European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2433

5.12.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2433

tad-29 ta’ Lulju 2025

dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.51501 (2021/C) (ex 2019/NN) (ex 2018/N) implimentata miċ-Ċekja favur intrapriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja

(notifikata bid-dokument C(2025) 5149)

(It-test Ċek biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “TFUE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Ġunju 2018, iċ-Ċekja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-iskema ta’ għajnuna SA.51501 (2018/N) – Iċ-Ċekja, Għajnuna għal primjum tal-assigurazzjoni għal intrapriżi kbar, li tipprevedi l-għoti ta’ għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi avversi u minn pesti jew minn mard tal-annimali rispettivament lill-għelejjel u lill-bhejjem (l-“iskema”).

(2)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Awwissu 2018, tat-8 ta’ Ottubru 2018, tas-17 ta’ Diċembru 2018, tas-6 ta’ Marzu 2019, tat-28 ta’ Mejju 2019 u tat-8 ta’ Jannar 2020. L-awtoritajiet Ċeki ssottomettew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Settembru 2018, tat-18 ta’ Jannar 2019, tat-23 ta’ April 2019, tat-23 ta’ Settembru 2019 u tal-10 ta’ Frar 2020.

(3)

L-informazzjoni miksuba matul l-eżami preliminari tal-iskema żvelat li xi għajnuna kienet diġà ngħatat lil intrapriżi kbar għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru d-danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi avversi u minn pesti tal-pjanti jew minn mard tal-annimali rispettivament lill-għelejjel u lill-bhejjem (“l-għajnuna individwali”). L-awtoritajiet Ċeki taw din l-għajnuna skont l-iskema SA.49594 (2017/XA) (2), filwaqt li qiesu li l-benefiċjarji kienu jikkwalifikaw bħala SMEs.

(4)

Fit-12 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021)34 final tat-12 ta’ Jannar 2021 (3) (minn hawn ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), li biha infurmat liċ-Ċekja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ (i) l-għajnuna individwali u (ii) l-iskema. Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

(5)

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Frar 2021, l-awtoritajiet Ċeki ssottomettew il-kummenti tagħhom.

(6)

Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti mingħand partijiet interessati oħra.

(7)

Il-Kummissjoni talbet kjarifika ulterjuri mingħand l-awtoritajiet Ċeki permezz ta’ ittri tal-4 ta’ Awwissu 2023, tat-8 ta’ Frar 2024 u tas-6 ta’ Ġunju 2024. L-awtoritajiet Ċeki wieġbu b’ittri tal-24 ta’ Awwissu 2023, tat-28 ta’ Frar 2024 u tas-26 ta’ Ġunju 2024.

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TA’ DIN ID-DEĊIŻJONI

(8)

Din id-Deċiżjoni tivvaluta l-kompatibbiltà mas-suq intern i) tal-iskema u ii) tal-għajnuna individwali msemmija fil-premessa 3.

3.   DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA

3.1.   Objettiv

(9)

L-objettiv tal-iskema huwa li tipprovdi għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni, u b’hekk tagħmel l-assigurazzjoni disponibbli b’mod wiesa’ għas-settur tal-produzzjoni agrikola primarja. L-assigurazzjoni titqies bħala għodda effiċjenti għall-ġestjoni tar-riskju, li tipprovdi aktar sigurtà għall-bdiewa kontra danni mhux prevedibbli. L-iskema tipprevedi għajnuna għall-primjums tal-assigurazzjoni li jkopru l-għelejjel u l-bhejjem.

3.2.   Durata

(10)

L-iskema hija proposta li tkun fis-seħħ min-notifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-iskema sal-31 ta’ Diċembru 2024.

3.3.   Bażijiet legali

(11)

Il-bażi legali hija magħmula mill-atti legali li ġejjin:

(a)

l-Att Nru 252/1997 Coll. dwar l-agrikoltura, kif emendat [Zákon č. 252/1997 Sb., o zemědělství, ve znění pozdějších předpisů], b’mod partikolari § 2da (2)(c) u (3)(f) tiegħu;

(b)

l-Abbozz ta’ Regoli għall-għoti ta’ għajnuna għall-assigurazzjoni lil intrapriżi kbar permezz tal-Fond ta’ appoġġ u garanzija għall-agrikoltura u għall-forestrija (“Prinċipji tal-Għoti”) [Zásady pro poskytování finanční podpory pojištění pro velké podniky Podpůrným a garančním rolnickým a lesnickým fondem, a.s.].

3.4.   Baġit

(12)

Il-baġit ġenerali tal-iskema huwa stmat għal CZK 690 miljun (madwar EUR 25,8 miljun (5)). L-għajnuna għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Istat.

(13)

L-awtorità tal-għoti hija l-Fond ta’ appoġġ u garanzija għall-agrikoltura u l-forestrija [Podpůrný a garanční rolnický a lesnický fond, a.s.]. Hija aġenzija tal-gvern bi skop speċjali, fil-forma ta’ kumpanija b’ishma konġunti, li fiha 100 % tal-ishma huma tal-Istat. Hija taġixxi bħala awtorità tal-għoti fuq il-bażi ta’ § 2da tal-Att Nru 252/1997 Coll. dwar l-agrikoltura.

3.5.   Forma ta’ għajnuna

(14)

L-għajnuna titħallas fil-forma ta’ għotjiet diretti. L-awtoritajiet Ċeki jqisu din il-forma ta’ għajnuna bħala l-aktar waħda xierqa biex tkopri l-kostijiet tal-primjums tal-assigurazzjoni.

3.6.   Benefiċjarji

(15)

L-iskema hija mfassla favur intrapriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(16)

In-numru stmat ta’ benefiċjarji huwa ta’ aktar minn 1 000.

(17)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-impriżi f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 33(63) tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali (6) (minn hawn ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2023”) mhumiex eliġibbli għall-għajnuna skont l-iskema.

(18)

Bl-istess mod, l-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jissospendu l-ħlas tal-għajnuna jekk benefiċjarju li kien għad kellu għad-dispożizzjoni tiegħu għajnuna illegali preċedenti ddikjarata bħala inkompatibbli b’deċiżjoni tal-Kummissjoni (kemm jekk tikkonċerna għajnuna individwali kif ukoll skema ta’ għajnuna), sakemm il-benefiċjarju jkun rimborża jew ħallas l-ammont sħiħ tal-għajnuna illegali u inkompatibbli f’kont imblukkat, inkluż l-imgħax tal-irkupru korrispondenti.

3.7.   Dettalji oħra

(19)

Bin-notifika, iċ-Ċekja beħsiebha tikkomplementa l-miżura ta’ għajnuna eżistenti SA.49594 (2017/XA) li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018 (7). Din il-miżura ġiet eżentata fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (8) (minn hawn ’il quddiem “ABER”, Agricultural Block Exemption Regulation) u l-ambitu tagħha kien limitat għall-SMEs. Għalhekk, permezz tan-notifika, iċ-Ċekja beħsiebha tistabbilixxi l-bażi għall-għajnuna favur intrapriżi kbar.

(20)

Skont il-bażi legali nazzjonali, “diżastri naturali” jinftiehmu bħala terremoti, valangi, uqigħ tal-art u għargħar, trombi tal-arja u nirien fis-selvaġġ li jseħħu b’mod naturali. “Eventi klimatiċi avversi” jinftiehmu bħala kundizzjonijiet ħżiena tat-temp bħal ġlata, maltempati u silġ, xita qawwija jew persistenti, nixfa jew kundizzjonijiet klimatiċi avversi oħra. “Pesti” tfisser kwalunkwe speċi, razza jew bijotip ta’ pjanta, ta’ annimal jew ta’ patoġenu li jagħmel ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti.

Għajnuna għall-assigurazzjoni li tkopri d-danni kkawżati lill-għelejjel

(21)

L-għajnuna tista’ tingħata lil produtturi li jieħdu polza tal-assigurazzjoni fuq l-għelejjel f’isimhom u jħallsu mill-anqas CZK 1 000 (madwar EUR 37,4) fi primjums għal sena rilevanti. Il-foresti u l-imxietel tal-foresta ma jitqisux bħala għelejjel.

(22)

L-intensità tal-għajnuna tiddependi fuq it-tip ta’ għelejjel. Din tvarja bejn 35 % u 65 % tal-kost dokumentat tal-assigurazzjoni għal għelejjel speċjali għal sena rilevanti. Għal għelejjel oħra, l-intensità tal-għajnuna tvarja bejn 10 % u 50 % tal-kost dokumentat tal-assigurazzjoni għal sena rilevanti.

(23)

“Għelejjel speċjali” tfisser, b’mod partikolari:

(a)

għelejjel permanenti, inklużi mxietel, jiġifieri: dwieli, ħops, frott (berquq, tuffieħ, lanġas, ċiras, ħawħ, passolina, ribes bix-xewk, ġewż, lewż, sfarġel, għanbaqar, damsons, greengages, lampun, tut, rowanberries, rowanberries suwed, qastan);

(b)

frawli;

(c)

patata;

(d)

pitravi taz-zokkor;

(e)

ħxejjex;

(f)

pjanti ornamentali inklużi l-imxietel, il-pjanti mediċinali, aromatiċi u kulinarji, il-peprin;

(g)

pjanti tal-fibra (il-kittien u l-qanneb);

(h)

il-produzzjoni ta’ ħaxix u ta’ xnien imkabbar għaż-żerriegħa.

Għajnuna għall-assigurazzjoni li tkopri d-danni kkawżati lill-bhejjem

(24)

L-għajnuna tista’ tingħata lill-bdiewa tal-bhejjem li jieħdu polza tal-assigurazzjoni fuq il-bhejjem f’isimhom u jħallsu mill-anqas CZK 1 000 (madwar EUR 37,4) fi primjums għal sena rilevanti.

(25)

L-intensità tal-għajnuna tvarja bejn 35 % sa 65 % tal-kostijiet tal-assigurazzjoni dokumentati.

Kundizzjonijiet ulterjuri

(26)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-ħlasijiet tal-assigurazzjoni jridu jkunu limitati għal kumpensi għal mhux aktar mill-kost biex jikkumpensaw id-danni kkawżati mill-eventi kkonċernati (il-premessa 20) u li jistgħu jkopru biss il-produzzjoni reali qabel ma jseħħ id-dannu. Barra minn hekk, il-kuntratti tal-assigurazzjoni ma jkunux jeħtieġu jew jispeċifikaw it-tip jew il-kwantità ta’ produzzjoni futura.

(27)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-għajnuna ma tistax tkun limitata għal assigurazzjoni pprovduta minn kumpanija tal-assigurazzjoni waħda jew minn grupp ta’ kumpaniji u li l-għajnuna ma tistax tkun soġġetta għall-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ kumpanija stabbilita fiċ-Ċekja.

(28)

L-applikanti għall-għajnuna jridu jikkonkludu kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ fornitur tal-assigurazzjoni, li jkollu ftehim ta’ kooperazzjoni mal-awtorità tal-għoti (9). Kwalunkwe fornitur tal-assigurazzjoni jista’ jitlob li jikkonkludi tali ftehim ta’ kooperazzjoni mal-awtorità tal-għoti.

(29)

Skont il-bażi legali nazzjonali u kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Ċeki, l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tiġi sottomessa qabel il-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni.

(30)

L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa sabiex titwettaq u l-kostijiet eliġibbli.

(31)

L-applikanti jridu jiddeskrivu fl-applikazzjoni s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna (xenarju kontrofattwali) u jissottomettu prova dokumentarja b’appoġġ għax-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni. Malli tirċievi applikazzjoni, l-awtorità tal-għoti trid twettaq kontroll tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna reġjonali jkollha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ.

(32)

L-għajnuna ma tistax tiġi akkumulata ma’ għajnuna riċevuta minn skemi lokali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew ma’ għajnuna ad hoc għall-istess kostijiet eliġibbli.

(33)

L-intensità massima tal-għajnuna u l-ammont ta’ għajnuna huma kkalkolati b’mod mhux diskriminatorju mill-awtorità tal-għoti fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli jridu jiġu appoġġati minn prova dokumentarja ċara u kontemporanja. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-kostijiet eliġibbli, iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra.

(34)

It-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) mhijiex eliġibbli għal għajnuna, ħlief meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont ir-regoli nazzjonali.

(35)

L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-iskema mhijiex mistennija li jkollha impatt ambjentali, peress li kienet tikkonsisti biss f’għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni.

(36)

L-istess miżura mhijiex inkluża fil-Pjan Strateġiku Ċek (“CSP”, Czech Strategic Plan), iżda l-iskema kienet konsistenti mal-objettiv ġenerali tal-politika agrikola komuni (“PAK”) li jitrawwem settur agrikolu kompetittiv u reżiljenti, stabbilit fl-Artikolu 5, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), kif ukoll mal-objettiv speċifiku tal-PAK li jiġu appoġġati introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli u r-reżiljenza tas-settur agrikolu u tiżdied il-kompetittività tal-azjendi agrikoli, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament.

(37)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li huma se jippubblikaw fil-modulu għall-għotjiet bi trasparenza tal-Kummissjoni Ewropea (11) t-test sħiħ tal-iskema u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jew tal-bażi legali tagħha, l-identità tal-awtorità tal-għoti u l-identità tal-benefiċjarji li jirċievu għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż is-EUR 60 000 (12). L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li t-tali informazzjoni tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna, li din tinżamm għal mill-anqas 10 snin u li tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet.

(38)

L-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jadattaw l-iskema għar-regoli l-ġodda (13), li ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2023 u li japplikawhom għall-iskema (14).

4.   DESKRIZZJONI TAL-GĦAJNUNA INDIVIDWALI

4.1.   Objettiv

(39)

L-objettiv tal-għajnuna individwali kien li l-assigurazzjoni ssir disponibbli b’mod wiesa’ għas-settur agrikolu permezz ta’ kumpens parzjali tal-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni. L-assigurazzjoni eliġibbli kopriet l-għelejjel u l-bhejjem.

4.2.   Durata

(40)

L-għajnuna individwali ngħatat mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-31 ta’ Diċembru 2022.

4.3.   Bażijiet legali

(41)

Iċ-Ċekja tat l-għajnuna individwali fuq il-bażi tal-iskema SA.49594 (2017/XA).

4.4.   Baġit

(42)

Il-baġit tal-għajnuna individwali ma ġiex stabbilit. Filwaqt li l-investigazzjoni formali ppermettiet li jiġi identifikat benefiċjarju wieħed tat-tali għajnuna individwali (il-premessa 261), benefiċjarji oħra setgħu jirċievu l-għajnuna individwali wkoll. Fi kwalunkwe każ, l-għajnuna individwali ġiet iffinanzjata mill-baġit tal-Istat.

(43)

L-awtorità tal-għoti kienet il-Fond ta’ appoġġ u ta’ garanzija għall-agrikoltura u għall-forestrija [Podpůrný a garanční rolnický a lesnický fond, a.s.]. Hija aġenzija tal-gvern bi skop speċjali, fil-forma ta’ kumpanija b’ishma konġunti, li fiha 100 % tal-ishma huma tal-Istat. Hija taġixxi bħala awtorità tal-għoti fuq il-bażi ta’ § 2da tal-Att Nru 252/1997 Coll. dwar l-agrikoltura.

4.5.   Forma ta’ għajnuna

(44)

L-għajnuna individwali ngħatat fil-forma ta’ għotjiet diretti. L-awtoritajiet Ċeki qiesu din il-forma bħala l-aktar waħda xierqa biex tkopri l-kostijiet tal-primjums tal-assigurazzjoni.

