15.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/114


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1221

tal-14 ta’ Lulju 2022

li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ ċertu roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fis-17 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu roti tal-aluminju għall-użu fit-triq (aluminium road wheels, “ARW”) li joriġinaw mill-Marokk (“il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment li tressaq fl-4 ta’ Ottubru 2021 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tar-Roti (“l-ilmentatur” jew “EUWA”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta, u din kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/934 (3) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

1.3.   Il-partijiet interessati u t-talba għall-anonimità

(4)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni informat b’mod speċifiku lill-ilmentatur u lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-Marokk, lill-importaturi, lill-fornituri u lill-utenti magħrufa, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati, dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(5)

L-ilmentaturi u żewġ utenti li kkooperaw talbu li isimhom jinżamm kunfidenzjali minħabba l-biża’ li jistgħu jiffaċċjaw ritaljazzjoni mill-klijenti. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li tabilħaqq kien hemm riskju serju ta’ ritaljazzjoni u aċċettat li l-ismijiet tal-ilmentaturi u taż-żewġ utenti li kkooperaw jenħtieġ li ma jiġux ddivulgati. Sabiex tingħata anonimità b’mod effettiv, l-ismijiet tal-produtturi l-oħrajn tal-Unjoni nżammu kunfidenzjali wkoll, sabiex ikun evitat li wieħed jasal għall-identifikazzjoni tal-ismijiet tal-ilmentaturi.

1.4.   Kummenti dwar il-Bidu

(6)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali.

(7)

Erba’ partijiet talbu seduta mas-servizzi tal-Kummissjoni u nstemgħu: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi (“ACEA”), EUWA, Dika Morocco Africa S.A.R.L (“ Dika”) u Hands 8 S.A. (“Hands”).

(8)

Dika u l-awtoritajiet tal-Marokk sostnew li ċ-ċifri rrapportati fl-ilment kienu skaduti, peress li kien hemm distakk ta’ kważi 8 xhur bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni tagħha u d-data tal-bidu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ investigazzjoni magħżul mill-ilmentatur ikkoinċida b’mod preċiż mal-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, il-perjodu kkunsidrat mill-ilmentatur qabeż b’sena l-prattika tas-soltu tal-Kummissjoni, kif deskritt fil-Gwida rilevanti (4). Dika qieset li din id-deċiżjoni tista’ titqies bħala inġusta u parzjali u l-użu ta’ ċifri skaduti ma jistax jikkostitwixxi evidenza prima facie ta’ dumping, dannu jew kawżalità kif meħtieġ skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

(9)

Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-Gwida msemmija minn Dika tindika b’mod espliċitu li hija maħsuba sabiex tipprovdi parir ġenerali iżda ma hijiex dokument legalment vinkolanti u l-kontenut tagħha ma huwiex obbligatorju (5). Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar iż-żmien li jgħaddi bejn l-ilment u d-data pprovduta. Fi kwalunkwe każ, il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-ilment intemm fil-31 ta’ Marzu 2021 filwaqt li l-ilment ġie ppreżentat fl-4 ta’ Ottubru 2021. Barra minn hekk, l-ilmentatur issottometta wkoll data addizzjonali dwar id-dannu sat-30 ta’ Ġunju 2021 (6). Konsegwentement, id-data pprovduta mill-ilmentatur kienet aġġornata u kemm jista’ jkun qrib id-data tal-preżentazzjoni tal-ilment. Fir-rigward tal-affermazzjoni għall-perjodu kkunsidrat u l-perjodu ta’ investigazzjoni, hija l-prattika tal-Kummissjoni li tagħżel perjodu ta’ investigazzjoni ta’ sena u ta’ tliet snin kalendarji preċedenti sabiex jiġu eżaminati x-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopert. Il-fatt li l-ilment ipprovda informazzjoni għal sena addizzjonali ma jfissirx li ntużat data skaduta li tagħmel il-valutazzjoni inġusta jew parzjali. Minflok, huwa pprovda informazzjoni dwar l-aktar perjodu riċenti disponibbli, jiġifieri sal-31 ta’ Marzu 2021. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(10)

Dika sostniet li l-ilment ma pprovdiex evidenza li tiġġustifika l-użu ta’ valur normali maħdum kif mitlub mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-parti sostniet li l-kalkolu tal-valur normali maħdum kien żbaljat. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-ilment ma kienx jinkludi biżżejjed evidenza ta’ dumping u li kellu jiġi miċħud f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

(11)

Dika ddikjarat li l-ilmentatur ma użax il-prezz tal-bejgħ domestiku tal-Marokk tal-ARW, għalkemm seta’ kien jaf prezzijiet bħal dawn fid-dawl tal-fatt li l-industrija tal-Unjoni nnifisha tesporta l-ARW lejn il-Marokk. Barra minn hekk, Dika allegat li l-ilmentatur uża l-kontijiet finanzjarji tal-produtturi esportaturi mill-2018 u mill-2019 sabiex jikkonkludi li ma kien hemm l-ebda bejgħ fl-andament normali tal-kummerċ, filwaqt li dawn il-kontijiet kienu minn perjodu qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni magħżul fl-ilment.

(12)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ilmentatur f’din l-investigazzjoni huwa l-EUWA u mhux il-membri individwali tiegħu. Minħabba li l-ilmentatur la huwa produttur u lanqas esportatur, ma kellux aċċess għal tali data. Addizzjonalment, il-fatturi huma ġeneralment ikkunsidrati data kunfidenzjali tan-negozju. Għalhekk, l-ilmentatur kellu jibbaża fuq informazzjoni pubblika dwar il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fil-Marokk, li ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-ilment. Fir-rigward tal-użu tal-kontijiet finanzjarji tal-2018 u tal-2019 għall-produtturi esportaturi Marokkini, dawn kienu l-uniċi kontijiet disponibbli għall-ilmentatur fiż-żmien meta ġie ppreżentat l-ilment. Għalhekk, l-ilmentatur seta’ jikkonkludi biss li abbażi tal-informazzjoni disponibbli b’mod raġonevoli, ma kien hemm l-ebda bejgħ domestiku fl-andament normali tal-kummerċ mill-produtturi esportaturi magħrufa tal-Marokk. Għalhekk kien iġġustifikat fil-valur normali maħdum. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(13)

Dika pprovdiet ukoll argumenti dwar allegati nuqqasijiet fundamentali fid-determinazzjoni tal-valur normali. Dawn l-argumenti jikkonċernaw l-għażla tad-daqs tar-rota, l-użu tal-prezzijiet għall-ingotti tal-aluminju abbażi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, l-użu tal-istruttura tal-kost tal-produttur tal-Unjoni, l-esklużjoni ta’ ċerti fatturi tal-kost fil-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ rata ta’ profitt ta’ 6 %.

(14)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawn l-argumenti. Is-suppożizzjonijiet li għamel l-ilmentatur sabiex jibni l-valur normali kienu bbażati fuq l-esperjenza u fuq l-għarfien tas-suq tal-ilmentatur kif ukoll fuq l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Il-fatt li l-parti interessata ma taqbilx ma’ suppożizzjonijiet bħal dawn, ma jinvalidahomx għall-fini tal-bini tal-valur normali fl-ilment. Iċ-ċifri li fuqhom kien ibbażat il-valur normali kienu sostnuti minn biżżejjed evidenza u kkonfermati mill-analiżi tal-Kummissjoni ta’ dik l-evidenza. Anke meta għamlet ċerti aġġustamenti kif issuġġerit mill-parti interessata, li l-Kummissjoni għamlet meta vvalutat l-ilment, kien fadal biżżejjed evidenza ta’ dumping.

(15)

Dika u l-awtoritajiet Marokkini sostnew li l-ilmentatur ħalla barra mill-analiżi tad-dannu tiegħu l-fatt li s-suq huwa segmentat bejn il-fabbrikanti tat-tagħmir oriġinali (Original Equipment Manufacturers, “OEM”) u s-swieq sekondarji (aftermarkets, “AM”), u f’kull suq it-tipi differenti ta’ roti, jiġifieri segmenti ta’ livelli aktar baxxi u ta’ livelli ogħla.

(16)

Il-Kummissjoni osservat li waqt li r-roti tal-OEM u tal-AM għandhom mezzi ta’ distribuzzjoni għall-bejgħ differenti huma jikkondividu l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u huma interkambjabbli. Għaldaqstant, OEM u AM jenħtieġ li jkunu kkunsidrati bħala mezzi ta’ bejgħ differenti aktar minn segmenti differenti.

(17)

Safejn huma kkonċernati iż-żewġ mezzi ta’ bejgħ, l-ilmentatur stima li l-esportazzjonijiet Marokkini x’aktarx li kienu esklussivament fornuti lill-klijenti tal-OEM. L-analiżi sussegwenti mill-Kummissjoni tal-informazzjoni disponibbli kkonfermat dan. Dan kien ukoll il-każ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li kważi esklussivament biegħu lill-klijenti tal-OEM (madwar 99,6 %.

(18)

Rigward it-tipi differenti tar-roti, il-Kummissjoni nnotat li l-ilment ma kienx fih analiżi sħiħa tad-dannu għal kull tip differenti ta’ ARW, kien jipprovdi kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz għal għaxar tipi rappreżentattivi ta’ roti.

(19)

Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(20)

Dika, Hands u l-awtoritajiet tal-Marokk sostnew li l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet Marokkini ma tistax tikkawża jew thedded li tikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni peress li dawn kienu jirrappreżentaw biss 2,8 % tas-suq tal-Unjoni matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2020 sal-31 ta’ Marzu 2021 u ma jikkawżawx tnaqqis fil-prezzijiet jew suppressjoni tal-prezzijiet.

(21)

L-analiżi speċifika tad-dannu tal-ilment wriet li kien hemm biżżejjed evidenza li tindika żieda fil-penetrazzjoni tas-suq tal-Unjoni (kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi) minn importazzjonijiet mill-Marokk bi prezzijiet li jwaqqgħu il-prezz u li sostanzjalment iwasslu għal bejgħ taħt il-prezz tal-industrija tal-Unjoni stess. Dan jidher li kkawża dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, muri pereżempju minn tnaqqis fil-bejgħ u fis-sehem mis-suq tagħha, minn deterjorament tar-riżultati finanzjarji jew mil-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(22)

Dika sostniet li ċerti indikaturi tad-dannu, bħall-kapaċità tal-produzzjoni, il-prezzijiet tal-Unjoni u l-konsum tal-Unjoni, li jinsabu fl-ilment ma appoġġawx sejba ta’ dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, l-użu sħiħ tal-kapaċità ma huwiex opzjoni għall-produttur tal-ARW, minħabba l-mudelli tal-katina tal-provvista “eżatt fil-ħin” implimentati mill-manifatturi tal-karozzi fl-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi li l-produtturi tal-ARW ikunu flessibbli u jkollhom il-kapaċitajiet disponibbli sabiex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-aħħar minuta.

