European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/241

10.2.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/241

tas-7 ta’ Frar 2025

li tawtorizza metodi ta’ gradazzjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fiċ-Ċekja u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/1/KE

(notifikata bid-dokument C(2025) 745)

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punti (p) u (t), tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali jridu japplikaw f’konformità mal-Anness IV, il-punt B, ta’ dak ir-Regolament. L-Anness IV, it-Taqsima B.IV, il-punt 1, ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali, il-kontenut tal-laħam dgħif irid jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ gradazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni, li jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta’ valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta’ waħda jew aktar mill-partijiet anatomiċi tal-karkassa tal-majjal u li l-metodi ta’ gradazzjoni huma soġġetti għall-konformità mar-rata ta’ tolleranza massima għal żball statistiku fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hija ddefinita fl-Anness V, il-Parti A, il-punt 1, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (2).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/1/KE (3) awtorizzat l-użu ta’ sitt metodi għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali fiċ-Ċekja.

(3)

Iċ-Ċekja talbet lill-Kummissjoni tawtorizza l-metodu l-ġdid li ġej: “Fat-O-Meater II (FOM II)”. Għal dak l-iskop, iċ-Ċekja ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni, li tindika l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat dan il-metodu l-ġdid, ir-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni u l-ekwazzjonijiet użati għall-valutazzjoni tal-perċentwal tal-laħam dgħif fil-protokoll imsemmi fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182.

(4)

Iċ-Ċekja talbet ukoll lill-Kummissjoni tawtorizza formola aġġornata għal tliet metodi (“Zwei-Punkte-Messverfahren”, “Ultra-sound IS-D-05” u “Needle IS-D-15”) diġà awtorizzati bid-Deċiżjoni 2005/1/KE għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali fit-territorju tagħha.

(5)

L-eżami ta’ dawk it-talbiet żvela li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi għall-awtorizzazzjoni tal-metodi l-ġodda ta’ gradazzjoni u għall-aġġornament tal-ekwazzjonijiet għall-metodi awtorizzati, kif stabbilit fl-Anness V, il-Parti A, tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1182, huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li l-metodu l-ġdid ta’ gradazzjoni u l-formuli l-ġodda jiġu awtorizzati fiċ-Ċekja.

(6)

Iċ-Ċekja talbet lill-Kummissjoni biex tkun awtorizzata tipprevedi mod ta’ preżentazzjoni tal-karkassi tal-majjali differenti mill-preżentazzjoni standard stabbilita fl-Anness IV, it-Taqsima B.III, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(7)

Sakemm ma jkunux ġew awtorizzati b’mod espliċitu minn Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-modifiki tal-metodi ta’ gradazzjoni jew tal-apparati tagħhom ma jkunux permessi.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2005/1/KE titħassar.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-użu tal-metodi ta’ gradazzjoni li ġejjin huwa awtorizzat għall-valutazzjoni tal-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassi tal-majjali skont l-Anness IV, it-Taqsima B.IV, il-punt 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fiċ-Ċekja:

(a)

il-metodu ta’ gradazzjoni “Zwei-Punkte-Messverfahren” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti I;

(b)

l-apparat “Fat-O-Meater (FOM)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti II;

(c)

l-apparat “Hennessy Grading Probe (HGP 4)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti III;

(d)

l-apparat “Ultra FOM 300” u l-metodi ta’ valutazzjoni relatati miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti IV;

(e)

l-apparat “Ultra-sound IS-D-05” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti V;

(f)

l-apparat “Needle IS-D-15” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti VI;

(g)

l-apparat “Fat-O-Meater II (FOM II)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fl-Anness, il-Parti VII.

Il-metodu ta’ gradazzjoni “Zwei-Punkte-Messverfahren” jista’ jiġi applikat biss f’biċċeriji li f’ġimgħa ma jaqbżux l-iskarnar ta’ 200 majjal bħala medja annwali.