4.6.   Benefiċjarji

(45)

Il-benefiċjarji tal-għajnuna individwali kienu intrapriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja.

(46)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-impriżi f’diffikultà skont it-tifsira tal-punt 33(63) tal-Linji Gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali ma kinux eliġibbli għall-għajnuna.

(47)

Bl-istess mod, ma ngħatat l-ebda għajnuna individwali lill-benefiċjarji li kien għad kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom għajnuna illegali preċedenti ddikjarata bħala inkompatibbli b’deċiżjoni tal-Kummissjoni (kemm jekk tikkonċerna għajnuna individwali kif ukoll skema ta’ għajnuna), sakemm dak il-benefiċjarju jkun rimborża jew ħallas l-ammont sħiħ tal-għajnuna illegali u inkompatibbli f’kont imblukkat, inkluż l-imgħax tal-irkupru korrispondenti.

4.7.   Dettalji oħra

(48)

Skont l-iskema SA.49594 (2017/XA), “diżastri naturali” jinftiehmu bħala terremoti, valangi, uqigħ tal-art u għargħar, trombi tal-arja u nirien fis-selvaġġ li jseħħu b’mod naturali. “Eventi klimatiċi avversi” jinftiehmu bħala kundizzjonijiet ħżiena tat-temp bħal ġlata, maltempati u silġ, xita qawwija jew persistenti, nixfa jew kundizzjonijiet klimatiċi avversi oħra. “Pesti” tfisser kwalunkwe speċi, razza jew bijotip ta’ pjanta, ta’ annimal jew ta’ patoġenu li jagħmel ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti.

Għajnuna għall-assigurazzjoni li tkopri d-danni kkawżati lill-għelejjel

(49)

L-għajnuna setgħet tingħata lil produtturi li ħadu polza tal-assigurazzjoni fuq l-għelejjel f’isimhom u ħallsu mill-anqas CZK 1 000 (madwar EUR 37,4) fi primjums għal sena rilevanti. Il-foresti u l-imxietel tal-foresta ma jitqisux bħala għelejjel.

(50)

L-intensità tal-għajnuna kienet tiddependi fuq it-tip ta’ għelejjel. Din kienet tvarja bejn 35 % u 65 % tal-kost dokumentat tal-assigurazzjoni għal għelejjel speċjali għal sena rilevanti. Għal għelejjel oħra, l-intensità tal-għajnuna kienet tvarja bejn 10 % u 50 % tal-kost dokumentat tal-assigurazzjoni għal sena rilevanti.

(51)

“Għelejjel speċjali” tfisser, b’mod partikolari:

(a)

għelejjel permanenti, inklużi mxietel, jiġifieri: dwieli, ħops, frott (berquq, tuffieħ, lanġas, ċiras, ħawħ, passolina, ribes bix-xewk, ġewż, lewż, sfarġel, għanbaqar, damsons, greengages, lampun, tut, rowanberries, rowanberries suwed, qastan);

(b)

frawli;

(c)

patata;

(d)

pitravi taz-zokkor;

(e)

ħxejjex;

(f)

pjanti ornamentali inklużi l-imxietel, il-pjanti mediċinali, aromatiċi u kulinarji, il-peprin;

(g)

pjanti tal-fibra (il-kittien u l-qanneb);

(h)

il-produzzjoni ta’ ħaxix u ta’ xnien imkabbar għaż-żerriegħa.

Għajnuna għall-assigurazzjoni li tkopri d-danni kkawżati lill-bhejjem

(52)

L-għajnuna setgħet tingħata lill-bdiewa tal-bhejjem li ħadu polza tal-assigurazzjoni fuq il-bhejjem f’isimhom u ħallsu mill-anqas CZK 1 000 (madwar EUR 37,4) fi primjums għal sena rilevanti.

(53)

L-intensità tal-għajnuna kienet tvarja bejn 35 % sa 65 % tal-kostijiet tal-assigurazzjoni dokumentati.

Kundizzjonijiet ulterjuri

(54)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-ħlasijiet tal-assigurazzjoni jridu jkunu limitati għal kumpensi għal mhux aktar mill-kost biex jikkumpensaw id-danni kkawżati mill-eventi kkonċernati (il-premessa 20) u li jistgħu jkopru biss il-produzzjoni reali qabel ma jseħħ id-dannu. Barra minn hekk, il-kuntratti tal-assigurazzjoni ma jkunux jeħtieġu jew jispeċifikaw it-tip jew il-kwantità ta’ produzzjoni futura.

(55)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-għajnuna ma setgħetx tkun limitata għal assigurazzjoni pprovduta minn kumpanija tal-assigurazzjoni waħda jew minn grupp ta’ kumpaniji u li l-għajnuna ma setgħetx tkun soġġetta għall-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ kumpanija stabbilita fiċ-Ċekja.

(56)

L-applikanti għall-għajnuna kellhom jikkonkludu kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ fornitur tal-assigurazzjoni, li kellu ftehim ta’ kooperazzjoni mal-awtorità tal-għoti (15). Kwalunkwe fornitur tal-assigurazzjoni seta’ jitlob li jikkonkludi tali ftehim ta’ kooperazzjoni mal-awtorità tal-għoti.

(57)

Skont l-iskema SA.49694 (2017/XA), u kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Ċeki, l-applikazzjoni għall-għajnuna kellha tiġi sottomessa qabel il-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni.

(58)

L-applikazzjoni għall-għajnuna kellha tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa sabiex titwettaq u l-kostijiet eliġibbli.

(59)

L-għajnuna ma setgħetx tiġi akkumulata ma’ għajnuna rċevuta minn skemi lokali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew ma’ għajnuna ad hoc għall-istess kostijiet eliġibbli.

(60)

L-intensità massima tal-għajnuna u l-ammont ta’ għajnuna kellhom jiġu kkalkulati b’mod mhux diskriminatorju mill-awtorità tal-għoti fil-mument tal-għoti tal-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli kellhom jiġu appoġġati minn prova dokumentarja ċara u kontemporanja. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-kostijiet eliġibbli, iċ-ċifri kollha użati kellhom jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra.

(61)

Il-VAT ma kinitx eliġibbli għal għajnuna, ħlief meta ma setgħetx tiġi rkuprata skont ir-regoli nazzjonali.

(62)

L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-għajnuna ma kellha l-ebda impatt ambjentali, peress li kumpensat biss parti mill-primjums tal-assigurazzjoni.

(63)

L-istess miżura mhijiex inkluża fil-Pjan Strateġiku Ċek (“CSP”) jew fil-Programm għall-Iżvilupp Rurali Ċek għall-2014-2020, iżda l-objettiv tal-għajnuna huwa konsistenti mal-objettiv ġenerali tal-politika agrikola komuni (“PAK”) li jitrawwem settur agrikolu kompetittiv u reżiljenti, kif ukoll mal-objettiv speċifiku tal-PAK li jiġu appoġġati l-introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli u r-reżiljenza tas-settur agrikolu u tiżdied il-kompetittività tal-azjendi agrikoli.

(64)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li huma se jippubblikaw fil-modulu għall-għotjiet bi trasparenza tal-Kummissjoni Ewropea (16) t-test sħiħ tal-miżura u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jew il-bażi legali tagħha, l-identità tal-awtorità tal-għoti u l-identità tal-benefiċjarji li jirċievu għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż is-EUR 60 000 (17). L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li t-tali informazzjoni tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna, li din tinżamm għal mill-anqas 10 snin u li tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet.

5.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA SKONT L-ARTIKOLU 108(2) TFUE

(65)

Kif indikat fil-premessa 67 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Fir-rigward tal-iskema, il-Kummissjoni kellha dubji relatati mal-mument meta l-impriżi kienu meħtieġa jissottomettu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji li dik l-iskema kienet konformi mal-kriterju (formali) tal-effett ta’ inċentiv.

(b)

Fir-rigward tal-għajnuna individwali mogħtija lil intrapriżi kbar, il-Kummissjoni esperjenzat dubji relatati mas-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali u mal-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji li tali għajnuna kienet kompatibbli mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, speċifikament mal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv. B’mod speċifiku, il-Kummissjoni qajmet dubji fir-rigward tas-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali u tal-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

5.1.   Dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern

(66)

F’konformità mal-Artikolu 107(3) TFUE, għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti f’dak l-Artikolu. Fil-każijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE kinitx applikabbli.

(67)

F’konformità mal-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, meta tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(68)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020 (18) (minn hawn ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2014”), li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.

(69)

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern fid-dawl tal-Kapitolu 3 (“Prinċipji ta’ valutazzjoni komuni”) tal-Parti I tal-Linji Gwida tal-2014.

(70)

Matul dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-iskema kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE, minħabba dubji relatati mal-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

Mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

(71)

Skont il-punt (66) tal-Linji Gwida tal-2014, għajnuna tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk twassal biex tinbidel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li tinvolvi ruħha f’attività addizzjonali li fiha ma kinitx tinvolvi ruħha mingħajr l-għajnuna jew li fiha kienet tinvolvi ruħha b’mod ristrett jew differenti.

(72)

Skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni tqis li għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull fejn ix-xogħol jew l-attività tkun diġà bdiet qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali.

(73)

Skont il-punt 35(25) tal-Linji Gwida tal-2014, “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, skont liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat tagħmir jew jitqabbdu servizzi jew kwalunkwe impenn ieħor li permezz tiegħu l-proġett jew l-attività ssir irriversibbli.

(74)

Skont ir-regoli tal-iskema, l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tiġi sottomessa wara li jiġi konkluż il-kuntratt tal-assigurazzjoni iżda qabel ma jitħallas il-primjum tal-assigurazzjoni (il-premessa 29).

(75)

Fil-premessa 66 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji li proċedura nazzjonali bħal din kienet konformi mal-punt (35)25 tal-Linji Gwida tal-2014, speċifikament jekk l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kinux se jiġu sottomessi qabel il-mument tal-“bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività”, kif definit f’dak il-punt. Il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni preliminari li f’dan il-każ il-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni kienet tikkostitwixxi l-ewwel impenn legalment vinkolanti u li dan il-mument għalhekk irid jitqies bħala “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività”. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li biex ikun hemm konformità mal-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet jiġu sottomessi mhux biss qabel il-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni, iżda wkoll qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.

(76)

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-iskema kienet konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat relatati mal-effett ta’ inċentiv (19).

(77)

Għal dawk ir-raġunijiet, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE u stiednet lill-partijiet terzi kollha li setgħu ġew affettwati minn din l-għajnuna kif ukoll liċ-Ċekja biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni stiednet liċ-Ċekja biex tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ tgħin fil-valutazzjoni tal-għajnuna.

5.2.   Dubji dwar il-legalità tal-għajnuna individwali

(78)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni rreferiet għall-informazzjoni dwar is-suq miksuba matul l-eżami preliminari, li indikat li kienet ingħatat għajnuna individwali lil ċerti intrapriżi kbar li kienu ġew evalwati bi żball mill-awtorità tal-għoti bħala SMEs fiż-żmien tal-għoti. Il-Kummissjoni qieset li t-tali evalwazzjoni saret għal raġunijiet purament formali (20), jiġifieri billi ġie vverifikat esklużivament l-issodisfar formali tal-kriterji li jiddefinixxu SME, mingħajr ma tqiesu r-realtà ekonomika u l-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti fil-premessi 58 sa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kummissjoni qieset li ċ-Ċekja diġà kienet tat għajnuna lill-benefiċjarji li setgħu ma kinux konformi mad-definizzjoni ta’ SME fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna (21) u li, għalhekk, ma setgħux jibbenefikaw mill-iskema SA.49594 (2017/XA). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li kwalunkwe għajnuna individwali bħal din diġà mogħtija qabel in-notifika tal-iskema u, għalhekk, qabel l-approvazzjoni tagħha, kienet illegali minħabba li ngħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (22).

(79)

Il-kunsiderazzjoni, li għaliha għamlet referenza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, kienet ibbażata fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER, kif spjegat fil-premessa 61 ta’ dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni speċifikat li l-interpretazzjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (il-“Qrati tal-Unjoni”) iggwidata mill-prinċipju ta’ effett utli.

5.3.   Dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna individwali mas-suq intern

(80)

F’konformità mal-Artikolu 107(3) TFUE, għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun tista’ tibbenefika minn waħda mid-derogi previsti f’dak l-Artikolu. Fil-każijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE kinitx applikabbli.

(81)

F’konformità mal-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE, l-għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, meta tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(82)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna individwali mas-suq intern fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014, li kienu fis-seħħ dak iż-żmien.

(83)

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-għajnuna individwali mas-suq intern fid-dawl tal-Kapitolu 3 (“Prinċipji ta’ valutazzjoni komuni”) tal-Parti I tal-Linji Gwida tal-2014.

(84)

Matul dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-għajnuna mogħtija illegalment kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE, speċifikament fir-rigward tal-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat żewġ kundizzjonijiet: is-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali u l-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

Sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali

(85)

Skont il-punt (72) tal-Linji Gwida tal-2014, il-benefiċjarji, li huma intrapriżi kbar, iridu jiddeskrivu fl-applikazzjoni għall-għajnuna s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna, jiġifieri x-xenarju kontrofattwali jew il-proġett jew l-attività alternattiva. Ix-xenarju kontrofattwali jrid jiġi appoġġat minn prova dokumentarja u l-awtorità tal-għoti kellha twettaq il-kontroll tal-kredibbiltà tagħha u tikkonferma l-effett ta’ inċentiv tagħha.

(86)

Fl-istadju tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk dak ir-rekwiżit tħarisx fil-każ ta’ benefiċjarji kbar li rċevew għajnuna individwali msemmija fil-premessa 3. Il-Kummissjoni qieset li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfata minħabba l-applikazzjoni ħażina tad-definizzjoni tal-SMEs fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/XA).

(87)

F’dak ir-rigward, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni rreferiet għal ċerti elementi tad-definizzjoni ta’ SME stabbilita fl-Anness I tal-ABER u fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qrati tal-Unjoni (23), kif imsemmija wkoll fil-premessi 78 u 79 ta’ din id-Deċiżjoni.

(88)

Il-benefiċjarji tal-għajnuna skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija setgħu jkunu biss SMEs u, għalhekk, ma kinux meħtieġa jissottomettu x-xenarju kontrofattwali. Għalhekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna individwali ssottomettewx ix-xenarju kontrofattwali meħtieġ biex jiġi stabbilit l-effett ta’ inċentiv tat-tali għajnuna (24).

Mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

(89)

Skont il-punt (66) tal-Linji Gwida tal-2014, għajnuna tista’ tinstab kompatibbli mas-suq intern biss jekk twassal biex tinbidel l-imġiba ta’ impriża b’tali mod li tinvolvi ruħha f’attività addizzjonali li fiha ma kinitx tinvolvi ruħha mingħajr l-għajnuna jew li fiha kienet tinvolvi ruħha b’mod ristrett jew differenti.

(90)

Skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni tqis li għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull fejn ix-xogħol jew l-attività tkun diġà bdiet qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali.

(91)

Skont il-punt 35(25) tal-Linji Gwida tal-2014, “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, skont liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat tagħmir jew jitqabbdu servizzi jew kwalunkwe impenn ieħor li permezz tiegħu l-proġett jew l-attività ssir irriversibbli.

