritiċi fl-infrastruttura tal-enerġija tal-UE billi tlaqqa’ flimkien lil gvernijiet u żviluppaturi u, fl-aħħar mill-aħħar, iġġib enerġija aktar affordabbli fl-Ewropa.
Azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-investimenti fil-grilji
Spanja ħabbret
ħtiġijiet ta’ investiment fil-grilji ta’ EUR 13,59 biljun
sal-2030 biex takkomoda t-talbiet għal żidiet fil-konnessjonijiet mal-grilji. Dan se jippermetti li jiġu akkomodati 13,1 GW ta’ idroġenu rinnovabbli, 9 GW ta’ impjanti industrijali, 3,8 GW għal ċentri tad-data, 1,8 GW għal bini u 1,2 GW għal portijiet. Biex ikunu jistgħu jsiru investimenti bħal dawn,
qiegħed jitħejja abbozz tal-proposta
.
L-ineffiċjenzi fl-użu tal-grilji eżistenti tagħna fil-forma ta’ ridispaċċ diġà jirriżultaw f’kostijiet ta’ EUR 5,2 biljun fis-sena. Jekk ma jiġix indirizzat, dan jista’ jiżdied għal EUR 26 biljun fis-sena sal-2030. Il-kummerċ transfruntier tal-elettriku fis-suq intern diġà llum joffri benefiċċji ta’ madwar EUR 34 biljun fis-sena lill-konsumaturi.
Integrazzjoni aktar profonda tas-suq u governanza aħjar jistgħu jżidu b’mod sinifikanti dawn il-benefiċċji billi jiżguraw fluss aktar faċli tal-elettriku bejn il-fruntieri u sorveljanza aħjar tal-proċessi rilevanti. L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tista’ żżid dawn il-benefiċċji sa massimu ta’ EUR 40–43 biljun fis-sena sal-2030. Il-Kummissjoni se tagħti bidu wkoll għall-proċess ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-integrazzjoni tas-suq intern tal-elettriku billi tippubblika White Paper dwar Integrazzjoni Aktar Profonda tas-Suq tal-Elettriku.
Fl-aħħar nett, ġiet stabbilita Task Force dwar is-Swieq tal-Gass biex tiskrutinizza l-funzjonament tas-suq tal-gass u biex tevalwa b’mod rigoruż il-proċessi ta’ sorveljanza biex jiġu identifikati oqsma għal titjib u biex jiġi żgurat il-funzjonament ottimali tas-swieq tal-enerġija. Is-sejbiet tat-task force, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet possibbli, huma mistennija sa tmiem is-sena, bl-għan li titrawwem sistema tal-enerġija aktar reżiljenti u effiċjenti għall-futur.
Aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa
It-taħlita tal-enerġija tal-UE għadha tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili, l-aktar dawk importati. Fl-2023, madwar 70 % tal-enerġija kkunsmata fl-UE ġiet minn sorsi fossili, li kważi 90 % minnhom huma importati. Fl-2024 biss, il-kost tal-importazzjoni għall-Ewropa kien ’il fuq minn EUR 375 biljun.
Biex jappoġġaw il-konsum ta’ fjuwils fossili bi prezz ogħla, fl-2024 l-Istati Membri allokaw bejn wieħed u ieħor fondi pubbliċi għal sussidji għall-fjuwils fossili ta’ kwint aktar (+18 %) milli fl-2021 (is-sena ta’ qabel il-kriżi), għalkemm il-livell ta’ dawn is-sussidji naqas b’aktar minn terz meta mqabbel mal-2023 (-34 %) u bin-nofs meta mqabbel mas-sena ta’ tfixkil fil-provvista tal-enerġija, l-2022 (-49 %). Din id-dipendenza fuq il-fjuwils importati toħloq riskju sinifikanti għas-sigurtà u r-reżiljenza tal-enerġija tal-UEu tikkostitwixxi xkiel għall-kompetittività billi tfixkel l-inċentivi biex isir investiment fit-tranżizzjoni tal-enerġija.
Għalhekk, l-UE trid tiddiversifika u tespandi l-produzzjoni tagħha ta’ enerġija nadifa prodotta lokalment.
Diġà jidher progress sinifikanti. Bejn l-2021 u l-2023, il-konsumaturi tal-elettriku tal-UE ffrankaw EUR 100 biljun bis-saħħa tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-kapaċità ġdida fotovoltajka solari u minn dik tal-enerġija mir-riħ, u dan juri l-importanza li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u jitnaqqsu l-kostijiet.
L-espansjoni rapida tal-grilji u l-integrazzjoni tagħhom huma essenzjali, bil-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli tiżdied b’mod rapidu – madwar 77 GW miżjuda fl-2024 biss, inklużi 12,9 GW ta’ kapaċità ta’ enerġija mir-riħ u 65,5 GW ta’ kapaċità fotovoltajka solari ġdida – u l-espansjoni annwali tal-kapaċità tal-elettriku rinnovabbli għandha tilħaq madwar 100 GW sal-2030, kif issottolinjat fil-Patt għal Industrija Nadifa. Implimentazzjoni rapida tar-regoli adottati reċentement, b’mod partikolari dwar il-ħruġ aktar malajr tal-permessi, hija prerekwiżit biex tiġi appoġġata din l-aċċellerazzjoni kruċjali.
Azzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-ħruġ tal-permessi
L-Irlanda introduċiet
, għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ir-rikonoxximent obbligatorju tal-kompletezza tal-applikazzjoni jew it-talba għal aktar informazzjoni fi żmien 45 jum; tistabbilixxi skadenzi għad-deċiżjonijiet skont il-kapaċità (52 ġimgħa għal aktar minn 150 kW, 30 ġimgħa għal anqas minn 150 kW jew repowering); rekwiżit li l-awtoritajiet ma jistgħux jestendu l-ambitu tal-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (VIA) wara li tingħata opinjoni (it-12 ta’ Awwissu 2025).
L-Italja għamlet rieżami preliminari
(soġġett għall-approvazzjoni tal-Parlament) tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħruġ tal-permessi fejn ipproponiet it-tneħħija ta’ ostakli għal interventi li ma jirrikjedux użu ġdid ta’ art, integrazzjoni bla xkiel tal-ħżin, reġim aktar mgħaġġel għal proġetti mingħajr impatti ambjentali jew b’impatti ambjentali limitati, is-simplifikazzjoni ta’ proċessi għal titjib/repowering tal-impjanti, l-introduzzjoni ta’ punt uniku ta’ kuntatt muniċipali (il-11 ta’ Settembru 2025).
Sors: Eurostat, WindEurope, Solar Power Europe
Żieda fl-effiċjenza enerġetika tfisser ukoll tnaqqis tad-dipendenza tagħna fuq l-importazzjoni tal-enerġija.
Kull 1 % ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika jissarraf fi tnaqqis ta’ 2,6 % fl-importazzjonijiet tal-gass
. L-isforzi kontinwi biex tittejjeb l-effiċjenza għandhom rwol deċiżiv fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u fit-tnaqqis tal-prezzijiet u tal-kostijiet tal-enerġija. Il-kontribut tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fit-tnaqqis tal-kontijiet tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili huwa madwar 25 %.
Azzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-effiċjenza enerġetika
L-Italja approvat l-iskema
Conto Termico 3.0, li tippermetti inċentivi għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija termali rinnovabbli f’bini pubbliku (EUR 400 miljun) u privat (EUR 500 miljun) (l-4 ta’ Awwissu).
Biex tavvanza l-effiċjenza enerġetika, il-Kummissjoni se tiffoka l-isforzi tagħha fuq 10 oqsma speċifiċi deskritti fil-
Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika
. Dawn l-inizjattivi jvarjaw mill-appoġġ u s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar l-effiċjenza enerġetika għall-iżvilupp ta’ suq tal-effiċjenza enerġetika negozjabbli u għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u tal-kooperazzjoni internazzjonali. L-inizjattiva dwar l-effiċjenza enerġetika għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) tnediet fil-11 ta’ Settembru. L-isforz ta’ finanzjament addizzjonali ta’ EUR 17,5 biljun mill-Grupp tal-BEI se juża taħlita ta’ prodotti finanzjarji eżistenti u ġodda, inkluż strumenti ta’ dejn u ta’ ekwità, se jappoġġa t-tnedija ta’ teknoloġiji mixhuda bi prova li jiffrankaw l-enerġija għall-SMEs, li jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom u jagħtu spinta lir-reżiljenza u lill-kompetittività tagħhom. Hemm interess konsiderevoli għall-adozzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet finanzjarji għall-SMEs biex jiddekarbonizzaw u jkunu aktar reżiljenti u kompetittivi.
Investimenti fl-enerġija nadifa
Sabiex tilħaq il-miri tagħha tal-enerġija u tal-klima, il-Kummissjoni tistma li l-UE jeħtieġ timmobilizza aktar minn EUR 660 biljun fis-sena bejn l-2026 u l-2030 u EUR 695 biljun fis-sena mill-2031 sal-2040 għal investimenti relatati mal-enerġija bħal fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika u fil-kapaċità tal-grilja.
Il-qalba tal-investiment fil-livell tal-UE relatat mal-enerġija hija mmirata b’mod ċar lejn l-aċċellerazzjoni tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, it-tisħiħ tal-flessibbiltà, l-użu ta’ interkonnetturi u t-titjib tal-infrastruttura tal-elettriku.
Filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-investimenti jeħtieġ jiġu minn kapital privat, il-finanzjament pubbliku jeħtieġ ikun immirat aħjar biex jimmobilizza l-investimenti privati. Dan jirrikjedi approċċ flessibbli, użu ta’ taħlita koordinata ta’ azzjonijiet mhux finanzjarji u sett ta’ għodod komprensiv ta’ strumenti finanzjarji – minn mekkaniżmi ta’ tneħħija tar-riskji għal soluzzjonijiet finanzjarji strutturati u li jtejbu r-ritorn – biex jiġu indirizzati l-ostakli speċifiċi ffaċċjati mill-ispettru sħiħ ta’ investituri, minn investituri istituzzjonali kbar sa banek kummerċjali u żviluppaturi tal-proġetti, fis-segmenti kollha tas-settur tal-enerġija.