(23)

Il-Kummissjoni tfakkar li sejba ta’ dannu materjali meħtieġa għall-bidu ta’ investigazzjoni tirrikjedi eżami, fost l-oħrajn, tal-fatturi rilevanti kif deskritt fir-Regolament bażiku. Madankollu, ma huwiex speċifikament meħtieġ mill-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku li l-fatturi kollha ta’ dannu msemmija fl-Artikolu 3(5) juru deterjorament sabiex id-dannu materjali jiġi ssostanzjat biżżejjed għall-fini tal-bidu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku tiddikjara li l-ilment għandu jkun fih l-informazzjoni dwar il-bidliet fil-kwantità tal-importazzjonijiet allegatament oġġett ta’ dumping, l-effett ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif muri mill-fatturi rilevanti (mhux neċessarjament kollha). L-ilment kien fih din l-informazzjoni, li indikat l-eżistenza ta’ dannu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-ilment kien jinkludi biżżejjed evidenza ta’ dannu u ċaħdet l-affermazzjoni.

(24)

Dika u Hands argumentaw li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping ma tistax tkun fl-interess tal-Unjoni.

(25)

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-interess tal-Unjoni ma huwiex kriterju rilevanti sabiex jiġi vvalutat jekk ilment jiġġustifikax il-bidu ta’ proċediment anti-dumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawk il-kummenti ma ġewx ikkunsidrati fir-rigward tal-affermazzjonijiet dwar il-bidu tal-proċedimenti.

(26)

Dika, Hands u l-awtoritajiet tal-Marokk sostnew li l-ilmentatur ma kkunsidrax fatturi oħrajn minħabba l-alleggat nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn l-ARW tal-Unjoni u l-ARW tal-Marokk minħabab s-segmentazzjoni tas-swieq; importazzjonijiet minn pajjiżi terzi; il-konsegwenzi kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

(27)

L-analiżi tal-ilment tal-Kummissjoni kkonfermat li l-elementi msemmija, jew ma kinux sostanzjati, jew kienu fattwalment skorretti jew insuffiċjenti sabiex iqajmu dubji dwar il-konklużjoni li l-ilment kien jinkludi biżżejjed evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jidħlu fl-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u dehru li kienu qegħdin jikkawżaw dannu materjali lill-produtturi tal-Unjoni. Dawn l-aspetti kienu ġew stabbiliti abbażi tal-aħjar evidenza disponibbli għall-ilmentatur f’dak iż-żmien, u kienu rappreżentattivi u affidabbli biżżejjed. Barra minn hekk, l-affermazzjonijiet imressqa minn Dika, mill-awtoritajiet tal-Marokk u mill-ACEA ġew eżaminati fid-dettall matul l-investigazzjoni, u huma indirizzati ulterjorment hawn taħt.

(28)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza ta’ dumping, dannu u rabta kawżali, u b’hekk jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku.

1.5.   Kampjunar

(29)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kien hemm il-possibbiltà li tagħżel kampjun minn fost il-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(30)

Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet kampjun definittiv ta’ tliet produtturi tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-kriterju użat għall-għażla tal-kampjun kien l-akbar kwantitajiet rappreżentattivi ta’ produzzjoni tal-prodott simili fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021. Dan il-kampjun proviżorju kien magħmul minn tliet produtturi tal-Unjoni, li jinsabu fi tliet Stati Membri differenti. Il-kampjun jammonta għal kważi 20 % tal-kwantità totali tal-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodott simili, u jiżgura firxa ġeografika tajba. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar il-kampjun provviżorju, u ma rċeviet l-ebda kumment.

1.5.2.   Kampjunar tal-importaturi

(31)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(32)

L-ebda wieħed mill-importaturi mhux relatati magħrufa ma ppreżenta l-informazzjoni mitluba u ma qabel li jiġi inkluż fil-kampjun.

1.5.3.   Kampjunar ta’ produtturi esportaturi fil-Marokk

(33)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fil-Marokk sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Renju tal-Marokk sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(34)

Żewġ produtturi esportaturi biss fil-pajjiż ikkonċernat, li jirrappreżentaw virtwalment l-importazzjonijiet kollha ta’ ARW mill-Marokk, ipprovdew l-informazzjoni mitluba. Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

1.6.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

(35)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil tliet produtturi tal-Unjoni, lill-ilmentatur, lil żewġ utenti magħrufa, u lil żewġ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online (7) fil-jum tal-bidu.

(36)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għal determinazzjoni provviżorja ta’ dumping, id-dannu li u l-interess tal-Unjoni. Fid-dawl tat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi pajjiżi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq iż-żjarat ta’ verifika kollha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku.

—

Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini ta’ żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, utent wieħed (8), u fil-bini tal-produtturi esportaturi li ġejjin fil-Marokk: HANDS 8 S.A. (“Hands”)

—

DIKA MOROCCO AFRIKA S.A.R.L (“Dika”)

(37)

Addizzjonalment, f’konformità man-Notifika tal-konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19 dwar l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (9), il-Kummissjoni wettqet kontroverifiki mill-bogħod fir-rigward tal-kumpanija affiljata ta’ Dika CITIC Dicastal Co. Ltd (“CITIC”) u produttur wieħed.

1.7.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

(38)

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2020 sat-30 ta’ Settembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(39)

Il-prodott ikkonċernat huwa roti tal-aluminju għall-użu fit-triq tal-vetturi bil-mutur tal-intestaturi SA 8701 sa 8705 kemm jekk bl-aċċessorji tagħhom kif ukoll jekk le u kemm jekk mgħammra b’tajers kif ukoll jekk le, li joriġinaw mill-Marokk, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8708 70 10 u ex 8708 70 50 (il-kodiċijiet TARIC: 8708701015, 8708701050, 8708705015 u 8708705050) (“il-prodott ikkonċernat”).

(40)

Ir-roti tal-aluminju għall-użu fit-triq tradizzjonalment jinbiegħu fl-Unjoni permezz ta’ żewġ mezzi ta’ distribuzzjoni għall-bejgħ: għall-OEM, li huma prinċipalment manifatturi tal-karozzi, u għas-suq sekondarju, li jinkludi pereżempju d-distributuri, il-bejjiegħa bl-imnut, il-ħwienet tat-tiswija, eċċ. Il-prodott ikkonċernat mill-Marokk inbiegħ esklużivament lis-suq permezz tal-mezz tal-OEM matul il-perjodu kkunsidrat. Fil-mezz tad-distribuzzjoni tal-OEM, il-manifatturi tal-karozzi jorganizzaw proċeduri ta’ offerti għall-ARWs u ta’ spiss ikunu involuti fil-proċess tal-iżviluppar ta’ rota ġdida li tkun assoċjata mal-marka tagħhom. Kemm il-produtturi tal-Unjoni kif ukoll l-esportaturi Marokkini jistgħu jikkompetu fl-istess offerti.

2.2.   Prodott simili

(41)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat;

—

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Marokk; u

—

l-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(42)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   DUMPING

3.1.   Il-Marokk

3.1.1.   Kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi

(43)

Kif stabbilit fil-premessa (34) hawn fuq, żewġ produtturi esportaturi tal-Marokk, Dika u Hands, ippreżentaw ruħhom fl-investigazzjoni u pprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju. Dika għandha kumpanija relatata, CITIC, li huwa produttur ARW Ċiniż. CITIC tixtri l-ARW minn Dika u tbigħhom lill-Unjoni, lill-Marokk u lil pajjiżi trerzi. Matul l-RCC ma’ CITIC, instabu numru ta’ żbalji li qajmu dubji serji dwar l-affidabbiltà tal-listi tal-bejgħ domestiċi u tal-UE. Dawn l-iżbalji kienu jikkonċernaw prinċipalment id-differenzi bejn il-prezzijiet rreġistrati fil-listi tal-bejgħ, il-prezzijiet fuq il-fatturi u l-ammonti effettivament imħallsa.

(44)

Fl-1 ta’ April 2022, matul il-verifika fuq il-post f’Dika, wara li ġie konkluż l-RCC ma’ CITIC, il-kumpanija pprovdiet verżjoni riveduta tal-listi tal-bejgħ, inkluża spjegazzjoni għad-diskrepanzi li nstabu. F’dak il-mument ma kien hemm l-ebda opportunità sabiex tiġi vverifikata jew kontroverifikata l-lista riveduta tal-bejgħ. Barra minn hekk, l-iċċekkjar preliminari tad-data ġdida ppreżentata wriet li r-reviżjonijiet magħmula mill-kumpanija ma rrettifikawx id-diskrepanzi kollha msemmija matul l-RCC, filwaqt li n-numru totali ta’ reviżjonijiet kien ħafna ogħla milli mistenni abbażi tal-RCC. In-natura u l-għadd tal-iżbalji, li wħud minnhom komplew wara r-reviżjoni, kienu tali li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddependi fuq l-akkuratezza tal-listi tal-bejgħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-informazzjoni neċessarja biex tistabbilixxi marġni ta’ dumping għall-kumpanija.

(45)

F’konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, permezz tal-ittra tal-5 ta’ Mejju 2022, Dika u l-kumpanija relatata tagħha ġew mgħarrfa bir-raġunijiet tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinjora l-informazzjoni pprovduta u ngħataw l-opportunità li jipprovdu spjegazzjonijiet ulterjuri (“l-ittra tal-Artikolu 18”).

(46)

Il-kumpanija wieġbet l-ittra tal-Kummissjoni fit-12 ta’ Mejju 2022. Fit-tweġiba tagħha, il-kumpanija spjegat li rreġistrat il-bejgħ tagħha fil-listi tal-bejgħ f’konformità mal-prinċipji kontabilistiċi tagħha. Għalhekk, il-kumpanija sostniet, b’kuntrast mad-dikjarazzjonijiet li għamlet matul l-RCC u ż-żjara ta’ verifika fuq il-post, li l-listi tal-bejgħ oriġinali, li l-valuri totali tagħhom setgħu jiġu rrikonċiljati mas-sistema ta’ kontabilità SAP tal-kumpanija, kienu kompluti u akkurati, ma kienx fihom żbalji u ma kienu jeħtieġu l-ebda reviżjoni. Fil-fatt, ir-reviżjonijiet li l-kumpanija kienet għamlet wara l-RCC kienu allegatament ipprovduti lill-Kummissjoni biss sabiex juru l-kooperazzjoni sħiħa tas-CITIC fl-investigazzjoni. Għaldaqstant, il-kumpanija ddikjarat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-verżjoni oriġinali mhux reveduta tal-listi tal-bejgħ. Alternattivament, il-kumpanija ddikjarat li l-Kummissjoni tista’ tuża l-listi tal-bejgħ reveduti, ipprovduti mal-ittra, ladarba d-defiċjenzi allegatament ma kinux daqshekk li jikkawżaw diffikultà żejda biex wieħed jasal għal sejba raġonevolment akkurata. Dawn il-listi tal-bejgħ kienu simili għal dawk provduti matul il-verifika fuq il-post, li magħhom żdiedet data li kienet nieqsa, xi żbalji kienu kkoreġuti u kienu pprovduti spjegazzjonijiet addizzjonali. Madankollu, kien għad baqa’ bosta’ żbalji, għal għadd ta’ tranżazzjonijiet l-ammont realment riċevut kien għadu mhux provdut u l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel kontroverifika jew tivverfiika l-listi tal-bejgħ provduti mat-tweġiba tal-kumpanija għall-ittra tal-Artikolu 18. Il-kumpanija qalet ukoll, li f’każ li l-Kummissjoni tinsisti fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li tuża r-rapporti finanzjarji tas-CITIC bħala fatti parzjali disponibbli.