(92)

F’dan il-każ, l-applikazzjoni għall-għajnuna kellha tiġi sottomessa wara li l-kuntratt tal-assigurazzjoni ġie konkluż iżda qabel ma tħallas il-primjum tal-assigurazzjoni (il-premessa 29 ta’ din id-Deċiżjoni).

(93)

Fil-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-benefiċjarji li rċevew għajnuna individwali bħala riżultat tal-klassifikazzjoni żbaljata tagħhom bħala SMEs kinux issottomettew xenarju kontrofattwali.

(94)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE rigward l-għajnuna individwali “minħabba dubji relatati mas-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali u mal-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni” (25).

6.   OSSERVAZZJONIJIET TAĊ-ĊEKJA

(95)

Iċ-Ċekja infurmat lill-Kummissjoni li skont l-iskema ma kien hemm l-ebda sejħa miftuħa għal applikazzjonijiet għall-għajnuna. Għalhekk, ma ngħatat l-ebda għajnuna skont l-iskema qabel id-data tas-sottomissjoni tal-kummenti tal-awtoritajiet Ċeki għad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(96)

Iċ-Ċekja infurmat lill-Kummissjoni li fil-kontroll ta’ segwitu amministrattiv standard, diversi benefiċjarji tal-għajnuna skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/XA) ġew identifikati bħala intrapriżi kbar. Peress li f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda bażi legali fis-seħħ għall-intrapriżi kbar u li l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija kienet limitata għall-SMEs (il-premessa 19), iċ-Ċekja stabbiliet proċeduri ta’ rkupru li kienu jikkonċernaw dawk il-benefiċjarji. Iċ-Ċekja ssottomettiet lista ta’ benefiċjarji li kienu kkonċernati mill-irkupru.

(97)

Iċ-Ċekja ssottomettiet ukoll il-lista li ġejja ta’ benefiċjarji verifikati oħrajn li għalihom, skont l-awtoritajiet Ċeki, il-verifika ex post ma żvelat l-ebda irregolarità: AGROPARKL s.r.o., Podnik pro výrobu vajec v Kosičkách s.r.o., Zemědělský podnik Kvasicko, a.s., MEZILESÍ s.r.o., MORAVA-HOP s.r.o., AGRO Jesenice u Prahy a.s., ZEPOS a.s., AGROSERVIS 1. zemědělská a.s. Višňové, JAROS s.r.o., Zea a.s., ZEV Šaratice a.s., Agro družstvo Sebranice, PROVEM a.s. Havlíčkův Brod, Zemědělské družstvo Radiměř, Zemědělské družstvo Květná, Zemědělské družstvo Vendolí, Rostěnice a.s., Agria a.s., ZD Krásná Hora nad Vltavou a.s., Zemědělské družstvo Dolany, ČESKÁ VEJCE FARMS, s.r.o., DRUKO STŘÍŽOV s.r.o., FARMA VESELKA s.r.o., KLADRUBSKÁ a.s., Lužanská zemědělská a.s., Vlčnovská zemědělská a.s. u Zemědělská společnost Blšany s.r.o.

(98)

Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ (jiġifieri li xi wħud mill-benefiċjarji setgħu ma kkonformawx mad-definizzjoni tal-SMEs fil-mument tal-għoti tal-għajnuna), iċ-Ċekja sostniet li dawk il-benefiċjarji ma ssottomettewx ix-xenarji kontrofattwali. Iċ-Ċekja argumentat li l-għajnuna ngħatat biss lil SMEs skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/XA) u f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ABER. Għalhekk, l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ma stabbilietx il-kundizzjoni ta’ xenarju kontrofattwali.

(99)

Iċ-Ċekja sostniet li minbarra l-iżbalji amministrattivi identifikati (il-premessa 96 ta’ din id-Deċiżjoni), ma ngħatat l-ebda għajnuna lill-benefiċjarji li ma kinux eliġibbli għal għajnuna skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija minħabba d-daqs tagħhom. Skont l-awtoritajiet Ċeki, din il-kundizzjoni dejjem ġiet ivvalutata fid-dawl tar-regoli stabbiliti fid-dritt vinkolanti tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Anness I tal-ABER.

6.1.   Kwalifika ta’ ċerti benefiċjarji bħala SMEs

(100)

L-awtoritajiet Ċeki għamlu referenza speċifika għall-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER, li skont dan “Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, hija qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd tal-persunal jew il-limiti finanzjarji massimi ddikjarati fl-Artikolu 2, dan m’għandux jirriżulta li hija titlef jew tikseb l-istatus ta’ intrapriża ta’ daqs medju, żgħira jew mikro, kemm-il darba dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-kontabbiltà”.

(101)

L-awtoritajiet Ċeki indikaw li ma hemm l-ebda eċċezzjoni għal dik ir-regola u li din id-dispożizzjoni ġiet artikolata bħala regola ġenerali li tapplika awtomatikament sakemm il-bini tagħha jkun instab validu u veru. Huma indikaw ukoll li bidla fl-istruttura tas-sjieda ta’ intrapriża wara fużjoni jew akkwiżizzjoni twassal b’mod konsistenti biex jinqabżu l-valuri ta’ limitu applikabbli ta’ SME. F’dak ir-rigward, iċ-Ċekja sabet li ma kinitx raġonevoli l-premessa 60 tad-deċiżjoni tal-ftuħ li fiha l-Kummissjoni qieset li l-għoti tal-għajnuna lil tali intrapriżi bħala inkompatibbli mal-prinċipju tal-effett ta’ inċentiv.

(102)

Iċ-Ċekja tqis li jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER ma ġietx applikata b’mod formalistiku iżda minflok ma titqies ir-realtà ekonomika, tintuża formulazzjoni differenti, eż. “Din ir-regola ma tapplikax fejn jidher ċar li l-bidla tkun permanenti.” Huwa biss f’dak il-każ li r-realtà ekonomika tista’ tiġi riflessa u tkun riflessa fl-applikazzjoni tar-regola, u fiċ-ċirkostanzi kollha, u mhux fil-każ ta’ fużjoni jew ta’ akkwiżizzjoni ta’ kumpanija biss, li waħedhom ma jkollhom l-ebda effett fuq l-irriversibbiltà tal-bidla.

(103)

Fil-fehma tal-awtoritajiet Ċeki, kunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika biss tista’ tkun fundamentalment qarrieqa f’każijiet simili. Fil-prattika, l-intrapriżi ta’ spiss jiffaċċjaw qabża kbira fil-limitu tan-numru tal-persunal jew fil-limiti finanzjarji massimi minħabba l-politika kummerċjali jew tal-manifattura ta’suċċess tagħhom, jiġifieri anke fin-nuqqas ta’ fużjoni jew ta’ akkwiżizzjoni, li tista’ tkun tali li jkun ovvju li l-proċess ikun irriversibbli. Madankollu, anki f’tali ċirkostanzi, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER tapplika mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jintalbu jivvalutaw mill-ġdid ir-realtà ekonomika ta’ kull każ individwali fl-applikazzjoni tar-regola.

(104)

Min-naħa l-oħra, fużjoni jew akkwiżizzjoni ma tistax twassal għal bidla irriversibbli fis-sjieda, iżda pjuttost tinvolvi proċess ta’ diversi bidliet jew trasformazzjonijiet strutturali, jew akkwiżizzjoni ta’ intrapriżi għal skopijiet ta’ investiment.

(105)

Iċ-Ċekja tqis ukoll li r-regola stabbilita fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER tirrappreżenta kriterju ċar, rilevanti u proporzjonali li jippermetti fluttwazzjonijiet raġonevoli fiċ-ċifri u fid-divulgazzjonijiet irrapportati minn intrapriża f’ċertu perjodu. Ma jidher xejn f’dik ir-regola li jindika li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tpoġġi lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-valutazzjoni tar-realtà ekonomika f’kull każ individwali. Fid-dawl taċ-Ċekja, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali huwa limitat għar-rieżami tal-konformità mal-kriterji kif stabbiliti b’mod mhux ambigwu fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament. L-obbligu li jiġu vvalutati l-valuri ta’ permanenza (jew ta’ effimeralità) irrapportati mill-intrapriżi ma jikkorrispondix mar-rekwiżit li jintużaw kriterji ta’ valutazzjoni ċari u sempliċi, peress li tali valutazzjoni tkun teħtieġ valutazzjoni ekonomika komprensiva ta’ kull applikant individwali. Dan imur kontra l-objettiv tal-Kummissjoni li tissimplifika l-piż amministrattiv u ttejjeb it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, u li tiżgura applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija madwar l-Istati Membri.

(106)

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER b’referenza għall-ġurisprudenza, iċ-Ċekja tqis li filwaqt li l-kontenut ta’ regola tal-liġi jista’ jiġi ċċarat permezz ta’ interpretazzjoni, l-interpretazzjoni ma tistax tintuża biex tiġi interpretata b’mod żbaljat liġi li t-tifsira tagħha tkun ċara u tinftiehem. Tali azzjoni tirriskja li tipproduċi nuqqas inaċċettabbli ta’ ċertezza fit-tranżazzjonijiet legali.

(107)

Iċ-Ċekja tindika li l-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tirreferi għaliha fil-premessa 59 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tirreferi għar-relazzjonijiet bejn l-hekk imsejħa intrapriżi assoċjati, li huwa l-kriterju użat għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3 aktar milli tal-Artikolu 4 tal-Anness I tal-ABER.

(108)

Skont iċ-Ċekja, l-Artikolu 4(1) tal-Anness I tal-ABER jiddefinixxi d-data rilevanti (il-limitu tal-għadd tal-persunal jew il-limiti finanzjarji massimi) għall-intrapriżi li għaddew mit-test tal-intrapriżi assoċjati, u għalhekk jirrappreżenta t-“tieni stadju” tal-valutazzjoni tal-istatus ta’ intrapriża. B’hekk jindirizza sitwazzjoni differenti u ma japplikax għall-valutazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi skont il-ġurisprudenza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha.

(109)

Iċ-Ċekja tissottometti wkoll li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER jelabora aktar dwar l-Artikolu 4(1) ta’ dak l-Anness meta jipprovdi, fir-rigward ta’ intrapriża li diġà għaddiet mit-test tal-intrapriżi assoċjati u li għaliha l-awtoritajiet kisbu d-data meħtieġa (il-limitu tal-għadd tal-persunal jew il-limiti finanzjarji massimi skont l-Artikolu 4(1) tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament), jekk tali intrapriża tissodisfax jew le r-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà tal-SMEs. Għalhekk, l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER jirrappreżenta t-tielet stadju tal-valutazzjoni tal-istatus ta’ SME, meta jistabbilixxi r-regola li l-bidla fid-data rapportata tal-intrapriżi li jkunu għaddew mit-test tal-intrapriżi assoċjati skont l-Artikolu 3(1) sa (4) ta’ dak l-Anness ma tirriżultax awtomatikament fit-telf jew fil-kisba tal-istatus ta’ SME.

(110)

Għalhekk, iċ-Ċekja tikkonkludi li l-ġurisprudenza kkwotata mill-Kummissjoni ma tapplikax għall-każ inkwistjoni, minħabba li ma tirreferix għat-“tielet stadju” tal-valutazzjoni tal-istatus ta’ SME. Fil-fehma taċ-Ċekja wkoll, il-politika stabbilita tal-Kummissjoni jew id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qrati tal-Unjoni ma jimplikawx li l-Artikolu 4(1) tal-Anness I tal-ABER ma japplikax fiċ-ċirkostanzi meta jinqabżu l-livelli limitu ta’ SMEs minħabba fużjoni jew akkwiżizzjoni. Għall-kuntrarju, fid-deċiżjoni T-745/17 (26), il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet b’mod ċar li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (“GBER”, General Block Exemption Regulation) (27) japplika anke fil-każ ta’ fużjonijiet u ta’ akkwiżizzjonijiet.

(111)

Fl-aħħar nett, iċ-Ċekja sostniet li sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-benefiċjarji tal-għajnuna u għall-awtoritajiet tal-għoti, mill-1 ta’ Awwissu 2018, hija abbandunat il-prattika ta’ implimentazzjoni msemmija hawn fuq, u, sabiex taġixxi f’konformità mal-Gwida tal-Utent tal-Kummissjoni għad-Definizzjoni ta’ SME, ma għadhiex tapplika l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER għal intrapriżi li jaqbżu l-livelli limitu ta’ SMEs bħala riżultat ta’ bidla fis-sjieda. Fl-istess ħin, iċ-Ċekja ssostni li l-implimentazzjoni preċedenti tagħha ma kinitx tikkostitwixxi ksur ta’ dik id-dispożizzjoni.

6.2.   Bidu ta’ xogħlijiet u mument tas-sottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet

(112)

Iċ-Ċekja sostniet li fil-każ inkwistjoni, huwa l-mument tal-ħlas tal-primjum tal-assigurazzjoni li jrid jitqies bħala l-mument tal-bidu ta’ xogħlijiet u mhux il-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, kif suġġerit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ (28) .

(113)

Iċ-Ċekja spjegat li skont ir-regoli nazzjonali tagħha, “proġett” jew “attività” tirreferi għal assigurazzjoni, li titħallas fuq bażi annwali. Għalhekk, impriża jeħtiġilha tiddeċiedi kull sena jekk hux se tieħu l-assigurazzjoni annwali u l-għajnuna tista’ tingħata biss għal assigurazzjoni annwali u mhux għal perjodu ta’ assigurazzjoni pluriennali.

(114)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument tal-bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività, l-awtoritajiet Ċeki jirreferu għall-prattika kummerċjali prevalenti: l-impriżi agrikoli jidħlu f’kuntratt tal-assigurazzjoni bi klawżola ta’ estensjoni awtomatika. L-estensjoni awtomatika hija essenzjali sabiex tinkiseb kopertura tal-assigurazzjoni fit-tul. Wara, il-kopertura tal-assigurazzjoni għal sena rilevanti tirrikjedi li jitħallas il-primjum annwali tal-assigurazzjoni. Jekk impriża ma tħallas l-ebda primjum għas-sena li jkun imiss, hija titlef il-kopertura tagħha għal dik is-sena. Mhuwa meħtieġ l-ebda pass ieħor għajr il-ħlas tal-primjum annwali.

(115)

L-awtoritajiet Ċeki jqisu li fin-nuqqas ta’ għajnuna, impriża assigurata f’sena waħda mhux neċessarjament tieħu l-assigurazzjoni għas-sena ta’ wara. Qabel ma tħallas il-primjum tal-assigurazzjoni, intrapriża ma tkunx qed tieħu impenn legalment vinkolanti li jagħmel l-assigurazzjoni annwali irriversibbli. Kull assigurazzjoni annwali trid titqies bħala proġett separat li jeħtieġ teħid ta’ deċiżjonijiet ġdid u indipendenti u mill-eżistenza ta’ kuntratt pluriennali jew minn assigurazzjoni annwali mħallsa f’sena partikolari ma jistax jiġi dedott li impriża se tieħu l-istess assigurazzjoni għas-sena ta’ wara.

(116)

F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-objettiv tal-għajnuna huwa li tagħti inċentiv lill-impriżi biex jagħmlu l-assigurazzjoni annwali. Fin-nuqqas ta’ appoġġ pubbliku li jimmotiva lill-bdiewa biex jieħdu assigurazzjoni kull sena, il-kopertura tal-assigurazzjoni tar-riskji fis-settur agrikolu tkun aktar baxxa b’mod konsiderevoli minħabba l-kost għoli tal-primjum tal-assigurazzjoni u r-riżorsi finanzjarji limitati disponibbli għas-settur tal-biedja.