Billi tidderieġi l-fondi tal-UE lejn l-espansjoni tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-elettriku fuq skala kbira kif ukoll lejn l-immodernizzar tal-grilji tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni fl-Istati Membri kollha, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tikkontribwixxi għall-objettiv li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli jiżdied għal mill-inqas 42,5 % sal-2030. Flimkien mal-investimenti, l-RRF tappoġġa lill-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ riformi li jippermettu l-investiment bl-għan li jħaffu l-ħruġ tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli u jipprovdu aċċess aktar rapidu għall-grilji u sistema tal-elettriku aktar flessibbli. L-RRF hija mistennija li tipprovdi 61 GW ta’ kapaċità ta’ enerġija rinnovabbli installata ġdida li tippermetti li jiġu ffrankati diversi biljuni ta’ metri kubu ta’ gass naturali, madwar 40 miljun unità domestika se jkunu koperti bl-elettriku, u se timmodernizza u tibni aktar minn 10 000 km ta’ grilji elettriċi. Sehem kbir tal-RRF ġie ddedikat ukoll għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fil-bini. Mill-EUR 723,8 biljun disponibbli taħt il-faċilità ta’ rkupru, intużaw EUR 106,5 biljun biex jiġu ffinanzjati investimenti fl-effiċjenza enerġetika, u dan jirrappreżenta 15 % tal-fondi.
Bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, il-Kummissjoni qed iżżid l-isforzi skont ir-regoli tas-suq tal-elettriku biex tiddiżakkoppja l-kontijiet tal-elettriku mill-volatilità tal-prezzijiet billi tingħata spinta lill-użu ta’ kuntratti fit-tul għall-provvista tal-elettriku. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) assuma rwol ewlieni f’dan ir-rigward, u nieda diversi prodotti finanzjarji bl-appoġġ ta’ InvestEU bħal EUR 500 miljun f’kontrogaranziji għal Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPAs, Power Purchase Agreement) nodfa biex jappoġġa l-bankabbiltà ta’ proġetti ġodda ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli, u jnaqqas ir-riskju għax-xerrejja, u billi nieda programm ta’ EUR 1,5 biljun biex jipprovdi garanziji bankarji lill-manifatturi Ewropej tal-komponenti tal-grilja. Barra minn hekk, espanda l-kapaċità ta’ finanzjament tal-Pakkett dwar l-Enerġija mir-Riħ minn EUR 5 biljun għal EUR 6,5 biljun, u stabbilixxa prodott ta’ garanzija ġdid għal teknoloġija nadifa emerġenti ta’ EUR 250 miljun li għandu jiġi appoġġat ukoll minn InvestEU.
Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa l-fond ewlieni ta’ investiment tal-UE f’teknoloġiji nodfa u innovattivi ħafna. B’finanzjament stmat ta’ EUR 40 biljun disponibbli bejn l-2020 u l-2030, il-programm huwa ffinanzjat kompletament mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System), li tappoġġa l-indipendenza enerġetika.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni jipprovdi wkoll appoġġ għall-investiment, u huwa ffinanzjat kompletament mill-EU ETS. Minn Jannar 2021, ġew ikkonfermati madwar 200 skema u proġett individwali għall-ammont totali ta’ EUR 19,1 biljun, li ġew żborżati lill-Istati Membri benefiċjarji. Dawn l-inizjattivi huma relatati l-aktar mal-enerġija rinnovabbli, mal-effiċjenza enerġetika, mal-ħżin tal-enerġija u mal-modernizzazzjoni tan-networks tal-enerġija.
Fil-qasam tal-enerġija nukleari, il-Kummissjoni ppubblikat it-tmien
Programm Indikattiv Nukleari
(PINC) fit-13 ta’ Ġunju 2025, li joffri ħarsa ġenerali komprensiva u bbażata fuq il-fatti tal-investimenti meħtieġa fl-enerġija nukleari biex jintlaħqu l-pjanijiet tal-Istati Membri, u jidentifika oqsma fejn l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tingħata prijorità. Ix-xenarju ta’ “każ ta’ bażi” jirrikjedi investimenti ta’ madwar EUR 241 biljun f’termini ta’ valur preżenti, b’bini ġdid ta’ reatturi fuq skala kbira li jammonta għal EUR 205 biljun u estensjonijiet tat-tul tal-ħajja li jammontaw għal EUR 36 biljun. Data operazzjonali reċenti tikkonferma li l-flotta nukleari tal-UE qed taħdem b’fattur ta’ kapaċità għolja ta’ aktar minn 80 %, tikkontribwixxi għal provvista ta’ karga bażika u għall-miri tad-dekarbonizzazzjoni, u dan kollu waqt li tkun komponent importanti għall-kompetittività industrijali u għas-sigurtà tal-provvista f’ċerti Stati Membri.
It-twettiq tal-impatt sħiħ ta’ dawn ir-riformi jirrikjedi strateġija ta’ investiment fit-tul. L-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa li jmiss se tindirizza l-ostakli sistemiċi għall-investimenti fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, fl-infrastruttura, fil-ħżin u fl-effiċjenza enerġetika, u se tiddeskrivi azzjonijiet biex jiġi sfruttat il-kapital privat u jiġi ingranat aħjar il-finanzjament pubbliku.
Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli, b’mod partikolari għas-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu, joffri possibbiltajiet kbar biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa u jissaħħu l-kapaċitajiet domestiċi u l-innovazzjoni. Il-Pjan ta’ Investiment għat-Trasport Sostenibbli li jmiss jiddeskrivi firxa ta’ miżuri rilevanti f’dan ir-rigward.
Fl-aħħar nett, it-tħejjija ta’ Kuntratti Tripartitiċi għal Enerġija Affordabbli għall-industrija tal-Ewropa, li tlaqqa’ flimkien lill-gvernijiet, lill-produtturi, lill-konsumaturi industrijali u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra se tkompli tgħin biex ikunu jistgħu jsiru l-investimenti meħtieġa billi tiżdied il-prevedibbiltà, jiġu indirizzati r-riskji tal-proġetti u l-ostakli għall-varar tagħhom, jitnaqqsu l-kostijiet tal-finanzjament u tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-Ewropa. Matul il-Kunsill informali tal-Enerġija li sar f’Copenhagen fl-4 ta’ Settembru, il-Kummissarju Jørgensen
ħabbar l-ewwel żewġ
ftehimiet tripartitiċi dwar l-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta u l-grilji, u dwar il-ħżin, mistennija fix-xhur li ġejjin. Il-Kummissjoni se tikkunsidra, f’kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, setturi ta’ prijorità possibbli oħra bħall-bijometan, l-effiċjenza enerġetika, ir-reatturi modulari żgħar, u l-integrazzjoni tal-enerġija taċ-ċentri tad-data.
Bis-sostituzzjoni tal-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni (TCTF, Temporary Crisis and Transition Framework), l-adozzjoni reċenti tal-Qafas għall-Għajnuna mill-Istat tal-Patt għal Industrija Nadifa (CISAF, Clean Industrial Deal State Aid Framework), adottat fil-25 ta’ Ġunju 2025, se tkun ukoll faċilitatur ewlieni għall-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-enerġija nadifa u d-dekarbonizzazzjoni industrijali. Għandu l-għan li jissimplifika l-għajnuna mill-Istat għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, id-dekarbonizzazzjoni industrijali, u l-manifattura b’teknoloġija nadifa billi jippermetti lill-Istati Membri jużaw għotjiet u inċentivi fiskali taħt kundizzjonijiet aktar ċari biex isaħħu l-kompetittività tal-UE bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa usa’.
Għajnuna mill-Istat tal-Istati Membri
Iċ-Ċekja: EUR 960 biljun f’għajnuna mill-Istat għal investiment f’attivitajiet tal-manifattura fil-produzzjoni ta’ tagħmir nadif
(batteriji, pannelli fotovoltajċi, turbini eoliċi, pompi tas-sħana, elettrolizzaturi, u teknoloġiji tal-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (CCUS, carbon capture, utilisation and storage) u materja prima rispettiva (it-18 ta’ Marzu 2025).
Il-Ġermanja: Skema ta’ għajnuna mill-Istat
ta’ EUR 5 biljun approvata mill-Kummissjoni biex tgħin lill-industriji soġġetti għall-ETS jiddekarbonizzaw il-proċessi tagħhom permezz tal-elettrifikazzjoni, l-idroġenu, is-CCUS u l-effiċjenza enerġetika. Dan se jikkonsisti f’kuntratti bidirezzjonali għad-differenza għall-karbonju b’għotjiet annwali bbażati fuq l-offerti tal-kumpaniji u l-evoluzzjoni tal-ETS u fuq il-prezzijiet tal-enerġija, biex jiġu koperti l-kostijiet addizzjonali mid-dekarbonizzazzjoni (24 ta’ Marzu 2025).
Il-Portugall: Skema ta’ tnaqqis tal-imposti fuq l-elettriku ta’ EUR 612 biljun
(75 %–85 %) għal setturi li jibbażaw ħafna fuq l-elettriku u li huma partikolarment esposti għall-kummerċ internazzjonali, skont ċerti kundizzjonijiet (l-24 ta’ April 2025).
Ir-Rumanija: Għotja ta’ għajnuna mill-Istat għal investiment dirett għat-titjib tan-network tat-tisħin distrettwali tal-muniċipalità ta’ Bucharest
biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fil-konsum finali tal-enerġija minħabba telf imnaqqas (l-10 ta’ April).
Ir-Rumanija Għotja ta’ għajnuna mill-Istat għal investiment dirett għat-titjib tan-network tat-tisħin distrettwali tal-muniċipalità ta’ Bucharest
biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika/l-iffrankar fil-konsum finali tal-enerġija minħabba telf imnaqqas (10 ta’ April 2025).
Nagħmlu l-enerġija affordabbli fuq terminu medju sa twil
Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-miżuri ta’ effiċjenza diġà qed inaqqsu l-kost tal-elettriku, għalhekk issa jeħtieġ tinħoloq sistema tal-enerġija integrata li żżid b’mod intelliġenti l-elettrifikazzjoni u ttejjeb l-effiċjenza u l-flessibbiltà kumplessivi tas-sistema billi tintegra aħjar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli rħas u abbundanti fis-setturi kollha.
