Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fl‑10 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑397/25
EM
vs
Ilektronikos Ethnikos Foreas Koinonikis Asfalisis (e-EFKA)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 58 – Kunċett ta’ ‘benefiċċju minimu’ – Ammonti minimi nazzjonali tal-pensjoni – Artikolu 4 – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 6 – Aggregazzjoni ta’ perijodi”
I. Introduzzjoni
1. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) tirrigwarda l-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2). Skont din id-dispożizzjoni, persuna li tirċievi benefiċċju ma tistax, fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha u li taħt il-leġislazzjoni tiegħu għandu jingħatalha benefiċċju, tingħata benefiċċju li huwa inqas mill-benefiċċju minimu stabbilit minn dik il-leġiżlazzjoni. Meta t-total tal-benefiċċji dovuti lil dik il-persuna fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jkun inqas minn dan il-benefiċċju minimu, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha għandha tħallas suppliment ekwivalenti għal din id-differenza.
2. It-talba tqajmet fil-kuntest ta’ tilwima bejn EM, ċittadina Bulgara li kkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni kemm fil-Bulgarija kif ukoll fil-Greċja, u l-istituzzjoni Griega kompetenti tas-sigurtà soċjali, dwar l-ammont tas-suppliment dovut lilha skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004. B’mod partikolari, EM ngħatat suppliment abbażi ta’ liġi Griega li ffissat il-benefiċċju minimu, speċifikament għall-finijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, għal EUR 360 fix-xahar. Hija ssostni li l-punt ta’ riferiment rilevanti kellu minflok ikun l-ammonti minimi ogħla tal-pensjoni applikabbli, fiż-żmien tal-applikazzjoni tagħha, taħt l-iskema amministrata mill-istituzzjoni kompetenti tas-sigurtà soċjali. Dawn l-ammonti minimi kienu joperaw bħala livelli bażiċi: pensjonijiet li altrimenti kienu jaqgħu taħt l-ammont minimu rilevanti kienu jiżdiedu sa dan l-ammont. Fiż-żmien rilevanti, dawn kienu ffissati f’ammonti li jibdew minn EUR 486.84 fix-xahar.
3. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel żewġ domandi. L-ewwel, jekk il-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 jkoprix ammonti minimi nazzjonali tal-pensjonijiet bħal dawk inkwistjoni, li huma deskritti bħala li ġew stabbiliti sabiex jimplimentaw il-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali iktar milli sabiex jiggarantixxu dħul minimu, u li jvarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, id-data li fiha l-persuna ġiet assigurata għall-ewwel darba, is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tagħha. It-tieni, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, speċifikament għall-ħaddiema migranti, tiffissa l-benefiċċju minimu tal-Artikolu 58 f’ammont inqas mill-ammonti minimi tal-pensjoni applikabbli għall-affiljati li għamlu t-tul kollu tal-affiljazzjoni tagħhom il-Greċja.
4. Din il-kawża, għalhekk, toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkjarifika iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 u, b’mod partikolari, dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “benefiċċju minimu”.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
5. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi:
“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom igawdu l-istess benefiċċji u għandhom ikunu suġġetti għall-istess obbligi taħt il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru daqs li kieku kienu ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.”
6. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għadd flimkien ta’ perjodi”, jipprevedi li “[s]akemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel […] il-kisba, iż-żamma, id-dewmien jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji, [jew] l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni […] kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli”.
7. L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dikjarazzjonijiet mill-Istati Membri dwar l-ambitu ta’ dan ir-Regolament”, jeżiġi li l-Istati Membri jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni Ewropea, fost l-oħrajn, bil-benefiċċji minimi msemmija fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament. Tali notifiki għandhom jiġu ppreżentati kull sena u għandhom jindikaw id-data li minnha dan ir-regolament jibda japplika għall-iskemi speċifikati mill-Istati Membri fihom.
8. L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Għoti ta’ suppliment”, jipprovdi:
“1. Persuna li tirċievi benefiċċju u li għaliha japplika dan il-kapitolu ma tistax, fl-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha u li taħt il-leġislazzjoni tiegħu għandu jingħatala benefiċċju, tingħata benefiċċju li huwa anqas mill-benefiċċju minimu stabbilit minn dik il-leġislazzjoni għal perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza daqs il-perjodi kollha ikkunsidrati għall-ħlas skond dan il-kapitolu.
2. Matul il-perjodu ta’ residenza tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tħallas lil din il-persuna suppliment ekwivalenti għad-differenza bejn it-total tal-benefiċċji li għandhom jingħataw taħt dan il-kapitolu u l-ammont tal-benefiċċju minimu.”
B. Id-dritt nazzjonali
9. Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, is-sistema Griega tas-sigurtà soċjali kienet suġġetta għal riformi suċċessivi. Qabel riforma komprensiva fl‑2016, hija kienet ikkaratterizzata minn grad għoli ta’ frammentazzjoni: kienu parallelment jeżistu numru kbir ta’ istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni, kull waħda minnhom topera fuq il-bażi tal-iskema tagħha stess, filwaqt li, f’ċerti aspetti, id-dispożizzjonijiet applikabbli kienu wkoll ivarjaw skont id-data tal-affiljazzjoni, jiġifieri skont jekk il-persuna assigurata kinitx ġiet assigurata għall-ewwel darba qabel jew wara l‑31 ta’ Diċembru 1992 (u għaldaqstant kinitx tappartjeni għall-kategorija ta’ persuni assigurati “antiki” jew “ġodda” rispettivament). Fost id-diversi istituzzjonijiet ta’ assigurazzjoni, l-Idryma Koinonikon Asfaliseon – Eniaio Tameio Asfalisis Misthoton (l-Istitut tal-Assigurazzjoni Soċjali – Fond Uniku ta’ Assigurazzjoni għall-Impjegati, il-Greċja; iktar ’il quddiem l-“IKA-ETAM”) kien, fiż-żmien rilevanti, il-fond prinċipali ta’ assigurazzjoni għall-impjegati tas-settur privat fil-Greċja (3).
10. Din il-kawża tirrigwarda dispożizzjonijiet applikabbli għall-iskema tal-IKA-ETAM li, kif ġie rrilevat fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma għadhomx fis-seħħ. Id-dispożizzjonijiet l-iktar rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi, kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, huma elenkati hawn taħt.
1. Il‑pensjoni tax‑xjuħija għall‑ommijiet ta’ wlied minuri
11. L-Artikolu 28(3)(d) tal-Anagkastikos Nomos 1846/1951 (il-Liġi ta’ Emerġenza Nru 1846/1951; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1951”), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi li omm assigurata ta’ wlied minuri (jew ta’ wlied inkapaċi li jwettqu kwalunkwe xogħol bi qligħ, irrispettivament mill-età tagħhom), li kienet ikkompletat 5 500 jum ta’ assigurazzjoni u li ma kinitx tirċievi pensjoni mill-IKA-ETAM, mill-Istat, minn persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku jew minn istituzzjoni prinċipali oħra ta’ assigurazzjoni, kellha dritt għal pensjoni sħiħa tax-xjuħija meta tilħaq l-età ta’ 55 sena u għal pensjoni mnaqqsa tax-xjuħija fl-età ta’ 50 sena. Fil-każ ta’ pensjoni mnaqqsa, l-ammont kien jitnaqqas b’1/200 għal kull xahar li kien fadal qabel l-età għall-pensjoni sħiħa.
2. L‑ammonti minimi nazzjonali tal‑pensjoni
12. L-Artikolu 29(14) tal-Liġi tal‑1951, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jistabbilixxi ammonti minimi tal-pensjoni għall-kategorija ta’ persuni assigurati “antiki” taħt l-IKA‑ETAM. Dawn l-ammonti kienu ddeterminati bħala multiplikatur tal-paga ta’ kuljum ta’ ħaddiem mhux ikkwalifikat, iżda kienu jvarjaw, b’mod partikolari, skont is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu. Dawn kienu joperaw bħala livelli bażiċi: meta l-pensjoni li tirriżulta mill-perijodi ta’ assigurazzjoni u mill-kontribuzzjonijiet tal-persuna assigurata kienet taqa’ taħt l-ammont minimu applikabbli, hija kienet tiġi miżjuda sa dan l-ammont minimu (4).
13. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, b’effett mill‑1 ta’ Ottubru 2008, l-ammonti minimi tal-pensjonijiet tal-IKA-ETAM għall-kategorija ta’ persuni assigurati “antiki” kienu jvarjaw, fil-prinċipju, minn EUR 486.84 għal pensjonant mhux miżżewweġ mingħajr ulied sa EUR 596.31 għal pensjonant miżżewweġ bi tliet ulied jew iktar.
3. Il‑“benefiċċju minimu” fil-każijiet ta’ koordinazzjoni (5)
14. L-Artikoli 1 sa 4 tan-Nomos 3863/2010 (il-Liġi Nru 3863/2010; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2010”) introduċew riforma tal-pensjonijiet li permezz tagħha l-pensjoni għall-persuni li jirtiraw mill‑1 ta’ Jannar 2015 kellha tkun magħmula minn żewġ partijiet: pensjoni “bażika” ffinanzjata mill-baġit tal-Istat u pensjoni “proporzjonali” kkalkolata b’riferiment għas-snin ta’ assigurazzjoni u għall-kontribuzzjonijiet imħallsa. L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi inizjalment iffissa l-pensjoni “bażika” għal EUR 360 fix-xahar, li kellha tiġi aġġustata perjodikament.