(117)

Għalhekk, skont l-awtoritajiet Ċeki, fil-każ inkwistjoni l-ħlas tal-primjum annwali jenħtieġ li jitqies bħala l-mument tal-bidu ta’ xogħlijiet.

(118)

Din il-prattika ġiet riflessa wkoll fil-qafas legali nazzjonali għall-assigurazzjoni. Skont § 2804 tal-Att 89/2012 Sb., il-Kodiċi Ċivili, kif emendat: “Jekk l-assiguratur ifakkar lid-detentur ta’ polza biex iħallas primjum tal-assigurazzjoni u jagħtih parir bit-tfakkira li l-assigurazzjoni se titneħħa sakemm il-primjum tal-assigurazzjoni ma jitħallasx f’limitu ta’ żmien addizzjonali ta’ mill-anqas xahar mid-data ta’ konsenja tat-tfakkira, l-assigurazzjoni tintemm malli jiskadi l-limitu ta’ żmien li fih il-primjum tal-assigurazzjoni ma tħallasx.”.

(119)

L-awtoritajiet Ċeki spjegaw l-importanza ta’ kuntratti pluriennali. Jekk il-benefiċjarji kellhom jitterminaw il-poloz tal-assigurazzjoni eżistenti tagħhom qabel ma jiffirmaw kuntratt tal-assigurazzjoni ġdid, huma jkunu marbuta li jirrinunzjaw il-kopertura tal-assigurazzjoni tagħhom għal ċertu perjodu ta’ żmien. Dan jipproduċi konsegwenza mhux mixtieqa li tmur kontra l-għanijiet maħsuba tal-iskema u li ma tkunx aċċettabbli mill-perspettiva tal-ġestjoni tar-riskju tal-intrapriżi. L-awtoritajiet Ċeki jqisu li l-benefiċjarji ma jistgħux jintalbu b’mod raġonevoli li jesponu lilhom infushom għar-riskju għal raġunijiet purament formalistiċi.

(120)

Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni ta’ spiss joffru inċentivi biex issir assigurazzjoni fit-tul, bħal skontijiet fuq il-primjum tal-assigurazzjoni jew benefiċċji oħra, li jimmotivaw lill-bdiewa biex jagħmlu kopertura għal firxa usa’ ta’ riskji.

(121)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li mhijiex se tingħata għajnuna lil benefiċjarju li kien ħallas il-primjum tal-assigurazzjoni annwali qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna.

(122)

Minkejja dak li ntqal hawn fuq, l-awtoritajiet Ċeki josservaw li l-kundizzjoni nnifisha li tirrikjedi li l-benefiċjarji japplikaw għall-għajnuna qabel il-bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jenħtieġ li ma titqiesx bħala l-kriterju assolut għall-għoti tal-għajnuna. Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni ssib li f’każijiet speċifiċi jista’ jkun hemm ċirkostanzi li jipproduċu effett ta’ inċentiv reali anke jekk il-bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jiġi qabel id-data tal-applikazzjoni għall-għajnuna (29). Għalhekk, l-awtoritajiet Ċeki jsostnu l-fehma li r-rekwiżit jenħtieġ li ma jiġix ittrattat b’formaliżmu eċċessiv.

7.   VALUTAZZJONI

7.1.   Eżistenza ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE

(123)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(124)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfati. L-ewwel, irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent irid ikun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju. Ir-raba’, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (30).

(125)

Fil-premessa 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ (31), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE ġew issodisfati u li l-iskema kkostitwiet għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu.

(126)

Din il-konklużjoni preliminari ma ġietx ikkontestata fil-kummenti li waslu mingħand iċ-Ċekja. Barra minn hekk, iċ-Ċekja stess innotifikat l-iskema bħala għajnuna mill-Istat.

(127)

L-iskema hija imputabbli lill-Istat peress li hija bbażata fuq l-atti legali deskritti fil-premessa 11 u implimentata mill-awtorità tal-Istat (il-premessa 13). L-għajnuna titħallas mill-baġit tal-Istat, u għalhekk permezz tar-riżorsi tal-Istat (il-premessa 12).

(128)

L-iskema tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha fil-forma ta’ għotjiet diretti (il-premessa 14). Għalhekk, l-iskema teħles lil dawk il-benefiċjarji mill-kostijiet, li jkollhom iġarrbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(129)

L-iskema hija selettiva peress li l-għajnuna tingħata biss lil ċerti impriżi, speċifikament lil impriżi kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja (il-premessa 15). Impriżi oħra f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli mhumiex eliġibbli għall-għajnuna u għalhekk ma jirċivux l-istess vantaġġ. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkopru l-kostijiet tagħhom stess.

(130)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna lil impriża tidher li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri meta dik l-impriża tkun topera f’suq miftuħ għall-kummerċ intra-UE. Il-benefiċjarji tal-għajnuna joperaw fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, fejn iseħħ il-kummerċ intra-UE. Għalhekk, dan is-settur huwa miftuħ għall-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni u għalhekk huwa sensittiv għal kwalunkwe miżura favur il-produzzjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar. Għaldaqstant, l-iskema setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(131)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE huma ssodisfati. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-iskema tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu. L-awtoritajiet Ċeki ma kkontestawx dik il-konklużjoni.

(132)

Minħabba l-fatt li l-għajnuna hija bbażata fuq att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa aktar miżuri ta’ implimentazzjoni (il-premessa 11), jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lil impriżi definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt (32), il-Kummissjoni tqis li din tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-punt (35)(4) tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-punt (33)(13) tal-Linji Gwida tal-2023.

(133)

Fir-rigward tal-għajnuna individwali, il-Kummissjoni tqis li fid-dawl tal-karatteristiċi komuni tagħha mal-għajnuna mogħtija skont l-iskema, il-kunsiderazzjonijiet tal-premessi 123 li għandhom 130 japplikaw mutatis mutandis għal dik l-għajnuna individwali. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna individwali li diġà ngħatat lil intrapriżi kbar tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

7.2.   Kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern

7.2.1.   L-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE u l-linji gwida applikabbli

(134)

Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE, għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, meta t-tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(135)

Għalhekk, sabiex tinstab kompatibbli skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE, l-għajnuna trid (i) tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika jew ta’ ċerti oqsma (kundizzjoni pożittiva) u (ii) ma tistax taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (kundizzjoni negattiva).

(136)

Il-Kummissjoni tivvaluta jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfati fid-dawl tal-linji gwida applikabbli. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat il-kompatibbiltà tal-iskema fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014, li kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Madankollu, il-Linji Gwida tal-2014 ġew sostitwiti bil-Linji Gwida tal-2023, li ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2023. Skont il-punt (655) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tapplika dawn il-Linji Gwida għal kull miżura ta’ għajnuna nnotifikata li fir-rigward tagħha hija tintalab li tieħu deċiżjoni wara l-1 ta’ Jannar 2023, anke meta l-għajnuna tkun ġiet innotifikata qabel dik id-data. Għalhekk, f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà tal-iskema fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2023.

(137)

Fir-rigward tal-għajnuna li tista’ tingħata fuq il-bażi tal-iskema, il-Kapitolu 3 tal-Parti I (il-Valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE) u t-Taqsima 1.2.1.6 tal-Parti II (Għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni) tal-Linji Gwida tal-2023 huma applikabbli.

7.2.2.   Kundizzjoni pożittiva: l-għajnuna trid tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi

7.2.2.1.   Faċilitazzjoni ta’ attività ekonomika

(138)

Skont il-punt (43) tal-Linji Gwida tal-2023, l-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna għandha l-għan li tiffaċilita l-iżvilupp tal-attività ekonomika identifikata.

(139)

Il-Kummissjoni tinnota li l-iskema hija mfassla biex tappoġġa lill-bdiewa permezz ta’ eventi ta’ riskju u ta’ kriżi billi tinċentivahom biex jagħmlu assigurazzjoni. L-assigurazzjoni hija għodda importanti għas-settur tal-biedja, li huwa espost għall-okkorrenza frekwenti ta’ eventi ta’ riskju u ta’ kriżi. B’dan il-mod, l-għajnuna tappoġġa l-produzzjoni agrikola primarja (il-premessa 9).

(140)

Skont il-punt (44) tal-Linji Gwida tal-2023, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiddeskrivu wkoll jekk, u jekk iva, kif l-għajnuna se tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-PAK u fi ħdan dik il-politika għall-objettivi tar-Regolament (UE) 2021/2115 u jiddeskrivu b’mod aktar speċifiku l-benefiċċji mistennija tal-għajnuna. L-objettivi tal-iskema huma konsistenti mal-objettiv tal-PAK li jitrawwem settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul, stabbilit fl-Artikolu 5, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/2115, kif ukoll mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament li jfittxu li jappoġġaw l-introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli u r-reżiljenza tas-settur agrikolu u jżidu l-kompetittività tal-azjendi agrikoli (il-premessa 36). Għalhekk, tinżamm konformità mal-punt (44) tal-Linji Gwida tal-2023.

(141)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tiffaċilita attività ekonomika, billi tiffaċilita l-kompetittività u r-reżiljenza tal-produzzjoni agrikola primarja.

7.2.2.2.   Effett ta’ inċentiv (mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni)

(142)

It-tieni raġuni għall-ftuħ tal-investigazzjoni formali relatata mal-kundizzjoni tal-għajnuna li tippreżenta effett ta’ inċentiv, speċifikament fir-rigward tal-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna (33). Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk skont l-iskema l-applikazzjonijiet jiġux sottomessi qabel il-bidu ta’ xogħlijiet (ara wkoll il-premessa 94).

(143)

Il-Kummissjoni tfakkar li skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014 u l-punt (50) tal-Linji Gwida tal-2023, kull meta x-xogħol jew l-attività jkunu diġà bdew qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali, tali għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju.

(144)

Skont il-punt 35(25) tal-Linji Gwida tal-2014 u l-punt 33(57) tal-Linji Gwida tal-2023, “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, skont liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat tagħmir jew jitqabbdu servizzi jew kwalunkwe impenn ieħor li permezz tiegħu l-proġett jew l-attività ssir irriversibbli.

(145)

L-awtoritajiet Ċeki rispondew għal dawn id-dubji billi pprovdew spjegazzjoni dettaljata tal-proċedura relatata mal-kuntratti tal-assigurazzjoni (il-premessi 113 sa 122).

(146)

L-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-kopertura tal-assigurazzjoni għal sena rilevanti tirrikjedi li l-benefiċjarju jħallas il-primjum annwali tal-assigurazzjoni. Mingħajr pagament annwali li jkopri s-sena ta’ wara, il-kopertura għal dik is-sena tintilef. Qabel ma tħallas il-primjum tal-assigurazzjoni, intrapriża ma tkunx qed tieħu l-impenn legalment vinkolanti li jagħmel l-assigurazzjoni annwali irriversibbli.

(147)

L-awtoritajiet Ċeki sostnew li fin-nuqqas ta’ għajnuna, impriża assigurata f’sena waħda mhux neċessarjament tieħu l-assigurazzjoni għas-sena ta’ wara. Għalhekk, kull assigurazzjoni annwali trid titqies bħala proġett separat. Ma jistax jiġi dedott mill-eżistenza ta’ assigurazzjoni annwali f’sena waħda li impriża se tkompli bil-kuntratt fis-sena ta’ wara (il-premessa 113).

(148)

Il-Kummissjoni tieħu nota li l-konklużjoni tal-kuntratt ma timponix awtomatikament l-obbligu li titħallas l-assigurazzjoni annwali. Il-Kummissjoni tqis li wara l-konklużjoni tal-kuntratt tal-assigurazzjoni, il-bdiewa ma għandhom l-ebda obbligu li jħallsu assigurazzjoni annwali u għandhom id-diskrezzjoni li jagħżlu li jieħdu l-assigurazzjoni għal sena partikolari jew le billi jħallsu l-primjum tal-assigurazzjoni jew le. F’tali ċirkostanzi, il-mument deċiżiv għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna huwa tabilħaqq il-mument tal-ħlas tal-primjum annwali tal-assigurazzjoni u mhux il-mument meta kuntratt, li jkollu klawżola ta’ estensjoni awtomatika, jiġi konkluż (il-premessa 112).

(149)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għall-bdiewa biex jieħdu l-assigurazzjoni annwali li ma jistgħux jagħmlu mingħajr l-għajnuna. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li mhijiex se tingħata għajnuna lil benefiċjarju li kien ħallas il-primjum annwali tal-assigurazzjoni qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna (il-premessa 121).

(150)

Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel mal-awtoritajiet Ċeki li l-mument tal-ħlas tal-primjum annwali tal-assigurazzjoni jrid jitqies bħala “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” u mhux il-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt tal-assigurazzjoni.

(151)

Skont il-punt (47) tal-Linji Gwida tal-2023, l-iskema għandha effett ta’ inċentiv jekk tbiddel l-imġiba tal-impriżi b’tali mod li jinvolvu ruħhom f’attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur, li fih normalment ma kinux jinvolvu ruħhom mingħajr għajnuna jew kienu jinvolvu ruħhom b’mod differenti jew ristrett.

(152)

Skont il-punt (48) tal-Linji Gwida tal-2023, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba biex itejbu l-qagħda finanzjarja tal-impriżi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, u b’mod partikolari għajnuna li tingħata biss fuq il-bażi tal-prezz, tal-kwantità, tal-unità tal-produzzjoni jew tal-unità tal-fatturi ta’ produzzjoni jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna operatorja li hija inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, min-natura tagħha stess, għajnuna bħal din x’aktarx li xxekkel ukoll il-mekkaniżmi li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq intern.

(153)

Skont il-punt (50) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax inċentiv għall-benefiċjarju kull meta x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività rilevanti jkun diġà beda qabel l-applikazzjoni għall-għajnuna mill-benefiċjarju lill-awtoritajiet nazzjonali.

(154)

Skont il-punt (51) tal-Linji Gwida tal-2023, l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa sabiex titwettaq u l-kostijiet eliġibbli. Barra minn hekk, skont il-punt (52) tal-Linji Gwida tal-2023, l-intrapriżi l-kbar jeħtiġilhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna fl-applikazzjoni, liema sitwazzjoni ssir referenza għaliha bħala x-xenarju kontrofattwali jew bħala proġett jew attività alternattiva, u jeħtiġilhom jissottomettu prova dokumentarja b’appoġġ għax-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u ta’ anqas minn 5 000 resident. Skont il-punt (53) tal-Linji Gwida tal-2023, meta tirċievi applikazzjoni, l-awtorità tal-għoti jeħtiġilha twettaq kontroll tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna jkollha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Xenarju kontrofattwali jkun kredibbli jekk ikun ġenwin u jekk jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju jieħu d-deċiżjoni dwar il-proġett jew l-attività kkonċernata.

(155)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-bażi legali nazzjonali kienet konformi mal-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, li huwa identiku għall-punt (50) tal-Linji Gwida tal-2023. Kif konkluż fil-premessa 150, il-Kummissjoni tqis li fil-każ inkwistjoni, il-mument tal-bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività huwa l-ħlas tal-primjum annwali tal-assigurazzjoni.