Il-mewġa li jmiss ta’ azzjonijiet taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Afordabbli kif elenkat fl-Anness, se tiffoka fuq bidliet strutturali biex din il-bidla tkun possibbli. Dan jirreferi, pereżempju, għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Elettrifikazzjoni u għall-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-elettrifikazzjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-elettriku nadif kif ukoll l-integrazzjoni ta’ sistema tal-enerġija effiċjenti. Dawn l-inizjattivi se jiġu appoġġati ulterjorment mill-Pjan Direzzjonali Strateġiku dwar id-Diġitalizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) li għandu l-għan li jsarraf l-avvanzi fis-soluzzjonijiet diġitali u fit-teknoloġiji tal-IA f’passi azzjonabbli li huma ta’ benefiċċju għat-tranżizzjonijiet tal-enerġija u diġitali filwaqt li jindirizza l-isfidi u r-riskji bħall-integrazzjoni tal-konsum miċ-ċentri tad-data fis-sistema tal-enerġija tal-UE.
Il-Pakkett dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini għandu l-għan li jipprovdi gwida dwar kif il-konsumaturi jistgħu jipparteċipaw fl-enerġija rinnovabbli u fir-rispons tad-domanda u jibbenefikaw minnhom, inkluż bħala parti minn komunità tal-enerġija jew permezz tal-kondiviżjoni tal-enerġija.
L-affordabbiltà tal-enerġija hija aspett importanti tal-affordabbiltà kumplessiva tal-akkomodazzjoni. Hemm varjazzjonijiet sinifikanti fl-esponiment għall-faqar enerġetiku fil-gruppi soċjoekonomiċi kollha, kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil. Hemm ukoll differenzjazzjoni notevoli fir-rati tal-faqar enerġetiku fl-Istati Membri kollha tal-UE. Sal-aħħar tas-sena, il-Kummissjoni se tadotta l-ewwel Pjan Ewropew għal Akkomodazzjoni Affordabbli li qatt sar, bl-għan li tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-fatturi strutturali tal-kriżi tal-akkomodazzjoni u jisfruttaw l-investiment pubbliku u privat għal akkomodazzjoni affordabbli u sostenibbli. Dan jinkludi l-operazzjonalizzazzjoni tal-Pjattaforma ta’ Investiment Pan-Ewropea għal Akkomodazzjoni Affordabbli u Sostenibbli, imnedija mal-BEI, ma’ banek promozzjonali nazzjonali u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, li se tippromwovi wkoll investiment sostenibbli fi proġetti ta’ akkomodazzjoni madwar l-UE.
L-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni tal-bini, it-tisħin u t-tkessiħ nodfa u l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għal soluzzjonijiet ta’ mobilità b’emissjonijiet żero u baxxi se jkunu appoġġati mill-Fond Soċjali għall-Klima. L-għan ewlieni tal-Fond huwa li, b’mod parallel mal-ETS2, jiżgura tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika billi jappoġġa l-gruppi vulnerabbli l-aktar milquta, b’mod partikolari l-unitajiet domestiċi li jinsabu f’faqar enerġetiku jew tat-trasport.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tingrana l-Pjan Strateġiku tal-UE għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET, Strategic Energy Technology), wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-ħames pilastru tal-Unjoni tal-Enerġija dwar ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività, biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u jitnaqqsu l-kostijiet tagħhom permezz ta’ sforzi kkoordinati ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni.
3. RENDIKONT TAL-IMPLIMENTAZZJONI GĦALL-2030: BAŻI TA’ EVIDENZA GĦALL-ISTADJU LI JMISS FL-UNJONI TAL-ENERĠIJA
Sal-2025, kważi l-Istati Membri kollha ppreżentaw l-NECPs integrati aġġornati tagħhom. Dawn il-pjanijiet huma essenzjali biex ikollna Ewropa ġusta, reżiljenti, u newtrali għall-klima, u biex tingħata direzzjoni lill-investimenti tant meħtieġa għat-tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija.
Il-valutazzjoni tal-pjanijiet min-naħa tal-Kummissjoni turi li l-Istati Membri tejbu b’mod sostanzjali l-pjanijiet tagħhom wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi, u b’riżultat ta’ dan, il-lakuna fl-ilħuq tal-miri maqbula tal-enerġija u tal-klima għall-2030 ċkienet b’mod sinifikanti. Madankollu, huma meħtieġa aktar ambizzjoni u sforz min-naħa tal-Istati Membri biex jibqgħu mexjin sew ħalli jilħqu l-mira, b’mod partikolari fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika. Hemm nuqqas ukoll ta’ qafas analitiku mtejjeb u ta’ azzjoni mmirata biex jiġu indirizzati l-aspetti tal-ekwità, tal-impjiegi u tal-ħiliet tat-tranżizzjoni. Barra minn hekk, il-pjanijiet ta’ spiss ma jkollhomx strateġiji komprensivi għall-mobilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi u privati. Ftit minnhom speċifikaw is-sorsi ta’ finanzjament, ivvalutaw il-livell ta’ appoġġ pubbliku meħtieġ u ddiskutew kif jista’ jiġi mmobilizzat l-investiment privat. Dan juri l-valur tal-proċess iterattiv u kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan il-progress jappoġġa wkoll l-objettiv tan-newtralità klimatika għall-2050 u l-qafas ta’ tranżizzjoni usa’, filwaqt li jorbot l-awtonomija tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u d-dipendenza mnaqqsa fuq il-fjuwils fossili.
Sal-15 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri kellhom jirrapportaw dwar il-progress tagħhom lejn l-implimentazzjoni tal-NECPs tagħhom. Dan ir-rapportar kopra l-progress lejn il-miri, l-objettivi u l-kontributi tagħhom fil-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija inkluż dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra, dwar l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji fuq il-fjuwils fossili, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni jew l-emenda tal-politiki u tal-miżuri tal-Istati Membri u l-finanzjament tagħhom.
Barra minn hekk, l-Istati Membri kellhom jirrapportaw dwar il-progress fl-għanijiet ta’ adattament tagħhom, dwar l-impatt tal-politiki u tal-miżuri tagħhom fuq il-kwalità tal-arja u fuq l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, u dwar il-passi li ħadu biex jistabbilixxu djalogu multilivell dwar l-enerġija u l-klima.
Abbażi ta’ dawn ir-rapporti, il-Kummissjoni vvalutat il-progress li nkiseb u ħadet rendikont tas-sitwazzjoni tal-UE fir-rigward tal-ilħuq tal-ambizzjonijiet tagħha tal-klima u tal-enerġija għall-2030. Il-valutazzjoni sħiħa min-naħa tal-Kummissjoni tar-rapporti biennali tal-Istati Membri tiġi ppubblikata flimkien ma’ dan ir-Rapport. Barra minn hekk, ir-Rapport ta’ Progress annwali dwar l-Azzjoni Klimatika jirrieżamina l-progress tal-politika dwar il-klima skont ir-Regolament dwar il-Governanza. Il-punti ewlenin tal-valutazzjoni huma miġbura fil-qosor fit-taqsimiet ta’ hawn taħt.
3.1Dekarbonizzazzjoni
Fl-2024, l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, inkluż l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art, u l-forestrija (LULUCF, land use, land-use change, and forestry) u l-emissjonijiet marittimi u tal-avjazzjoni internazzjonali fl-ambitu tal-mira tal-UE, naqsu bi 2,5 % meta mqabbla mal-2023. L-emissjonijiet ikomplu jsegwu t-trajettorja dixxendenti osservata wara t-tnaqqis eċċezzjonali ta’ 9 % miksub fl-2023. L-emissjonijiet kienu 37,2 % inqas milli kienu fl-1990 (jew 39 % meta jitqiesu biss l-emissjonijiet netti domestiċi), filwaqt li l-PDG kien 71 % ogħla, jiġifieri t-tkabbir ekonomiku qed ikompli jissepara mill-emissjonijiet.
Fl-2024, l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System) kisbet tnaqqis ulterjuri fl-emissjonijiet mill-installazzjonijiet tal-enerġija u tal-industrija, bi tnaqqis ta’ 5,8 % meta mqabbel mal-livelli tal-2023. B’hekk dawn l-emissjonijiet jinsabu madwar 50 % inqas mil-livelli tal-2005. L-emissjonijiet mill-avjazzjoni koperti mill-EU ETS żdiedu b’madwar 15 % meta mqabbla mal-2023, għalkemm madwar nofs din iż-żieda kienet dovuta għal ambitu ġeografiku estiż. Fis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi, l-emissjonijiet baqgħu f’livell simili meta mqabbla mal-2023. Id-data proviżorja tal-2024 għall-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mis-settur LULUCF turi żieda fil-bjar netti tal-karbonju ta’ madwar 7 % (jew 15 MtCO2-eq) meta mqabbla mal-2023, għalkemm id-data approssimata tibqa’ soġġetta għal reviżjonijiet kbar (għal aktar dettalji ara r-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2025).
Fl-2023, l-UE laħqet sehem ta’ 24,6 % tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, żieda ta’ 1,5 punt perċentwali meta mqabbla mal-2022.
Bħala medja, is-sehem globali tal-enerġija rinnovabbli ilu jiżdied b’0,8 punt perċentwali fis-sena mill-2020. Il-progress kien b’saħħtu fis-settur tal-elettriku, b’żieda fis-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn 37,4 % fl-2020 għal 45,3 % fl-2023. L-enerġija mir-riħ fuq l-art kienet tammonta għal 15 % tal-konsum tal-elettriku fl-UE, segwita mill-enerġija fotovoltajka solari b’9 % u mill-bijokarburanti b’3 %.
Il-progress fit-tisħin u fit-tkessiħ (minn 23,0 % għal 26,2 %) u fit-trasport (minn 10,3 % għal 10,8 %) kien aktar limitat. Il-mira tal-UE għall-2030 ta’ 42,5 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija tal-UE (bl-aspirazzjoni tal-kisba ta’ 45 %) se tirrikjedi adozzjoni ħafna aktar malajr ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin, b’żieda annwali ta’ 2,6 punti perċentwali meħtieġa biex fl-2025 jintlaħaq il-punt ta’ referenza li jmiss ta’ 29,7 % (f’konformità mar-Regolament dwar il-Governanza). Fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli tiġi prinċipalment mill-bijomassa (86,6 Mtoe) u mill-pompi tas-sħana (19 Mtoe), bl-enerġija termali solari għandha rwol relattivament żgħir.