15. L-Artikolu 34(1) tan-Nomos 3996/2011 (il-Liġi Nru 3996/2011; iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2011”) sussegwentement daħħal paragrafu 11 ġdid fl-Artikolu 20 tan-Nomos 2434/1996 (il-Liġi Nru 2434/1996). Din id-dispożizzjoni essenzjalment stabbilixxiet li l-“benefiċċju minimu” għall-finijiet tal-Artikolu 58 kien jikkorrispondi mal-ammont tal-pensjoni bażika introdotta bl-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑2010, kif aġġustat minn żmien għal żmien. Hija kienet ifformulata kif ġej:
“Il-benefiċċju minimu fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament [Nru 883/2004] huwa l-ammont tal-pensjoni bażika msemmija fl-Artikolu 2 [tal-Liġi tal‑2010], kif aġġustat minn żmien għal żmien. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din il-liġi. L-applikazzjonijiet pendenti għal pensjoni għandhom jiġu evalwati skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq”.
16. Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Liġi tal‑2010 li introduċew pensjoni magħmula minn komponent “bażiku” u minn komponent “proporzjonali” ġew imħassra fl‑2016, mingħajr qatt ma ġew implimentati.
17. L-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal‑2011 madankollu baqa’ fis-seħħ. Konsegwentement, il-“benefiċċju minimu” għall-finijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 fil-fatt baqa’ ffissat għal EUR 360 (dan huwa l-ammont inizjalment iffissat mill-Artikolu 2 tal-Liġi tal‑2010 u sussegwentement mhux aġġustat).
III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
18. EM, l-appellanti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Bulgara mwielda fl‑1957. Bejn l‑1977 u l‑1997, hija kkompletat 5 419-il jum ta’ assigurazzjoni fil-Bulgarija. Sussegwentement hija stabbilixxiet ruħha b’mod permanenti fil-Greċja, fejn hija kkompletat 1 026 jum ta’ assigurazzjoni mal-IKA‑ETAM bejn l‑1997 u l‑2005.
19. Fit‑30 ta’ Diċembru 2010, l-appellanti applikat mal-IKA‑ETAM għal pensjoni prinċipali tax-xjuħija skont ir-regoli speċjali applikabbli għall-ommijiet ta’ wlied minuri. B’rabta ma’ din l-applikazzjoni, l-awtoritajiet Bulgari kkonfermaw ir-rekord ta’ assigurazzjoni tagħha fil-Bulgarija u ddikjaraw li hija ma kinitx qiegħda tirċievi pensjoni f’dak il-pajjiż.
20. B’deċiżjoni tas‑27 ta’ Marzu 2013, id-direttur reġjonali kompetenti tal-IKA‑ETAM ikkonstata li l-appellanti ma kellhiex dritt awtonomu għal pensjoni tax-xjuħija mill-IKA‑ETAM, peress li l-perijodi ta’ assigurazzjoni Griegi tagħha waħedhom ma kinux jilħqu l‑5 500 jum meħtieġ. Madankollu, it-total ikkombinat tal-perijodi ta’ assigurazzjoni Griegi u Bulgari tagħha ntuża sabiex jiġi stabbilit id-dritt skont il-mekkaniżmu ta’ aggregazzjoni u ta’ pro rata previst fl-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004. Fuq din il-bażi, l-appellanti ngħatat pensjoni mill-IKA-ETAM, imnaqqsa pro rata, ta’ EUR 81.38 fix-xahar. L-istess deċiżjoni saret espressament bla ħsara għall-possibbiltà li l-appellanti tingħata suppliment skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, jekk il-kundizzjonijiet rilevanti jiġu ssodisfatti.
21. B’deċiżjoni oħra, tat‑23 ta’ Diċembru 2015, l-istess direttur ikkonkluda li l-appellanti kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet għal suppliment skont l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, bil-konsegwenza li l-pensjoni tagħha kellha tiżdied sal-benefiċċju minimu applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-pensjoni tagħha ġiet għaldaqstant miżjuda għal EUR 318.60 fix-xahar. Din iċ-ċifra ġiet ikkalkolata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal‑2011, li kien jistipula l-ammont ta’ EUR 360 bħala l-benefiċċju minimu tal-Artikolu 58, u billi dan l-ammont tnaqqas bi 23/200 minħabba li, fid-data tal-applikazzjoni tagħha, l-appellanti kienet għadha ma laħqitx l-età ta’ 55 sena meħtieġa għal pensjoni sħiħa skont ir-regoli għall-ommijiet ta’ wlied minorenni. L-ammont kien pagabbli mit‑30 ta’ Diċembru 2010 sat‑30 ta’ Novembru 2017, bla ħsara għal reviżjoni fil-każ li l-appellanti tingħata pensjoni minn istituzzjoni oħra ta’ assigurazzjoni jew tibdel il-post ta’ residenza tagħha.
22. L-appellanti kkontestat din l-aħħar deċiżjoni quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Ewwel Istanza ta’ Thessaloniki, il-Greċja). Hija sostniet li l-benefiċċju minimu li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 ma kellux ikun l-ammont ta’ EUR 360 li jirriżulta mill-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal‑2011 iżda wieħed mill-ammonti minimi ogħla tal-pensjonijiet applikabbli skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-IKA‑ETAM, li, kif indikati fiċ-Ċirkulari tal-IKA‑ETAM Nru 41/21.6.2011 u li għalihom sar riferiment fil-punt 13 iktar ’il fuq, kienu jibdew minn EUR 486.84 fiż-żmien rilevanti.
23. L-azzjoni tal-appellanti ġiet miċħuda fl‑2018 u s-sentenza tal-ewwel istanza ġiet ikkonfermata fl-appell mid-Dioikitiko Efeteio Thessalonikis (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Thessalonikis, il-Greċja) fl‑2020.
24. Sussegwentement hija ppreżentat appell fuq punt ta’ liġi quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat). Dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“(1) L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċji minimi huma l-ammonti li, għalkemm huma ċertament previsti bħala ammonti minimi ta’ pensjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li jingħataw lil affiljati li l-pensjoni tagħhom, ikkalkolata skont il-perijodi ta’ affiljazzjoni tagħhom u l-kontribuzzjonijiet tagħhom, ma tilħaqx tali ammonti, ma humiex madankollu stabbiliti bħala garanzija ta’ dħul minimu, iżda sabiex jimplimentaw il-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali bejn l-affiljati tal-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ sigurtà soċjali li kkontribwixxew matul il-ħajja professjonali kollha tagħhom sabiex jibnu l-kapital ta’ pensjoni tagħhom billi jħallsu kontribuzzjonijiet lil dawn l-istituzzjonijiet u, barra minn hekk, ivarjaw skont l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat skont id-data tal-affiljazzjoni tiegħu (qabel jew wara l-31 ta’ Diċembru 1992), kif ukoll is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu, jiġifieri kriterji li huma applikati wkoll fil-kalkolu normali tal-pensjonijiet?
(2) L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2024 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi ċerta somma flus bħala l-benefiċċju minimu msemmi fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 jekk, skont din il-leġiżlazzjoni, il-ħaddiema li ċċirkolaw fl-Unjoni Ewropea jirċievu bħala benefiċċju minimu (msemmi fl-Artikolu 58) ammont inqas minn dak li huwa previst bħala ammont minimu minn dispożizzjonijiet nazzjonali oħrajn għall-affiljati tal-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ sigurtà soċjali li għamlu t-tul kollu tal-affiljazzjoni tagħhom il-Greċja, bħala manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali bejn l-affiljati tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li kkontribwixxew sabiex jibnu l-kapital ta’ pensjoni tagħhom, ammont li jvarja skont l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat skont id-data tal-affiljazzjoni tiegħu, is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu?”
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Grieg u dak Norveġiż u mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammet ebda seduta.
IV. Analiżi
26. Kif diġà ġie indikat iktar ’il fuq, fiż-żmien rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tipprevedi diversi ammonti minimi tal-pensjoni li kienu jvarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu.
27. F’dan il-kuntest, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, l-IKA-ETAM inizjalment ikkunsidra li, meta suppliment kien dovut skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (6), u sussegwentement skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 (7) li huwa sostanzjalment ekwivalenti, tali suppliment kellu jitħallas sal-ammonti minimi rilevanti tal-pensjoni tal-IKA-ETAM, kemm jekk sħaħ kif ukoll jekk imnaqqsa. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li r-Repubblika Ellenika kienet ukoll identifikat dawn l-ammonti minimi tal-pensjoni bħala benefiċċji minimi fid-dikjarazzjonijiet tagħha ppreżentati skont l-Artikoli 5 u 50 tar-Regolament Nru 1408/71 (li huma, fis-sustanza, il-predeċessuri tal-Artikoli 9 u 58 tar-Regolament Nru 883/2004).