(47)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-argumenti pprovduti mill-kumpanija fit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18. Il-kwestjonarju anti-dumping għall-produtturi esportaturi talab b’mod ċar li jkunu provduti listi tal-bejgħ tranżazzjoni bi tranżazzjoni. Il-mudelli tat-tabelli pprovduti mal-kwestjonarju jitolbu b’mod inekwivoku d-data kif irreġistrata fuq il-fattura (il-kwantità tal-fattura, il-valur tal-fattura, in-noti ta’ kreditu relatati, eċċ.). Il-kumpanija nnifisha rrikonoxxiet li ma kinux lestew il-listi tal-bejgħ abbażi tal-fatturi. Minflok, huma lestewhom abbażi tal-prattiki kontabilistiċi tagħhom stess. Barra minn hekk, il-kumpanija argumentat li kwalunkwe differenza bejn il-valur tal-fattura u l-prezz realment riċevut normalment tiġi rreġistrata fil-lista tal-bejgħ jew bħala skont, jew rifużjoni, nota ta’ kreditu jew b’xi mod ieħor. Madankollu, instab li dawn id-differenzi ma kinux riflessi b’mod sistematiku fil-listi tal-bejgħ tal-kumpanija.

(48)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (44), il-listi tal-bejgħ riveduti ma setgħux jiġu kkontroverifikati jew ivverifikati fil-ħin. Kif spjegat lill-kumpanija fl-ittra ta’ qabel l-RCC u ta’ qabel il-verifika mibgħuta fil-11 ta’ Marzu 2022 u f’konformità mal-Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (10), l-għan tal-RCC kien li jikseb assigurazzjonijiet fir-rigward tal-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Tali assigurazzjonijiet ma nkisbux matul l-RCC fir-rigward tal-listi tal-bejgħ. RCC addizzjonali mas-CITIC, kif propost mill-kumpanija fit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18, ma għandux jintuża bħala mod sabiex jiġu rrimedjati n-nuqqas ta’ puntwalità jew l-iżbalji stabbiliti matul l-RCC li diġà seħħ fil-limiti ta’ żmien stabbiliti.

(49)

Barra minn hekk, xi bidliet li ġew diskussi matul l-RCC ma ġewx ikkunsidrati fit-tabelli riveduti. Bit-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Artikolu 18, il-kumpanija kienet ipprovdiet lista tal-bejgħ riveduta ġdida fejn saru bidliet addizzjonali li ma setgħux jiġu la kontroverifikati u lanqas verifikati. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kumpanija ma pprovdietx l-informazzjoni mitluba fil-limiti ta’ żmien tal-investigazzjoni. L-alternattiva proposta mill-kumpanija, li jintużaw ir-rapporti finanzjarji tas-CITIC bħala fatti parzjali disponibbli, ma kinitx aċċettabbli. L-użu tar-rapporti finanzjarji ma jippermettix lill-Kummissjoni tistabbilixxi valur normali u prezz tal-esportazzjoni fil-livell ta’ dettall u akkuratezza meħtieġa mir-Regolament bażiku, minħabba li ma jippermettux analiżi abbażi tal-prodott jew tat-tranżazzjoni.

(50)

Peress li Dika u l-kumpanija relatata tagħha CITIC ma pprovdewx informazzjoni li setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tasal għal sejba raġonevolment akkurata, u informazzjoni verifikabbli li setgħet ippermettiet tali sejba ma ġietx sottomessa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinjora l-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija fir-rigward tal-listi tal-bejgħ domestiċi u tal-UE. Billi dik l-informazzjoni hija kruċjali għad-determinazzjoni ta’ valur normali u prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkula marġni tad-dumping individwali għall-kumpanija.

(51)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni provviżorjament injorat l-informazzjoni pprovduta minn dan il-produttur esportatur u kkonfermat l-użu tal-fatti disponibbli fir-rigward ta’ dan il-produttur esportatur abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.

3.1.2.   Valur Normali

(52)

Minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kif deskritt fit-Taqsima 3.1.1 ta’ hawn fuq, id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ hawn taħt applikat biss għall-produttur esportatur tal-Marokk li jifdal, Hands.

(53)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku jgħid li l-valur normali għandu jkun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur. Madankollu, il-Kummissjoni ddeterminat li l-produttur esportatur li kkoopera ma għamel l-ebda bejgħ domestiku. In-numru żgħir ta’ bejgħ ta’ ARW lil klijenti fil-Marokk matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sar lil manifattur wieħed tal-karozzi li jinsab f’żona ekonomika ħielsa mid-dazju (“zone d’accélération industrielle”, li qabel kienet tissejjaħ ukoll “zone franche” jew “zone franche d’exportation” ), simili għaż-żona ekonomika li fiha jinsab il-produttur li kkoopera. Dak il-manifattur tal-karozzi xtara l-ARW għall-użu fl-assemblaġġ ta’ karozza. Sussegwentement, il-karozza u mhux l-ARW jintbagħtu miż-żona ħielsa mid-dazju jew sabiex tinbiegħ domestikament, jew sabiex tiġi esportata. Minkejja dan, id-destinazzjoni finali tal-karozza x’aktarx ma kinitx is-suq domestiku. Studju fl-2020 wera li 90 % tal-karozzi kollha mmanifatturati fil-Marokk huma destinati għas-suq tal-esportazzjoni (11), u dan kien ikkorroborat ukoll minn informazzjoni mill-manifatturi tal-karozzi tal-Marokk (12). Barra minn hekk, skont il-Liġi 19-94 li tirregola ż-żoni ta’ kummerċ ħieles, il-kumpaniji li jinsabu f’żoni bħal dawn iridu jagħmlu mill-anqas 70 % tal-fatturat tagħhom mill-esportazzjonijiet (13).

(54)

Kif spjegat hawn fuq, il-bejgħ tal-ARW mill-produttur esportatur li kkoopera lil dak il-klijent fil-Marokk kien bejgħ minn żona ekonomika għal oħra. Il-kumpaniji li jinsabu f’tali żoni ekonomiċi fil-Marokk huma eżentati mil-liġijiet u mir-regolamenti doganali li normalment japplikaw fit-territorju tal-Marokk, u l-merkanzija li tidħol fiż-żona ekonomika titqies bħala esportazzjoni (14). Peress li l-ARW ġie prodott f’żona ekonomika, u sussegwentement mibjugħ u ttrasportat lejn żona ekonomika oħra, l-ARW qatt ma daħal fit-territorju doganali tal-Marokk, u għalhekk ma setax jitqies bħala bejgħ domestiku.

(55)

Fi kwalunkwe każ, anke jekk il-bejgħ lejn iż-żona ekonomika ħielsa mid-dazju fil-Marokk jitqies bħala bejgħ domestiku, dan ma kienx rappreżentattiv u lanqas ma sar fl-andament normali tal-kummerċ kif meħtieġ mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

(56)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-kwantità totali ta’ bejgħ domestiku ta’ kull produttur esportatur li kkoopera kinitx rappreżentattiva, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-kwantità ta’ bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku tkun tirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-kwantità totali tiegħu ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-bejgħ tal-produttur esportatur li kkoopera li sar fil-Marokk ma kienx rappreżentattiv.

(57)

Imbagħad, il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ bi profitt lill-klijenti indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta’ prodott matul il-perjodu ta’ investigazzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tużax il-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, f’konformità mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. L-analiżi tal-bejgħ domestiku wriet li l-ebda bejgħ domestiku ma kien profittabbli u għalhekk ma kienx fl-andament normali tal-kummerċ.

(58)

Peress li ma kien hemm l-ebda bejgħ tal-prodott simili fl-andament normali tal-kummerċ fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(59)

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku jgħid li meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ domestiku fl-andament normali tal-kummerċ, il-valur normali tal-prodott simili għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (selling, general and administrative costs, “SG &A”) u għall-profitt. L-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku jgħid b’mod ċar li l-SG&A u l-profitti għandhom jiġu bbażati fuq data reali relattiva għall-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Madankollu, peress li ma hemm l-ebda bejgħ tal-prodott simili fl-andament normali tal-kummerċ għal Hands, kif spjegat hawn fuq, l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku jipprevedi tliet metodi alternattivi:

(a)

il-medja ponderata tal-ammonti reali stabbilita għal esportaturi jew għal produtturi oħrajn soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

(b)

l-ammonti reali applikabbli għall-produzzjoni u għall-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew għall-produttur inkwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

(c)

kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew minn produtturi oħrajn fuq bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

(60)

Fir-rigward tal-Artikolu 2(6)(a), kien hemm produttur esportatur ieħor biss tal-ARW fil-Marokk, Dika. Dika wkoll biegħet l-ARW tagħha kollu fil-Marokk lil manifatturi tal-karozzi li jinsabu f’żoni ekonomiċi. Kif spjegat hawn fuq fil-premessi (53) u (54), dan il-bejgħ ma kienx ikkunsidrat bħala bejgħ domestiku. Barra minn hekk, il-medja msemmija fl-Artikolu 2(6)(a) trid tkun medja ponderata ta’ mill-anqas żewġ produtturi esportaturi (15). Għalhekk, id-data ta’ Dika ma setgħetx tintuża, anke jekk il-bejgħ tagħhom kien jitqies affidabbli. Għalhekk, l-Artikolu 2(6)(a) ma setax jiġi applikat.

(61)

L-Artikolu 2(6)(b) jeħtieġ il-produzzjoni u l-bejgħ, fl-andament normali tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew għall-produttur inkwistjoni fis-suq domestiku. Madankollu, Hands ipproduċew biss ARW, u l-ebda bejgħ tagħhom ma sar fl-andament normali tal-kummerċ. Għalhekk, l-Artikolu (2)(6)(b) lanqas ma seta’ jiġi applikat.