It-trasport huwa fost l-ogħla emittenti ta’ gassijiet serra, u dan jeħtieġ sforzi mmirati biex jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta’ avvanzi fil-mobbiltà mingħajr emissjonijiet u permezz ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli, speċifikament fis-settur tal-avjazzjoni u dak marittimu. Fit-trasport, l-enerġija rinnovabbli kienet prinċipalment ipprovduta mill-bijokarburanti (18 Mtoe), li jegħlbu l-elettriku (2 Mtoe).
Sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tad-dekarbonizzazzjoni tal-avjazzjoni stabbiliti mill-qafas ReFuelEU Aviation, l-Ewropa trid tħejji biex tipproduċi/timporta 3 miljun tunnellata ta’ Fjuwil tal-Avjazzjoni Sostenibbli (SAF, Sustainable Aviation Fuel), inkluż 600 000 tunnellata ta’ e-SAF, sal-2030, b’żidiet projettati għal 35 miljun tunnellata ta’ SAF, inkluż 17-il miljun tunnellata ta’ e-SAF, sal-2050.
Għas-settur tat-trasport fuq l-ilma, huwa stmat li sal-2030 se jkunu meħtieġa 1,5 Mt ta’ Fjuwils Marittimi Sostenibbli (SMF, Sustainable Maritime Fuels). Fir-rigward tal-2035, il-miri se jkunu jeħtieġu madwar 6,4 Mt ta’ SMF bijoloġiċi u 4,6 Mt ta’ e-SMF.
Dawn il-miri se joħolqu domanda għolja għall-użu kemm ta’ bijokarburanti sostenibbli kif ukoll ta’ fjuwils derivati ta’ karburant tat-trasport rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO, renewable fuels of non-biological origin), b’mod partikolari wara l-2030.
Minkejja ż-żieda fil-livell tal-UE, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija fl-2023 kompla jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, u dan jirrifletti l-pożizzjonijiet ta’ tluq differenti ta’ kull Stat Membru. L-Iżvezja kisbet l-ogħla sehem ta’ enerġija rinnovabbli fl-2023 (66 %), segwita mill-Finlandja (51 %), mid-Danimarka (44 %) u mil-Latvja (43 %), filwaqt li l-Lussemburgu, il-Belġju, Malta u l-Irlanda kellhom l-anqas sehem (ta’ anqas minn 16 %).
Meta wieħed iqis kemm il-konsum nazzjonali kif ukoll it-trasferimenti statistiċi notifikati bħalissa, fl-2023 żewġ Stati Membri kellhom sehem ta’ enerġija rinnovabbli li kien għadu taħt il-mira vinkolanti tagħhom tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 skont id-Direttiva tal-2009 dwar l-Enerġija Rinnovabbli: Franza u l-Irlanda, it-tnejn 0,7 punti perċentwali anqas mill-mira bażi għall-2020. Konsegwentement, dawn l-Istati Membri kellhom jieħdu, fi żmien sena, miżuri addizzjonali sabiex ikopru d-diskrepanza fis-sena li ġejja. Barra minn hekk, tliet Stati Membri kienu għadhom ma ssodisfawx il-punt ta’ referenza tagħhom għas-sena 2022. Dawk l-Istati Membri huma mistennija jispjegaw, fir-rapport ta’ progress integrat li jmiss, kif kien biħsiebhom inaqqsu d-diskrepanza.
B’mod ġenerali, fl-Istati Membri hemm progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-riformi tal-ħruġ tal-permessi b’dinamika pożittiva. Waqt il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħruġ tal-permessi, ġew identifikati 1 200 miżura nazzjonali, li 520 minnhom tqiesu li huma f’allinjament b’saħħtu.[1] Ħafna minn dawk il-miżuri huma reċenti u għad iridu juru l-effetti sħaħ tagħhom. Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, il-Kummissjoni ħabbret miżuri leġiżlattivi ulterjuri kif ukoll miżuri ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni u għall-bini tal-kapaċitajiet biex tgħin lill-Istati Membri jħaffu l-ħruġ tal-permessi għall-enerġija rinnovabbli u għal proġetti ta’ infrastruttura relatati.
Il-Komunitajiet tal-Enerġija qed jespandu b’suċċess fl-Istati Membri kollha, u dan qed jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni tal-enerġija permezz ta’ inizjattivi mmexxija miċ-ċittadini. Issa jeżistu aktar minn 8 000 komunità tal-enerġija fl-UE kollha. Il-Kummissjoni qed tappoġġa dawn l-iżviluppi permezz taċ-Ċentru ta’ Konsulenza dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini li tnieda reċentement u l-Faċilità għall-Komunitajiet tal-Enerġija. Barra minn hekk, il-programm LIFE appoġġa l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet tal-enerġija u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw aktar minn 50 servizz lokali li jgħinu liċ-ċittadini jimmaterjalizzaw u jespandu l-proġetti tal-komunità tal-enerġija.
L-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu b’mod attiv biex isaħħu r-reżiljenza u jadattaw għat-tibdil fil-klima permezz ta’ diversi pjanijiet, strateġiji u oqfsa. L-Istati Membri kollha stabbilew politiki nazzjonali ta’ adattament, u xi wħud għandhom ukoll politiki settorjali ta’ adattament fis-seħħ jew li qed jitħejjew. Diversi Stati Membri qed jintegraw ir-regoli ta’ adattament fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-klima biex isaħħu l-appoġġ legali għall-isforzi ta’ adattament. L-Istati Membri qed jagħmlu wkoll progress fl-iżvilupp u fir-raffinar tal-valutazzjonijiet nazzjonali tagħhom tar-riskju klimatiku, u dan huwa kruċjali għal tfassil ta’ politika dwar l-adattament ibbażat fuq l-evidenza.
Fl-UE kollha qed javvanzaw ukoll l-isforzi lokali u reġjonali fil-bini tar-reżiljenza għall-klima u tal-adattament għat-tibdil fil-klima. Fi Stati Membri b’rekwiżiti legali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom il-mandat li jħejju u jimplimentaw pjanijiet ta’ adattament, b’ħafna jintegraw ir-reżiljenza fi programmi speċifiċi għas-settur. Fejn il-mandati huma assenti, diversi reġjuni u bliet qed jiżviluppaw b’mod volontarju strateġiji ta’ adattament fil-qafas ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ adattament jew fi programmi transfruntiera tal-UE, spiss appoġġati minn inċentivi, gwida, u inizjattivi konġunti tal-gvern.
3.2Effiċjenza enerġetika
Fl-2023, il-konsum ta’ enerġija primarja fl-UE laħaq il-1 209 miljun tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (Mtoe), tnaqqis ta’ 4,1 % meta mqabbel mal-2022 u tnaqqis annwali medju ta’ 2,7 % mill-2020, u mexa ftit eqreb lejn il-mira l-ġdida għall-2030 ta’ 992,5 Mtoe b’diskrepanza li għadha ta’ 22 % mill-mira għall-2030.
Il-konsum finali tal-enerġija laħaq 894 Mtoe fl-2023, tnaqqis ta’ 3,0 % meta mqabbel mal-2022 u tnaqqis annwali medju ta’ 2 % mill-2019, u xorta waħda għadu 17 % ’l bogħod mill-mira l-ġdida għall-2030 (763 Mtoe), jiġifieri mill-anqas 2,2 % tal-isforzi medji annwali meħtieġa għall-2030. Għalhekk, l-isforzi tal-effiċjenza enerġetika se jeħtieġu żieda ulterjuri biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-konsum finali tal-enerġija ta’ 11,7 % sal-2030, peress li l-valutazzjoni tal-2025 tal-Kummissjoni fl-UE kollha tal-NECPs aġġornati finali identifikat tnaqqis ta’ 8,1 % biss meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2030.
Minkejja t-tnaqqis fil-livell tal-UE, it-tnaqqis annwali medju mill-2019 tal-konsum primarju tal-enerġija kif ukoll dak finali kompla jvarja ħafna minn Stat Membru u ieħor, u dan jirrifletti l-kundizzjonijiet u l-punti ta’ tluq differenti ta’ kull Stat Membru. Il-Lussemburgu kiseb l-ogħla tnaqqis annwali medju fil-konsum finali tal-enerġija mill-2019 ’l hawn (5,4 %), segwit min-Netherlands (3,8 %) u mill-Finlandja (3,0 %), filwaqt li f’Malta, fil-Kroazja u fil-Portugall il-konsum finali tal-enerġija saħansitra żdied mill-2019 ’l hawn.
Fl-2023, il-konsum finali tal-enerġija naqas b’6,1 % fis-settur tal-bini residenzjali tal-UE, b’5,4 % fis-settur tal-industrija u bi 3,0 % fis-settur tas-servizzi meta mqabbel mal-livelli tal-2022. Id-data korretta għall-klima fis-settur residenzjali (-3,5 % meta mqabbla mal-2022) tissuġġerixxi li t-tnaqqis huwa marbut l-aktar ma’ titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini residenzjali, iżda wkoll ma’ xitwa anqas qalila meta mqabbla ma’ dik tas-sena preċedenti. Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex tittejjeb ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u tiġi mmonitorjata l-evoluzzjoni tagħha kif ukoll biex jiżdiedu l-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni u għall-elettrifikazzjoni tat-tisħin. Filwaqt li fl-2022 ġew installati 2,8 miljun unità ta’ pompi tas-sħana, l-użu naqas għal 2,7 miljun unità fl-2023 u 2 miljun unità fl-2024. Teknoloġiji nodfa oħrajn fil-bini esperjenzaw tkabbir sinifikanti: il-kapaċità fotovoltajka solari fuq il-bjut laħqet madwar 338 GW sa tmiem l-2024, u l-installazzjonijiet tal-ħżin tal-batteriji fl-Ewropa ammontaw għal madwar 66 GW fl-ewwel trimestru tal-2025, u dan jappoġġa kemm l-istabbiltà tal-grilji kif ukoll l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-miżuri nazzjonali għadhom ma laħqux il-pass meħtieġ biex tintlaħaq ħażna ta’ bini b’emissjonijiet żero sal-2050, li għaliha, implimentazzjoni rapida tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija riformulata se tkun kruċjali.