28. Madankollu, sussegwentement ma saret ebda dikjarazzjoni f’dan is-sens wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004. Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal‑2011, il-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” tqies bħala li kien ġie “sseparat” mid-diversi ammonti minimi nazzjonali tal-pensjoni (8). Il-memorandum ta’ spjegazzjoni ta’ dik il-liġi, adottat matul perijodu ta’ riforma estensiva tas-sigurtà soċjali u fl-eqqel tal-kriżi ekonomika fil-Greċja, iddikjara, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni Griega ma kinitx tipprevedi “benefiċċju minimu”; li l-ekwiparazzjoni preċedenti tal-ammonti minimi statutorji ma’ tali benefiċċju kienet irriżultat minn interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa; u li dan kien ikkawża diffikultajiet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll konsegwenzi finanzjarji negattivi għas-sistema nazzjonali ta’ assigurazzjoni. Peress li l-Liġi tal‑2010 kienet sadanittant introduċiet il-pensjoni “bażika” (ara l-punt 14 iktar ’il fuq), il-leġiżlazzjoni Griega setgħet issa titqies li tinkludi tali benefiċċju minimu. Għaldaqstant, l-Artikolu 34 tal-Liġi tal‑2011 espressament innomina dik il-pensjoni “bażika” – li dak iż-żmien kienet tammonta għal EUR 360 fix-xahar – bħala l-“benefiċċju minimu” għall-finijiet tal-Artikolu 58. Għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi tal‑2010 tħassru qabel ma ġew implimentati, l-ammont ta’ EUR 360 baqa’ l-“benefiċċju minimu” applikabbli għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 58.
29. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk l-ammonti minimi tal-pensjoni Griegi jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 u, fit-tieni lok, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li toħloq benefiċċju minimu separat u iktar baxx għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 58 hijiex kompatibbli ma’ dan ir-regolament u mal-moviment liberu tal-ħaddiema. Ser nindirizza dawn id-domandi waħda wara l-oħra (B u Ċ), wara li nagħmel ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar l-Artikolu 58 (A).
A. Osservazzjonijiet preliminari
30. Iż-żewġ domandi preliminari jiddependu prinċipalment fuq il-funzjoni tal-Artikolu 58. Huwa għaldaqstant utli li din id-dispożizzjoni tiġi l-ewwel imqiegħda fis-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 883/2004 (1), imbagħad li tiġi identifikata l-funzjoni prinċipali u l-karatteristiċi tagħha (2), u fl-aħħar nett li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” (3).
1. Sistema ta’ koordinazzjoni, mhux ta’ armonizzazzjoni
31. Preliminarjament, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jippermetti l-eżistenza ta’ skemi nazzjonali differenti. L-Istati Membri għaldaqstant iżommu s-setgħa li jorganizzaw l-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali u li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għall-benefiċċji. L-għan tar-regolament huwa minflok li jiżgura l-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali diverġenti, b’mod partikolari sabiex il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu ma jiġux żvantaġġati b’konsegwenza ta’ dan (9).
32. Fir-rigward tal-benefiċċji tax-xjuħija (il-pensjonijiet), ir-regoli speċifiċi ta’ koordinazzjoni huma stabbiliti fil-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004. Meta persuna tkun ikkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni f’iktar minn Stat Membru wieħed matul il-karriera tagħha, kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jibqa’, fil-prinċipju, responsabbli għall-pensjoni dovuta skont il-leġiżlazzjoni tiegħu stess.
33. Ir-regoli ta’ koordinazzjoni jfittxu, madankollu, li jiżguraw li persuna ma titlifx drittijiet għall-pensjoni sempliċement minħabba li l-karriera tal-assigurazzjoni tagħha tqassmet bejn diversi Stati Membri. B’mod partikolari, meta d-dritt għal pensjoni skont id-dritt nazzjonali jiddependi mill-ikkompletar ta’ ċertu perijodu ta’ assigurazzjoni, il-perijodi kkompletati fi Stati Membri oħra għandhom, fejn meħtieġ, jittieħdu inkunsiderazzjoni. Jekk id-dritt jeżisti, kull istituzzjoni kompetenti tas-sigurtà soċjali għandha tikkalkola l-ammont tal-pensjoni li hija għandha tagħti lill-persuna kkonċernata. L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 883/2004 jistabbilixxi r-regoli prinċipali għal dan il-kalkolu.
34. Skont din id-dispożizzjoni, kull istituzzjoni kompetenti tikkalkola, l-ewwel, l-ammont tal-benefiċċju li jkollu jingħata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli abbażi tal-perijodi kkompletati taħt dik il-leġiżlazzjoni biss, meta l-kundizzjonijiet rilevanti tad-dritt ikunu ssodisfatti (il-“benefiċċju indipendenti”). It-tieni, hija tikkalkola l-“benefiċċju pro rata”. Għal dan il-għan, hija tiddetermina l-ammont teoretiku li l-persuna kkonċernata tkun tista’ titlob li kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza kkompletati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra kienu ġew ikkompletati taħt il-leġiżlazzjoni li hija tapplika. Sussegwentement hija, essenzjalment, tnaqqas dan l-ammont bi proporzjon għall-perijodi effettivament ikkompletati taħt dik il-leġiżlazzjoni. Il-persuna kkonċernata jkollha mbagħad dritt li tirċievi l-ogħla ammont bejn il-benefiċċju indipendenti u l-benefiċċju pro rata, ikkalkolati kif deskritt iktar ’il fuq.
2. Il‑funzjoni u l‑karatteristiċi tal‑Artikolu 58
35. Ladarba benefiċċju tax-xjuħija jkun dovut skont il-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 883/2004 fl-Istat Membru fejn tirrisjedi l-persuna kkonċernata, l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament isir applikabbli. Huwa jipprevedi li l-persuna li tirċievi benefiċċju ma għandhiex tirċievi benefiċċji li jkunu, fit-total tagħhom, inqas mill-benefiċċju minimu ffissat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha għal perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza ekwivalenti għall-perijodi kollha meħuda inkunsiderazzjoni għall-ħlas tal-benefiċċji skont il-Kapitolu 5. Fil-każ li t-total tal-benefiċċji dovuti skont il-Kapitolu 5 mill-istituzzjonijiet kompetenti kollha kkonċernati jkun jaqa’ taħt dan il-benefiċċju minimu, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha għandha tħallas suppliment sabiex tkopri din id-differenza, sakemm il-persuna tirrisjedi f’dan l-Istat. Essenzjalment, din l-istituzzjoni “tikkumplimenta” t-total tal-benefiċċji dovuti lill-persuna kkonċernata sal-livell tal-benefiċċju minimu nazzjonali (10).
36. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti, l-Artikolu 58 ma jeżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu benefiċċju minimu, iżda japplika biss meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali diġà tipprevedi tali benefiċċju (11). Tabilħaqq, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 58, li jagħmel riferiment għall-benefiċċju minimu “stabbilit minn dik il-leġislazzjoni” tal-Istat Membru ta’ residenza, jirriżulta b’mod ċar li dan iqiegħed lill-persuna kkonċernata fis-sistema nazzjonali ta’ benefiċċji minimi, kif eżistenti.
37. Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 58, għandu jiġi rrilevat punt speċifiku għall-finijiet ta’ din l-analiżi. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-benefiċċju minimu applikabbli għall-persuna kkonċernata jiġi ddeterminat b’riferiment għall-perijodi kollha meħuda inkunsiderazzjoni skont il-Kapitolu 5. Meħud fil-kuntest tiegħu, dan ir-rekwiżit jirrifletti l-loġika tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, li skontha l-perijodi kkompletati fi Stat Membru ieħor jittieħdu inkunsiderazzjoni, sal-estent meħtieġ, bħallikieku kienu ġew ikkompletati taħt il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni kompetenti.
38. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tiegħu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 58 jifforma parti mis-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 48 TFUE sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-funzjoni tiegħu hija li jipprekludi li persuna tiġi mċaħħda, sempliċement minħabba li l-karriera tagħha tqassmet bejn diversi Stati Membri, mill-protezzjoni minima li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiggarantixxi lil persuna li tkun ikkompletat il-perijodu totali korrispondenti ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza kollu kemm hu f’dak l-Istat Membru. Fil-fatt, huwa jqiegħed lil ħaddiem migrant li għandu rekord ta’ assigurazzjoni transkonfinali, għall-finijiet ta’ din il-protezzjoni minima, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuna li r-rekord rilevanti ta’ assigurazzjoni tagħha ġie kkompletat kollu kemm hu taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, mingħajr ma jbiddel la l-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja u lanqas il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kontenut tal-iskemi tagħhom ta’ benefiċċji minimi (jekk eżistenti).
3. It‑tifsira ta’ “benefiċċju minimu” u l‑“kriterju” Browning
39. Ladarba dawn il-punti ġew ikkjarifikati, tibqa’ l-kwistjoni ta’ meta “benefiċċju minimu” jista’ jitqies li jeżisti fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat dan il-kunċett b’mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza Browning (12).
40. Din il-kawża kienet tirrigwarda ħaddiem li kien ikkompleta perijodi ta’ assigurazzjoni kemm fl-Irlanda kif ukoll fir-Renju Unit. L-istituzzjoni kompetenti fir-Renju Unit kienet inizjalment tatu, minbarra l-pensjoni tiegħu tar-Renju Unit, suppliment skont l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71. Essenzjalment, għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni, hija kienet ittrattat bħala l-benefiċċju minimu l-ammont tal-pensjoni b’rata fissa li kien ikun dovut skont id-dritt tar-Renju Unit li kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tal-ħaddiem kienu ġew ikkompletati fir-Renju Unit. Hija għaldaqstant żiedet il-pensjoni tiegħu sa dak l-ammont, li kien jikkorrispondi għall-ammont teoretiku msemmi fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (illum, fis-sustanza, l-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004). L-istituzzjoni sussegwentement irtirat is-suppliment, billi qieset li dan kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “benefiċċju minimu”. Il-kwistjoni ċentrali indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet jekk l-iktar ammont baxx li jirriżulta mill-applikazzjoni ordinarja tar-regoli tar-Renju Unit dwar il-pensjonijiet setax jitqies fih innifsu bħala “benefiċċju minimu” għall-finijiet tar-regoli ta’ koordinazzjoni.
41. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm benefiċċju minimu biss meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tinkludi garanzija speċifika li jkollha bħala għan li tiżgura lill-benefiċjarji dħul minimu li jaqbeż il-livell tal-benefiċċji li jistgħu jistennew li jirċievu sempliċement abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħhom u l-kontribuzzjonijiet tagħhom (13). Hija enfasizzat, barra minn hekk, li tali garanzija ta’ “benefiċċju minimu” għandha tiġi distinta mill-ammonti minimi ta’ pensjoni li jirriżultaw mill-funzjonament normali tar-regoli li jiddeterminaw id-drittijiet għall-pensjoni abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati u tal-kontribuzzjonijiet imħallsa (14). Għaldaqstant, il-benefiċċju minimu ma għandux jiġi ekwiparat mal-ammont teoretiku skont dak li issa huwa l-Artikolu 52(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 883/2004, jiġifieri l-ammont ikkalkolat fuq il-preżunzjoni li l-perijodi rilevanti kollha kienu ġew ikkompletati taħt il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni kompetenti (15).
42. Huwa f’dan il-kuntest li issa ser nittratta d-domandi preliminari.
B. L‑ewwel domanda: l‑ammonti minimi tal‑pensjoni Griegi jaqgħu taħt l‑Artikolu 58?
43. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri ammonti minimi nazzjonali tal-pensjonijiet, bħal dawk inkwistjoni, li jservu bħala livelli bażiċi sa liema għandhom jiżdiedu l-pensjonijiet ibbażati fuq il-perijodi ta’ assigurazzjoni u fuq il-kontribuzzjonijiet, minkejja li dawn l-ammonti minimi ġew stabbiliti sabiex jagħtu effett lill-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali bejn il-persuni assigurati iktar milli sabiex jiżguraw dħul minimu ggarantit u minkejja li huma jvarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu.
44. Abbażi tal-mod kif huma deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, dawn l-ammonti minimi jidhru, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li jissodisfaw il-kriterju Browning. Huma japplikaw meta pensjoni kkalkolata abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna assigurata tkun inqas minn livell bażiku statutorju, u għandhom l-effett li l-pensjoni inkwistjoni tiġi miżjuda sa dan il-livell. Bħala tali, huma jservu sabiex jiggarantixxu ammont minimu li jeċċedi l-ammont li r-rekord ordinarju ta’ assigurazzjoni u ta’ kontribuzzjonijiet kien altrimenti jipproduċi.
45. Il-fatt li l-ammonti minimi inkwistjoni kienu preċedentement ittrattati mill-awtoritajiet Griegi bħala “benefiċċji minimi” għall-finijiet tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 u kienu inklużi fid-dikjarazzjoni tar-Repubblika Ellenika skont dan ir-regolament iservi, fil-fehma tiegħi, bħala sostenn addizzjonali għal din l-interpretazzjoni (16). Għalkemm la din il-prassi amministrattiva u lanqas id-dikjarazzjoni preċedenti ma huma determinanti taħt ir-Regolament Nru 883/2004, dawn jipprovdu ċertu sostenn għall-argument li l-ammonti minimi kienu mifhuma bħala li huma kapaċi jwettqu l-funzjoni ta’ garanzija ta’ dħul minimu u għaldaqstant ta’ benefiċċju minimu.
46. Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar jekk l-ammonti minimi inkwistjoni jistgħux effettivament jitqiesu bħala “benefiċċji minimi”, dubji li jirrigwardaw żewġ punti prinċipali: ir-raġunament tagħhom bħala espressjoni ta’ solidarjetà soċjali iktar milli bħala garanzija ta’ dħul minimu (1); u il-varjazzjoni tagħhom skont kriterji wżati wkoll fil-kalkolu ordinarju tal-pensjonijiet (2). Il-Gvern Norveġiż iżid it-tielet punt, li jirrigwarda r-riferiment fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal livell raġonevoli ta’ għajxien (3).
1. Is‑solidarjetà soċjali u l‑garanzija ta’ dħul minimu
47. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, la minn xi dispożizzjoni nazzjonali u lanqas minn xi att preparatorju rilevanti, ma jirriżulta li l-ammonti minimi tal-pensjoni inkwistjoni tqiesu mil-leġiżlatur bħala dħul minimu ggarantit għall-pensjonanti. Għall-kuntrarju, dawn l-ammonti minimi kienu jifformaw parti minn mekkaniżmu redistributtiv, li jagħti effett lis-solidarjetà soċjali bejn l-affiljati ta’ istituzzjonijiet pubbliċi tas-sigurtà soċjali li kkontribixxew sabiex jibnu l-fond ta’ assigurazzjoni matul il-ħajja professjonali kollha tagħhom.
48. Kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gvern Grieg jenfasizzaw dan l-aspett, mingħajr madankollu ma jelaboraw fuqu. Madankollu, jidhirli li hemm tliet punti li għandhom jiġu indirizzati f’dan ir-rigward, kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal saff differenti tal-kwistjoni.
49. L-ewwel, tingħata importanza lill-fatt li l-ammonti minimi tal-pensjoni inkwistjoni ma ġewx imsemmija espliċitament, meta ġew stabbiliti, bħala “benefiċċju minimu” jew bħala garanzija ta’ dħul minimu. Din iċ-ċirkustanza, madankollu, ma tinnegax, fil-fehma tiegħi, il-funzjoni tagħhom u ma tipprekludix li huma jitqiesu bħala benefiċċji minimi. Dak li fil-fehma tiegħi huwa rilevanti ma huwiex jekk hemmx intenzjoni leġiżlattiva espressa b’mod espliċitu, jew it-tikketta magħżula mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda jekk il-benefiċċju inkwistjoni tabilħaqq iservix sabiex jiżgura ammont minimu ogħla mill-pensjoni li tirriżulta abbażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u tal-kontribuzzjonijiet tal-persuna assigurata, u li taħtu ebda persuna koperta mill-iskema rilevanti effettivament ma tirċievi pensjoni.
50. Kif jidher li huwa essenzjalment aċċettat mit-tliet persuni interessati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet (17), it-terminu “benefiċċju minimu” fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni (18). Din in-natura awtonoma, flimkien ma’ – kif issostni l-Kummissjoni – l-effett utli tal-Artikolu 58, tkun kompromessa li kieku Stat Membru seta’ jeskludi benefiċċju mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement permezz tat-terminoloġija li jagħżel li juża.
51. It-tieni, il-premessa sottostanti tidher li hija li dispożizzjoni li tagħti effett lis-solidarjetà soċjali ma hijiex, għal dik ir-raġuni, dispożizzjoni stabbilita bħala garanzija ta’ dħul minimu. Dawn iż-żewġ għanijiet, fil-fehma tiegħi, ma jeskludux lil xulxin. Għall-kuntrarju, pensjoni minima ggarantita hija, fil-fehma tiegħi, espressjoni karatteristika tas-solidarjetà soċjali: hija tiddistribwixxi mill-ġdid fi ħdan il-komunità assigurata, minn dawk li l-kontribuzzjonijiet tagħhom huma suffiċjenti lejn dawk li l-kontribuzzjonijiet tagħhom ma humiex biżżejjed, preċiżament sabiex dawn tal-aħħar jitilgħu għal livell mhux inqas minn livell minimu ta’ dħul partikolari. Il-qorti tar-rinviju stess tiddeskrivi l-ammonti minimi bħala li joperaw b’mod redistributtiv, insostenn tal-persuni assigurati l-iktar dgħajfa ekonomikament, sabiex jiġi żgurat għalihom livell ta’ għajxien iktar sodisfaċenti minn dak li r-rekord ta’ assigurazzjoni tagħhom stess kien jipproduċi. Għaldaqstant, is-solidarjetà tista’ tkun il-mezz li permezz tiegħu jiġi żgurat id-dħul minimu.
52. It-tielet, it-tħassib prattiku fundamentali jidher li huwa li l-persuni li kkontribwixxew għas-sistema Griega tas-sigurtà soċjali matul il-ħajja professjonali kollha tagħhom ma għandhomx iġarrbu l-ispiża li tiġi ggarantita pensjoni minima lil persuni li kkontribwixxew għal dik is-sistema għal parti biss mill-karriera tagħhom (19). Filwaqt li wieħed jista’ prima facie u sa ċertu punt jifhem tali tħassib, dan jirrigwarda l-konsegwenzi finanzjarji tal-Artikolu 58 u ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ammonti minimi inkwistjoni jikkostitwixxux benefiċċji minimi fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004.