(156)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-iskema tistabbilixxi l-kundizzjoni li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi sottomessa mill-benefiċjarji tal-għajnuna qabel il-bidu ta’ xogħlijiet jew tal-attività (il-premessi 29 u 150). L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa sabiex titwettaq u l-kostijiet eliġibbli (il-premessa 30). Impriżi kbar jeħtiġilhom jissottomettu wkoll ix-xenarju kontrofattwali jew il-proġett jew l-attività alternattiva u jissottomettu prova dokumentarja b’sostenn tagħhom (il-premessa 31).

(157)

L-għajnuna tista’ tingħata għall-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni (il-premessa 21). Għalhekk, ma tissussidjax il-kostijiet ta’ attività li impriża kienet iġġarrab fi kwalunkwe każ u ma tikkumpensax ir-riskju kummerċjali normali ta’ attività ekonomika u ma kinitx maħsuba sempliċiment biex ittejjeb il-qagħda finanzjarja tal-impriżi.

(158)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema tippreżenta effett ta’ inċentiv.

7.2.2.3.   Ebda ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni

(159)

Skont il-punt (61) tal-Linji Gwida tal-2023, jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet marbuta magħha, inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta l-metodu ta’ finanzjament jifforma parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna mill-Istat, jew l-attività li tiffinanzja jkunu jinvolvu ksur tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

(160)

Il-kundizzjonijiet tal-iskema huma stabbiliti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għajnuna proposta jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha jinvolvu kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li tinżamm il-konformità mal-punt (61) tal-Linji Gwida tal-2023.

(161)

Skont il-punt (62) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni ma tawtorizzax għajnuna mill-Istat li tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq jew li tfixkel il-funzjonament xieraq tal-organizzazzjoni komuni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għajnuna proposta tkun inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq jew tinterferixxi mal-funzjonament xieraq.

(162)

Skont il-punt (63) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern meta l-għoti tal-għajnuna jkun soġġett għall-obbligu għall-impriża benefiċjarja li tuża prodotti jew servizzi nazzjonali. L-iskema ma tipprevedix tali obbligu.

(163)

Skont il-punt (64) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni mhijiex se tawtorizza għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lil pajjiżi terzi jew lil Stati Membri li jkunu marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għajnuna li tkun kontinġenti fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati, jew għajnuna biex jiġi stabbilit u jitħaddem network ta’ distribuzzjoni jew sabiex tiġi koperta kwalunkwe nefqa oħra relatata mal-attivitajiet ta’ esportazzjoni. L-iskema ma tipprevedix tali tipi ta’ għajnuna.

7.2.2.4.   Konklużjoni

(164)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iskema tiffaċilita l-iżvilupp tal-attività tal-produzzjoni agrikola primarja.

7.2.3.   Kundizzjoni negattiva: l-għajnuna ma tistax taffettwa b’mod mhux xieraq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni

(165)

Skont il-punt (67) tal-Linji Gwida tal-2023, min-natura tagħha stess, kwalunkwe miżura ta’ għajnuna toħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit jekk l-effetti distorsivi tal-għajnuna jkunux limitati għall-minimu, il-Kummissjoni tivverifika jekk l-għajnuna tkunx neċessarja, xierqa, proporzjonata u trasparenti.

(166)

Skont il-punt (68) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni mbagħad tivvaluta l-effett distorsiv tal-għajnuna inkwistjoni fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Il-Kummissjoni mbagħad tibbilanċja l-effetti pożittivi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ. Meta l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi, il-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna bħala kompatibbli.

7.2.3.1.   Ħtieġa ta’ intervent mill-Istat

(167)

Skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna mill-Istat tista’ tilħaq objettiv ta’ interess komuni jekk tkun immirata lejn il-korrezzjoni tal-fallimenti tas-suq.

(168)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-iskema tfittex li tikseb livell ogħla ta’ sigurtà għan-negozji agrikoli kontra danni mhux previsti billi tagħmel il-kopertura tal-assigurazzjoni disponibbli b’mod wiesa’ fis-settur agrikolu kollu. Għalhekk, l-iskema għandha l-għan li timmotiva lill-bdiewa biex jieħdu l-assigurazzjoni biex jimmaniġġjaw aħjar l-okkorrenza ta’ riskji u ta’ eventi ta’ kriżi.

(169)

Il-Kummissjoni tqis fuq dik il-bażi li l-intervent tal-Istat iwassal biex l-assigurazzjoni tkun disponibbli b’mod wiesa’ għas-settur tal-biedja, li f’xenarju kuntrarju jista’ jkollu jaffaċċja prezzijiet tal-assigurazzjoni għoljin. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hemm konformità mal-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2023.

(170)

Skont il-punt (71) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tqis li s-suq mhuwiex qiegħed jilħaq l-objettivi mistennija mingħajr l-intervent tal-Istat fir-rigward ta’ dawk il-miżuri ta’ għajnuna li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023. Il-Kummissjoni tinnota li l-iskema tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima 1.2.1.6. tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023 (il-premessi 197 sa 206). Għalhekk, f’konformità mal-punt (71) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ intervent mill-Istat.

7.2.3.2.   Adegwatezza tal-għajnuna

(171)

Skont il-punt (72) tal-Linji Gwida tal-2023, il-miżura ta’ għajnuna proposta trid tkun strument ta’ politika xieraq sabiex jiġi indirizzat l-objettiv ta’ politika kkonċernat. L-Istat Membru jeħtieġlu juri li l-għajnuna u t-tfassil tagħha huma xierqa biex jintlaħaq l-objettiv tal-miżura li lejha hija mmirata l-għajnuna.

(172)

L-objettiv tal-iskema huwa li tappoġġa lill-bdiewa fl-assigurazzjoni tal-attivitajiet tagħhom kontra eventi ta’ riskju u ta’ kriżi mhux previsti sabiex itejbu l-kompetittività tal-azjendi agrikoli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iskema tikkontribwixxi għall-kompetittività u għar-reżiljenza ġenerali tas-settur agrikolu. B’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema hija strument ta’ politika xieraq sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

Adegwatezza fost strumenti ta’ politika alternattivi

(173)

Kif previst fl-punt (73) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima rilevanti tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023, hija strument ta’ politika xieraq.

(174)

L-iskema tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fit-Taqsima 1.2.1.6 tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023 (il-premessi 197 sa 206). Għalhekk, hija strument ta’ politika xieraq.

(175)

Il-punt (74) tal-Linji Gwida tal-2023 ma japplikax f’dan il-każ, peress li l-operazzjonijiet eliġibbli għall-għajnuna mhumiex kofinanzjati skont il-Pjan Strateġiku tal-PAK taċ-Ċekja (il-premessa 36).

Adegwatezza fost strumenti differenti ta’ għajnuna

(176)

Skont il-punt (75) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna tista’ tingħata f’diversi forom. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-għajnuna tingħata f’forma li hija l-anqas probabbli li toħloq distorsjoni tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni.

(177)

Skont il-punt (76) tal-Linji Gwida tal-2023, fejn tiġi stabbilita forma speċifika għal miżura ta’ għajnuna kif deskritt fil-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023, din il-forma titqies bħala strument ta’ għajnuna xieraq għall-iskop ta’ dawk il-Linji Gwida. Ir-regoli applikabbli huma dawk tat-Taqsima 1.2.1.6. tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023, li ma tistabbilixxix formola speċifika ta’ għajnuna.

(178)

Skont l-iskema, l-għajnuna tista’ tingħata lill-bdiewa bħala għotja diretta (il-premessa 14), li l-awtoritajiet Ċeki jqisu bħala l-aktar forma xierqa għall-appoġġ tal-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni.

(179)

L-iskop tal-iskema huwa li tikkumpensa lill-bdiewa għall-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni. Il-Kummissjoni taqbel li l-għotjiet diretti huma l-aktar forma adattata meta l-għajnuna jkollha skop kumpensatorju. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema tissodisfa l-punt (76) tal-Linji Gwida tal-2023.

7.2.3.3.   Proporzjonalità tal-għajnuna

(180)

Skont il-punt (83) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna titqies proporzjonata jekk l-ammont tagħha għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ għat-twettiq tal-attività megħjuna. Skont il-punt (84) tal-Linji Gwida tal-2023, biex l-għajnuna tkun proporzjonata, jenħtieġ li l-ammont ta’ għajnuna ma jaqbiżx il-kostijiet eliġibbli, b’xi eċċezzjonijiet. Skont il-punt (85) tal-Linji Gwida tal-2023, sabiex jiġu żgurati l-prevedibbiltà u kundizzjonijiet ekwi, il-Kummissjoni tapplika l-intensitajiet massimi tal-għajnuna.

(181)

Skont il-punt (86) tal-Linji Gwida tal-2023, jekk il-kostijiet eliġibbli jkunu kkalkolati kif suppost u l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jew l-ammonti massimi tal-għajnuna stabbiliti fil-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023 ikunu rispettati, il-kriterju ta’ proporzjonalità jitqies bħala ssodisfat.

(182)

Skont il-punt (87) tal-Linji Gwida tal-2023, l-intensità massima tal-għajnuna u l-ammont ta’ għajnuna jridu jiġu kkalkolati mill-awtorità tal-għoti meta tagħti l-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli jridu jkunu sostnuti minn prova dokumentarja li jenħtieġ li tkun ċara, speċifika u kontemporanja. Għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u tal-kostijiet eliġibbli, iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra. Il-VAT mhijiex eliġibbli għal għajnuna, ħlief meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT.

(183)

L-għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-iskema ma taqbiżx il-65 % tal-kostijiet eliġibbli (il-premessi 22 u 25). Din l-intensità tal-għajnuna tirrispetta l-intensità massima permessa tal-għajnuna għall-primjum tal-assigurazzjoni, stabbilita fil-punt (411) tal-Linji Gwida tal-2023.

(184)

Il-kostijiet eliġibbli ma jinkludux il-VAT (il-premessa 34).

(185)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-kostijiet eliġibbli jiġu kkalkolati kif suppost mill-awtorità tal-għoti meta jagħtu l-għajnuna (il-premessa 33).

(186)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna hija proporzjonata.

7.2.3.4.   Akkumulazzjoni ta’ għajnuna

(187)

Skont il-punt (103) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna tista’ tingħata flimkien ma’ diversi skemi jew tiġi akkumulata ma’ għajnuna ad hoc, dment li l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għal attività jew proġett megħjun ma taqbiżx il-limiti massimi tal-għajnuna stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2023.

(188)

Skont il-punt (104) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, sakemm dawk l-għajnuniet jikkonċernaw kostijiet eliġibbli identifikabbli differenti. L-għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli, li jikkoinċidu parzjalment jew b’mod sħiħ, biss jekk tali akkumulazzjoni ma twassalx biex tinqabeż l-ogħla intensità tal-għajnuna jew l-ammont tal-għajnuna applikabbli għal dan it-tip ta’ għajnuna skont il-Linji Gwida tal-2023.

(189)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-għajnuna skont l-iskema ma tistax tiġi akkumulata ma’ għajnuna minn sorsi lokali, reġjonali jew nazzjonali oħra jew minn fondi tal-Unjoni jew ma’ għajnuna de minimis jew ma’ għajnuna ad hoc li tkopri l-istess kostijiet eliġibbli (il-premessa 32).

7.2.3.5.   Trasparenza

(190)

Skont il-punt (112) tal-Linji Gwida tal-2023, l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni elenkata f’dak il-punt fil-modulu għall-għotjiet bi trasparenza tal-Kummissjoni Ewropea jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

(191)

L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-kundizzjonijiet ta’ trasparenza jiġu ssodisfati. Huma impenjaw ruħhom li jiżguraw il-pubblikazzjoni fil-modulu għall-għotjiet bi trasparenza tal-Kummissjoni Ewropea tat-test sħiħ tal-iskema u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jew tal-bażi legali tagħha, l-identità tal-awtorità tal-għoti u l-identità tal-benefiċjarji li jirċievu għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż is-EUR 60 000 (il-premessa 37). L-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jemendaw l-iskema biex tikkonforma mar-regoli l-ġodda, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023. Skont dawn ir-regoli, il-limitu għall-għajnuna individwali li trid tiġi ppubblikata tnaqqas għal EUR 10 000. Fuq il-bażi tal-impenn tal-awtoritajiet Ċeki li jieħdu l-miżuri xierqa, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Ċeki jiżguraw li jiġu rrispettati r-rekwiżiti ta’ trasparenza relatati mal-għotjiet ta’ għajnuna individwali, kif stabbilit fil-punt (112) tal-Linji Gwida tal-2023.

(192)

Skont il-punt (114) tal-Linji Gwida tal-2023, tali l-informazzjoni trid tiġi ppubblikata wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna, trid tinżamm għal mill-anqas 10 snin u tkun disponibbli għall-pubbliku bla restrizzjonijiet. L-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li dawn ir-rekwiżiti se jiġu ssodisfati (il-premessa 37).

7.2.3.6.   Evitar ta’ effetti negattivi avversi fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ

(193)

Skont il-punt (117) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tidentifika s-suq/swieq affettwati mill-għajnuna, filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru fis-suq/swieq tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri s-suq/swieq affettwati mill-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Meta tivvaluta l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tiffoka l-analiżi tagħha tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-suq/swieq tal-prodotti affettwat(i).

(194)

Skont il-punt (118) tal-Linji Gwida tal-2023, jekk l-għajnuna tkun immirata sew, proporzjonata u limitata għall-kostijiet żejda netti, l-impatt negattiv tagħha jitnaqqas u r-riskju li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jkun aktar limitat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistabbilixxi intensitajiet massimi tal-għajnuna jew ammonti massimi tal-għajnuna. L-għan huwa li jiġi evitat li l-għajnuna mill-Istat tintuża għal attivitajiet li fihom il-proporzjon bejn l-ammont tal-għajnuna u l-kostijiet eliġibbli jitqies għoli ħafna u partikolarment suxxettibbli li joħloq distorsjonijiet. B’mod ġenerali, aktar ma l-attività megħjuna ġġib magħha effetti pożittivi potenzjali u aktar ma tkun kbira l-ħtieġa potenzjali għall-għajnuna, aktar ikun għoli l-limitu massimu fuq l-intensità tal-għajnuna.

(195)

F’dan il-każ, l-għajnuna skont l-iskema tista’ tingħata għall-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni (il-premessa 21). F’konformità mal-punt (118) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tqis li l-impatt negattiv ta’ tali għajnuna huwa limitat, minħabba li l-għajnuna hija mmirata sew lejn l-objettivi tagħha (il-premessa 172) u proporzjonata (il-premessa 186).

(196)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ma twassalx għal distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ.

7.2.3.7.   Kundizzjonijiet speċifiċi tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023

(197)

F’dan il-każ, hija applikabbli t-Taqsima 1.2.1.6 (Għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni) tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023.

(198)

Skont il-punt (403) tal-Linji Gwida tal-2023, it-Taqsima 1.2.1.6 tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023 tapplika għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. Din il-kundizzjoni hija ssodisfata, peress li huma eliġibbli biss l-intrapriżi l-kbar attivi fil-produzzjoni agrikola primarja (il-premessa 15).

(199)

Skont il-punt (404) tal-Linji Gwida tal-2023, l-għajnuna ma għandhiex tikkostitwixxi ostaklu għall-operat tas-suq intern għas-servizzi tal-assigurazzjoni. B’mod partikolari, l-għajnuna ma tistax tkun limitata għall-assigurazzjoni pprovduta minn kumpanija tal-assigurazzjoni unika jew grupp ta’ kumpaniji, jew tkun soġġetta għall-kundizzjoni li jiġi ffirmat kuntratt tal-assigurazzjoni ma’ kumpanija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat. L-iskema tikkonforma ma’ dawn il-kundizzjonijiet (il-premessa 27).