F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat pakkett biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva sa Mejju 2026.
Il-miżuri ta’ politika u regolatorji qed jissaħħu biex jitneħħew l-ostakli għall-effiċjenza enerġetika. L-isforzi regolatorji, inkluż bħala parti mill-Pjanijiet għall-Ikupru u r-Reżiljenza ta’ ħafna Stati Membri, jiffukaw fuq it-tneħħija tal-ostakli billi jiġi ssimplifikat il-proċess tal-ħruġ tal-permessi għar-rinnovazzjonijiet tal-bini u għall-konnessjonijiet mal-grilja, jiġu indirizzati inċentivi opposti fis-swieq tal-kiri, u jiġu promossi t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-professjonisti tal-enerġija. Barra minn hekk, l-istrumenti bbażati fuq is-suq, bħat-taxxi, l-imposti u l-allowances tal-enerġija, jintużaw biex jinċentivaw l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u biex jappoġġaw l-użu ta’ teknoloġiji b’użu baxx ta’ enerġija. L-Iskemi ta’ Obbligi b’Rabta mal-Effiċjenza Enerġetika (EEOS, Energy Efficiency Obligation Schemes) u ċ-Ċertifikati Bojod negozjabbli jirrikjedu lill-fornituri jiksbu l-iffrankar tal-enerġija għall-utenti finali. Il-mekkaniżmi tal-ipprezzar tal-karbonju, inkluż l-EU ETS, jiġġeneraw dħul għal inizjattivi dwar effiċjenza, filwaqt li t-taxxi fuq l-enerġija u l-imposti fuq il-vetturi jħeġġu konsum imnaqqas. Ir-regolamenti dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija jippromwovu aktar prodotti effiċjenti u għażliet infurmati tal-konsumatur.
L-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika, inkluż l-aġġornamenti fir-regolamenti dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn, wasslet għal iffrankar stmat ta’ madwar EUR 120 biljun fuq il-kontijiet tal-enerġija fl-2023, u dan jista’ jiżdied għal madwar EUR 162 biljun fl-2030.
3.3Swieq tal-Enerġija
L-interkonnessjoni transfruntiera suffiċjenti bejn l-Istati Membri hija prerekwiżit assolut biex l-elettriku nadif u rħis ikun jista’ jiċċirkola b’mod liberu u jilħaq liċ-ċittadini u lin-negozji fl-Ewropa kollha, filwaqt li jikkontribwixxi għal prezzijiet aktar baxxi tal-elettriku, għal sigurtà ogħla tal-provvista u għal integrazzjoni aħjar tal-enerġija rinnovabbli.
L-Istati Membri għamlu sforzi tajbin biex iżidu l-kapaċità transfruntiera, kif juru xi proġetti bħall-Interkonnettur Baltiku bejn il-Finlandja u l-Estonja, l-interkonnettur ElecLink bejn ir-Renju Unit u Franza, u l-pipeline tal-gass IGB bejn il-Greċja u l-Bulgarija. It-tlestija ta’ diversi proġetti ta’ interess komuni għandha tkompli ttejjeb il-livelli tal-interkonnettività. L-Istati Membri jirrapportaw li bħalissa hemm għaddejjin 83 proġett ta’ interess komuni, li l-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċernaw l-interkonnetturi tal-elettriku. Il-proċess għall-istabbiliment tat-tieni lista ta’ PCIs/ ta’ proġetti ta’ interess reċiproku (PMI, project of mutual interest) għadu għaddej, b’230 proġett eliġibbli sa issa, u huwa mistenni li jiġi konkluż sa tmiem l-2025.
Madankollu, 13-il Stat Membru (BE, DE, IE, EL, ES, FR, IT, CY, NL, PL, PT, RO, SE) għadhom ma laħqux il-mira tal-interkonnessjoni għall-2030 ta’ minimu ta’ 15 %, bi 8 (IE, EL, ES, FR, IT, CY, NL, PL) li għadhom lanqas laħqu l-mira tal-interkonnessjoni għall-2020 ta’ 10 %. Huwa meħtieġ sforz ulterjuri sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-2030, b’mod partikolari f’termini ta’ twettiq f’waqtu tal-proġetti transfruntiera ppjanati.
F’April tas-sena l-oħra, l-
Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, Agency for the Cooperation of Energy Regulators) bagħtet dokument bl-opinjoni tagħha
lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea, fejn enfasizzat il-ħtieġa urġenti biex l-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni (TSOs, Transmission System Operators) jagħmlu aktar progress. Is-suq intern tal-elettriku huwa l-pedament tas-sigurtà kondiviża tagħna tal-provvista u faċilitatur ewlieni tal-miri tagħna għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Il-massimizzazzjoni tal-użu tal-kapaċità tal-interkonnessjoni billi jintlaħaq ir-rekwiżit minimu ta’ 70 % hija prerekwiżit għat-tranżizzjoni tal-enerġija peress li l-kummerċ transfruntier jappoġġa l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżomm il-kostijiet baxxi u jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku billi jottimizza l-użu tal-grilja eżistenti.
Barra minn hekk, huwa importanti li l-Istati Membri jtejbu l-kapaċità ta’ flessibbiltà mhux fossili disponibbli fis-sistemi tal-elettriku tagħhom billi jlestu t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-regolamenti rilevanti kollha tal-UE li jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tar-rispons tad-domanda, tal-ħżin u tal-ġenerazzjoni distribwita fis-swieq rilevanti kollha. Ħafna Stati Membri stabbilew miri ambizzjużi għall-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, l-introduzzjoni tal-miters intelliġenti, u l-adegwatezza tas-sistema tal-elettriku, filwaqt li stabbilew il-pedamenti għal sistema tal-enerġija aktar reattiva u integrata.
3.4Sigurtà tal-provvista
L-estensjoni b’suċċess tar-
Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass
tenfasizza l-impenn tal-Ewropa għas-sigurtà u għar-reżiljenza tal-enerġija. Minħabba r-rwol kruċjali tas-sigurtà tal-provvista għat-tranżizzjoni tal-enerġija, dan l-iżvilupp se jgħin fit-tħejjija għax-xtiewi li jmiss filwaqt li jipprovdi flessibbiltà għall-Istati Membri biex jipprevjenu prezzijiet eċċessivi u distorsjonijiet tas-suq.
Il-livelli tal-ħżin tal-gass ta’ 90 % intlaħqu qabel tmiem Awwissu 2024, u ma kien hemm l-ebda kwistjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass minkejja xitwa kiesħa u provvista relattivament baxxa ta’ LNG matul ix-xhur tax-xitwa. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu flimkien mill-qrib biex jiżguraw li s-sigurtà tal-provvista ma tiġix affettwata mit-tmiem tat-tranżitu tal-gass Russu mill-Ukrajna f’Diċembru 2024. Għalkemm l-impatt varja minn reġjun għal ieħor, is-sigurtà kumplessiva tal-provvista u l-prezzijiet ma ġewx affettwati b’mod sinifikanti fil-livell tal-UE bis-saħħa tal-ħidma antiċipatorja kollettiva, inkluż l-isforzi ta’ diversifikazzjoni permezz tal-mekkaniżmu AggregateEU, li kiseb riżultati notevoli: kważi 190 kumpanija rreġistrata, 90 bcm ta’ domanda aggregata, 160 bcm ta’ provvisti u aktar minn 77 bcm imqabbla bejn l-akkwirenti u l-fornituri. B’riżultat ta’ dan, is-sehem tal-importazzjonijiet tal-gass Russu naqas għal 12 % fl-2025 (sa Awwissu) meta mqabbel ma’ 19 % fl-2024. Il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE u tal-Materja Prima se testendi wkoll l-aggregazzjoni tad-domanda għal prodotti u komoditajiet ġodda, u b’hekk tingrana s-setgħa u d-daqs tas-suq Ewropew. Fl-14 ta’ Ottubru 2025, il-livelli tal-ħżin tal-gass kienu jirrappreżentaw 83 % tal-kapaċità.
Ma kien hemm ukoll l-ebda tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista għaż-żejt. Ir-rilaxxi żgħar tal-ħażniet taż-żejt saru minħabba interruzzjonijiet fil-pipelines taż-żejt u/jew fl-għeluq tar-raffineriji, iżda l-Istati Membri kollha żammew jew irritornaw għall-ħażniet obbligatorji taż-żejt. Minħabba s-sanzjonijiet kontinwi fuq l-importazzjoni taż-żejt Russu, kif ukoll fuq il-flotta mistura, hemm biss tliet Stati Membri li jkomplu jimportaw iż-żejt Russu (u dan jammonta għal 3 % tal-importazzjonijiet taż-żejt tal-UE fl-2024).
Is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kienet ġeneralment favorevoli fl-UE, dan minħabba ż-żieda fil-kapaċitajiet installati rinnovabbli, id-domanda moderata għall-elettriku, il-ġenerazzjoni nukleari ġeneralment tajba u l-livelli idroloġiċi favorevoli fl-UE kollha. Żvilupp ewlieni għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kien is-sinkronizzazzjoni tal-Istati Baltiċi mas-sistema tal-elettriku tal-Ewropa Kontinentali, li ppermettiet lill-Estonja, lil-Latvja u lil-Litwanja jiksbu indipendenza enerġetika sħiħa mir-Russja, u b’hekk is-sigurtà kollettiva tal-enerġija tal-UE.
Diċembru 2024 kien ikkaratterizzat ukoll mill-inċident tat-tfixkil tal-kejbil sottomarin Estlink-2 bejn l-Estonja u l-Finlandja, li ma pperikolax is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fir-reġjun iżda wera l-vulnerabbiltà tal-infrastruttura kritika tal-enerġija għal atti malizzjużi, speċjalment taħt il-baħar. Bi tweġiba għal dan, fi Frar 2025, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni Konġunta biex issaħħaħ is-sigurtà u r-reżiljenza tal-kejbils sottomarini madwar erba’ pilastri ewlenin: il-prevenzjoni, id-detezzjoni, ir-rispons u d-deterrenza.