(62)

L-Artikolu 2(6)(c) jirreferi għal “kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor” sabiex jiġu stabbiliti l-SG&A u l-profitt. Fin-nuqqas ta’ produtturi oħrajn tal-ARW fil-Marokk, il-Kummissjoni qieset li huwa raġonevoli li jiġu applikati l-SG&A u l-profitt li nstabu għall-produtturi tal-ARW fil-Brażil. Il-Brażil ġie propost bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq fit-talba għal rieżami li kienet il-bażi għall-investigazzjoni ta’ rieżami ta’ skadenza li għaddejja dwar l-ARW miċ-Ċina (16). Il-medja ponderata tal-SG&A li nstabet kienet ta’ 11,49 % u l-profitt medju ponderat kien ta’ 4,89 %.

(63)

L-Artikolu 2(6)(c) jobbliga wkoll l-applikazzjoni ta’ limitu massimu għall-profitt użat skont din il-metodoloġija sabiex jiġi żgurat li l-profitt użat ma jaqbiżx il-profitt normalment realizzat minn esportaturi jew minn produtturi oħrajn fuq il-bejgħ ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini. Ma kien hemm l-ebda produttur Marokkin ieħor tal-ARW ħlief Dika u Hands, li l-profitt tagħhom ma setax jintuża peress li ma kellhom l-ebda bejgħ fis-suq domestiku tal-Marokk. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni rigward il-profitt li sar minn produtturi jew minn esportaturi possibbli ta’ partijiet tal-karozzi tal-aluminju jew ta’ kwalunkwe prodott tal-aluminju relatat mal-industrija tal-karozzi fil-Marokk.

(64)

Il-Kummissjoni qieset li l-ARW huwa fl-istess kategorija ġenerali bħal prodotti oħrajn tal-aluminju bħall-estrużjonijiet tal-aluminju jew il-profili tal-aluminju. Tali prodotti jużaw l-istess materja prima ewlenija (l-aluminju), li tirrappreżenta l-parti ewlenija tal-kost tal-produzzjoni ta’ tali prodotti. Barra minn hekk, il-proċessi ta’ produzzjoni differenti jinvolvu t-tidwib jew it-tisħin tal-aluminju sabiex dan jiġi fformat f’forma mixtieqa. Il-profitt medju ponderat miksub mis-seba’ produtturi tal-Marokk ta’ tali prodotti tal-aluminju, li għalihom kienet disponibbli data finanzjarja għall-2020, kien ta’ 4,16 %. Dan il-perċentwal intuża bħala limitu massimu għall-profitt tal-produtturi Brażiljani tal-ARW.

(65)

Imbagħad, il-valur normali nħadem billi mal-kost tal-produzzjoni ta’ Hands ġew miżjuda l-kost tal-produzzjoni tal-SG&A u l-profitt tal-Brażil imsemmija fil-premessa (62), iżda b’limitu massimu ta’ 4,16 %.

3.1.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(66)

Il-produttur esportatur li kkoopera esporta lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta’ kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur.

(67)

Għall-bejgħ li sar direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li effetivament tħallas jew dak pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta nbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

(68)

Għall-bejgħ esportat lejn l-Unjoni permezz ta’ kumpanija relatata li taġixxi bħala importatur, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit abbażi tal-prezz li bih il-prodott importat reġa’ nbiegħ għall-ewwel darba lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. F’dan il-każ, l-aġġustamenti tal-prezz saru għall-kostijiet kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, inkluż għall-ispejjeż SG&A, u għall-profitti dovuti. Il-profitti kienu bbażati fuq dawk li normalment jinkisbu minn importaturi mhux relatati, peress li l-profitt reali tal-importatur relatat ma kienx ikkunsidrat affidabbli minħabba r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur li kkoopera u l-importatur relatat. Minħabba li l-ebda importatur mhux relatat ma kkoopera mal-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni użat il-profitt stabbilit fl-aħħar investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza dwar l-ARW miċ-Ċina (17).

3.1.4.   Tqabbil

(69)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(70)

Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar u t-tagħbija, l-ispejjeż tal-ippakkjar, il-kostijiet tal-krediti, ir-ribassi u allowances oħrajn.

3.1.5.   Marġni tad-dumping

(71)

Għall-produttur esportatur li kkoopera, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-medja ponderata tal-prezz tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(72)

Għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha fil-Marokk, il-Kummissjoni stabbiliet il-marġni tad-dumping abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa l-kwantità ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw lejn l-Unjoni espressa bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, li ġew stabbiliti abbażi tal-bażi tad-data Comext tal-Eurostat.

(73)

Kif spjegat fit-Taqsima 3.1.1 hawn fuq, kien hemm produttur esportatur Marokkin wieħed biss li kkoopera. Billi l-esportazzjonijiet tal-ARW ta’ din il-kumpanija kienu jikkostitwixxu anqas minn 50 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-ARW matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien ikkunsidrat baxx. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping residwu fil-livell tal-ogħla marġni ta’ dumping misjub għat-tipi ta’ prodotti mibjugħin fi kwantitajiet rappreżentattivi mill-produttur esportatur li kkoopera. Il-bejgħ ta’ esportazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti kien jirrappreżenta madwar 50 % tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni mill-produttur esportatur li kkoopera.

(74)

Il-marġnijiet tad-dumping provviżorji, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping provviżorju

HANDS 8 S.A.

8,0  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,5  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(75)

Il-prodott simili kien immanifatturat minn madwar tletin produttur fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(76)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ġiet stmata għal madwar 64,3 miljun oġġett. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-industrija tal-Unjoni, bħat-tweġibiet għall-kwestjonarju makroekonomiku pprovdut mill-ilmentatur. Kif indikat fil-premessa (30), il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw kważi 20 % tal-kwantità tal-produzzjoni totali tal-produtturi magħrufa tal-Unjoni tal-prodott simili.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(77)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Konsum tal-Unjoni (oġġetti)

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Konsum totali (f’000 ta’ oġġetti)

77 873

73 797

59 530

64 311

Indiċi (2018 =100)

100

95

76

83

Sors: Il-bażi tad-data Comext tal-Eurostat, l-EUWA u t-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju

(78)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volum ta’ bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni, flimkien mal-importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni. Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni nkiseb mill-ilment u ġie aġġustat abbażi tad-data pprovduta fit-tweġibiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-perjodu ta’ investigazzjoni. Għall-importazzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-bażi tad-data Comext tal-Eurostat. Madankollu, peress li l-bażi tad-data Comext tal-Eurostat tipprovdi biss il-piż tal-importazzjonijiet u mhux in-numru ta’ oġġetti tal-ARW importati, kien meħtieġ li l-piż jiġi kkonvertit f’oġġetti. Fl-ilment, l-ilmentatur applika l-proporzjon ta’ konverżjoni użat fl-aħħar investigazzjoni dwar l-istess prodott (18) (jiġifieri 10,9 kg għal kull oġġett). Il-validità ta’ dan il-proporzjon ta’ konverżjoni ġiet ivverifikata abbażi tat-tweġibiet tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Marokk u tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. L-investigazzjoni żvelat li l-piż medju ponderat għal kull oġġett kurrentament applikabbli huwa ta’ 11,3 kg għal kull oġġett peress li x-xejra tas-suq miexja lejn dijametru akbar tar-roti li jirriżulta f’żieda fil-piż għal kull rota. Għalhekk, dan il-proporzjon intuża meta ġie stabbilit il-konsum tal-Unjoni għal kull oġġett..

(79)

Kif imsemmi fil-premessa (16) ta’ hawn fuq, is-suq tal-Unjoni huwa diviż inugwalment bejn żewġ mezzi ta’ distribuzzjoni, jiġifieri l-OEM u l-AM. Il-biċċa l-kbira tal-bejgħ tirrigwarda il-mezz tal-OEM b’90 % tas-sehem mis-suq. Għaldaqstant, il-mezz tal-AM li għandu madwar 10 % tal-bejgħ għandu impatt limitat fuq il-valutazzjoni kumplessiva tas-suq tal-Unjoni. L-impatt tiegħu huwa ulterjorment limitat minħabba l-fatt li l-produtturi Marokkini kienu qed ibigħu b’mod esklużiv permezz tal-mezz tal-OEM, li kien ukoll il-każ għat-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Dawn tal-aħħar biegħu kważi esklużivament permezz tal-mezz tal-OEM (madwar 99,6 % tal-bejgħ tagħhom). B’riżultat ta’ dan, dan ma kellux impatt fuq l-analiżi tat-tqabbil tal-prezzijiet fil-każ inkwistjoni li jitwettaq fuq livell mikroekonomiku abbażi tad-data provduta mill-produtturi esportaturi u l-produtturi tal-Unjoni fil-kamppjun. Konsegwentament, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod proviżorju, li ma taqsamx il-konsum bejn iż-żewġ mezzi ta’ bejgħ għall-iskop tal-investigazzjoni.

(80)

Il-konsum tal-Unjoni naqas b’5 % bejn l-2018 u l-2019, u b’19 % bejn l-2019 u l-2020. Fl-2020, il-produzzjoni tal-industrija tal-karozzi naqset b’madwar 4,2 miljun vettura minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u b’hekk b’impatt dirett fuq il-fornituri upstream hekk kif il-bejgħ tal-ARW naqas b’14-il miljun fl-2020 meta mqabbel mal-2019. It-tnaqqis fil-produzzjoni kien partikolarment sinifikanti fit-tieni kwart tal-2020 iżda s-suq irkupra fix-xhur ta’ wara. Is-suq irkupra 5 miljun rota: minn 59 miljun fl-2020 għal 64 miljun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, il-konsum ma laħaqx il-livell tal-2019 minħabba n-nuqqas ta’ semikondutturi użati mill-manifatturi tal-karozzi.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Kwantità u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(81)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi tad-data Comext tal-Eurostat. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tas-sehem li dawn l-importazzjonijiet irrappreżentaw mill-konsum totali tal-Unjoni.

(82)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Kwantità tal-importazzjoni (oġġetti) u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità ta’ importazzjonijiet mill-Marokk (f’000 ta’ oġġetti)

0

15,7

1 038

2 516

Indiċi (2019 = 100)

-

100

6 611

16 025

Sehem mis-suq (%)

-

0,0

1,7

3,9

Indiċi (2019 = 100)

-

100

8 196

18 389

Sors: Bażi tad-data Comext tal-Eurostat

(83)

Filwaqt li fl-2019, il-Marokk esporta ftit eluf ta’ oġġetti, l-esportazzjonijiet aċċelleraw matul l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, minn miljun għal 2,5 miljun oġġett. Ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni indika li fix-xhur ta’ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni, it-tkabbir baqa’ bl-istess rata bħal fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa (79) hawn fuq, dan il-bejgħ kien jikkonċerna esklużivament il-mezz tal-bejgħ tal-OEM.

