9.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/751

tas-27 ta’ Mejju 2020

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(3), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill(UE) 2019/2228 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-8 ta’ Jannar 2020, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

Fid-Dikjarazzjoni tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fis-7 ta’ Mejju 2009, l-Unjoni u l-pajjiżi sħab affermaw mill-ġdid l-appoġġ politiku tagħhom għal-liberalizzazzjoni sħiħa tar-reġim tal-viżi f’ambjent sikur, u għall-promozzjoni tal-mobilità billi jiġu konklużi l-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjonijiet mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

(3)

L-għan tal-Ftehim huwa li jistabbilixxi proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sikur u ordinat ta’ persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Belarussja jew ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u li jiffaċilita t-tranżitu ta’ dawn il-persuni bi spirtu ta’ kooperazzjoni.

(4)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrappreżenta l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar ir-Riammissjoni stabbilit mill-Artikolu 19 tal-Ftehim.

(5)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill, f’isem l-Unjoni, għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 23(2) tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, assistita mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni stabbilit skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Il-Kunsens tat-13 ta’ Mejju 2020 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2228 tad-19 ta’ Diċembru 2019, dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 333, 27.12.2019, p. 141).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.