Is-sena l-oħra, xi avvenimenti ta’ temp estrem lokalizzat poġġew ukoll is-sistema tal-elettriku tal-UE taħt pressjoni għolja, bħall-Maltempata Eowyn fl-Irlanda f’Jannar 2025.
Avveniment ewlieni ieħor kien il-blackout Iberiku fit-28 ta’ April 2025, li affettwa l-Peniżola Iberika kollha u żona żgħira fi Franza qrib il-fruntiera Spanjola. Ir-restawr tal-grilja ta’ trażmissjoni Portugiża u Spanjola tlesta matul l-istess lejl, f’konformità mal-kodiċi tan-network dwar l-emerġenza u r-restawr tal-elettriku. Filwaqt li l-fatturi sottostanti għadhom qed jiġu eżaminati, il-Kummissjoni qed timmonitorjahom mill-qrib. Il-Kummissjoni qed tanalizza s-sejbiet kollha, inkluż ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ex-post ippreżentati minn Spanja u mill-Portugall u r-rapport tal-panel ta’ esperti stabbilit mill-ENTSO-E, u tista’ tikkunsidra li tieħu azzjoni biex ittejjeb is-sigurtà kumplessiva tal-provvista tal-UE, pereżempju permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-qafas tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE.
Il-miri nazzjonali rrapportati dwar is-sigurtà tal-enerġija jiffokaw l-aktar fuq l-iżgurar ta’ provvista interrotta, imbagħad fuq id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija. L-Istati Membri jirrapportaw enfasi qawwija fuq it-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-gass permezz tal-iżvilupp ta’ terminals ġodda tal-LNG, rotot alternattivi tal-pipelines, u gassijiet rinnovabbli.
3.5Riċerka, innovazzjoni u kompetittività
It-teknoloġiji tal-enerġija nadifa jipprovdu kontribut ekonomiku importanti, bis-settur tal-enerġija rinnovabbli stmat li joffri madwar 1,8 miljun impjieg fl-UE, u huwa stmat li l-fatturat totali tiegħu kien ta’ madwar EUR 233 biljun fl-2023. Il-kompetittività tas-settur tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa tal-UE hija kruċjali mhux biss biex jintlaħqu l-objettivi tal-enerġija u tal-klima, iżda wkoll biex jinħolqu l-impjiegi, filwaqt li jissaħħu s-sigurtà tal-enerġija u dik ekonomika.
L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act), li daħal fis-seħħ fl-2024, kien pass importanti biex tiġi appoġġata l-manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti tal-UE. F’Mejju 2025, il-Kummissjoni adottat erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, stadju importanti għall-implimentazzjoni tal-att. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Komunikazzjoni li tivvaluta l-provvista tal-UE f’teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u li turi dipendenza qawwija fuq iċ-Ċina, b’mod partikolari għas-sistemi fotovoltajċi solari (94 % tal-moduli fotovoltajċi u taċ-ċelloli fotovoltajċi) u l-batteriji (50 % tal-pakketti, tal-moduli u taċ-ċelloli ta’ batteriji, kif ukoll 81 % tal-materjali attivi tal-anodu). B’mod ġenerali, is-settur tat-teknoloġija nadifa tal-UE jkompli jiffaċċja pressjoni kompetittiva b’saħħitha. Fil-livell dinji, il-kapaċitajiet żejda sostanzjali tal-manifattura fil-batteriji, fl-enerġija solari, fl-enerġija mir-riħ (gondoli) u fl-idroġenu (stacks tal-elettroliżi) huma mistennija li jippersistu fis-snin li ġejjin mingħajr aktar azzjonijiet politiċi.
Fil-livell dinji, l-UE hija minn ta’ quddiem nett fejn jidħol l-infiq pubbliku fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I, Research and Innovation) fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, u f’dawn l-aħħar snin żiedet l-investimenti pubbliċi tagħha fis-settur. Fl-2023, l-Istati Membri pprovdew kważi EUR 8,5 biljun ta’ finanzjament għar-riċerka għall-prijoritajiet tar-R&I tal-Unjoni tal-Enerġija, filwaqt li fis-sena ta’ qabel żiedu n-nefqa tagħhom b’għoxrin fil-mija. Dan ġie ssupplimentat fil-livell tal-UE b’aktar minn EUR 2 biljun fi proġetti rilevanti ta’ Orizzont Ewropa. L-ammont ikkombinat ipoġġi lill-UE fuq quddiem fost l-ekonomiji ewlenin fl-infiq pubbliku fir-R&I fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Madankollu, l-investiment privat fir-R&I, li jipprovdi aktar minn tliet kwarti tal-finanzjament tar-R&I għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa fl-ekonomiji ewlenin, għadu ogħla b’mod sinifikanti fl-ekonomiji Asjatiċi ewlenin milli fl-UE u fl-Istati Uniti. L-Istrateġija għall-Kumpaniji Start-up u Scale-up, imnedija f’Mejju 2025, għandha l-għan li tnaqqas id-diskrepanza fl-innovazzjoni bejn l-UE u l-kompetituri globali ewlenin tagħha, b’azzjonijiet ewlenin li jvarjaw mit-trawwim ta’ regolamentazzjoni favur l-innovazzjoni, għat-titjib tal-aċċess għal finanzjament u għal aċċellerazzjoni tal-adozzjoni u tal-espansjoni tas-suq.
Il-governanza l-ġdida tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET), propost mill-Kummissjoni fl-2025, għandha l-għan li tiddefinixxi Aġendi Komuni ta’ Implimentazzjoni u ta’ Investiment għal kull teknoloġija mal-Istati Membri biex ikomplu jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn l-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati fir-riċerka dwar l-enerġija u dawk industrijali. Barra minn hekk, fl-2025, il-Pjan SET beda jqis iktar l-isfidi trażversali, bħall-adozzjoni mis-suq tal-innovazzjoni, taċ-ċirkolarità, tad-diġitalizzazzjoni u tal-ħiliet tas-soċjetà. Il-miri nazzjonali rrapportati mill-Istati Membri li jsarrfu l-objettivi tal-pjanijiet SET juru enfasi qawwija fuq is-sistemi tal-enerġija u tal-idroġenu. Fir-rigward tat-teknoloġiji nukleari, f’Settembru 2025, l-Alleanza Industrijali Ewropea dwar ir-Reatturi Modulari Żgħar (SMRs, Small Modular Reactors) ippubblikat il-pjan ta’ azzjoni strateġiku tagħha, li jiddeskrivi azzjonijiet speċifiċi għal-appoġġ u t-tħaffif tal-iżvilupp u l-użu tal-SMRs permezz ta’ għadd ta’ proġetti magħżula sal-bidu tas-snin 2030. Fir-rigward tal-enerġija mill-fużjoni, is-sena l-oħra l-proġett ITER issodisfa l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs, key performance indicator) kollha tiegħu, u fl-ewwel semestru tal-2025 l-indikaturi wrew li l-proġett miexi kif ippjanat, u dan se jqarreb il-proġett lejn il-fażi tal-esplorazzjoni xjentifika li se tiftaħ il-bibien għall-kummerċjalizzazzjoni industrijali.
4. MUMENT DEĊIŻIV BIEX TITLESTA L-UNJONI TAL-ENERĠIJA ROBUSTA
Id-dekarbonizzazzjoni tippreżenta opportunità b’saħħitha ta’ tkabbir: tista’ tipprovdi stabbiltà għall-prezzijiet u għas-swieq tal-enerġija, tnaqqas il-kostijiet tal-kontijiet tal-enerġija, toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja u tagħti spinta lill-kompetittività tal-industriji Ewropej, filwaqt li żżid il-produzzjoni domestika tal-enerġija, b’hekk iġġib benefiċċji f’termini ta’ sigurtà tal-provvista u indipendenza enerġetika.
L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli qed tibda turi l-ewwel effetti tagħha fil-prattika. Fix-xhur li ġejjin se tibqa’ prijorità li l-prezzijiet tal-enerġija jitnaqqsu għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej kollha, filwaqt li titħaffef l-implimentazzjoni tal-qafas tal-2030. Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha billi tibbaża fuq is-sett ta’ azzjonijiet imħabbra fil-21 ta’ Ottubru.
Fl-istess ħin, se tistabbilixxi pedament sod biex it-trasformazzjoni fil-perkors lejn in-newtralità klimatika sal-2050 tiġi sostnuta sew fid-deċennju li jmiss.
Il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi emendata l-Liġi tal-UE dwar il-Klima, li tistabbilixxi mira klimatika tal-UE għall-2040 ta’ tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, bħalissa qed titqies mill-koleġiżlaturi.
Ladarba jintlaħaq qbil, il-mira klimatika tal-UE għall-2040 se sservi bħala punt ta’ riferiment għall-qafas ta’ politika tal-UE għad-deċennju li ġej. L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju kurrenti, inkluż ir-Regolament dwar il-Governanza, issottolinjat l-importanza li l-ambizzjoni tiġi allinjata mal-kapaċità li titwassal, u li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali.
L-enfasi għandha tkun fuq it-tressiq ta’ qafas ta’ politika koerenti u prevedibbli li jipprovdi ċertezza fit-tul lill-Istati Membri, lill-investituri u liċ-ċittadini matul il-fażi li jmiss tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Biex dan isir, għad fadal diversi sfidi.
Barra minn hekk, elettrifikazzjoni aktar profonda se tkun essenzjali biex jinkiseb tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-enerġija għal UE kompetittiva u prospera. Madankollu, is-sehem tal-elettriku fid-domanda finali għall-enerġija baqa’ l-istess għal madwar 23 % għal aktar minn 10 snin. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE u titwettaq elettrifikazzjoni fuq skala kbira tat-trasport fuq l-art, tat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma u ta’ ħafna proċessi industrijali, jeħtieġ li dan is-sehem jiżdied għal terz sal-2030, madwar 32 %, kif indikat fil-Patt għal Industrija Nadifa, u li kważi jirdoppja biex jilħaq il-50 % sal-2040.
Meta jitqies ukoll l-elettriku meħtieġ għall-produzzjoni tal-idroġenu, din il-bidla se tirrikjedi li l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tiżdied b’aktar mid-doppju sal-2040, kif ukoll li jsir investiment ta’ madwar EUR 1 triljun fil-grilji u fil-flessibbiltà sal-2040.