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat: twaqqigħ tal-prezz u soppressjoni tal-prezz

(84)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi tad-data Comext tal-Eurostat. It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tad-data mill-produtturi esportaturi li kkooperaw u mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(85)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-Marokk

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

F’EUR/oġġett

-

39,2

42,6

44,7

Indiċi (2019 = 100)

-

100

109

114

Sors: Bażi tad-data Comext tal-Eurostat

(86)

Il-prezz medju tal-importazzjoni mill-Marokk żdied b’madwar EUR 2 għal kull oġġett bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, parti mill-prezz tal-bejgħ hija indiċjata mal-prezz tal-aluminju fil-Borża tal-Metall ta’ Londra (“LME”), li żdied b’mod sinifikanti, jiġifieri b’madwar 25 %, matul dan il-perjodu.

(87)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

(88)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun imposti fuq il-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika; u

(89)

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet minn Hands biss lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ kost, assigurazzjoni u nol (Cost, Insurance, Freight, “CIF”), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(90)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tip b’tip għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament dovut fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan wera marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ 26,9 % mill-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni.

(91)

Addizzjonalment, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ soppressjoni tal-prezz Fil-fatt, kif muri fit-tabella 7, l-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tbigħ bil-kostijiet fl-2020 u taħt il-kostijiet tal-produzzjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawk huma s-snin b’penetrazzjoni maġġuri tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u meta l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq. Għaldaqstant, il-prezzijiet baxxi ta’ importazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ipprevenew l-industrija tal-Unjoni mill-iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, li rriżultaw f’telf matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(92)

F’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(93)

Kif imsemmi fil-premessa (30), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

(94)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi ta’ data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju makroekonomiku. Id-data kienet relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Id-data kienet relatata mal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(95)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-kwantità ta’ bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(96)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(97)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità tal-produzzjoni (f’000 ta’ oġġetti)

59 182

57 097

44 718

48 752

Indiċi (2018 = 100)

100

96

76

82

Kapaċità tal-produzzjoni (f’000 ta’ oġġetti)

62 614

62 475

61 619

61 294

Indiċi (2018 = 100)

100

100

98

98

Użu tal-kapaċità (%)

95

91

73

80

Indiċi (2018 = 100)

100

97

77

84

Sors: EUWA u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(98)

B’mod ġenerali, tul il-perjodu kkunsidrat, il-kwantità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset bi 18 %. Naqas bi ftit b’4 % bejn l-2018 u l-2019. Bil-pandemija tal-COVID-19, il-produzzjoni naqset bi 12,3-il miljun oġġett fl-2020 u reġgħet irkuprat fil-perjodu ta’ investigazzjoni b’4 miljun oġġett.

(99)

Filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset bi 2 %, l-użu tal-kapaċità segwa l-istess xejra negattiva bħall-produzzjoni u naqas bi 15 % matul il-perjodu kkunsidrat.

4.4.2.2.   Kwantità tal-bejgħ u sehem mis-suq

(100)

Il-kwantità tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Kwantità tal-bejgħ u sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (f’000 ta’ oġġetti)

57 501

55 502

43 110

45 391

Indiċi (2018 = 100)

100

97

75

79

Sehem mis-suq (%)

73,8

75,2

72,4

70,6

Indiċi (2018 = 100)

100

102

98

96

Sors: EUWA u l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(101)

Il-kwantità tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqset b’21 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dan naqas bi 3 % bejn l-2018 u l-2019 u mbagħad naqas bi 12-il miljun oġġett fl-2020. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-bejgħ irkupra b’2,2 miljun oġġett.

(102)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit bejn l-2018 u l-2019 u kompla jonqos fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-2020.

4.4.2.3.   Impjiegi u produttività

(103)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Impjiegi u produttività

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Għadd ta’ impjegati

17 816

17 866

16 963

16 790

Indiċi (2018 = 100)

100

100

95

94

Produttività (oġġett/impjegat)

3 322

3 196

2 636

2 904

Indiċi (2018 = 100)

100

96

79

87

Sors: EUWA u produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(104)

Filwaqt li n-numru ta’ impjegati naqas b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-produttività naqset bi 13 %. It-tnaqqis fil-produttività huwa prinċipalment dovut għat-tnaqqis fil-kwantità tal-produzzjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Tnaqqis fil-produttività jindika żieda fil-kost lavorattiv għal kull oġġett ta’ ARW prodott.

4.4.2.4.   Tkabbir

(105)

Kif spjegat fit-Taqsimiet 4.4.2.1 sa 4.4.2.3 hawn fuq, il-kwantità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 18 % u b’16 % rispettivament matul il-perjodu kkunsidrat, li rriżulta f’kostijiet fissi ogħla għal kull oġġett ta’ produzzjoni u fi produttività aktar baxxa. Il-kostijiet totali tal-industrija żdiedu b’EUR 1,7/oġġett (+ 3,4 %) matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, il-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas bi EUR 3,3/oġġett (-6,1 %).

(106)

Barra minn hekk, il-kwantità tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni naqset b’21 % u s-sehem mis-suq naqas b’5 %, bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni esperjenzat deterjorament tal-prestazzjoni finanzjarja tagħha. Kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.1 hawn taħt, hija ħabtet wiċċha ma’ kost ogħla tal-produzzjoni filwaqt li ma setgħetx taġġusta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha kif xieraq.

(107)

Għalhekk, il-perspettivi tat-tkabbir tal-industrija tal-Unjoni ġew ipperikolati.

4.4.2.5.   Il-kobor tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat

(108)

Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu ogħla b’mod sinifikanti mil-livell de minimis. L-impatt tal-kobor tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, meta jitqiesu l-kwantità u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat.

(109)

L-ARW huma soġġetti għal miżuri anti-dumping kontra ċ-Ċina li ġew imposti fl-2010 (19). Fl-aħħar rieżami ta’ skadenza (20), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx iġġarrab dannu materjali u għalhekk kienet irkuprat mid-dumping tal-passat. Dan huwa kkonfermat fl-2018 u fl-2019, qabel ma bdew ġejjin l-importazzjonijiet mill-Marokk u sussegwentement żdiedu sostanzjalment, meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni tjiebet sostanzjalment.

(110)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat li l-industrija tal-Unjoni rkuprat mid-dumping tal-passat minn importazzjonijiet miċ-Ċina qabel ma l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Marokk daħlu fis-suq tal-Unjoni.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(111)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ għal kull oġġett tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Prezz medju tal-bejgħ għal kull oġġett fl-Unjoni fis-suq (EUR/oġġett)

53,9

52,3

49,3

50,6

Indiċi (2018 = 100)

100

97

92

94

Kost tal-produzzjoni għal kull oġġett (EUR/oġġett)

49,9

48,2

49,3

51,6

Indiċi (2018 = 100)

100

97

99

104

Sors: Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(112)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat għalkemm il-kost medju tal-produzzjoni żdied b’4 % bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ sabiex tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni.

(113)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni kien ibbażat fuq kuntratti ta’ diversi snin mal-klijenti tal-manifatturi tal-karozzi li stabbilew il-kwantitajiet u l-prezzijiet. Il-manifatturi tal-karozzi jorganizzaw kompetizzjoni ħarxa bejn il-fornituri permezz ta’ offerti u se jagħżlu ż-żewġ fornituri li joffru l-aħjar kundizzjonijiet, wara diversi ċikli ta’ kompetizzjoni, li matulhom il-produtturi tal-UE jridu jallinjaw ruħhom, fost l-oħrajn, mal-produtturi tal-Marokk li joffru prezzijiet baxxi. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħaddi ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni. Filwaqt li l-industrija tal-Unjoni għandha marġni minimu sabiex iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima matul l-applikazzjoni tal-kuntratt annwali, fil-prinċipju jenħtieġ li tkun tista’ żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha meta tinnegozja l-kuntratti għas-sena ta’ wara. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ma rnexxilhiex tagħmel dan waqt il-perjodu kkunsidrat minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet mill-importazzjonijiet. Dan wassal għal tnaqqis fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.4 hawn taħt.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(114)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

35 216

35 700

33 084

35 951

Indiċi (2018 = 100)

100

101

94

102

Sors: Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(115)

Il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat tal-industrija tal-Unjoni żdied ftit bi 2 % matul il-perjodu kkunsidrat b’żieda żgħira fl-2019 u tnaqqis ta’ 6 % fl-2020, l-aktar minħabba l-waqfien tal-produzzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

4.4.3.3.   Inventarji

(116)

Il-livelli tal-istokks tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Inventarji

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Stokks tal-għeluq (f’000 ta’ oġġetti)

556

439

492

776

Indiċi (2018 = 100)

100

79

88

140

Stokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

0,9

0,8

1,1

1,6

Indiċi (2018 = 100)

100

89

122

177

Sors: Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(117)

L-inventarji żdiedu b’40 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn naqsu b’21 % fl-2019, bi 12 % fl-2020 u reġgħu żdiedu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni b’+57 %. Kif spjegat fil-premessa (113), l-industrija tal-ARW fl-Unjoni hija kkaratterizzata minn kuntratti qafas ta’ diversi snin bejn il-produtturi u l-klijenti li jiffissaw il-kwantitajiet u l-prezzijiet. Dawn il-kuntratti qafas jiġu implimentati permezz ta’ ordnijiet ta’ xiri skont il-ħtiġijiet tal-klijent. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni tista’ tippjana l-produzzjoni u l-inventarji tagħha. Għalhekk, l-inventarji ma humiex indikatur ewlieni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(118)

Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 10

Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

7,5

8,2

0,4

-1,6

Indiċi (2018 = 100)

100

109

5

-21

Fluss ta’ flus (f’000 EUR)

81 153

82 495

31 805

22 956

Indiċi (2018 = 100)

100

102

39

28

Investimenti (f’000 EUR)

37 788

30 757

19 848

21 845

Indiċi (2018 = 100)

100

81

53

58

Redditu fuq l-investimenti

12,0

9,1

0,3

-0,5

Indiċi (2018 = 100)

100

76

3

-4

Sors: Produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(119)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ.

(120)

Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni żdiedet bejn l-2018 u l-2019 minn 7,5 % għal 8,2 % iżda mbagħad naqset drastikament fil-perjodu ta’ investigazzjoni tal-2020 fejn ġie rrapportat telf (-1,6 %). L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ sabiex tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni u għalhekk bdiet tagħmel it-telf.

(121)

Il-fluss ta’ flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss ta’ flus nett żviluppat ’l isfel bi tnaqqis sinifikanti ta’ 72 % matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni esperjenzat diffikultajiet sabiex tiffinanzja hija stess l-attivitajiet tagħha, li hija indikazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni finanzjarja deterjorata tagħha.