53. Għandi l-ewwel nirrileva f’dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni Griega diġà taċċetta, permezz tal-punt ta’ riferiment ta’ EUR 360, li persuna li għandha biss parti mir-rekord ta’ assigurazzjoni tagħha fil-Greċja tista’ tirċievi suppliment skont l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament. Il-kwistjoni għaldaqstant ma hijiex jekk l-istituzzjoni Griega kompetenti tistax qatt iġġarrab spiża residwa fir-rigward ta’ tali persuna, iżda l-livell tal-protezzjoni minima li għandha tingħata.
54. Fi kwalunkwe każ, sa fejn it-tħassib identifikat iktar ’il fuq huwa li s-supplimenti għall-persuni li għandhom biss rekord parzjali ta’ assigurazzjoni Grieg jiġu ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni rilevanti (b’mod partikolari mingħand persuni assigurati fil-Greċja għat-tul kollu tal-karriera tagħhom), din il-kunsiderazzjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, determinanti. L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jissuġġettax il-klassifikazzjoni ta’ ammont bħala “benefiċċju minimu” għas-sors li minnu tali ammont jiġi ffinanzjat. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-istituzzjoni kompetenti tas-sigurtà soċjali tħallas is-suppliment rilevanti u ma tagħmilx distinzjoni bejn benefiċċji ffinanzjati mill-baġit tal-Istat u dawk iffinanzjati, kompletament jew parzjalment, permezz ta’ kontribuzzjonijiet għal skema ta’ sigurtà soċjali.
55. Bħala punt finali dwar din il-kwistjoni, nirrileva li, filwaqt li r-Regolament Nru 883/2004 ma jistabbilixxix sistema komprensiva ta’ solidarjetà pan-Ewropea, l-Istati Membri jistgħu jitqiesu li aċċettaw ċertu grad ta’ solidarjetà fl-interess tal-koordinazzjoni effettiva tas-sistemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali (20). L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament jagħti espressjoni speċifika lil din l-għażla billi jeżiġi li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ residenza jġarrbu l-ispiża residwa sabiex it-total tal-benefiċċji rċevuti mill-pensjonant jitla’ sal-benefiċċju minimu applikabbli, u b’hekk essenzjalment jespandi ċ-ċirku territorjali ta’ solidarjetà sabiex ikopri lill-ħaddiema migranti (21). Altrimenti, il-ħaddiema migranti ma jkunux neċessarjament jistgħu jgawdu minn livell minimu ta’ protezzjoni fi kwalunkwe Stat fejn teżisti tali protezzjoni, sempliċement minħabba li r-rekord ta’ assigurazzjoni tagħhom inqasam bejn il-fruntieri.
56. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raġuni bbażata fuq is-solidarjetà tal-ammonti minimi tal-pensjoni inkwistjoni ma tipprekludix, fil-fehma tiegħi, li dawn jikkostitwixxu garanzija ta’ dħul minimu u għaldaqstant li jitqiesu bħala “benefiċċji minimi” fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004.
2. Il‑varjazzjoni fl‑ammonti minimi tal‑pensjoni u l‑funzjonament normali tar‑regoli dwar il‑pensjoni
57. Il-qorti tar-rinviju, flimkien mal-Gvern Grieg u dak Norveġiż, tenfasizza li l-ammonti minimi tal-pensjoni ivarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, is-sitwazzjoni tal-familja u l-età tiegħu – kriterji li jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-kalkolu ordinarju tal-pensjonijiet – bir-riżultat li ma hemmx minimu wieħed iżda ħafna.
58. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sempliċi fatt ta’ din il-varjazzjoni, ma iniex konvinta li dan jipprekludi li l-ammonti minimi jkunu benefiċċji minimi. Il-varjazzjoni tirrigwarda l-ammont tal-livell bażiku, mhux il-funzjoni tiegħu bħala livell bażiku. Leġiżlatur nazzjonali jista’ jiffissa livell bażiku ogħla għall-pensjonanti li għandhom dipendenti, jew livell bażiku iktar baxx għall-pensjonanti li jirtiraw kmieni, mingħajr ma dawn il-livelli bażiċi jieqfu milli jservu bħala garanziji minimi (22).
59. L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 sempliċement jirreferi għall-benefiċċju minimu ffissat mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u ma fih ebda rekwiżit li tali ammont ikun iffissat bħala ammont uniku u uniformi għall-benefiċjarji kollha. Tali rekwiżit jistona wkoll mal-għażla, riflessa fil-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, li jkunu rrispettati l-karatteristiċi speċjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali u li tkun ippreparata biss sistema ta’ koordinazzjoni. L-eżistenza ta’ diversi ammonti minimi li jirriflettu l-istruttura u l-kumplessità ta’ sistema nazzjonali tal-pensjonijiet ma tistax għaldaqstant, fiha nnifisha, teskludi tali ammonti minimi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 58.
60. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà aċċettat dan. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Zaniewicz-Dybeck (23), il-pensjoni Żvediża ggarantita kienet hija stess gradwata, peress li kienet titnaqqas pro rata għal rekords ta’ assigurazzjoni iqsar mill-massimu ta’ 40 sena, b’tali mod li hija wkoll kienet tipproduċi iżjed minn minimu wieħed. Dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tittrattaha bħala benefiċċju minimu.
61. Ta’ min jirrileva li, filwaqt li bbażat ruħha, fost l-oħrajn, fuq is-sentenza fil-kawża Zaniewicz-Dybeck, il-Qorti tal-EFTA reċentement iddeċidiet ukoll li benefiċċju minimu fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 ma għandux għalfejn ikun ammont fiss jew speċifikat. Dik il-qorti qieset li benefiċċju minimu jista’ jiġi kkalkolat bl-applikazzjoni ta’ żidiet u ta’ tnaqqis intiżi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, iċ-ċirkustanzi personali tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, hija essenzjalment ħadet il-pożizzjoni – li magħha jiena naqbel – li, billi jagħmel riferiment speċifiku għall-perijodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza kkompletati, l-Artikolu 58 diġà jaċċetta b’mod inerenti l-possibbiltà li benefiċċju minimu jista’ jvarja skont tali perijodi (24).
62. Fir-rigward tal-varjazzjoni skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni u l-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, fil-fehma tiegħi l-kwistjoni hija saħansitra iktar sempliċi. L-ammont minimu rilevanti huwa dak iffissat mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata. Il-kwistjoni ma hijiex jekk hemmx minimu wieħed għall-persuni assigurati kollha iżda jekk, għall-istituzzjoni u għall-kategorija li għalihom tappartjeni l-persuna kkonċernata, il-liġi applikabbli tiggarantixxix ammont li jeċċedi dak li kien jipprovdi l-kalkolu ordinarju bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet.
63. Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li l-kriterji li jwasslu għall-varjazzjoni tal-ammonti minimi jistgħu jintużaw ukoll fil-kalkolu ordinarju tal-pensjoni, din iċ-ċirkustanza lanqas ma tqiegħed fid-dubju, fil-fehma tiegħi, in-natura ta’ dawn l-ammonti minimi bħala benefiċċji minimi.
64. Il-Gvern Norveġiż għamel analoġija mal-kawża li wasslet għas-sentenza Browning, billi sostna li l-ammonti minimi Griegi jifformaw parti mill-“funzjonament normali” tar-regoli dwar il-pensjoni, bħall-pensjoni b’rata fissa tar-Renju Unit f’dik il-kawża, u għaldaqstant ma jikkostitwixxux “benefiċċju minimu”. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-analoġija ma hijiex xierqa.
65. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Browning, l-ammont tal-pensjoni invokat bħala l-allegat benefiċċju minimu kien ikkalkolat abbażi tar-rekord ta’ kontribuzzjonijiet tal-pensjonant, filwaqt li l-ammonti minimi Griegi, kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, imorru lil hinn mir-rekord ta’ kontribuzzjonijiet u ta’ assigurazzjoni billi jżidu l-pensjoni kkalkolata fuq dik il-bażi kull meta din tkun taħt livell bażiku speċifiku. B’mod iktar importanti, dak li kien determinanti f’dik il-kawża, kif spjegat iktar ’il fuq, kien il-fatt li l-benefiċċju li l-pensjonant fittex, mingħajr suċċess, li jiġi rrikonoxxut bħala benefiċċju minimu kien il-pensjoni li kienet tirriżulta mill-kalkolu ordinarju bbażat fuq il-kontribuzzjonijiet li kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni kienu ġew ikkompletati taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza – essenzjalment, l-“ammont teoretiku” skont dak li issa huwa l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 883/2004 (25). Għall-kuntrarju, l-ammonti minimi Griegi ma humiex l-ammonti teoretiċi differenti li kienu jirriżultaw għal pensjonanti individwali li kieku l-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni fl-Istati Membri kienu ġew ikkompletati fil-Greċja. Dawn huma (anki jekk suġġetti għal ċerti varjazzjonijiet) livelli bażiċi statutorji effettivi sa liema għandhom, fil-prinċipju, jiġi miżjuda l-pensjonijiet li jaqgħu taħthom.
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kwistjoni determinanti ma hijiex, fil-fehma tiegħi, jekk il-benefiċċju minimu jinsabx fil-leġiżlazzjoni ordinarja dwar il-pensjonijiet jew jekk jużax kriterji rilevanti wkoll għall-kalkolu ordinarju tal-pensjoni, iżda jekk dan jikkorrispondix għall-kalkolu ordinarju bbażat fuq ir-rekord tal-assigurazzjoni u fuq il-kontribuzzjonijiet jew jekk minflok joperax bħala mekkaniżmu protettiv li jiżdied ma’, jew li jmur lil hinn minn, dan il-kalkolu.