It-tieni nett, biex dan l-approċċ strateġiku jkun kosteffettiv, se jkun meħtieġ ukoll li tkompli tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija, u li jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi u n-negozji kollha jkunu mgħammra b’miters intelliġenti. L-aktar importanti, l-akbar sehem tal-ħtiġijiet ta’ investiment għall-effiċjenza enerġetika bejn l-2030 u l-2040 huwa relatat mar-rinnovazzjoni ta’ bini eżistenti, inkluż ir-rinnovazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ, b’mod partikolari, għas-settur residenzjali bi ħtiġijiet sa EUR 241 biljun fis-sena.
It-tielet, it-teknoloġiji innovattivi magħmula fl-Ewropa jeħtieġ li jiffjorixxu biex it-tranżizzjoni tal-enerġija tirnexxi u biex is-sistema tal-enerġija futura żgur tkun ibbażata fuq settur kompetittiv tat-teknoloġija nadifa tal-UE. L-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali u ta’ applikazzjonijiet tal-IA għandhom potenzjal kbir biex jiżguraw effiċjenza u flessibbiltà akbar tas-sistema tal-enerġija, u biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’kost aktar baxx. Fl-istess ħin, huwa importanti li tiġi żgurata ċ-ċibersigurtà tas-sistema tal-enerġija tal-UE u li tiġi ppjanata l-integrazzjoni ta’ konsum dejjem akbar ta’ ċentri tad-data.
Biex tiġi appoġġata l-evoluzzjoni massiva tas-sistema tal-enerġija, se jkun meħtieġ li l-investimenti fl-enerġija nadifa jiżdiedu minn madwar EUR 240 biljun fl-2020 għal madwar EUR 695 biljun fis-sena sal-2040. Dan l-investiment irid jappoġġa l-espansjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-elettriku, il-manifattura domestika, u l-ħżin.
L-ingranaġġ tal-investimenti pubbliċi u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati se jkunu kruċjali, kif se jkun ukoll il-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji innovattivi biex jiġu appoġġati investimenti sostenibbli fl-enerġija u fil-klima fl-UE kollha u biex titrawwem kooperazzjoni transfruntiera. Pereżempju, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-UE jista’ jappoġġa l-kosteffiċjenza u jżid l-ambizzjoni tal-Istati Membri permezz tal-faċilitazzjoni ta’ rkanti tal-enerġija rinnovabbli fl-UE kollha, kif irrakkomandat mir-rapport ta’ Letta.
Kif indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli u fil-
Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika
, iż-żieda fl-iskemi ta’ garanziji tal-UE għal servizzi tal-effiċjenza enerġetika u għal strumenti li jaċċelleraw l-effiċjenza enerġetika se tikkontribwixxi biex jittejjeb is-suq għall-effiċjenza enerġetika u biex l-iffrankar tal-enerġija jinbidel f’komodità xprunata mis-suq li tgħin lill-Ewropej jibbenefikaw minn servizzi li jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Ir-reviżjoni li jmiss tal-Governanza tal-Enerġija toffri opportunità biex il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jiġu ttrasformati fi strateġiji ta’ investiment kredibbli li jiggwidaw ir-riformi u jidderieġu b’mod effettiv il-finanzjament lejn it-tranżizzjoni nadifa.
Wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Politika ta’ Koeżjoni, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi ta’ koeżjoni biex jappoġġaw il-proġetti ta’ interkonnessjonijiet tal-enerġija u l-infrastrutturi relatati ta’ trażmissjoni, distribuzzjoni u ħżin.
Barra minn hekk, il-proposta għal Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) ambizzjuż li jammonta għal EUR 1,98 triljun għall-perjodu 2028–2034 (fi prezzijiet kurrenti), tissuġġerixxi żieda ta’ ħames darbiet fil-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex tissaħħaħ l-infrastruttura transfruntiera meħtieġa għal Unjoni tal-Enerġija robusta.
Il-pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali se jappoġġaw il-grilji domestiċi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni filwaqt li jqisu wkoll in-Network Trans-Ewropew (TEN-E). Il-qafas tar-reżiljenza għall-klima se jfittex, fost l-oħrajn, li jiżgura li l-investimenti u l-politiki ewlenin kollha vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima jitfasslu biex jiffaċċjaw riskji klimatiċi li jistgħu jimmaterjalizzaw matul ħajjithom. Il-proposta tibbaża wkoll fuq Fond Ewropew għall-Kompetittività li se jissimplifika u se jaċċellera l-finanzjament tal-UE u se jikkatalizza l-investiment privat u pubbliku f’teknoloġiji strateġiċi, inkluż dawk kritiċi għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
L-iżgurar tal-koerenza bejn l-NECPs futuri u l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali, inkluż ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tagħhom, se jkun essenzjali. Dan se jappoġġa l-allinjament tal-prijoritajiet ta’ investiment ma’ riformi tal-enerġija fuq terminu twil u t-twassil tal-infrastruttura li tirfed Unjoni tal-Enerġija verament integrata, inkluż it-tneħħija tat-tmien konġestjonijiet kritiċi identifikati fl-ambitu tal-Awtostradi tal-Enerġija.
Is-simplifikazzjoni għandha rwol ewlieni x’taqdi sabiex l-objettivi u l-miri tal-politika tal-enerġija nazzjonali u dawk fil-livell tal-UE jintlaħqu aktar malajr, abbażi tad-Djalogi dwar l-Implimentazzjoni u l-verifiki tas-sitwazzjoni reali. Ir-Regolament kurrenti dwar il-Governanza diġà rrappreżenta pass ewlieni f’dan ir-rigward, iżda hija meħtieġa spinta mġedda biex jiġu ssimplifikati u allinjati ulterjorment l-elementi tal-ippjanar, tar-rapportar u tat-traċċar tal-investiment. Dan jista’ jissimplifika l-proċessi u jiżgura li l-qafas futur tal-politika dwar l-enerġija u l-klima jibqa’ reattiv u mmirat sew filwaqt li jiżgura tranżizzjoni klimatika u tal-enerġija ambizzjuża. Il-qafas futur dwar l-enerġija u l-klima għandu jintuża b’mod aktar strateġiku biex jattira l-investiment u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istati Membri.
Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu jesperjenzaw il-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. L-iżgurar ta’ opportunitajiet ta’ involviment taċ-ċittadini fil-fażi tal-ippjanar u tal-iżvilupp tal-proġetti tal-enerġija u tal-infrastruttura tal-grilja jew l-appoġġ biex dawn jibbenefikaw minn offerti innovattivi għall-evitar tal-volatilità tal-prezzijiet se jiżguraw l-aċċettazzjoni soċjali meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-UE u se jikkontribwixxu għal kontijiet tal-enerġija orħos. Il-panel taċ-ċittadini dwar l-effiċjenza enerġetika organizzat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2024 jista’ jservi bħala eżempju biex jikkontribwixxi għall-inizjattivi futuri tal-UE.
F’daqqa, dan it-titjib irid jikkontribwixxi għal qafas aktar koerenti u prospettiv li jkun kapaċi jappoġġa t-tranżizzjoni nadifa tal-UE għad-deċennju li ġej, filwaqt li jissalvagwardja l-kompetittività, l-affordabbiltà, is-sigurtà u l-ekwità soċjali u jikkontribwixxi biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija.