(200)

L-iskema ma tinkludix riassigurazzjoni, u għalhekk il-punt (405) tal-Linji Gwida tal-2023 mhuwiex applikabbli.

(201)

Skont il-punt (406) tal-Linji Gwida tal-2023, il-kostijiet eliġibbli huma dawk il-kostijiet tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-assigurazzjoni biex tkopri d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn eventi straordinarji, minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali, minn mard tal-annimali u minn pesti u speċijiet aljeni invażivi, mit-tneħħija u mill-qerda ta’ bhejjem mejta u d-danni kkawżati minn annimali protetti, kif imsemmija fit-Taqsimiet 1.2.1.1 sa 1.2.1.5, tal-Linji Gwida tal-2023, kif ukoll minn eventi klimatiċi avversi oħrajn jew id-danni kkawżati minn inċidenti ambjentali.

(202)

L-għajnuna skont l-iskema tista’ tingħata għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru d-danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi avversi, minn pesti u minn mard tal-annimali (il-premessi 1 u 20). Għalhekk, l-iskema hija konformi mal-punt (406) tal-Linji Gwida tal-2023.

(203)

Skont il-punt (407) tal-Linji Gwida tal-2023, l-assigurazzjoni tista’ tikkumpensa biss il-kost tal-kumpens għad-dannu msemmi fil-punt (406) tal-Linji Gwida tal-2023 u tista’ ma teħtieġx jew ma tispeċifikax it-tip jew il-kwantità ta’ produzzjoni futura. Din il-kundizzjoni hija ssodisfata (il-premessa 26).

(204)

L-iskema ma tkoprix il-primjums tal-assigurazzjoni għall-assigurazzjoni kontra t-telf ikkawżat minn inċidenti ambjentali. Għalhekk, il-punti (408) u (409) tal-Linji Gwida tal-2023 mhumiex applikabbli.

(205)

Skont il-punt (411) tal-Linji Gwida tal-2023, l-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż is-70 % tal-kost tal-primjum tal-assigurazzjoni. Fir-rigward tal-għajnuna għat-tneħħija u għall-qerda tal-bhejjem mejta, l-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż il-100 % tal-kost tal-primjum tal-assigurazzjoni fir-rigward ta’ primjums tal-assigurazzjoni għat-tneħħija ta’ bhejjem mejta u l-75 % tal-kost tal-primjum tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-primjums tal-assigurazzjoni għall-qerda tat-tali bhejjem mejta.

(206)

L-għajnuna skont din l-iskema tista’ tingħata sa 65 % tal-kostijiet eliġibbli (il-premessi 22 u 25). Għalhekk, hemm konformità mal-intensità massima permessa tal-għajnuna, stabbilita fil-punt (411) tal-Linji Gwida tal-2023.

7.2.3.8.   Evalwazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna

(207)

Skont il-punt (134) tal-Linji Gwida tal-2023, il-Kummissjoni tivvaluta jekk l-effetti pożittivi tal-miżura ta’ għajnuna jegħlbux l-effetti negattivi identifikati tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ. Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern biss meta l-effetti pożittivi jegħlbu l-effetti negattivi.

(208)

Skont il-punt (136) tal-Linji Gwida tal-2023, bħala parti mill-valutazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna, il-Kummissjoni tqis l-impatt tal-għajnuna fuq l-ilħuq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-PAK stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115, li għandhom l-għan li jrawmu settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat, jappoġġaw u jsaħħu l-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-bijodiversità, u l-azzjoni klimatika u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni u dawk marbuta mal-klima u li jsaħħu n-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali.

(209)

Barra minn hekk, skont il-punt (137) tal-Linji Gwida tal-2023, fil-prinċipju, minħabba l-effetti pożittivi tagħha fuq l-iżvilupp tas-settur, il-Kummissjoni tqis li meta għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet u ma taqbiżx l-intensitajiet massimi rilevanti tal-għajnuna jew l-ammonti massimi rilevanti tal-għajnuna, stabbiliti fit-Taqsimiet applikabbli tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023, l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u fuq l-kummerċ jiġu limitati għall-minimu.

(210)

L-iskema tissodisfa r-rekwiżiti tat-Taqsima 1.2.1.6. tal-Parti II tal-Linji Gwida tal-2023 (il-premessi 197 sa 206), inkluża l-intensità massima rilevanti tal-għajnuna (il-premessa 206).

(211)

Barra minn hekk, l-objettivi segwiti huma konsistenti mal-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115, li għandhom l-għan li jrawmu settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul u jappoġġa u jsaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent u li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni (il-premessa 36).

(212)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impatt pożittiv tal-iskema jegħleb l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

7.2.4.   Konklużjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema

(213)

Wara li kkunsidrat dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika u ma taffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iskema hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE kif interpretat mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Linji Gwida tal-2023.

7.3.   Legalità tal-għajnuna individwali

(214)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni għamlet referenza għall-informazzjoni dwar is-suq miksuba matul l-eżami preliminari tal-iskema, li indikat li kienet diġà kienet ingħatat għajnuna lil xi intrapriżi kbar għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru d-danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi negattivi u minn pesti jew minn mard tal-annimali rispettivament lill-għelejjel u lill-bhejjem. L-eżami preliminari żvela li l-awtorità tal-għoti fil-fatt bi żball kienet ikklassifikat xi benefiċjarji bħala SMEs fil-mument tal-għoti tal-għajnuna (34). Konsegwentement, bi żball kienet tat għajnuna lil dawk il-kumpaniji skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/XA), li kienet limitata għall-SMEs.

(215)

Fir-rigward ta’ tali klassifikazzjoni bħala SMEs, l-awtoritajiet Ċeki ssottomettew kummenti stabbiliti fil-premessi 100 sa 110.

(216)

Hawn taħt, il-Kummissjoni tindirizza l-kummenti taċ-Ċekja rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ SMEs u tivvaluta l-legalità tal-għajnuna individwali.

7.3.1.   Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ SMEs

(217)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma qablitx mal-evalwazzjoni tal-awtorità tal-għoti, billi qieset li din kienet saret għal raġunijiet purament formali, jiġifieri billi vverifikat esklużivament l-issodisfar formali tal-kriterji li jiddefinixxu SME, mingħajr ma qieset ir-realtà ekonomika u l-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbiliti fil-premessi 58 sa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(218)

Il-kunsiderazzjoni deskritta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienet ibbażata fuq l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER, kif spjegat fil-premessa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Kummissjoni speċifikat li l-interpretazzjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni ggwidata mill-prinċipju ta’ effett utli.

(219)

Fis-sottomissjoni tagħhom, l-awtoritajiet Ċeki għamluha ċara li fl-implimentazzjoni u fil-verifika amministrattiva ex post tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, huma ma kkunsidrawx bħala intrapriżi kbar dawk il-benefiċjarji li kienu saru intrapriżi kbar wara fużjoni jew akkwiżizzjoni li tkun seħħet anqas minn sentejn qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna. L-awtoritajiet Ċeki qiesu tali benefiċjarji bħala SMEs għaż-żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi, li segwew id-data tal-għoti tal-għajnuna u tawhom għajnuna fuq il-bażi tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/preliminari) (il-premessi 100 sa 110).

(220)

Fir-rigward tal-argumenti ppreżentati miċ-Ċekja fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER (il-premessi 98 sa 111), il-Kummissjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha spjegata fid-dettall fid-deċiżjoni tal-ftuħ (35).

(221)

Il-Kummissjoni tfakkar li skont il-punt (35)(14) tal-Linji Gwida tal-2014 u l-punt (33)(36) tal-Linji Gwida tal-2023, intrapriżi kbar huma impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Anness I tal-ABER.

(222)

Skont il-premessa 39 tal-ABER, ir-raġuni sottostanti għall-eżenzjoni tal-SMEs mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) TFUE hija li “[l]-SMEs għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u, b’mod aktar ġenerali, jaġixxu bħala fattur ta’ stabbiltà soċjali u ta’ spinta ekonomika. Madankollu, l-iżvilupp tagħhom jista’ jkun limitat minn fallimenti tas-suq, li jwasslu biex dawn l-SMEs isofru minn żvantaġġi tipiċi. L-SMEs ta’ spiss ikollhom diffikultajiet biex jiksbu kapital jew self, minħabba n-natura avversa għar-riskju ta’ ċerti swieq finanzjarji u l-garanzija limitata li jkunu kapaċi joffru. Ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu jirrestrinġu wkoll l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Biex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs, dan ir-Regolament għandu għalhekk jeżenta ċertu kategoriji ta’ għajnuna favur l-SMEs mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.”

(223)

Il-premessa 40 tal-ABER tispjega li d-definizzjoni ta’ SME użata għall-iskop ta’ dak ir-Regolament hija bbażata fuq id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (36), sabiex jiġu eliminati d-differenzi li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti tal-Unjoni u nazzjonali li jikkonċernaw l-SMEs kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza amministrattiva u ta’ ċertezza legali.

(224)

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Anness I tal-ABER, il-kategorija tal-SMEs hija magħmula minn impriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħhom ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew li t-total tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun.

(225)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER, meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, kienet qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd tal-persunal jew il-limiti finanzjarji massimi ddikjarati fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, dan ma jirriżultax fit-telf jew fil-kisba tal-istatus ta’ intrapriża ta’ daqs medju, żgħir jew mikro sakemm dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi.

(226)

Il-Qrati tal-Unjoni kkonfermaw fil-ġurisprudenza tagħhom li d-definizzjoni ta’ SME trid tiġi interpretata b’mod strett, peress li l-vantaġġi mogħtija mill-istatus ta’ SME huma fil-biċċa l-kbira tal-każijiet (b’mod partikolari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat) eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali (37). Huwa neċessarju li jitneħħew minn dik il-kwalifika ta’ SMEs il-gruppi ta’ intrapriżi li s-saħħa ekonomika tagħhom tista’ taqbeż dik ta’ SMEs ġenwini, anke jekk formalment jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-definizzjoni ta’ SME (38). Skont il-ġurisprudenza, irid jiġi żgurat ukoll li d-definizzjoni ta’ SME ma tiġix evitata b’mezzi purament formali (39).

(227)

Il-Qrati tal-Unjoni kkonfermaw ukoll li huma biss l-intrapriżi li jbatu minn żvantaġġi tipiċi ta’ SME li jenħtieġ li jkunu intitolati għall-vantaġġi li jirriżultaw minn dak l-istatus (40). Bħala tali, il-Kummissjoni tqis li jekk intrapriża ma ġġarrabx l-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME, jenħtieġ li tali entità ma tiġix rikonoxxuta bħala SME.

(228)

Fil-punt (91) tas-sentenza tagħha fil-Kawża T-745/17, li għaliha għamlu referenza l-awtoritajiet Ċeki fis-sottomissjoni tagħhom (il-premessa 110), il-Qorti Ġenerali sabet fis-sustanza li l-Kummissjoni missha ddubitat dwar jekk intrapriża li taqa’ taħt il-livelli limitu ta’ SME previsti fl-Artikolu 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 fiż-żmien tal-għoti tal-għajnuna setgħetx titqies bħala SME li kienet marbuta ma’ impriża kbira matul iż-żewġ perjodi kontabilistiċi preċedenti.

(229)

Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija l-maqlub ta’ dik fil-Kawża T-745/17. Fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna individwali, il-benefiċjarji qabżu l-livelli limitu ta’ SMEs stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Anness I tal-ABER. Il-livelli limitu ta’ SME nqabżu bħala riżultat ta’ bidla dejjiema fl-istruttura tas-sjieda tagħhom li seħħet matul il-perjodu kontabilistiku ta’ qabel dak tal-għoti tal-għajnuna individwali. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament ABER sottomessa mill-awtoritajiet Ċeki fis-sens li dawk il-benefiċjarji jenħtieġ li jżommu l-istatus tagħhom ta’ SME għal sentejn wara d-data tal-bidla fl-istruttura tas-sjieda tagħhom tmur kontra l-ispirtu tal-Artikolu 4(2), li għandu l-għan li jiżgura li l-intrapriżi li jbatu biss mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME jenħtieġ li jkunu intitolati għall-vantaġġi li jirriżultaw minn dak l-istatus.

(230)

Imur kontra l-prinċipju ta’ effett utli li tiġi pprovduta tali flessibbiltà għall-intrapriżi li jaqbżu l-livelli limitu ta’ SME fuq bażi dejjiema bħala riżultat ta’ bidla fis-sjieda. L-għan tal-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER kien li jiġi żgurat li l-intrapriżi li jesperjenzaw it-tkabbir u li temporanjament jaqbżu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dak l-Anness ikunu jistgħu jżommu l-istatus ta’ SME tagħhom. Għalhekk, tfittex li tiżgura ċ-ċertezza legali għal dawk l-SMEs li huma attivi fi swieq volatili ħafna. Madankollu, il-bidla fis-sjieda ta’ kumpanija wara fużjoni jew akkwiżizzjoni tintroduċi bidla strutturali li mhijiex soġġetta għall-volatilità ta’ suq jew għal tkabbir ekonomiku.

(231)

Fid-dawl ta’ dan ir-raġunament, il-Kummissjoni tqis li l-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER trid tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom il-limiti massimi għal SME jinqabżu fuq bażi temporanja (“kemm-il darba dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi konsekuttivi tal-kontabbiltà”).

(232)

Il-prinċipju ewlieni għall-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kien il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-intrapriżi li jbatu mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME biss ikunu intitolati għall-vantaġġi li jirriżultaw minn dak l-istatus u li l-miżuri maħsuba għall-SMEs ikunu ta’ benefiċċju ġenwin għall-intrapriżi li għalihom id-daqs jirrappreżenta żvantaġġ u mhux għal dawk li jappartjenu għal grupp kbir u li għalhekk ikollhom aċċess għal fondi u għal assistenza mhux disponibbli għal kompetituri ta’ daqs ugwali iżda li ma jappartjenux għal grupp kbir.

(233)

Għalhekk, l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER ma jistax jinftiehem bħala li jfisser li SME li minħabba akkwiżizzjoni jew fużjoni ssir intrapriża kbira xorta waħda tista’ tibbenefika awtomatikament mill-istatus ta’ SME għal żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi.

(234)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Ċeki li l-perjodu ta’ konċessjoni ta’ sentejn japplika b’mod ġenerali għall-każijiet kollha li fihom jinqabżu l-limiti massimi ta’ SME, irrispettivament mir-raġuni sottostanti. Intrapriża ma tibqax SME u ma tiffaċċjax l-istess problemi (aċċess għar-riżorsi, it-teknoloġija, eċċ.) meta minħabba fużjoni jew akkwiżizzjoni ssir parti minn intrapriża kbira, u, konsegwentement, taqbeż il-livelli limitu ta’ SME fuq bażi dejjiema.