3. L‑argument dwar il‑“livell raġonevoli ta’ għajxien”
67. Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement iddeċidiet li dak li issa huwa l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 “jirrigwarda l-każijiet fejn il-karrieri tal-ħaddiem skont il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati li għalihom huwa kien suġġett kienu relattivament qosra, b’tali mod li l-ammont totali tal-benefiċċji dovuti minn dawn l-Istati ma jlaħħqux ma’ livell raġonevoli ta’ għixien” (26). Il-Gvern Norveġiż jinterpreta din id-dikjarazzjoni bħala li tintroduċi dak li huwa, essenzjalment, kundizzjoni kwantitattiva: benefiċċju jikkwalifika bħala “benefiċċju minimu” biss jekk ikun għoli biżżejjed sabiex jiżgura tali livell ta’ għixien.
68. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li f’dawn il-proċeduri ma saret ebda allegazzjoni li l-ammonti minimi inkwistjoni kienu insuffiċjenti sabiex jiżguraw livell raġonevoli ta’ għajxien għall-pensjonanti.
69. Fi kwalunkwe każ, fid-dikjarazzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sempliċement qiegħda tiddeskrivi l-każijiet li dak li issa huwa l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 kien intiż li jindirizza. Hija ma stabbilixxietx kundizzjoni kwantitattiva stretta fir-rigward tal-livell meħtieġ ta’ “benefiċċju minimu”. Tali kundizzjoni tkun diffiċli li tiġi rrikonċiljata man-natura tar-Regolament Nru 883/2004 bħala strument ta’ koordinazzjoni li jirrispetta l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali. L-Istati Membri għaldaqstant jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-livell tal-benefiċċju minimu previst mil-leġiżlazzjoni tagħhom, jekk eżistenti. Ir-rwol tal-Artikolu 58 ma huwiex li jiddetermina jekk dan il-livell huwiex ġeneruż biżżejjed, iżda li jiżgura li persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ma tiġix imċaħħda minn din il-protezzjoni. Fil-fehma tiegħi, konformement mas-sentenza fil-kawża Browning, u kif jidher li taċċetta wkoll il-Kummissjoni, huwa biżżejjed li l-benefiċċju minimu joffri livell ta’ għajxien iktar sodisfaċenti minn dak li kienu jipprovdu l-kontribuzzjonijiet u r-rekord ta’ assigurazzjoni tal-persuna waħedhom.
70. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma nqisx li l-argument tal-Gvern Norveġiż għandu xi effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ammonti minimi tal-pensjoni Griegi bħala “benefiċċji minimi”.
4. Konklużjoni dwar l‑ewwel domanda
71. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-kunsiderazzjonijiet imqajma mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Grieg u dak Norveġiż ma humiex tali li jqiegħdu fid-dubju l-klassifikazzjoni tal-ammonti minimi tal-pensjoni Griegi bħala “benefiċċji minimi” fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004.
72. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm benefiċċju minimu meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi ammonti minimi tal-pensjoni li jservu sabiex jiggarantixxu pensjoni li teċċedi dik li kienet tirriżulta unikament mill-perijodi ta’ assigurazzjoni u mill-kontribuzzjonijiet tal-persuna assigurata. Ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward li tali ammonti minimi jkunu ġew stabbiliti bħala espressjoni ta’ solidarjetà soċjali, jew li jkunu jvarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, is-sitwazzjoni tal-familja jew l-età tiegħu.
73. Hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u fattwali rilevanti, jekk l-ammonti minimi tal-pensjoni inkwistjoni jikkorrispondux effettivament għal din id-deskrizzjoni.
C. It‑tieni domanda: jista’ jiġi applikat “benefiċċju minimu” iktar baxx għall‑każijiet ta’ koordinazzjoni?
74. Filwaqt li t-tieni domanda ma hijiex formalment ifformulata f’termini kundizzjonali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija tqum jekk l-ammonti minimi tal-pensjoni inkwistjoni jkollhom jitqiesu bħala “benefiċċju minimu” fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004. Fuq din il-premessa u minkejja li risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda x’aktarx tirriżolvu t-tilwima fil-kawża prinċipali fil-parti l-kbira tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li tiddetermina jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa, bħala l-benefiċċju minimu tal-Artikolu 58, ammont inqas mill-ammonti minimi nazzjonali tal-pensjoni.
75. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tifformula d-domanda tagħha b’riferiment biss għall-Artikolu 45 TFUE u għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi evalwata b’mod xieraq mingħajr ma jiġi l-ewwel iddeterminat jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 58 innifsu. Għaldaqstant ser neżamina l-leġiżlazzjoni inkwistjoni l-ewwel fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, filwaqt li nqis ukoll il-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi (1), u, it-tieni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ moviment liberu (2).
1. L‑Artikolu 58 u l‑prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi
76. Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 iqiegħed lill-persuna kkonċernata fis-sistema nazzjonali eżistenti ta’ benefiċċji minimi. Huwa ma jobbligax lill-Istati Membri joħolqu benefiċċju minimu u ma jipprevedix minimu separat, li huwa maħluq esklużivament għall-każijiet ta’ koordinazzjoni u li ma japplikax għall-każijiet interni.
77. Madankollu, dan jidher li huwa preċiżament l-effett tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi tal‑2011. Kif ikkonferma l-Gvern Grieg, wara mistoqsija bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont ta’ EUR 360, stabbilit bħala benefiċċju minimu skont dik id-dispożizzjoni, huwa applikabbli biss fil-każijiet ta’ koordinazzjoni (speċifikament, għall-ħaddiema migranti, bħall-appellanti, li d-dritt tagħhom għall-pensjoni jiġi stabbilit billi jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’iktar minn Stat Membru wieħed) (27), u ma jitħallasx lill-persuni li r-rekord kollu ta’ assigurazzjoni tagħhom ikun ġie kkompletat fil-Greċja (28).
78. Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 37 iktar ’il fuq, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 6 tal-istess regolament jeżiġu li, fid-determinazzjoni tal-benefiċċju minimu applikabbli, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi aggregati ta’ assigurazzjoni (u ta’ residenza) tal-persuna fl-Istati Membri kollha.
79. Madankollu, skont id-deċiżjoni tar-rinviju u l-kjarifiki tal-Gvern Grieg, filwaqt li l-ammont ta’ EUR 360 huwa applikat unikament fil-każijiet ta’ koordinazzjoni, l-ammonti minimi ogħla tal-pensjoni huma rriżervati esklużivament għall-persuni li għandhom rekord ta’ assigurazzjoni purament intern. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, dan ifisser li l-perijodi ta’ assigurazzjoni barranin ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħallikieku kienu ġew ikkompletati fil-Greċja għall-finijiet tal-aċċess għall-ammont minimu rilevanti, li jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi.
80. Konsegwentement, in-nomina ta’ benefiċċju minimu separat unikament għall-każijiet ta’ koordinazzjoni u s-“separazzjoni” tat-trattament ta’ dawn il-każijiet mill-każijiet ta’ assigurazzjoni kompletament interni li seħħet b’konsegwenza ta’ hekk ma humiex, fil-fehma tiegħi, konformi mal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 jew mal-Artikolu 6 tiegħu. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata b’mod partikolari mill-għan tal-Artikolu 58 kif spjegat iktar ’il fuq, li huwa li jiġi żgurat għall-ħaddiema migranti l-benefiċċju minimu li huma kienu jirċievu li kieku l-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħhom kienu ġew ikkompletati kollha fl-Istat Membru ta’ residenza: xejn iktar u xejn inqas.
2. Il‑moviment liberu tal‑ħaddiema u l‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit‑trattament
81. Ngħaddi issa għall-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-moviment liberu tal-ħaddiema u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
82. L-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet oħra tax-xogħol. Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa kkonkretizzat fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, li jeżiġi li l-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat bl-istess mod u b’mod konformi mal-Artikolu 45 TFUE (29).
83. Kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jorganizzaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom stess. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, huma għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat‑Trattat FUE li jirregolaw il-moviment liberu (30).
84. Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti, it‑Trattat FUE ma joffri ebda garanzija lil ħaddiem li l-estensjoni tal-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed jew it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor ikunu newtrali fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tali estensjoni jew trasferiment jista’ jkun jew jista’ ma jkunx ta’ vantaġġ għall-ħaddiem f’termini ta’ sigurtà soċjali, skont iċ-ċirkustanzi. Minn dan isegwi li, anki meta l-applikazzjoni tagħha tkun inqas favorevoli, tali leġiżlazzjoni tibqa’ kompatibbli mal-Artikolu 45 TFUE, sakemm madankollu ma tqegħidx lill-ħaddiem fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ dawk li jwettqu l-attivitajiet kollha tagħhom fl-Istat Membru fejn hija tapplika (31).
85. Tabilħaqq, l-għan tal-Artikolu 45 TFUE (u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004) ma jintlaħaqx li kieku, permezz tal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema migranti kellhom jitilfu vantaġġi ta’ sigurtà soċjali ggarantiti lilhom mil-liġijiet ta’ Stat Membru. Tali konsegwenza tista’ tiddisswadi lill-ħaddiema tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u tikkostitwixxi, għaldaqstant, ostakolu għal din il-libertà (32).