(122)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan segwa xejra negattiva simili bħall-profittabbiltà u l-fluss ta’ flus nett. Ir-redditu fuq l-investiment naqas b’mod sinifikanti bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni u sar negattiv fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tiġġenera biżżejjed profitti sabiex tkopri l-investimenti tagħha. Tabilħaqq, l-industrija tal-Unjoni żammet l-investimenti tagħha matul il-perjodu kkunsidrat, l-aktar minħabba l-ħtieġa li tikkonforma mar-rekwiżiti legali u mal-ħtiġijiet tas-suq u ma setax ikollha redditu fuq dawn l-investimenti. L-iżvilupp negattiv tar-redditu fuq l-investiment matul il-perjodu kkunsidrat indika ulterjorment li s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar b’mod sinifikanti.

(123)

Il-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li jżidu l-kapital ġiet affettwata mis-sitwazzjoni finanzjarja deterjorata tagħhom. It-tnaqqis konsiderevoli tal-profittabbiltà u l-fluss ta’ flus nett indikaw tħassib serju fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-likwidità tal-industrija tal-Unjoni u l-kapaċità tagħha li tiġbor il-kapital sabiex tiffinanzja l-attività operatorja tagħha u l-investimenti meħtieġa.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(124)

L-indikaturi ekonomiċi kemm fil-livell makro kif ukoll f’dak mikro ddeterjoraw b’mod ġenerali matul il-perjodu kkunsidrat.

(125)

Filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet stabbli, l-użu tal-kapaċità naqas b’16 % bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, li rriżulta f’kost fiss ogħla għal kull tunnellata tal-ARW. Il-kwantità tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni segwew l-istess xejra fil-perjodu kkunsidrat u naqsu.

(126)

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar l-aktar minħabba ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni, li ma setgħetx tiġi koperta minn żieda korrispondenti fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha.

(127)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’6 % matul il-perjodu kkunsidrat għalkemm il-kost medju tal-produzzjoni żdied b’9 % fl-istess perjodu. Il-pressjoni tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet irħas wasslet għal telf mill-2020, li żdied ulterjorment fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Filwaqt li l-investimenti netti naqsu bi 42 %, ir-redditu fuq l-investiment sar negattiv matul il-perjodu kkunsidrat. Ix-xejra tal-fluss ta’ flus kienet negattiva wkoll, li affettwat l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja waħedha l-operazzjonijiet tagħha. In-numru ta’ impjegati naqas matul l-istess perjodu b’6 %; madankollu, il-produttività naqset bi 13 %, u dan irriżulta f’kost tax-xogħol ogħla għal kull oġġett tal-ARW.

(128)

Kif stabbilit hawn fuq, l-indikaturi ekonomiċi bħall-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus u r-redditu fuq l-investiment iddeterjoraw b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat. Dan affettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja lilha nnifisha, li tagħmel l-investimenti meħtieġa u li żżid il-kapital, u b’hekk impedixxa t-tkabbir tagħha u saħansitra hedded is-sopravivenza tagħha.

(129)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

(130)

F’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi oħrajn magħrufin setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kull dannu possibbli kkawżat minn fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ma kienx attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma: l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, il-pandemija tal-COVID-19, l-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-effett ta’ kuntratti ta’ diversi snin.

5.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

5.1.1.   Kwantità u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernatef

(131)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evoluzzjoni tal-kwantità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u l-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(132)

Il-kwantità ta’ importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat komplew jiżdiedu matul il-perjodu kkunsidrat, volumi minn 16 376 oġġett fl-2019 għal 1 miljun oġġett fl-2020 u għal 2,5 miljun oġġett fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Din iż-żieda sinifikanti kompliet anke matul il-pandemija tal-COVID-19.

(133)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Marokk żdied minn 0,0 % fl-2018 għal 3,9 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Konsegwentement, kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

5.1.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat u l-effett fuq il-prezzijiet

(134)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-Marokk żdiedu b’14 % bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, din iż-żieda tista’ tirrifletti biss parzjalment iż-żieda fil-prezz tal-aluminju tal-LME matul l-istess perjodu, li huwa l-materja prima ewlenija tal-ARW. Kif spjegat fil-premessa (90), l-importazzjonijiet mill-Marokk waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 8,0 %. Il-kwantitajiet sinifikanti ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi naqqsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni peress li dawn kienu mġiegħla jbaxxu l-prezzijiet tagħhom sabiex jibqgħu kompetittivi, kif spjegat fil-premessa (113) hawn fuq, sal-punt li l-prezzijiet ma baqgħux ikopru l-kostijiet tal-produzzjoni.

5.1.3.   Rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-Marokk u d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni

(135)

Il-kwantitajiet miżjuda ta’ importazzjonijiet mill-Marokk flimkien mal-prezzijiet medji baxxi tal-bejgħ tagħhom kellhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tal-produtturi tal-Marokk fis-sejħiet għall-offerti organizzati mill-manifatturi tal-karozzi naqqset il-prezzijiet ġenerali tas-suq. L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha sabiex lill-klijenti tgħaddilhom il-kost dejjem akbar tal-materja prima minħabba li kienet qiegħda tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni inġusta minn importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. L-istrateġija tal-industrija tal-Unjoni kienet li żżomm il-volumi tal-produzzjoni u s-sehem mis-suq sabiex tkopri l-kostijiet fissi għoljin għad-detriment tal-profittabbiltà tagħha. Għalhekk, l-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-Marokk impedixxew iż-żidiet fil-prezzijiet min-naħa tal-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku u għalhekk ikkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet.

(136)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod provviżorju li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(137)

Il-kwantità tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppat kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 11

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

It-Turkija

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

7 983

7 632

7 010

8 364

 

Indiċi (2018 = 100)

100

96

88

105

 

Sehem mis-suq (%)

10,3

10,3

11,8

13,0

 

Indiċi (2018 = 100)

100

101

115

126

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

53,6

51,9

49,7

51,1

 

Indiċi (2018 = 100)

100

97

93

95

Iċ-Ċina

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

3 734

3 493

2 230

2 205

 

Indiċi (2018 = 100)

100

94

60

59

 

Sehem mis-suq (%)

4,8

4,7

3,7

3,4

 

Indiċi (2018 = 100)

100

98

77

71

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

50,1

50,3

49,3

53,9

 

Indiċi (2018 = 100)

100

100

98

108

It-Tajlandja

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

2 228

1 911

1 527

1 487

 

Indiċi (2018 = 100)

100

86

69

67

 

Sehem mis-suq (%)

2,9

2,6

2,6

2,3

 

Indiċi (2018 = 100)

100

90

90

79

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

52,3

50,8

49,0

50,3

 

Indiċi (2018 = 100)

100

97

94

96

Il-Korea t’Isfel

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

1 813

1 577

1 460

1 065

 

Indiċi (2018 = 100)

100

87

81

59

 

Sehem mis-suq (%)

2,3

2,1

2,5

1,7

 

Indiċi (2018 = 100)

100

91

109

74

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

52,2

52,9

50,9

53,5

 

Indiċi (2018 = 100)

100

101

97

102

Pajjiżi terzi oħrajn

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

4 612

3 663

3 151

3 279

 

Indiċi (2018 = 100)

100

79

68

71

 

Sehem mis-suq (%)

5,9

5,0

5,3

5,1

 

Indiċi (2018 = 100)

100

85

90

86

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

69,1

74,9

71,1

75,9

 

Indiċi (2018 = 100)

100

108

103

110

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Marokk

Kwantità (f’000 ta’ oġġetti)

20 372

18 278

15 380

16 402

 

Indiċi (2018 = 100)

100

90

75

81

 

Sehem mis-suq (%)

26,2

24,8

25,8

25,5

 

Indiċi (2018 = 100)

100

95

98

97

 

Prezz medju (EUR/oġġett)

56,2

56,1

54,1

56,5

 

Indiċi (2018 = 100)

100

100

96

101

Sors: Bażi tad-data Comext tal-Eurostat

(138)

Il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kellhom sehem mis-suq ta’ 26,2 % fl-2018 u ta’ 25,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kwantità ta’ dawn l-importazzjonijiet naqas matul il-perjodu kkunsidrat bi 19 % u s-sehem mis-suq tagħhom segwa parzjalment l-istess xejra bi tnaqqis ta’ 3 %. Il-prezz medju tal-importazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet żdied b’1 % u kien ogħla meta mqabbel mal-prezz medju tal-industrija tal-Unjoni (+ 12 %) u ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-prezz medju tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat (+ 26 %). L-uniku pajjiż li żied is-sehem mis-suq tiegħu fil-perjodu kkunsidrat minn 10,3 % għal 13,0 % kien it-Turkija. Madankollu, il-prezzijiet medji Torok kienu kemxejn ogħla meta mqabbla mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (+ 1,0 %) u ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat (+ 14 %).

(139)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn ma kkontribwewx għad-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

5.2.2.   Il-pandemija tal-COVID-19

(140)

Fl-2020, il-produzzjoni tal-industrija tal-karozzi naqset b’madwar 4,2 miljun vettura minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u b’hekk b’impatt dirett fuq il-fornituri upstream. Għaldaqstant, il-bejgħ tal-ARW naqas b’14-il miljun fl-2020 meta mqabbel mal-2019. It-tnaqqis fil-produzzjoni kien partikolarment importanti fit-tieni kwart tal-2020 iżda s-suq irkupra fix-xhur ta’ wara. Is-suq irkupra 5 miljun rota: minn 60 miljun fl-2020 għal 65 miljun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, il-konsum, ma laħaqx il-livell tal-2019, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ semikondutturi użati mill-produtturi tal-karozzi. Iż-żieda fid-domanda fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma kinitx ta’ benefiċċju għall-industrija tal-Unjoni, iżda kienet ta’ benefiċċju l-aktar għall-importazzjonijiet tal-Marokk (2,6 miljuni ta’ importazzjonijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni u 4 % tas-sehem mis-suq). Barra li ħadu l-kwantitajiet tal-bejgħ, l-importazzjonijiet Marokkini għamlu pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet u żammew lill-produtturi tal-Unjoni milli jgħaddu ż-żieda tal-kostijiet tagħhom lill-klijenti tagħhom, biex b’hekk wasslu għal fatturat sostanzjalment imnaqqas u saħansitra aktar telf meta mqabbel mal-2020.