(235)

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehma tal-awtoritajiet Ċeki li l-ġurisprudenza msemmija fil-premessa 59 tad-deċiżjoni tal-ftuħ trid tkun limitata għall-Artikolu 3 tal-Anness I tal-ABER (il-premessa 107). Filwaqt li dik il-ġurisprudenza setgħet inħarġet speċifikament fir-rigward tal-hekk imsejħa intrapriżi assoċjati, fil-fehma tal-Kummissjoni dan ma jbiddilx jew ma jillimitax ir-rilevanza ġenerali tal-prinċipju ta’ effett utli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dan irid jitqies bħala li ġeneralment jirregola l-implimentazzjoni tad-definizzjoni ta’ SME, b’mod partikolari minħabba li l-Qrati tal-Unjoni ħeġġew fid-deċiżjonijiet tagħhom l-applikazzjoni tal-“ispirtu” tad-definizzjoni ta’ SME (eż. … “bl-għan li jiġi żgurat li dawk l-intrapriżi biss li verament jeħtieġu l-vantaġġi dovuti għall-SMEs mir-regoli jew mill-miżuri differenti favurihom fil-fatt jibbenefikaw minnhom”  (41) ).

(236)

Barra minn hekk, iċ-Ċekja ssostni li filwaqt li l-kontenut ta’ regola tal-liġi jista’ jiġi ċċarat permezz ta’ interpretazzjoni, l-interpretazzjoni ma tistax tinterpreta ħażin liġi li t-tifsira tagħha tkun ċara u tinftiehem. Tali azzjoni tirriskja li tipproduċi nuqqas inaċċettabbli ta’ ċertezza fit-tranżazzjonijiet legali (il-premessa 106).

(237)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, jenħtieġ li kwalunkwe test legali jiġi interpretat f’konformità mal-formulazzjoni tiegħu (interpretazzjoni litterali) iżda wkoll b’kunsiderazzjoni xierqa għall-intenzjoni tal-leġiżlatur meta jadotta t-test. Il-Kummissjoni spjegat (42) li l-objettiv tad-definizzjoni ta’ SME huwa li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ appoġġ jingħataw biss lil dawk l-intrapriżi li ġenwinament jeħtiġuhom. Peress li d-definizzjoni ta’ SME tapplika fil-politiki, fil-programmi u fil-miżuri li l-Kummissjoni tiżviluppa u topera għall-SMEs, huwa importanti li jiġi identifikat liema intrapriżi verament huma SMEs minħabba li jeħtieġu assistenza li intrapriżi oħra ma jkollhomx bżonn. Meta mqabbla ma’ intrapriżi oħra, l-SMEs jiffaċċjaw sett uniku ta’ kwistjonijiet, kif diġà spjegat fil-premessa 222 u li jiġġustifikaw trattament speċifiku.

(238)

Fid-dawl tar-raġunament mogħti fil-premessi 221 sa 237, il-Kummissjoni ttenni li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER ma japplikax b’mod ġenerali u awtomatiku. Minflok, l-ewwel irid jiġi speċifikat liema kumpanija hija rilevanti għall-kalkolu tad-data skont l-Artikolu 2(1) ta’ dak l-Anness u liema perjodi kontabilistiċi huma rilevanti.

(239)

Għalhekk, meta intrapriża tbiddel l-istruttura jew is-sjieda tagħha fuq bażi dejjiema wara fużjoni jew akkwiżizzjoni u topera taħt il-kontroll (skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tal-Anness I tal-ABER) ta’ “intrapriża kbira” (43) fil-mument tal-għoti, tali intrapriża trid titqies hija stess bħala intrapriża kbira (44).

(240)

Minn dan isegwi li tali intrapriża ma setgħetx tibbenefika mill-istatus ta’ SME u li, għalhekk, ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna skont l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

7.3.2.   Għajnuna individwali

(241)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li l-iskema kienet diġà ġiet implimentata qabel in-notifika tagħha.

(242)

Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ċeki spjegaw li l-ebda sejħa għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ma kienet miftuħa u, għalhekk, ma ngħatat l-ebda għajnuna skont dik l-iskema.

(243)

Il-Kummissjoni taqbel mal-awtoritajiet Ċeki li l-għajnuna msemmija fil-premessa 3 ma tistax titqies bħala li ngħatat skont l-iskema, peress li dik l-iskema tal-aħħar ġiet innotifikata f’forma ta’ abbozz u għalhekk ma ġietx approvata mill-Kummissjoni u fis-seħħ meta ngħatat l-għajnuna.

(244)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq fil-premessi 217 sa 240, tali għajnuna ma tistax titqies bħala li ngħatat fuq il-bażi tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija SA.49594 (2017/preliminari) jew, peress li ngħatat lil intrapriżi kbar, filwaqt li l-ambitu tal-iskema ta’ eżenzjoni ta’ kategorija kien limitat għall-SMEs.

(245)

Għaldaqstant, l-għajnuna individwali msemmija fil-premessa 3 ma ngħatatx fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna u għalhekk tikkostitwixxi “għajnuna individwali” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (45).

(246)

L-investigazzjoni formali żvelat ukoll li, mill-kumpaniji elenkati fil-premessa 97 ta’ hawn fuq, ZEV Šaratice, a.s. (“ZEV Šaratice”) ingħatat l-għajnuna individwali (46), fis-17 ta’ Jannar 2018. Fid-data tal-għajnuna mogħtija, ZEV Šaratice’ kellha titqies bħala intrapriża kbira, kif spjegat hawn taħt.

(247)

Mill-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Ċeki jirriżulta li fl-10 ta’ Frar 2017, LUKROM, spol. s.r.o. (“LUKROM”) saret l-azzjonist maġġoritarju ta’ ZEV Šaratice, meta saret proprjetarja ta’ 62,52 % tal-ishma tagħha. Dan is-sehem kompla jiżdied sa 70,2 % sal-aħħar tal-2017 permezz ta’ xiri gradwali tal-ishma. Skont l-awtoritajiet Ċeki, minħabba l-maġġoranza tas-sjieda tal-ishma, mill-10 ta’ Frar 2017 il-kumpaniji ZEV Šaratice u LUKROM saru intrapriżi assoċjati skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3)(a) tal-Anness I tal-ABER.

(248)

Fis-sottomissjoni tagħhom, l-awtoritajiet Ċeki għamlu referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-745/17 (il-premessa 110). Fil-fehma tagħha, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 (“GBER”) japplika anke fil-każ ta’ fużjonijiet u ta’ akkwiżizzjonijiet (il-premessa 110).

(249)

Madankollu, is-sitwazzjoni f’dak il-każ kienet differenti minn dik ta’ ZEV Šaratice f’dan il-każ: fil-Kawża T-745/17, il-benefiċjarju tal-għajnuna sar SME minħabba t-trasferiment ta’ ishma lil kumpanija oħra. Fil-każ preżenti s-sitwazzjoni hija bil-kontra: il-maġġoranza tal-ishma ta’ ZEV Šaratice ġew akkwiżiti minn intrapriża kbira, LUKROM.

(250)

Fil-fatt, il-kontijiet ta’ LUKROM għall-2017 ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2017. It-total annwali tal-karta tal-bilanċ ammonta għal CZK 2 742 344 000 (madwar EUR 107 miljun (47)). Għall-istess perjodu, il-karta tal-bilanċ ta’ LUKROM indikat li n-numru medju ta’ impjegati kien ta’ 301, flimkien ma’ 372 impjegat f’kumpaniji oħra inklużi fil-karta tal-bilanċ ta’ din il-kumpanija. Din id-data turi li LUKROM kienet intrapriża kbira fl-2017.

(251)

Il-kontijiet ta’ LUKROM għall-2016 ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2016. It-total annwali tal-karta tal-bilanċ ammonta għal CZK 2 346 940 (madwar EUR 86,8 miljun (48)). Għall-istess perjodu, il-karta tal-bilanċ ta’ LUKROM indikat li n-numru medju ta’ impjegati kien ta’ 299, flimkien ma’ 375 impjegat f’kumpaniji oħra inklużi fil-karta tal-bilanċ ta’ din il-kumpanija. Din id-data turi li LUKROM kienet intrapriża kbira fl-2016 ukoll.

(252)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li s-sentenza li fuqha bbażaw l-awtoritajiet Ċeki mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Anness I tal-GBER f’dan il-każ (ara wkoll il-premessa 229).

(253)

Madankollu, bħala analiżi legali sussidjarja, il-Kummissjoni se tapplika l-istess prinċipji bħal dawk espressi mill-Qorti Ġenerali f’dik is-sentenza.

(254)

Kif stabbilit fil-punt 94 ta’ dik is-sentenza, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni jeħtiġilhom jiddeterminaw b’mod preċiż il-perjodu kontabilistiku approvat rilevanti u s-sena għall-finijiet tal-kalkolu konġunt tad-data rispettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Anness I tal-GBER, moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) u mal-Artikolu 4(2) ta’ dak l-Anness, u jispeċifikaw liema kumpanija jew kumpaniji jridu jitqiesu.

(255)

Fil-punt 93 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll li huwa neċessarju li titqies ukoll id-data ta’ kumpanija, li taħt il-kontroll tagħha l-benefiċjarju tal-għajnuna wettaq parti sostanzjali mill-attivitajiet ekonomiċi tiegħu matul il-perjodu kontabilistiku kkunsidrat.

(256)

Fl-applikazzjoni ta’ dik is-sentenza għas-sitwazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tivvaluta d-data ta’ ZEV Šaratice u ta’ LUKROM b’mod konġunt. Tali kalkolu konġunt iqis l-ispirtu tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 94 tas-sentenza fil-Kawża T-745/17. Inkella, id-definizzjoni ta’ SME tiġi evitata abbażi ta’ mezzi purament formali. Tabilħaqq, jekk l-analiżi tal-kunċett ta’ SMEs kellha ssir sentejn qabel il-bidla strutturali korporattiva f’kull waħda mill-partijiet tat-tranżazzjoni separatament, il-konklużjoni dejjem tkun estensjoni tal-kunċett ta’ SMEs li tmur kontra l-ħtieġa li l-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER jiġi interpretat strettament (il-premessa 230) u f’konformità mal-ispirtu tiegħu.

(257)

Fir-rigward tal-perjodu kontabilistiku approvat rilevanti, iż-żewġ perjodi kontabilistiċi ta’ qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna kienu għas-snin 2017 u 2016.

(258)

Il-kontijiet ta’ ZEV Šaratice għas-sena 2017 ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2017. It-total annwali tal-karta tal-bilanċ ammonta għal CZK 120 286 000 (madwar EUR 4,69 miljun (49)). Għall-istess perjodu, ir-rapport annwali ta’ ZEV Šaratice, a.s indika tmien impjegati.

(259)

Il-kontijiet ta’ ZEV Šaratice għas-sena 2016 ingħalqu fil-31 ta’ Diċembru 2016. It-total annwali tal-karta tal-bilanċ ammonta għal CZK 120 286 000 (madwar EUR 4,39 miljun (50)). Għall-istess perjodu, ir-rapport annwali ta’ ZEV Šaratice, a.s indika disa’ impjegati.

(260)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessi 250 u 251, il-kontijiet tal-intrapriża assoċjata ta’ ZEV Šaratice (LUKROM) għaż-żewġ perjodi kontabilistiċi ta’ qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna jiżvelaw li dik l-intrapriża assoċjata waħedha tikkostitwixxi “intrapriża kbira” skont it-tifsira tal-Anness I tal-GBER.

(261)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Anness I tal-ABER, fid-data tal-għoti tal-għajnuna, jiġifieri s-17 ta’ Jannar 2018, ZEV Šaratice kienet assoċjata ma’ – u għalhekk kienet parti minn – “intrapriża kbira” skont it-tifsira tal-Anness I tal-ABER. Għaldaqstant, ZEV Šaratice ma kinitx eliġibbli għall-għajnuna skont l-iskema SA.49594 (2017/XA), peress li din l-għajnuna kienet disponibbli biss għall-SMEs.

(262)

Fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra elenkati fil-premessa 97 ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet Ċeki ma spjegawx għaliex dawn il-kumpaniji ġew ivverifikati, peress li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ċeki, ma ngħatawx għajnuna għall-primjum tal-assigurazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2018.

7.3.3.   Illegalità tal-għajnuna individwali

(263)

Peress li l-għajnuna individwali ngħatat lil kumpaniji kbar, ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji tal-ABER.

(264)

Peress li dik l-għajnuna individwali la ngħatat fuq il-bażi ta’ xi skema approvata, u lanqas ma setgħet tiġi eżentata skont l-ABER, il-Kummissjoni għalhekk tikkonferma d-dubji preliminari tagħha u ssib li l-għajnuna individwali li diġà ngħatat lil intrapriżi kbar hija illegali (51).

7.4.   Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

7.4.1.   Linji Gwida applikabbli

(265)

Skont il-punt (656) tal-Linji Gwida tal-2023, għajnuna illegali tiġi vvalutata f’konformità mar-regoli fis-seħħ fid-data ta’ għoti tal-għajnuna. Għalhekk, f’din id-Deċiżjoni l-Kummissjoni tivvaluta l-għajnuna mogħtija qabel l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE u, għall-għajnuna individwali kollha mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2023 (il-premessa 3), il-Linji Gwida tal-2014.

7.4.2.   L-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE u l-linji gwida applikabbli

(266)

Skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE, għajnuna tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk jinstab li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi jew ta’ ċerti żoni ekonomiċi, meta t-tali għajnuna ma taffettwax b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(267)

Għalhekk, sabiex tinstab kompatibbli skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE, l-għajnuna trid (i) tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika jew ta’ ċerti oqsma (kundizzjoni pożittiva) u (ii) ma tistax taffettwa b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni (kundizzjoni negattiva). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

(268)

Il-Kummissjoni tivvaluta jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfati fid-dawl tal-linji gwida applikabbli, li huma l-Linji Gwida tal-2014. B’mod speċifiku, f’dan il-każ japplikaw il-Kapitolu 3 tal-Parti I (Valutazzjoni tal-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE) kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-594/18 P (52) u t-Taqsima 1.2.1.6 tal-Parti II (Għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni).

7.4.3.   Rigward jekk l-għajnuna tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ attività ekonomika

7.4.3.1.   Identifikazzjoni tal-attività ekonomika

(269)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna individwali tfasslet biex tappoġġa lill-bdiewa permezz ta’ eventi ta’ riskju u ta’ kriżi billi tinċentivahom biex jagħmlu assigurazzjoni. L-assigurazzjoni hija għodda importanti għall-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet fis-settur tal-biedja, li huwa espost għal tali eventi frekwenti. B’dan il-mod, l-għajnuna tappoġġa l-produzzjoni agrikola primarja (il-premessa 9).

(270)

Skont il-punt (44) tal-Linji Gwida tal-2014, jenħtieġ li l-għajnuna fis-settur agrikolu u tal-forestrija u fiż-żoni rurali tkun relatata mill-qrib mal-PAK, jenħtieġ li tkun konsistenti mal-objettivi tal-iżvilupp rurali msemmijin fil-punt (10) ta’ dawk il-Linji Gwida u jenħtieġ li tkun kompatibbli mar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli.

(271)

Skont il-punt (46) tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri, implimentati skont u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (53) u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu jew bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali fil-qafas ta’ programm għall-iżvilupp rurali, huma minnhom infushom konsistenti mal-objettivi tal-iżvilupp rurali u jikkontribwixxu għalihom.

(272)

Din l-għajnuna ma kinitx kofinanzjata taħt il-miżura tal-PŻR taċ-Ċekja, iżda kienet imfassla skont l-objettivi tal-iżvilupp rurali (il-premessa 63).

(273)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ffaċilitat attività ekonomika, billi kkontribwiet għall-kompetittività u għar-reżiljenza tal-produzzjoni agrikola primarja.