86. Fl-aħħar nett, nirrileva fl-aħħar nett li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 45 TFUE u fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 883/2004, ma jipprojbixxix biss id-diskriminazzjoni ċara minħabba n-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal effettivament għall-istess riżultat. Għaldaqstant, kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali għandhom jitqiesu bħala indirettament diskriminatorji meta, minkejja li jkunu applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, ikunu jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom lill-ħaddiema migranti; meta jkunu applikabbli mingħajr distinzjoni iżda jistgħu jiġu ssodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti; jew meta jkunu jirriskjaw li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn tal-aħħar (33).
87. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tistabbilixxix distinzjoni bbażata espressament fuq in-nazzjonalità. Kemm l-ammont ta’ EUR 360 kif ukoll l-ammonti minimi statutorji japplikaw irrispettivament minn jekk il-persuna kkonċernata hijiex Griega jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità.
88. B’kuntrast ma’ dan, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi distinzjoni bbażata fuq fejn il-ħaddiem ikkompleta l-perijodi ta’ assigurazzjoni rilevanti għall-għoti tal-pensjoni. Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont minimu ta’ EUR 360 japplika għall-persuni li d-dritt tagħhom għall-pensjoni jiġi ddeterminat skont ir-regoli ta’ koordinazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi kkompletati f’iktar minn Stat Membru wieħed. Min-naħa tagħhom, l-ammonti minimi ogħla tal-pensjonijiet huma rriżervati għall-persuni li kkompletaw il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tagħhom fil-Greċja.
89. Konsegwentement, persuna li eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu tista’ tirċievi pensjoni minima iktar baxxa minn dik ta’ persuna li, f’ċirkustanzi personali ekwivalenti u b’rekord ekwivalenti ta’ assigurazzjoni u ta’ kontribuzzjonijiet, qatt ma eżerċitat dik il-libertà iżda minflok tkun għaddiet il-karriera kollha tagħha fil-Greċja. Fil-fatt, kif nifhimha jien, anki persuna b’rekord totali ta’ assigurazzjoni iktar baxx minn dak tal-appellanti fil-kawża prinċipali kienet tirċievi (b’kuntrast mal-appellanti) pensjoni miżjuda sal-livell minimu intern applikabbli li kieku dan ir-rekord ġie kkompletat kollu kemm hu fil-Greċja u l-kundizzjonijiet rilevanti tad-dritt kienu ssodisfatti.
90. It-tlestija tal-perijodi rilevanti kollha ta’ assigurazzjoni fil-Greċja huwa, min-natura tiegħu, kundizzjoni ssodisfatta iktar faċilment miċ-ċittadini ta’ dak l-Istat milli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Tali rekwiżit sabiex wieħed jikkwalifika għall-ammonti minimi ogħla tal-pensjoni huwa għaldaqstant miżura li tista’ topera prinċipalment għad-dannu taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra – u, jidhirli, hija fi kwalunkwe każ tali li tiddisswadi l-eżerċizzju tal-moviment liberu.
91. Id-differenza fit-trattament li tirriżulta tikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. L-iżvantaġġ huwa konkret: skont iċ-ċifri pprovduti mill-qorti tar-rinviju, ħaddiem migrant bħall-appellanti jirċievi benefiċċju minimu li huwa iżjed minn EUR 125 fix-xahar inqas mill-ammont minimu ggarantit lil ħaddiem f’sitwazzjoni komparabbli (f’termini ta’ ċirkustanzi personali u ta’ rekord ta’ assigurazzjoni), li qatt ma telaq mill-Greċja.
92. Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ madankollu tkun iġġustifikata sa fejn hija jkollha għan leġittimu ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonata għalih, jiġifieri li tkun tali li tiggarantixxi l-kisba tiegħu u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (34).
93. Il-Gvern Grieg ma jinvokax b’mod espress ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament, peress li l-pożizzjoni prinċipali tiegħu hija li l-persuni li l-karrieri tal-assigurazzjoni tagħhom jestendu bejn Stati Membri ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuni b’karriera kompletament interna (35).
94. Nirrileva, madankollu, li kemm il-Gvern Grieg kif ukoll il-qorti tar-rinviju jagħmlu riferiment għal kunsiderazzjonijiet insostenn tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari dawk elenkati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Liġi tal‑2011. Din l-espożizzjoni tirreferi, l-ewwel, għall-għan ta’ “armonizzazzjoni”, jew aħjar “allinjament”, tal-leġiżlazzjoni Griega mal-approċċ tal-Unjoni mal-kunċett ta’ benefiċċju minimu u, it-tieni, għall-konsegwenzi finanzjarji negattivi li jirriżultaw mit-trattament tal-ammonti minimi tal-pensjoni bħala benefiċċji minimi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu maħsuba sabiex jispjegaw għaliex il-Liġi tal‑2011 innominat komponent ieħor, introdott reċentement, tas-sistema interna tal-pensjonijiet bħala l-benefiċċju minimu tal-Artikolu 58. Dawn ma jidhrux li jappoġġjaw benefiċċju minimu indipendenti tal-Artikolu 58, mingħajr ekwivalenti fis-sistema tal-pensjonijiet applikabbli għall-każijiet kompletament interni, filwaqt li l-ammonti minimi ogħla tal-pensjonijiet baqgħu japplikaw f’dawk il-każijiet. Għaldaqstant, ma nqisx li huma jistgħu jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament inkwistjoni.
95. Anki li kieku dawn il-kunsiderazzjonijiet kellhom xorta waħda jitqiesu bħala għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni fil-forma li fiha hija kienet applikabbli, għandi dubji kemm dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi li jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament identifikata iktar ’il fuq. Għal dawn il-finijiet, ser nillimita ruħi għal dan li ġej. Fir-rigward, l-ewwel, tal-allinjament mal-kunċett tal-Unjoni ta’ “benefiċċju minimu”, l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004 la jeżiġi u lanqas ma jiġġustifika l-ħolqien ta’ livell bażiku iktar baxx separat għall-każijiet ta’ koordinazzjoni filwaqt li benefiċċju minimu nazzjonali ogħla jibqa’ fis-seħħ għall-każijiet interni paragunabbli. It-tieni, fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji negattivi, kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi għall-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru, iżda dawn ma jiġġustifikawx fihom innifishom diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema migranti (36). Filwaqt li l-preżervazzjoni tal-bilanċ finanzjarju ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali tista’ tikkostitwixxi għan leġittimu meta jiġi stabbilit riskju reali ta’ preġudizzju serju għal dan il-bilanċ (37), ebda riskju bħal dan, li jirriżulta speċifikament mil-livell tal-benefiċċji minimi għall-ħaddiema migranti, ma ntwera li jeżisti hawnhekk.
96. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku dan l-għan kellu jiġi aċċettat bħala wieħed leġittimu, lanqas ma jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija proporzjonata għalih. Id-distinzjoni inkwistjoni ma hijiex magħmula b’riferiment għall-oneru effettiv impost fuq l-istituzzjoni Griega, u tapplika għall-każijiet ta’ koordinazzjoni bħala kategorija, b’mod eċċessivament wiesa’, irrispettivament, fost l-oħrajn, mit-tul tal-perijodi kkompletati fil-Greċja u mill-ammont tal-pensjoni Griega jew tas-suppliment effettivament dovut.
97. Abbażi tal-informazzjoni u tal-argumenti li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma nqisx għaldaqstant li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata. Hija naturalment il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, jekk din id-differenza tistax tkun iġġustifikata u jekk il-miżura hijiex proporzjonata.
3. Konklużjoni dwar it‑tieni domanda
98. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid it-tieni domanda b’tali mod li din tkun tista’ tinftiehem ukoll bħala li tirrigwarda l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-Artikoli 6 u 58 tar-Regolament Nru 883/2004, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju (38).
99. Fuq din il-bażi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda fis-sens li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-regolament u mal-Artikolu 45 TFUE, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa, għall-persuni li d-dritt tagħhom għall-pensjoni jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’iktar minn Stat Membru wieħed, benefiċċju minimu inqas mill-benefiċċju minimu ggarantit lil persuni b’ċirkustanzi personali u b’rekords ta’ assigurazzjoni ekwivalenti li kkompletaw il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.
V. Konklużjoni
100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) kif ġej:
(1) L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm benefiċċju minimu meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi ammonti minimi tal-pensjoni li jservu sabiex jiggarantixxu pensjoni li teċċedi dik li kienet tirriżulta unikament mill-perijodi ta’ assigurazzjoni u mill-kontribuzzjonijiet tal-persuna assigurata. Ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward li tali ammonti minimi jkunu ġew stabbiliti bħala espressjoni ta’ solidarjetà soċjali, jew li jkunu jvarjaw skont l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni, il-kategorija li jappartjeni għaliha l-affiljat, is-sitwazzjoni tal-familja jew l-età tiegħu.
(2) L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 6 ta’ dan ir-regolament, u l-Artikolu 45 TFUE,
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa, għall-persuni li d‑dritt tagħhom għall-pensjoni jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni kkompletati f’iktar minn Stat Membru wieħed, benefiċċju minimu inqas mill-benefiċċju minimu ggarantit lil persuni b’ċirkustanzi personali u b’rekords ta’ assigurazzjoni ekwivalenti li kkompletaw il-perijodi kollha ta’ assigurazzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).