(141)

F’dan ir-rigward il-pandemija tal-COVID-19 kellha, tabilħaqq, impatt negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni, speċjalment fl-2020 meta s-siti ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kellhom jagħlqu temporanjament. Madankollu, meta s-suq reġa’ rkupra wara l-COVID, l-industrija tal-Unjoni ma bbenefikatx minħabba ż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(142)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-pandemija tal-COVID-19 ma kinitx biżżejjed sabiex tnaqqas ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż kkonċernat u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.3.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(143)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-kwantità tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun żviluppat kif ġej:

Tabella 12

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

2018

2019

2020

Perjodu ta’ investigazzjoni

Kwantità tal-esportazzjoni (f’000 ta’ oġġetti)

3 454

2 892

2 138

2 719

Indiċi (2018 = 100)

100

84

62

79

Prezz medju (EUR/oġġett)

67,3

68,7

60,6

66,5

Indiċi (2018 = 100)

100

102

90

99

Sors: L-EUWA għall-kwantitajiet tal-esportazzjoni u l-prezz medju mit-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju

(144)

Il-bejgħ għall-esportazzjonijiet lil klijenti mhux relatati kien jirrappreżenta 5,6 % tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kwantitajiet tal-esportazzjoni varjaw – l-ewwel naqsu bejn l-2018 u l-2020 bi 38 % u mbagħad żdiedu fil-perjodu ta’ investigazzjoni. B’mod ġenerali, il-bejgħ għall-esportazzjoni naqas fil-perjodu kkunsidrat b’21 %. Il-prezz tal-esportazzjoni għal kull oġġett kien ogħla b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-prezzijiet tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(145)

Fil-perjodu ta’ investigazzjoni, l-industrija tal-Unjoni biegħet aktar minn 95 % tal-produzzjoni tagħha fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, għalkemm it-tnaqqis fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni seta’ kkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li, meta jitqies is-sehem għoli tal-bejgħ tal-Unjoni meta mqabbel mal-bejgħ għall-esportazzjoni, din l-evoluzzjoni ma naqqsitx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

5.2.4.   Effett tal-kuntratti ta’ diversi snin u l-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni

(146)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni kien ibbażat fuq kuntratti ta’ diversi snin mal-klijenti tal-manifatturi tal-karozzi li jiffissaw il-prezzijiet għad-durata tal-produzzjoni ta’ ċertu tip ta’ karozza. L-industrija tal-Unjoni għandha marġni minimu sabiex iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ fil-kuntest taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima matul l-applikazzjoni tal-kuntratt annwali. Madankollu, fil-prinċipju, l-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha meta tinnegozja l-kuntratti għas-sena ta’ wara. Kif spjegat fit-Taqsima 4.4.3.1 hawn fuq, filwaqt li l-kost medju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied b’9 % bejn l-2018 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni baqa’ stabbli.

(147)

Kif muri fit-Tabella 7 hawn fuq, l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex diffikultajiet, minkejja l-kuntratti annwali, sabiex tbigħ bi prezzijiet li koprew il-kost tal-produzzjoni tagħha fl-2018 u fl-2019 meta l-importazzjonijiet mill-Marokk ma kinux jeżistu. Madankollu, meta l-importazzjonijiet bdew jidħlu fl-2020 u żdiedu b’mod sinifikanti fil-perjodu ta’ investigazzjoni, minħabba l-pressjoni fuq il-prezzijiet li dawn eżerċitaw, l-industrija tal-Unjoni ma baqgħetx kapaċi tadatta biżżejjed il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fl-aħħar kuntratti annwali sabiex tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni li kienu qegħdin jiżdiedu. B’riżultat ta’ dan, l-industrija tal-Unjoni kisbet biss profitti baxxi ħafna fl-2020 u bdiet tagħmel it-telf matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(148)

Għalhekk, id-distakk ta’ żmien bejn iż-żieda fil-kost tal-materja prima u ż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ minħabba l-kuntratti annwali ma jidhirx li jimpedixxi lill-industrija tal-Unjoni milli tadatta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha għall-kost tal-produzzjoni dejjem jiżdied matul il-perjodu kkunsidrat. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ f’kuntratti annwali ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu li nstab.

5.2.5.   Konsum

(149)

L-utenti sostnew li t-tnaqqis tas-suq tal-ARW tal-Unjoni kkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(150)

Kif imsemmi fil-premessa (139), il-konsum tal-Unjoni naqas bi 13-il miljun oġġett, jiġifieri bi 17 % fil-perjodu kkunsidrat. Iċ-ċifri tal-bejgħ tal-Unjoni kienu jirriflettu x-xejra tal-konsum tal-Unjoni. Madankollu, meta l-konsum reġa’ rkupra fil-perjodu ta’ investigazzjoni u żdied bi 8 % meta mqabbel mal-2020, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tibbenefika minnha minħabba l-importazzjonijiet mill-Marokk. Tabilħaqq, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 2,9 punti perċentwali, minn 71,7 % fl-2020 għal 68,8 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Marokk żdied b’129 %, minn 1,7 % fl-2020 għal 3,9 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għaldaqstant, id-dannu għall-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat aktar mis-soppressjoni tal-prezzijiet minħabba l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx milli minn telf ta’ volumi minħabba tnaqqis fil-konsum.

(151)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li t-tnaqqis fid-domanda tas-suq bi 17 % ma setax jitqies bħala kawża ta’ dannu li jnaqqas ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu li nstab.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(152)

Id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni kkoinċida fiż-żmien mal-volumi dejjem jiżdiedu ta’ importazzjonijiet tal-ARWs mill-pajjiż ikkonċernat, li saru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(153)

Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti dannużi tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. L-effett tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn, il-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fid-domanda, l-evoluzzjoni tal-kost tal-produzzjoni, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-kuntratti ta’ diversi snin ġew ikkunsidrati.

(154)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, ikkunsidrati individwalment jew b’mod kollettiv, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(155)

Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping ikunx suffiċjenti sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping għall-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Marġni tad-dannu

(156)

Id-dannu jitneħħa jekk l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tikseb profitt fil-mira billi tbigħ bi prezz fil-mira fis-sens tal-Artikolu 7(2c) u l-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku.

(157)

F’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, sabiex tistabbilixxi l-profitt fil-mira, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ sabiex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan jenħtieġ li ma jkunx anqas minn 6 %.

(158)

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni stabbiliet profitt bażiku li jkopri l-kostijiet sħaħ f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni ħadet il-profitti miksuba mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun qabel ma l-importazzjonijiet inġusti mill-Marokk aċċelleraw u bdew jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni. Marġni ta’ profitt bħal dan ġie stabbilit għal 7,9 %, li jikkorrispondi għall-medja tal-profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2018 u l-2019.

(159)

L-industrija tal-Unjoni pprovdiet evidenza li l-livell tagħha ta’ investimenti, riċerka u żvilupp (R&Ż) u innovazzjoni matul il-perjodu kkunsidrat kienu jkunu ogħla f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Tabilħaqq, l-affermazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li kienu ġġustifikati. Sabiex tirrifletti dan fil-profitt fil-mira, il-Kummissjoni kkalkolat id-differenza bejn l-ispejjeż tal-investimenti, tar-R&Ż u tal-innovazzjoni (“IRI”) f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni kif ipprovduti mill-industrija tal-Unjoni u vverifikati mill-Kummissjoni u l-ispejjeż reali tal-IRI matul il-perjodu kkunsidrat. Din id-differenza, espressa bħala perċentwal tal-fatturat, kienet ta’ 0,4 %.

(160)

Tali perċentwal ta’ 0,4 % żdied mal-profitt bażiku ta’ 7,9 % imsemmi fil-premessa (158), li wassal għal profitt fil-mira ta’ 8,3 %.

(161)

F’konformità mal-Artikolu 7(2d) tar-Regolament bażiku, bħala pass finali, il-Kummissjoni vvalutat il-kostijiet futuri li jirriżultaw mill-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li l-Unjoni hija parti minnhom, u tal-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia li l-industrija tal-Unjoni se ġġarrab matul il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 11(2). Abbażi tal-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni stabbiliet kost addizzjonali ta’ 0,5 EUR/oġġett. Dan il-kost addizzjonali żdied mal-prezz mhux dannuż imsemmi fil-premessa ta’ hawn fuq.

(162)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkalkolat prezz medju ponderat mhux dannuż ta’ EUR 55,9/oġġett għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni billi applikat il-marġni ta’ profitt fil-mira msemmi hawn fuq għall-kost tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u mbagħad żiedet l-aġġustamenti skont l-Artikolu 7(2d) fuq bażi ta’ tip b’tip.

(163)

Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat il-livell ta’ marġni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-Marokk inklużi fil-kampjun, kif stabbilit għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz, mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjonijiet.

(164)

Il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa stabbilit bl-istess mod bħall-marġini tad-dumping għal dawn il-kumpaniji (ara l-premessa (73)).

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Il-Marokk

Hands

8,0

44,0

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,5

51,6

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(165)

L-effett tal-miżuri kontra d-dumping se jkun pożittiv għall-produtturi tal-Unjoni, peress li l-miżuri se jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tadatta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha sabiex tkopri ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni terġa’ lura għal sitwazzjoni sostenibbli, li tippermettilha tagħmel investimenti futuri, b’mod partikolari sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ambjentali u soċjali.

(166)

Fin-nuqqas ta’ miżuri, l-industrija tal-Unjoni se tkompli ġġarrab dannu materjali u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, b’mod partikolari f’termini ta’ profittabbiltà, redditu fuq l-investimenti u fluss ta’ flus, hija mistennija li tkompli tmur għall-agħar, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat li kompliet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni, u b’hekk thedded il-vijabbiltà tagħha.

7.2.   L-interess ta’ importaturi u ta’ utenti mhux relatati

(167)

Mal-bidu, l-importaturi ġew ikkuntattjati. Madankollu, l-ebda wieħed ma kkoopera mal-investigazzjoni.

(168)

Fir-rigward tal-utenti, ikkooperaw żewġ manifatturi tal-karozzi u l-assoċjazzjoni tagħhom, jiġifieri l-manifatturi tal-karozzi (“ACEA”).

(169)

Il-manifatturi tal-karozzi huma l-klijenti tal-industrija tal-ARW tal-Unjoni. Dawn diġà jakkwistaw madwar 70 % tal-ħtiġijiet tal-ARW tagħhom mill-industrija tal-Unjoni. L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat kellhom sehem mis-suq ta’ 3,9 % fis-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kellhom sehem mis-suq ta’ 25,5 % b’livelli tal-prezzijiet ogħla minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-manifatturi tal-karozzi, minbarra l-industrija tal-Unjoni u l-Marokk, għandhom ukoll sorsi oħrajn ta’ provvista. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-fatt li x-xiri ta’ ARW mill-Marokk kien jirrappreżenta madwar 30 % tax-xiri totali tal-ARW taż-żewġ utenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, abbażi tad-data taż-żewġ utenti li pprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju, l-ARW kien jirrappreżenta madwar 0,5 % tal-kost tal-produzzjoni tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li l-impatt tal-miżuri fuq l-ARW huwa limitat għall-manifatturi tal-karozzi.

