Trattat Li Jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa - PARTI III - POLITIKA U FUNZJONAMENT TA' L-UNJONI - TITOLU V - AZZJONI ESTERNA TA' L-UNJONI - KAPITOLU II - POLITIKA ESTERA U TA' SIGURTÀ KOMUNI - Sezzjoni 2 - Politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni - Artikolu III-312
Official Journal 310 , 16/12/2004 P. 0140 - 0141
Artikolu III-312 1. Dawk l-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu I-41(6), li jissodisfaw il-kriterji u li taw l-impenji tagħhom dwar il-kapaċitajiet militari previsti fil-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. 2. Fi żmien tliet xhur min-notifika prevista fil-paragrafu 1, l-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tistabbilixxi koperazzjoni strutturata permanenti, u li tiddetermina l-lista ta' l-Istati Membri partecipanti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. 3. Kull Stat Membri li, aktar tard, jixtieq jieħu sehem fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jinnotifika l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni Ewropea li tikkonferma l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat li jissodisfa l-kriterji u ta' l-impenji previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsulta l-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni. Il-Membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti biss jistgħu jivvutaw. Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati. Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet. 4. Jekk Stat Membru parteċipant ma jibqax jissodisfa l-kriterji jew ma jkunx jista' jibqa' jwettaq l-impenji, previsti fl-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti, l-Kunsill jista' jadotta deċiżjoni Ewropea li tissospendi l-parteċipazzjoni ta' l-Istat Membru konċernat. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata. Il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru konċernat, biss jistgħu jivvutaw. Maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita bħala li hija ugwali għal mill-inqas 55 % tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti, li flimkien jinkludu mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni ta' dawn l-Istati. Minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas in-numru minimu ta' membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw iktar minn 35 % tal-popolazzjoni ta' l-Istati Membri parteċipanti, u membru ieħor, u fin-nuqqas ta' dan, il-maġġoranza kwalifikata tkun meqjusa li nkisbet. 5. Kull Stat Membru parteċipant li jixtieq jirtira mill-koperazzjoni strutturata permanenti għandu jgħarraf l-intenzjoni tiegħu lill-Kunsill, li għandu jinnota li l-Istat Membru in kwistjoni waqaf milli jipparteċipa. 6. Id-deċiżjonijiet Ewropej u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-qafas ta' koperazzjoni strutturata permanenti, bl-eċċezzjoni ta' dawk stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5, għandhom jiġu adottati b'mod unanimu. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-unanimità għandha tkun magħmula biss mill-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jipparteċipaw. --------------------------------------------------