3 L-IKA‑ETAM ġie assorbit fl‑2017 fl-Eniaios Foreas Koinonikis Asfalisis (il-Korp Uniku tas-Sigurtà Soċjali, il-Greċja (EFKA)), li sadanittant inbidillu ismu għal e‑EFKA, li issa huwa l-konvenut fil-kawża prinċipali. Peress li t-tilwima tirrigwarda l-iskema preċedenti tal-IKA‑ETAM, se nagħmel riferiment, fejn meħtieġ, għall-IKA‑ETAM.
4 Jidher, abbażi tal-proċess tal-kawża, li dawn huma l-ammonti minimi rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju madankollu telenka wkoll id-dispożizzjonijiet dwar l-ammonti minimi applikabbli għall-kategorija ta’ persuni assigurati “ġodda”. Hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-ammonti minimi preċiżi rilevanti fil-każ tal-appellanti. Madankollu nirrileva li, fi kwalunkwe każ, għalkemm ivarjaw fil-metodu ta’ kalkolu tagħhom u kemxejn fl-ammont finali tagħhom, iż-żewġ settijiet ta’ ammonti minimi jwettqu l-istess funzjoni: dik ta’ livelli bażiċi li għandhom l-effett li l-pensjonijiet li jaqgħu taħt dak il-livell jiġu miżjuda.
5 L-espressjoni “każijiet ta’ koordinazzjoni” hija użata f’dawn il-konklużjonijiet b’riferiment għal każijiet fejn id-dritt għall-pensjoni ġie ddeterminat skont ir-regoli ta’ koordinazzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 883/2004.
6 Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).
7 Peress li l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jikkorrispondi, mingħajr bidla sostanzjali, mal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 883/2004, il-ġurisprudenza dwar l-ewwel artikolu – li ser tiġi ċċitata f’dawn il-konklużjonijiet – tibqa’ rilevanti wkoll fir-rigward tat-tieni wieħed.
8 Kif indikat fiċ-Ċirkulari tal-IKA-ETAM Nru 9/6.2.2012.
9 Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Vester (C‑134/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Vester”, EU:C:2019:212, punti 29 sa 31), u tat‑22 ta’ Jannar 2026, Sovisso (C‑633/24, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Sovisso”, EU:C:2026:36, punti 35 sa 37); ara wkoll il-premessi 1, 3 u 4 tar-Regolament Nru 883/2004.
10 Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2017, Zaniewicz-Dybeck (C‑189/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Zaniewicz-Dybeck”, EU:C:2017:946, punt 58).
11 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1977, Torri (64/77, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Torri”, EU:C:1977:197, punti 7 u 13) u s-sentenza fil-kawża Zaniewicz-Dybeck, punt 47.
12 Sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Browning (22/81, iktar ’il quddiem is-“sentenza fill-kawża Browning”, EU:C:1981:316).
13 Ara s-sentenza fil-kawża Browning, punt 15; ara wkoll is-sentenza fil-kawża Zaniewicz-Dybeck, punt 45.
14 Ara s-sentenza fil-kawża Browning, punt 13.
15 Ibid., punt 14. Dan naturalment ma jfissirx li l-ammont teoretiku qatt ma jista’ jikkoinċidi mal-benefiċċju minimu; ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Stinco u Panfilo (C‑132/96, EU:C:1997:436, punt 61).
16 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dikjarazzjoni ta’ Stat Membru li benefiċċju jaqa’ fl-ambitu tal-kunċett ta’ koordinazzjoni rilevanti hija prova li dan tabilħaqq huwa l-każ, filwaqt li l-assenza ta’ dikjarazzjoni ma hijiex prova li benefiċċju jaqa’ ’l barra mill-ambitu tiegħu; ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1977, Beerens (35/77, EU:C:1977:194, punt 9), u tal‑11 ta’ Lulju 1996, Otte (C‑25/95, EU:C:1996:295, punt 20).
17 Kif jirriżulta mit-tweġibiet tagħhom għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja.
18 L-ammont tal-benefiċċju huwa naturalment kwistjoni tad-dritt nazzjonali, peress li l-Artikolu 58 jirreferi għall-benefiċċju minimu ffissat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, jekk dispożizzjoni nazzjonali partikolari taqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju minimu” fl-Artikolu 58 hija kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza fil-kawża Torri li dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit prinċipalment b’riferiment għall-benefiċċji minimi ffissati mil-liġijiet tad-diversi Stati Membri, hija sempliċement wettqet eżerċizzju komparattiv tal-benefiċċji minimi eżistenti dak iż-żmien sabiex tislet minnhom, kif josserva l-Gvern Norveġiż, tifsira unika tad-dritt tal-Unjoni.
19 Kif nifhimha jiena, madankollu, il-fond IKA‑ETAM kien iffinanzjat mhux biss minn kontribuzzjonijiet iżda wkoll parzjalment mill-Istat.
20 Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 56), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Jeltes et (C‑443/11, EU:C:2013:6, punt 57).
21 Ara Paju, J, “The Charter and social security rights: Time to stand and deliver?”, European Journal of Social Security, Vol. 24, Ħarġa 1, 2022, p. 21 sa 39.
22 Il-prassi komparattiva tindika wkoll li l-protezzjoni minima tax-xjuħija f’diversi Stati Membri tista’ tvarja skont, fost l-oħrajn, iċ-ċirkustanzi personali; ara Devetzi, S. (editur), Minimum Income in Old Age - A legal comparison of selected European countries (Sakkoulas Publications, Ateni – Thessalonikis, 2023).
23 Ara s-sentenza fil-kawża Zaniewicz-Dybeck, b’mod partikolari l-punti 21 sa 23 u 44 sa 46.
24 Sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑18 ta’ April 2024, A vs Arbeids- og velferdsdirektoratet, E‑3/23, punti 73 u 74.
25 Ara s-sentenza fil-kawża Browning, punti 3, 13 u 14.
26 Ara s-sentenzi fil-kawża Torri, punt 5, fil-kawża Browning, punt 12, u fil-kawża Zaniewicz-Dybeck, punt 57.
27 Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ċar jekk persuna li kkompletat perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru ieħor iżda li tikkwalifika għal pensjoni Griega awtonoma – jiġifieri benefiċċju indipendenti skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 883/2004 – tkunx suġġetta għall-punt ta’ riferiment ta’ EUR 360 jew għall-ammonti minimi ordinarji tal-pensjonijiet. Din il-kwistjoni ma għandhiex għalfejn tiġi indirizzata hawnhekk, peress li ma hijiex rilevanti għall-appellanti fil-kawża prinċipali, li kellha dritt biss għal benefiċċju pro rata (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, din l-analiżi hija b’riferiment għal każijiet ta’ koordinazzjoni bħal dak tal-appellanti, li għalihom japplika l-ammont ta’ EUR 360.
28 Ma jidhirx li l-intenzjoni kienet dik li jinħoloq minimu ad hoc, iżda sempliċement li l-benefiċċju minimu jiġi identifikat bħala l-“pensjoni bażika” tal-Liġi tal‑2010. Peress li din il-pensjoni qatt ma ġiet implimentata, ma hemmx għalfejn jiġi eżaminat jekk hija stess kinitx “benefiċċju minimu” għall-finijiet tal-Artikolu 58. Il-punt rilevanti huwa li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-ammont ta’ EUR 360 ma kien jikkorrispondi għal ebda pensjoni minima li effettivament qatt tħallset skont ir-regoli Griegi ordinarji.
29 Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2024, Sozialministeriumservice (C‑116/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Sozialministeriumservice”, EU:C:2024:292, punti 48 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara s-sentenzi fil-kawża Vester, punti 29 sa 31, u fil-kawża Sovisso, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.
31 Ara s-sentenzi fil-kawża Vester, punt 32, u fil-kawża Sovisso, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.
32 Ara s-sentenzi fil-kawża Vester, punt 33, u fil-kawża Sovisso, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.
33 Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Bocero Torrico u Bode (C‑398/18 u C‑428/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Bocero Torrico u Bode”, EU:C:2019:1050, punti 40 u 41), u tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová (C‑399/09, EU:C:2011:415, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Bocero Torrico u Bode, punt 43.
35 Il-Gvern Grieg isostni li dawn il-kategoriji ma humiex paragunabbli, peress li l-ħaddiem kompletament intern huwa rregolat unikament mid-dritt nazzjonali, filwaqt li l-ħaddiem migrant huwa suġġett għall-aggregazzjoni u għat-tqassim proporzjonali u jista’ jirċievi benefiċċji minn diversi Stati. Din id-distinzjoni hija rilevanti għall-kalkolu tal-benefiċċji skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 883/2004, iżda mhux għall-Artikolu 58 tiegħu, li huwa stess jeżiġi li l-ħaddiem migrant jiġi ggarantit il-minimu nazzjonali bħallikieku kellu karriera kompletament interna. F’dan ir-rigward, l-unika differenza bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni hija li, għall-ħaddiem intern, il-benefiċċju minimu jikkumplimenta pensjoni Griega waħda, filwaqt li, għall-ħaddiem migrant, dan jikkumplimenta l-aggregat tal-benefiċċji Griegi u barranin.
36 Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, EU:C:2005:187, punt 34), u tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 51).
37 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Sozialministeriumservice, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.
38 Ara, b’analoġija, is-sentenza fil-kawża Sozialministeriumservice, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.