(170)

L-ACEA sostniet l-argument li l-importazzjonijiet mill-Marokk indirizzaw il-ħtiġijiet strateġiċi tal-manifatturi tal-karozzi tal-Unjoni li l-produtturi tal-ARW tal-Unjoni ma jistgħux jissodisfaw peress li dawn tal-aħħar jagħżlu deliberatament li ma jżidux il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom. Għalhekk, il-manifatturi tal-karozzi ma għandhom l-ebda għażla ħlief li jiddiversifikaw il-provvista tagħhom, anki billi jiddependu fuq diversi sorsi ta’ importazzjonijiet.

(171)

Kif imsemmi fil-premessa (40), l-industrija tal-ARW tal-Unjoni hija fornitur tal-manifatturi tal-karozzi u l-attività tagħhom tiddependi fuq l-offerti mogħtija minn dawn il-kumpaniji l-kbar. In-nomina tal-fornituri tal-ARW u għalhekk il-konsenji reali tar-roti sseħħ snin qabel il-produzzjoni tal-karozzi u dan għandu jagħti żmien lill-industrija tal-ARW sabiex taġġusta l-output industrijali tagħha. Jekk ikun meħtieġ, l-industrija tal-ARW tal-Unjoni tista’ żżid il-kapaċità tagħha b’avviż relattivament qasir peress li l-investiment mitlub ma jikkonċernax il-fran jew il-kabini taż-żebgħa, iżda pjuttost il-magni tal-ikkastjar li jistgħu jiġu installati faċilment. Għalhekk, jekk il-produtturi tal-ARW tal-Unjoni ma nvestewx f’kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali, dan kien pjuttost minħabba nuqqas ta’ kuntratti futuri suffiċjenti mill-manifatturi tal-karozzi. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex biżżejjed inċentiv biex tinvesti f’kapaċità addizzjonali fin-nuqqas ta’ żieda prevedibbli fid-domanda tal-produzzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-konsum tal-Unjoni kien ta’ 64,31 miljun oġġett fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-kapaċità totali tal-industrija tal-Unjoni kienet ta’ 61,29 miljun oġġett, filwaqt li l-produzzjoni totali tal-Unjoni kienet ta’ 48,75 miljun oġġett fil-perjodu ta’ investigazzjoni u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni kienu ta’ 2,71 miljun oġġett. Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni diġà għandha kapaċità ta’ produzzjoni suffiċjenti sabiex tkopri kważi d-domanda totali tal-Unjoni tal-ARW. Konsegwentement, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(172)

L-ACEA sostniet li l-industrija tal-ARW tal-Unjoni ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-kapaċità ta’ riżerva stabbiliti mill-manifatturi tal-karozzi (l-industrija tal-Unjoni rrapportat livell għoli ta’ użu tal-kapaċità ta’ aktar minn 95 %) u obbligat lill-manifatturi tal-karozzi jiddiversifikaw il-provvista tagħhom, b’mod partikolari mill-Marokk.

(173)

Il-Kummissjoni nnotat li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi li l-industrija tal-ARW tal-Unjoni tilfet offerti minħabba kwistjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha jew li l-industrija tal-ARW tal-Unjoni naqset milli tikkonsenja l-ARW wara ordnijiet kummerċjali tal-manifatturi tal-karozzi. Barra minn hekk, l-użu tal-kapaċità stabbilit għall-perjodu ta’ investigazzjoni kien ta’ 80 %. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(174)

L-ACEA sostniet li l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fixklu l-ktajjen tal-provvista u l-manifatturi tal-karozzi ntlaqtu bis-sħiħ mill-pandemija tal-COVID-19 b’telf totali ta’ 4,2 miljun vettura, li jirrappreżenta 22,9 % tal-produzzjoni tal-Unjoni fl-2019. Il-profittabbiltà tal-manifatturi tal-karozzi tnaqqset. Dan affettwa bl-istess mod lill-fornituri tal-karozzi.

(175)

Il-Kummissjoni nnotat li l-biċċa l-kbira tal-manifatturi tal-karozzi rrapportaw profitti għas-sena finanzjarja 2021li qabżu l-perċentwal tas-soltu rrapportat matul is-snin preċedenti (21).

(176)

Ma hemm l-ebda informazzjoni oħra fil-fajl li turi li l-miżuri jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(177)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li ma kienx hemm raġunijiet persważivi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

8.   MIŻURI PROVVIŻORJI ANTI-DUMPING

(178)

Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji sabiex jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping.

(179)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Il-Marokk

HANDS 8 S.A.

8,0  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,5  %

(180)

Ir-rata tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikata f’dan ir-Regolament ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, din tirrifletti s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ din il-kumpanija. Din ir-rata tad-dazju hija applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u li huwa magħmul mill-entità legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.

(181)

Sabiex ikun żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda anke għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(182)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(183)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-iċċekkjar tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(184)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-kwantità wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-kwantità tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda li minnha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa tat-tneħħija ta’ rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(185)

L-istatistika rigward ir-roti tal-aluminju għall-użu fit-triq ta’ spiss hija espressa fin-numru ta’ oġġetti. Madankollu, l-ebda unità supplimentari bħal din ma hija definita għar-roti tal-aluminju għall-użu fit-triq fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (22) dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni. Għalhekk hemm bżonn li fid-dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ma jingħatax biss il-piż f’kilogrammi jew f’tunnellati iżda anke n-numru ta’ oġġetti għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

9.   REĠISTRAZZJONI

(186)

Kif imsemmi fil-premessa (3), il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni. Ir-reġistrazzjoni saret bil-għan li possibbilment jinġabru d-dazji b’mod retroattiv skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku.

(187)

Fid-dawl tas-sejbiet fl-istadju provviżorju, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ma titkompliex.

(188)

F’dan l-istadju tal-proċediment ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar l-applikazzjoni retroattiva possibbli ta’ miżuri anti-dumping.

10.   INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVVIŻORJU

(189)

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni pjanata ta’ dazji provviżorji. Din l-informazzjoni ġiet magħmula disponibbli wkoll għall-pubbliku ġenerali fuq is-sit web tad-DĠ TRADE. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem ta’ xogħol sabiex jipprovdu kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli ddivulgati b’mod speċifiku lilhom. Ma waslu l-ebda tali kummenti. Kummenti b’segwitu tad-divulgazzjoni minn qabel fir-rigward ta’ aspetti oħra tal-investigazzjoni, mhux relatata mal-akkuratezza tal-kalkoli, se jkunu kkunsidrati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni.

11.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(190)

Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni se tistieden lill-partijiet interessati jressqu kummenti bil-miktub u/jew jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni fi żmien skadenza fissa. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu wkoll seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ fi proċedimenti kummerċjali.

(191)

Is-sejbiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tal-aluminju għall-użu fit-triq tal-vetturi bil-mutur tal-intestaturi minn 8701 sa 8705, bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom u kemm bit-tajers jew mingħajrhom, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 8708 70 10 u ex 8708 70 50 (il-kodiċijiet TARIC: 8708701015, 8708701050, 8708705015 u 8708705050) u li joriġinaw mill-Marokk.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping provviżorju

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Marokk

HANDS 8 S.A.

8,0  %

C873

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

16,5  %

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikata għall-kumpanija msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fil-Marokk. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.

5.   Fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, in-numru ta’ oġġetti tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-parti rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-unità supplimentari definita fin-Nomenklatura Magħquda.

6.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dan ir-regolament bil-miktub lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-partijiet interessati li jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati li jkunu jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali għandhom jagħmlu dan fi żmien 5 ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Smigħ għandu jeżamina t-talbiet li jiġu ppreżentati wara din l-iskadenza u jista’ jiddeċiedi jekk jaċċettax dawn it-talbiet jekk ikun xieraq.

Artikolu 3

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux jirreġistraw l-importazzjonijiet stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/934.

2.   Id-data miġbura fir-rigward ta’ prodotti li daħlu fl-UE għall-konsum mhux aktar minn 90 jum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandha tinżamm sad-dħul fis-seħħ ta’ miżuri definittivi possibbli, jew sakemm jintemm dan il-proċediment.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  In-Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk (ĠU C 464, 17.11.2021, p. 19).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/934 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mill-Marokk soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 162, 17.6.2022, p. 27).

(4)  Il-Kummissjoni, How to Make an Anti-Dumping Complaint, A Guide, p. 7-8, iżda wkoll p. 13, p. 27, p. 29, p. 52, p. 59 u p. 67 disponibbli fuq: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2006/december/tradoc_112295.pdf.

(5)  Idem, p. 3.

(6)  Ara l-paragrafu 108 tal-ilment u l-Anness D2 tiegħu.

(7)  https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2563.

(8)  Kif spjegat fil-premessa (5), l-ismijiet tal-produtturi tal-Unjoni u żewġ utenti ma humiex iddivulgati għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

(9)   ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(10)   ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6.

(11)  Henri-Louis Vedie, “ L’automobile: une filière marocaine stratégique, leader du secteur en Afrique ”, Policy Center for the New South, Policy Paper 20/34, Novembru 2020 (disponibbli fuq https://www.policycenter.ma/sites/default/files/2021-01/PP%20-%2020-34%20%28Henri-louis%20Vedie%29_0.pdf).

(12)  Pereżempju, il-Grupp Renault esporta aktar minn 95 % tal-produzzjoni tiegħu f’Tangier (ara https://www.tac.ma/news/english-1m-vehicles-exported-from-tangermed/).

(13)  Ara “LA LOI N° 19-94 RELATIVE AUX ZONES FRANCHES D’EXPORTATION” , Bullettin Uffiċjali, 1995-02-15, Nru 4294, p. 117-121.

(14)  Ara “LA LOI N° 19-94 RELATIVE AUX ZONES FRANCHES D’EXPORTATION” , Bullettin Uffiċjali, 1995-02-15, Nru 4294, p. 117-121, sussegwentement emendata mil-Liġi 14.21 sabiex jinbidel it-terminu “zone franche” għal “zone d’accélération industrielle” . Ara wkoll il-“Code des douanes et impôts indirects relevant de l’administration des douanes et impôts indirects approuvé par le dahir portant loi n° 1-77-339 du 25 chaoual 1397 (9 octobre 1977), tel. qu’il a été modifié et complete” .

(15)  EC – Anti-dumping duties on imports of cotton-type bed linen from India (WT/DS141/R, 30.10.2000, il-paragrafi 74 sa 77).

(16)  In-Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 29, 20.1.2022, p. 34).

(17)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/109 tat-23 ta’ Jannar 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 18, 24.1.2017, p. 1).

(18)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/109.

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 964/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti roti tal-aluminju għall-użu fit-triq li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 282, 28.10.2010, p. 1).

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/109, premessa (169).

(21)  Nota għall-fajl dwar r-rapporti annwali għas-sena 2021 ippubblikati minn xi manifatturi tal-karozzi

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).