Artikolu 2

Minkejja l-preżentazzjoni standard imsemmija fl-Anness IV, it-Taqsima B.III, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-karkassi tal-majjali fiċ-Ċekja jistgħu jiġu ppreżentati:

(a)

mingħajr widnejn, fejn il-widnejn ikunu tneħħew qabel il-karkassa tintiżen u tiġi kklassifikata. Fil-każ ta’ preżentazzjoni bħal din, il-piż tal-karkassa sħuna rreġistrat għandu jkun aġġustat skont il-formola li ġejja:

il-piż tal-karkassa sħuna = il-piż tal-karkassa sħuna mingħajr widnejn + 0,274 kg;

(b)

bis-sonza, qabel ma jintiżnu u jiġu ggradati. Fil-każ ta’ preżentazzjoni bħal din, il-piż tal-karkassa sħuna rreġistrat għandu jkun aġġustat skont il-formola li ġejja:

piż tal-karkassa sħuna = 1,65651 + 0,96139 × piż tal-karkassa sħuna bis-sonża;

(c)

bis-sonza, u mingħajr widnejn, fejn il-widnejn ikun tneħħew qabel il-karkassa tintiżen u tiġi kklassifikata. Fil-każ ta’ preżentazzjoni bħal din, il-piż tal-karkassa sħuna rreġistrat għandu jkun aġġustat skont il-formola li ġejja:

il-piż tal-karkassa sħuna = 1,65651 + 0,96139 × (il-piż tal-karkassa sħuna bis-sonza u mingħajr widnejn + 0,274 kg).

Artikolu 3

Il-modifiki tal-metodi ta’ gradazzjoni awtorizzati jew tal-apparati tagħhom imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu awtorizzati b’Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2005/1/KE titħassar.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Frar 2025.

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1182/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/1/KE tas-27 ta’ Diċembru 2004 li tawtorizza metodi għall-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali fiċ-Ċekja (ĠU L 1, 4.1.2005, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/1(1)/oj).


ANNESS

METODI TA’ GRADAZZJONI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJALI FIĊ-ĊEKJA

PARTI I

Zwei-Punkte-Messverfahren (ZP)

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-metodu magħruf bħala “Zwei-Punkte-Messverfahren (ZP)”.

(2)

Dan il-metodu jista’ jiġi implimentat bl-użu ta’ riga, bil-gradazzjoni ddeterminata b’ekwazzjoni ta’ previżjoni. Hu bbażat fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkaa maqsuma.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 61,84184 - 0,46816 × BF + 0,07998 × MD

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

BF

=

il-ħxuna minima tax-xaħam viżibbli (inkluż il-ġilda) li tkopri l-muskolu gluteus medius fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma,

MD

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri mkejla bħala l-iqsar linja ta’ konnessjoni tat-tarf kranjali tal-muskolu gluteus medius u t-tarf dorsali tal-kanal vertebrali.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI II

Fat-O-Meater (FOM)

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-metodu magħruf bħala “Fat-O-Meater (FOM)”.

(2)

L-apparat mgħammar b’sonda b’dijametru ta’ 6 millimetri b’fotodijodu tat-tip Siemens SFH 950/960 u b’distanza operattiva bejn 3 u 103 millimetri. Ir-riżultati tal-kejl jiġu kkonvertiti f’kontenut stmat ta’ laħam dgħif permezz ta’ kompjuter.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 70,28164 – 0,75376 × S + 0,00270 × M

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

S

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluż il-ġilda) f’millimetri, imkejla 6,5 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa, bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar,

M

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u fl-istess post bħal S.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI III

Hennessy Grading Probe (HGP 4)

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-metodu magħruf bħala l-“Hennessy Grading Probe (HGP 4)”.

