19.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 251/45


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Settembru 2008

dwar l-esklużjoni ta’ cyanamide mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 5087)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/745/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprevedi li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ dik id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara d-data tan-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi qed jiġu investigati b’mod gradwali fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan tal-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi s-cyanamide.

(3)

Għas-cyanamide, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skond id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (l-EFSA) skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000 Għas-cyanamide l-Istat Membru relatur kien il-Ġermanja u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fit-3 ta’ Jannar 2006.

(4)

Il-Kummissjoni investigat is-cyanamide skond l-Artikolu 11a tar-Regolament (KE) Nru 1409/2002. Abbozz tar-reviżjoni tar-rapport għal dik is-sustanza ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fl-20 ta’ Mejju 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

(5)

Matul l-investigazzjoni ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, ġie konkluż, b’kunsiderazzjoni tal-kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri, li hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jiġi mistenni li għandha effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bnedmin u b’mod partikolari fuq l-operaturi, minħabba li l-espożizzjoni hija ogħla minn 100 % tal-Livell(i) Aċċettabbli ta’ Espożizzjoni għall-Operaturi - LAEO. Barra minn dan, tħassib ieħor li ġie identifikat mill-Istat Membru relatur fir-rapport ta’ valutazzjoni tiegħu huwa inkluż fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-investigazzjoni tas-cyanamide u dwar jekk kienx biħsiebu jappoġġja jew ma jappoġġjax aktar is-sustanza. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk is-cyanamide ma għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u li ma jiġġeddux, u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida lil dawn il-prodotti.

(9)

Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide għandu jkun limitat għal 12-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu wżati fi staġun wieħed ieħor ta’ tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide jistgħu jibqgħu disponibbli 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għas-cyanamide skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEK u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (4), bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-cyanamide ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide jkunu rtirati sat-18 ta’ Marzu 2009;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-cyanamide mhija se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-18 ta’ Marzu 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)   ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)   ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.