7.4.3.2.   Nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv

(274)

Skont il-punt (66) tal-Linji Gwida tal-2014, l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv jekk tbiddel l-imġiba tal-impriżi b’tali mod li jinvolvu ruħhom f’attività addizzjonali li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-settur, li fih normalment ma kinux jinvolvu ruħhom mingħajr għajnuna jew li kieku kienu jinvolvu ruħhom b’mod differenti jew ristrett. L-għajnuna ma tridx tissussidja l-kostijiet ta’ attività li impriża kienet iġġarrab fi kwalunkwe każ u ma għandhiex tikkumpensa għar-riskju kummerċjali normali ta’ attività ekonomika.

(275)

Skont il-punt (67) tal-Linji Gwida tal-2014, miżuri unilaterali ta’ għajnuna mill-Istat li huma sempliċiment maħsuba sabiex itejbu l-qagħda finanzjarja tal-impriżi iżda li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur, u b’mod partikolari għajnuna li tingħata biss fuq il-bażi tal-prezz, tal-kwantità, tal-unità tal-produzzjoni jew tal-unità tal-fatturi ta’ produzzjoni jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna operatorja li hija inkompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, min-natura tagħha stess, għajnuna bħal din x’aktarx li xxekkel ukoll il-mekkaniżmi li jirregolaw l-organizzazzjoni tas-suq intern.

(276)

L-għajnuna ngħatat għall-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni (il-premessa 21). Għalhekk, ma ssussidjatx il-kostijiet ta’ attività li impriża kienet iġġarrab fi kwalunkwe każ u ma tikkumpensax ir-riskju kummerċjali normali ta’ attività ekonomika u ma kinitx maħsuba sempliċiment biex ittejjeb il-qagħda finanzjarja tal-impriżi.

(277)

Skont il-punt (70) tal-Linji Gwida tal-2014, l-għajnuna ma tippreżentax effett ta’ inċentiv għall-benefiċjarju kull meta xogħol fuq il-proġett jew l-attività rilevanti jkun diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. Skont il-punt 35(25) tal-Linji Gwida tal-2014, “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, skont liema minnhom jinbdew l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat tagħmir jew jitqabbdu servizzi jew kwalunkwe impenn ieħor li permezz tiegħu l-proġett jew l-attività ssir irriversibbli.

(278)

Skont il-punt (71) tal-Linji Gwida tal-2014, l-applikazzjoni għall-għajnuna trid tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi l-post u d-dati tal-bidu u tat-tmiem tagħha, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa sabiex titwettaq u l-kostijiet eliġibbli.

(279)

Barra minn hekk, skont il-punt (72) tal-Linji Gwida, l-intrapriżi l-kbar jeħtiġilhom jiddeskrivu s-sitwazzjoni mingħajr l-għajnuna fl-applikazzjoni, liema sitwazzjoni ssir referenza għaliha bħala x-xenarju kontrofattwali jew bħala proġett jew attività alternattiva, u jeħtiġilhom jissottomettu prova dokumentarja b’appoġġ għax-xenarju kontrofattwali deskritt fl-applikazzjoni. Skont il-punt (73) tal-Linji Gwida, meta tirċievi applikazzjoni, l-awtorità tal-għoti jeħtiġilha twettaq kontroll tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali u tikkonferma li l-għajnuna għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Xenarju kontrofattwali jkun kredibbli jekk ikun ġenwin u jekk jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju jieħu d-deċiżjoni dwar il-proġett jew l-attività kkonċernata.

(280)

Kif jirriżulta mill-premessa 67 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, fir-rigward tal-għajnuna individwali, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE minħabba li l-għajnuna ngħatat b’mod illegali lil intrapriżi kbar, minħabba dubji relatati ma’ (i) is-sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali u ma’ (ii) il-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni (ara wkoll il-premessa 8).

(281)

Sottomissjoni tax-xenarju kontrofattwali

(282)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Ċeki kkontestaw l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Anness I tal-ABER u affermaw li ma ngħatat l-ebda għajnuna lill-benefiċjarji li ma kinux jikkwalifikaw bħala SMEs f’konformità mad-definizzjoni stabbilita fl-Anness I tal-ABER (54) (il-premessi 99 sa 110).

(283)

Madankollu, l-awtoritajiet Ċeki kkonfermaw li l-ebda wieħed mill-benefiċjarji li kienu rċevew għajnuna fuq il-bażi tal-iskema SA.49594 (2017/XA) ma kien issottometta xenarju kontrofattwali (il-premessa 98).

(284)

L-awtoritajiet Ċeki ma jaqblux li l-iskema SA.49594 (2017/XA) ma stabbilietx ir-rekwiżit tas-sottomissjoni, ex ante, tax-xenarju kontrofattwali. Dawn l-awtoritajiet lanqas ma talbu li l-Kummissjoni titbiegħed minn dan ir-rekwiżit stabbilit fil-Linji Gwida tal-2014 (55).

(285)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel raġuni tal-investigazzjoni formali ġiet ikkonfermata, fis-sens li l-intrapriżi l-kbar li ngħataw għajnuna individwali illegali ma kinux issottomettew xenarju kontrofattwali ex ante li juri li l-għajnuna kienet tippreżenta effett ta’ inċentiv.

7.4.3.3.   Konklużjoni dwar l-ewwel kundizzjoni (pożittiva) stabbilita fl-Artikolu 107(3), il-punt (c) TFUE

(286)

Fin-nuqqas ta’ effett ta’ inċentiv stabbilit kif xieraq, l-għajnuna individwali inkwistjoni ma tistax titqies li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika jew ta’ ċerta żona.

7.4.4.   Konklużjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna individwali mas-suq intern

(287)

L-għajnuna individwali tingħata lil intrapriżi kbar għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi avversi u minn pesti jew minn mard tal-annimali rispettivament lill-għelejjel u lill-bhejjem (il-premessa 3) ma tistax titqies li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerta attività ekonomika jew ta’ żona partikolari.

(288)

Għalhekk, tali għajnuna individwali ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE (kif interpretat fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014), mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni negattiva stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

8.   IRKUPRU

(289)

Skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati tal-Unjoni, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jbiddel jew jabolixxi l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (56). Il-Qrati tal-Unjoni sostnew ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa maħsub biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (57).

(290)

F’dan il-kuntest, il-Qrati tal-Unjoni stabbilew li dan l-objettiv jintlaħaq ladarba benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk jirrinunzja l-vantaġġ li huwa kien gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq intern, kif ukoll titreġġa’ lura s-sitwazzjoni li kien hemm qabel tħallset l-għajnuna (58).

(291)

F’konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 2015/1589 jiddikjara li “[f]ejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju” (“deċiżjoni għall-irkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal- Unjoni”.

(292)

Għalhekk, iċ-Ċekja hija obbligata tirkupra l-għajnuna individwali illegali u inkompatibbli (il-premessa 261) minn ZEV Šaratice, a.s. u l-benefiċjarji l-oħra kollha li kienu intrapriżi kbar fil-mument li ngħatat tali għajnuna individwali, sakemm ma tkunx issodisfat il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (59) jew l-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE kif iddikjarat matul l-investigazzjoni formali. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien mid-data meta l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupru effettiv. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkollu l-imgħax sal-irkupru effettiv.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c), TFUE.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali diġà mogħtija lil intrapriżi kbar għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni li jkopru d-danni kkawżati minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi negattivi u minn pesti jew minn mard tal-annimali rispettivament lill-għelejjel u lill-bhejjem ingħatat bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 3

1.   Iċ-Ċekja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji tal-intrapriża kbira sal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (60) kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (61).

Artikolu 4

1.   F’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589, l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament għandu jkun immedjat u effettiv (62).

2.   Iċ-Ċekja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien 4 xhur mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien 4 xhur min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, iċ-Ċekja għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

lista sħiħa ta’ benefiċjarji li jikkostitwixxu intrapriżi kbar skont it-tifsira tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2022/2472 (63) li ma ssottomettewx xenarju kontrofattwali fl-applikazzjoni tagħhom u li rċevew l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

l-ammont totali (il-kapital tal-għajnuna u l-imgħax tal-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand dawn il-benefiċjarji;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u dawk ippjanati biex tinżamm il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(d)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Iċ-Ċekja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2 ikun komplut. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq talba sempliċi mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu diġà ttieħdu u dawk ippjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji tal-intrapriżi l-kbar.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-identità tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkompatibbli u l-ammonti tal-għajnuna u tal-imgħax tal-irkupru rkuprati fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

2.   Jekk din id-Deċiżjoni jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali li ma għandhiex tiġi ppubblikata, informa lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tar-riċevuta. Jekk il-Kummissjoni ma tirċivix talba motivata sa dik l-iskadenza, jitqies li inti taqbel mal-pubblikazzjoni tat-test sħiħ tad-deċiżjoni. It-talba tiegħek li tispeċifika l-informazzjoni rilevanti għandha tintbagħat elettronikament fuq l-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Ir-Reġistru tal-Għajnuna mill-Istat

B-1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Stateaidgreffe@ec.europa.eu

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Teresa RIBERA

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU C 60, 19.2.2021, p. 54.

(2)  SA.49594 (2017/XA) Għajnuna għall-primjums tal-assigurazzjoni, TAM.

(3)   Ibid.

(4)   Ibid.

(5)  Il-premessa 6 tad-deċiżjoni tal-ftuħ. Ir-rata tal-kambju ta’ CZK/EUR fid-data tan-notifika ta’ din l-iskema (id-29 ta’ Ġunju 2018) kienet ta’ CZK 1 = EUR 0,03841.

(6)   ĠU C 485, 21.12.2022, p. 1.

(7)  Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, l-għajnuna ngħatat fuq il-bażi ta’ SA.40185 (2014/XA).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/702/oj).

(9)  Lista tal-impriżi tal-assigurazzjoni kkonċernati tinstab fuq: https://www.pgrlf.cz/programy/podpora-pojisteni-2/podpora-pojisteni/spolupracujici-pojistovny/.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(11)   https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public/search/home/.

(12)  Skont it-Taqsima 3.2.4 tal-Parti I. tal-Linji Gwida, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw l-identità tal-benefiċjarji li jirċievu għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż l-EUR 10 000, meta mqabbla ma’ għotjiet individwali li jaqbżu s-EUR 60 000 skont il-Linji Gwida tal-2014. L-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jadattaw l-iskema għar-regoli l-ġodda (il-premessa 38).

(13)  Il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali mill-2014 sal-2020.

(14)  Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2023, iċ-Ċekja qablet bla riżervi li temenda l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti tagħha biex jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-2023 sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2023.

(15)  Lista tal-impriżi tal-assigurazzjoni kkonċernati tinstab fuq: https://www.pgrlf.cz/programy/podpora-pojisteni-2/podpora-pojisteni/spolupracujici-pojistovny/.

(16)   https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public/search/home/.

(17)  Skont it-Taqsima 3.2.4 tal-Parti I. tal-Linji Gwida, l-Istati Membri huma obbligati jippubblikaw l-identità tal-benefiċjarji li jirċievu għotja ta’ għajnuna individwali li taqbeż l-EUR 10 000, meta mqabbla ma’ għotjiet individwali li jaqbżu s-EUR 60 000 skont il-Linji Gwida tal-2014. L-awtoritajiet Ċeki impenjaw ruħhom li jadattaw l-iskema għar-regoli l-ġodda (il-premessa 38).

(18)   ĠU C 204, 1.7.2014, p. 1.

(19)  Il-premessa 66 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(20)  Il-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(21)  Il-premessa 62 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(22)  Il-premessa 42 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(23)  Il-premessi 58 sa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(24)  Il-premessi 62 u 67, l-ewwel punt, tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(25)  Il-premessa 67, l-ewwel punt, tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(26)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-745/17, ECLI:EU:T:2020:400.

Il-premessa 66 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(27)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/651/oj).

(28)  Il-premessa 66 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(29)  Is-sentenza tal-Qorti tat-13 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawżi Magħquda C-630/11 P, HGA srl et, C-631/11 P, Regione autonoma della Sardenja, C-632/11 P, Timsas srl. U C-633/11 P, Grand Hotel Abi d’Oru SpA, ECLI:EU:C:2013:387, il-punti 109-110.

(30)  Is-sentenza tal-Qorti tas-7 ta’ Novembru 2024 fil-Kawża C-588/22 P, Ryanair vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2024:935, il-punt 100.

(31)  Il-premessa 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(32)  Ara b’mod partikolari t-Taqsimiet 2.2.3 u 2.2.4.

(33)  Il-premessa 67, it-tieni inċiż tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(34)  Il-premessa 57 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(35)  Il-premessi 53 sa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(36)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).

(37)  Is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża C-110/13, HaTeFo, ECLI:EU:C:2014:114, il-punt 32.

(38)  Ara, b’mod partikolari: is-sentenza tal-Qorti tal-24 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża C-516/19, NMI Technologietransfer, ECLI:EU:C:2020:754, il-punti 31-34; is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004 fil-Kawża C-91/01, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2004:244, il-punti 31, 50-54; is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża C-110/13, HaTeFo, ECLI:EU:C:2014:114, il-punti 34 u 39; is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Ottubru 2004 fil-Kawża T-137/02, Pollmeier vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2004:304, il-punti 61-62.

(39)  Is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004 fil-Kawża C-91/01, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2004:244, il-punt 50; is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża C-110/13, HaTeFo, ECLI:EU:C:2014:114, il-punt 33.

(40)  Is-sentenza tal-Qorti tas-27 ta’ Frar 2014 fil-Kawża C-110/13, HaTeFo, ECLI:EU:C:2014:114, il-punt 33, is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004 fil-Kawża C-91/01, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2004:244, il-punt 50.

(41)  Is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta’ April 2004 fil-Kawża C-91/01, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2004:244, il-punt 50; is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Ottubru 2004 fil-Kawża T-137/02, Pollmeier Malchow, ECLI:EU:T:2004:304, il-punt 61.

(42)  Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE il-premessa 12.

(43)  Ara l-premessa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(44)  Ara l-premessa 61 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(45)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1589/oj).

(46)  ZEV Šaratice, a.s. ingħatat l-għajnuna individwali msemmija fil-premessa 3 li ammontat għal CZK 234 722 (madwar EUR 9 351; ir-rata tal-kambju fis-17 ta’ Jannar 2018: EUR 1 = 25,371).

(47)  Ir-rata tal-kambju f’Diċembru 2017: EUR 1 = CZK 25,647.

(48)  Ir-rata tal-kambju f’Diċembru 2016: EUR 1 = CZK 27,03.

(49)  Ir-rata tal-kambju f’Diċembru 2017: EUR 1 = CZK 25,647.

(50)  Ir-rata tal-kambju f’Diċembru 2016: EUR 1 = CZK 27,03.

(51)  Il-premessi 42 u 50 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(52)  Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2020 fil-Kawża C-594/18 P, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2020:742.

(53)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).

(54)  Dan il-kumment taċ-Ċekja ma jikkonċernax benefiċjarji kbar li minnhom diġà ġiet rkuprata l-għajnuna, kif spjegat fil-premessa 102 ta’ din id-Deċiżjoni.

(55)  Il-premessa 47 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(56)  Is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-70/72, ECLI:EU:C:1973:87, il-punt 13.

(57)  Is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, ECLI:EU:C:1990:125, il-punt 66.

(58)  Is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, il-punti 64 u 65.

(59)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013 p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1408/oj).

(60)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/794/oj).

(61)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/271/oj).

(62)  L-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE.

(63)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2472 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 327, 21.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2472/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2433/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)