(2)

L-apparat mgħammar b’sonda b’dijametru ta’ 5,95 millimetri (u ta’ 6,3 millimetri fix-xafra fil-quċċata tas-sonda) b’fotodijodu (Siemens LED tat-tip LYU 260-EO) u fotodetettur tat-tip 58 MR) u b’distanza operattiva bejn 0 u 120 millimetru. Ir-riżultati tal-qisien għandhom jiġu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz tal-HGP 4 innifsu jew permezz ta’ kompjuter imqabbad miegħu.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 69,11354 - 0,67804 × S + 0,00432 × M

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

S

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda) f’millimetri, imkejla 7 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa, bejn it-tielet u r-raba’ kustilja mill-aħħar,

M

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u fl-istess post bħal S.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI IV

Ultra FOM 300

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-metodu magħruf bħala “Ultra FOM 300”.

(2)

L-apparat għandu jkun mgħammar b’sonda ultrasonika ta’ 3,5 MHz. Is-sinjal ultrasoniku huwa diġitizzat, maħżun u pproċessat permezz ta’ mikroproċessur. Ir-riżultati tal-kejl għandhom ikunu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz tal-apparat Ultra-FOM nnifsu.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 66,78382 - 0,80922 × S + 0,04746 × M

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

S

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluż il-ġilda) f’millimetri, imkejla 7 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tan-nofs tal-karkassa, bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar (kejl magħruf bħala “P2”),

M

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u fl-istess post bħal S.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI V

Ultra-sound IS-D-05

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “Ultra-sound IS-D-05”.

(2)

L-apparat ta’ gradazzjoni IS-D-05 huwa apparat għall-kejl tal-ħxuna tal-laħam dgħif u l-ħxuna tax-xaħam abbażi tal-analiżi tar-rispons tal-firxa ta’ impulsi ultrasoniċi, li jiġu trażmessi b’mod sekwenzjali fil-karkassa fil-post speċifiku. Is-sonda ultrasonika tiskennja l-karkassi trattati b’sett ta’ impulsi ultrasoniċi ta’ 3 × 100 bi frekwenza ta’ 4 MHz fil-waqt tal-iskennjar.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 69,17386 - 0,83174 × BF + 0,03530 × MD

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

BF

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluża l-ġilda) f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 7 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-ġilda,

MD

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 7 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-karkassa.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI VI

Needle IS-D-15

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-gradazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “Needle IS-D-15”.

(2)

L-apparat ta’ gradazzjoni IS-D-15 juża sonda b’labra mdaħħla f’post partikolari tal-karkassa; il-fond tal-inserzjoni hu madwar 140 millimetru. Wara l-labra hemm sett ottiku, li bl-użu ta’ kanal ottiku, jixħet id-dawl fuq it-tessut jew iż-żona tal-madwar u jiskennja l-ammont ta’ enerġija tad-dawl riflessa bit-tul ta’ mewġa definit. It-terminal mgħammar ukoll b’tagħmir għall-kejl preċiż u mingħajr kuntatt, li jiddetermina l-fond ta’ inserzjoni reali bi preċiżjoni ta’ 46 mikrometru.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 67,86508 – 0,74820 × BF + 0,04786 × MD

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

BF

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluża l-ġilda) f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 7,5 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-ġilda.

MD

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 7,5 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-karkassa.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.

PARTI VII

Fat-O-Meater II (FOM II)

(1)

Ir-regoli previsti f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat imsejjaħ “Fat-O-Meater II (FOM II)”.

(2)

L-apparat jikkonsisti f’sonda ottika b’sikkina, tagħmir għall-kejl tal-fond b’distanza operattiva bejn 0 u 125 millimetru u bord għall-ġbir u l-analiżi tad-data.

(3)

Il-kontenut tal-laħam dgħif tal-karkassa għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Y = 65,73183 - 0,75225 × BF + 0,07957 × MD

Fejn:

Y

=

il-perċentwal stmat ta’ laħam dgħif,

BF

=

il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (inkluża l-ġilda) f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 6,5 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-ġilda.

MD

=

il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri bejn it-tieni u t-tielet kustilja mill-aħħar, 6,5 ċentimetri mil-linja dorsali tan-nofs perpendikulari mal-karkassa.

Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kg.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/241/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)