ANNEX 1
Tabella: Progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli
tlesta
għadu għaddej
|
Pilastru tal-Azzjonijiet I: Tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija
|
Subazzjoni
|
Status
|
Skadenza
|
|
1. Kontijiet tal-enerġija affordabbli
|
Gwida dwar il-metodoloġiji tat-tariffi tan-network u l-investimenti antiċipatorji tal-grilja
|
|
T2 2025
|
|
|
Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar l-użu tal-flessibbiltajiet (inkluż id-direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija [ETD, Energy Taxation Directive]) fit-tnaqqis tat-tassazzjoni fuq l-elettriku
|
|
T4 2025
|
|
|
Pakkett dwar l-Enerġija għaċ-Ċittadini inkluż Gwida u miżuri dwar il-faqar enerġetiku u l-komunitajiet
|
|
T1 2026
|
|
2. Tnaqqis tal-kostijiet tal-provvista tal-elettriku
|
Proġett pilota tal-BEI għal PPAs nodfa (EUR 500 miljun), pakkett għall-manifattura tal-grilji (EUR 1,5 biljun)
|
|
T2 2025
|
|
|
Gwida dwar forom innovattivi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u dwar iż-żoni ta’ aċċellerazzjoni tal-grilja u tal-ħżin
|
|
T2 2025
|
|
|
Appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Kummissjoni permezz tal-espansjoni tal-Accele-RES, Grupp ta’ Esperti dwar il-ħruġ tal-permessi, Azzjoni miftiehma dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (CA-RES, Concerted Action on the Renewable Energy Directive), djalogu dwar l-implimentazzjoni, għodda ta’ gwida ta’ Q&A
|
|
T2 2025
|
|
|
Reviżjoni tal-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat
|
|
T2 2025
|
|
|
Gwida dwar it-tfassil ta’ kuntratti għal differenza
|
|
T4 2025
|
|
|
Proposti leġiżlattivi għall-ħruġ simplifikat tal-permessi tal-infrastruttura tal-enerġija, tal-ħżin u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli
|
|
T4 2025
|
|
|
Pakkett dwar il-Grilji Ewropej
|
|
T4 2025
|
|
|
Gwida dwar il-promozzjoni tar-remunerazzjoni tal-flessibbiltà fil-kuntratti tal-bejgħ bl-imnut
|
|
T4 2025
|
|
|
Kodiċi tan-network dwar ir-rispons tad-domanda
|
|
T1 2026
|
|
|
Regoli tas-suq bil-quddiem biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ hedging
|
|
T3 2026
|
|
|
L-Istati Membri għandhom jadattaw proċeduri nazzjonali għall-ħruġ tal-permessi u jsaħħu l-awtoritajiet nazzjonali
|
|
Malajr kemm jista’ jkun
|
|
3. Titjib tas-swieq tal-gass
|
Sfruttar tal- kapaċità tal-akkwist tal-UE
|
|
T2 2025 - 2026
|
|
|
Prodott tal-effiċjenza enerġetika tal-BEI għall-SMEs, skema ta’ garanzija, proġett pilota
|
|
T3 2025
|
|
|
Valutazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tas-suq fl-UE kollha għall-iffrankar tal-enerġija
|
|
T3 2025
|
|
|
Aġġornament tar-regoli tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn
|
|
T3 2025
|
|
|
Aċċess tal-valutazzjoni għall-kapital u l-inċentivi finanzjarji
|
|
T4 2025
|
|
|
Valutazzjoni dwar it-Task Force dwar is-Swieq tal-Gass
|
|
T4 2025
|
|
|
L-Istati Membri u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isaħħu s-sorveljanza u l-infurzar
|
|
Malajr kemm jista’ jkun
|
|
4. Effiċjenza enerġetika
|
Programm tal-BEI għall-effiċjenza enerġetika fl-SMEs
|
|
T3 2025
|
|
|
Tisħiħ ta’ apparati u prodotti effiċjenti
|
|
Malajr kemm jista’ jkun
|
|
Pilastru tal-Azzjonijiet II:
Tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija
|
Subazzjonijiet
|
Status
|
Skadenza
|
|
5. Tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija
|
Stabbiliment ta’ Task Force għall-Unjoni tal-Enerġija
|
|
T2 2025
|
|
|
Programm indikattiv nukleari (PINC, programme for nuclear)
|
|
T2 2025
|
|
|
White Paper dwar Integrazzjoni Aktar Profonda tas-Suq tal-Enerġija
|
|
T4 2025
|
|
|
Strateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa
|
|
T4 2025
|
|
|
Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija
|
|
T4 2025
|
|
|
Pjan ta’ Azzjoni għall-Elettrifikazzjoni, Strateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ, Pjan Direzzjonali Strateġiku dwar id-Diġitalizzazzjoni u l-IA
|
|
T1 2026
|
|
|
Strateġija dwar il-Fużjoni
|
|
2026
|
|
|
Reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza
|
|
Sa nofs l-2027
|
|
Pilastru tal-Azzjonijiet III: Attrazzjoni tal-Investiment u Żgurar tat-Twettiq
|
Subazzjoni
|
Status
|
Skadenza
|
|
6. Ftehimiet tripartitiċi
|
Tnedija ta’ proċess għal ftehimiet settorjali tripartitiċi għall-enerġija affordabbli għall-industrija tal-Ewropa
|
|
T4 2025
|
|
Pilastru tal-Azzjonijiet IV
Lesti għal Kriżijiet Potenzjali
|
Subazzjoni
|
Status
|
Skadenza
|
|
7. Sigurtà tal-provvista għall-istabbiltà fil-prezzijiet
|
Reviżjoni tal-qafas għas-sigurtà tal-enerġija
|
|
T1 2026
|
|
8. Preparatezza għall-kriżijiet tal-prezzijiet
|
Gwida dwar skemi biex titnaqqas id-domanda massima għal żidiet fil-prezzijiet f’perjodi ta’ stress tas-sistema
|
|
Għaddej bħalissa
|
|
|
Kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni transfruntiera jiżdiedu b’mod temporanju matul kriżijiet
|
|
Permanenti
|
|
Monitoraġġ tal-azzjoni
|
Subazzjoni
|
Status
|
Skadenza
|
|
Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija
|
Il-Kummissjoni għandha timplimenta, timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress fit-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni fir-rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.
|
|
Fis-sena
|
ANNESS 2 – Rapport ta’ progress dwar il-kompetittività
Dan l-anness jipprovdi aġġornament dwar il-kompetittività tal-UE fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, li jikkumplimenta t-taqsima 3.5. Dan jibni fuq ir-rapport ta’ progress adottat bil-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli fi Frar 2025, kif ukoll fuq il-ħidma tal-Osservatorju tat-Teknoloġija tal-Enerġija Nadifa (CETO).
1. Żviluppi tas-suq dinji
L-investiment globali fl-enerġija nadifa qabeż l-investiment fil-fjuwils fossili, b’madwar żewġ terzi tal-fluss kapitali ta’ EUR 3 triljun għall-enerġija mistenni għall-2025 li jmur għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa. Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma l-aktar sorsi kostkompetittivi tal-elettriku fl-UE, li fl-2024 laħqu sehem rinnovabbli ta’ 47 % fit-taħlita tal-elettriku tagħha.
L-UE tibqa’ attur ewlieni fin-negozjar tat-teknoloġija nadifa, bi tnaqqis riċenti fid-defiċits kummerċjali għall-pompi tas-sħana, għall-fotovoltajċi solari u għall-batteriji, u surplus fis-sħana solari termali. Madankollu, dan it-titjib jirrifletti b’mod parzjali domanda aktar dgħajfa u inventarji għoljin aktar milli bażi tal-manifattura li qed terġa’ lura. L-esportazzjonijiet naqsu fl-2024, bl-UE titlef 7 % fil-valur tal-esportazzjoni. Fil-livell globali, il-kapaċità żejda ta’ manifattura fl-enerġija solari, tal-batteriji, tar-riħ u tal-idroġenu hija mistennija li tippersisti, biċ-Ċina tiddomina l-investiment u l-produzzjoni, u tospita ’l fuq minn 85 % tal-kapaċità globali ta’ enerġija solari u dik tal-batteriji. Il-kostijiet tal-produzzjoni tal-UE għadhom ogħla b’mod sinifikanti, bil-moduli solari Ċiniżi stmati li huma bejn 35 % u 65 % orħos minn dawk Ewropej, u t-turbini eoliċi madwar terz orħos.
2. Manifattura u ktajjen ta’ provvista ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti
It-trawwim ta’ manifattura ta’ teknoloġija nadifa huwa ċentrali għall-politika tal-UE skont il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti. Fl-2025, ġew adottati oqfsa ġodda dwar l-għajnuna mill-istat u oqfsa relatati mat-taxxa biex jappoġġaw l-investiment, filwaqt li l-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act) tipprovdi għodod biex tingħata spinta lill-kapaċità tal-UE u biex jiġu applikati kriterji ta’ reżiljenza fl-akkwist u fl-irkantijiet. Minkejja dawn il-miżuri, id-dipendenzi jibqgħu sinifikanti: Fl-2023, iċ-Ċina pprovdiet aktar minn 90 % tal-moduli fotovoltajċi, kważi 80 % tas-sistemi fotovoltajċi b’mod kumplessiv, nofs il-komponenti tal-batteriji, u l-maġġoranza l-kbira tal-kalamiti permanenti għat-turbini eoliċi.
L-UE żżomm pożizzjonijiet b’saħħithom fejn jidħlu t-turbini eoliċi, it-teknoloġiji tal-grilja, l-enerġija idroelettrika u l-pompi tas-sħana ta’ livell għoli, kif ukoll fit-tmexxija globali fil-bijogass u fil-bijometan. Hija tinsab ukoll f’pożizzjoni tajba fejn jidħlu fjuwils innovattivi għall-avjazzjoni u għat-trasport marittimu, għalkemm il-produzzjoni għadha fuq skala żgħira u għalja. Fl-2024, il-valur kumplessiv tal-produzzjoni tat-teknoloġija nadifa tal-UE għal sitt teknoloġiji ewlenin tal-enerġija nadifa naqas bi 11 % għal EUR 35 biljun, bi tkabbir b’saħħtu fl-enerġija mir-riħ u dik idroelettrika biss.
3. Xejriet tar-riċerka u tal-innovazzjoni
L-UE tibqa’ l-mexxej dinji fl-investiment pubbliku fir-R&I fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa, b’aktar minn EUR 10,5biljun mobilizzati fl-2023. Madankollu, ir-R&I privati – li jiddominaw fil-livell dinji – huma ħafna aktar b’saħħithom f’ekonomiji Asjatiċi ewlenin (PDG ta’ bejn 0,37 % u 0,64 %) milli fl-UE (PDG ta’ 0,17 %) u fl-Istati Uniti (PDG ta’ 0,08 %)
, u dan huwa ta żvantaġġ għall-UE. L-UE għadha f’pożizzjoni tajba fil-preżentazzjonijiet ta’ privattivi ta’ valur għoli f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Meta wieħed iqis dawn ix-xejriet tal-privattivi, l-UE tinsab f’pożizzjoni tajba f’teknoloġiji bħall-enerġija mir-riħ, tal-idroġenu, tal-grilji intelliġenti u dik mill-oċeani, iżda għadha lura meta mqabbla ma’ pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina fl-enerġija tal-batteriji, fotovoltajka solari, ġeotermali u f’teknoloġiji diġitali. Matul l-2024, l-investimenti globali ta’ kapital ta’ riskju fit-teknoloġiji tal-enerġija nadifa komplew it-tnaqqis osservat fl-2023. Fl-UE, l-investiment fil-kapital ta’ riskju fit-teknoloġija nadifa naqas bin-nofs fl-2024. Madankollu, is-sehem globali tal-Ewropa kiber għal kważi għoxrin fil-mija matul dawn l-aħħar snin. Għall-kuntrarju tal-Istati Uniti u ċ-Ċina, li jibbenefikaw minn ġabra wiesgħa ta’ ftehimiet ta’ daqs medju, il-prestazzjoni tal-UE tibbaża fuq għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet kbar ħafna.
Inizjattivi reċenti fl-enerġija nukleari jinkludu l-ħolqien tal-Alleanza Industrijali dwar Reatturi Modulari Żgħar, it-tħejjijiet għal Strateġija Ewropea dwar il-Fużjoni. Barra minn hekk, ir-riforma tal-Pjan SET se ssaħħaħ il-koordinazzjoni mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati fir-riċerka u mal-industrija. Meta wieħed iħares ’il quddiem, il-Fond Ewropew għall-Kompetittività propost se jaħdem flimkien ma’ Orizzont Ewropa biex jipprovdi appoġġ kontinwu mir-riċerka sal-iskjerament, filwaqt li l-programm TechEU tal-BEI huwa mistenni li jimmobilizza EUR 250 biljun sal-2027, inkluż permezz tal-appoġġ tal-UE. Flimkien, dawn l-istrumenti għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li żżid l-innovazzjoni, tiżgura l-ktajjen tal-provvista u żżomm il-kompetittività fit-tellieqa globali għal enerġija nadifa.