|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/735 |
3.2.2026 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2026/735)
Wara din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), oppożizzjoni lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Simojärven muikku”
Nru tal-UE: PGI-FI-02965 — 15.6.2023
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Simojärven muikku”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Finlandja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.7. Ħut, molluski u krustaċji friski u prodotti derivati minnhom
Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
03 - ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN
0302 – Ħut, frisk jew imkessaħ, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304
0303 – Ħut, iffriżat, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
L-isem “Simojärven muikku” jintuża għall-koregun abjad (Coregonus albula) li jinqabad fil-Lag Simojärvi fil-muniċipalità ta’ Ranua fin-Nofsinhar tal-Lapponja. Is-“Simojärven muikku” jinbiegħ frisk jew iffriżat.
L-aktar karatteristiċi importanti tal-koregun abjad huma:
|
— |
Is-“Simojärven muikku” huwa żgħir, lewn il-fidda u jleqq minħabba l-kundizzjonijiet ħorox tal-lag mhux mittiefes. Peress li jinsab fit-Tramuntana, ir-reġjun għandu klima iksaħ u sjuf imdawla sew. Minħabba l-ħabitat, il-bajd tal-ħut huwa aħmar fl-oranġjo, u dan jiddistingwih minn tipi oħra ta’ koregun abjad, li tipikament ikollhom bajd safrani. Il-bajd jista’ jiġi osservat minn Settembru sa Novembru. |
|
— |
Il-koregun abjad tipikament ikun żgħir, parzjalment minħabba li x-xtiewi huma twal u l-lag ikun ħieles mis-silġ għal perjodu qasir, jiġifieri l-ikel planktoniku huwa skars. Wara staġun wieħed tat-tkabbir, it-tul medju tiegħu jista’ jvarja bejn madwar 4 u 8 cm. Il-koregun abjad li jinqabad waqt is-sajd kummerċjali normalment ikun bejn 12 u 20 cm. Is-“Simojärven muikku” jiżen bejn 3 u 5 g. Il-piż tal-koregun abjad li jinqabad waqt is-sajd kummerċjali ikun bejn 10 u 70 g. It-tul tas-“Simojärven muikku” għall-bejgħ ikun ta’ madwar 9 cm, peress li l-ħuta tkun diġà bdiet it-tieni staġun ta’ tkabbir meta tinqabad. |
|
— |
Is-“Simojärven muikku” jiekol il-plankton, li jkun preżenti fil-lag fis-sajf biss, peress li jeħtieġ id-dawl tax-xemx biex jimmultiplika. Lejn tmiem il-ħarifa ma jkunx għad baqa’ plankton fil-lag u s-“Simojärven muikku” jieqaf jiekol. Meta ma jsibx ikel, il-koregun abjad isum matul ix-xitwa twila u l-ġewwieni tiegħu jiċkien, b’hekk ikun nadif biżżejjed biex jittiekel mingħajr ma jitnaddaf. Il-koregun abjad jista’ jittiekel fi kwalunkwe żmien tas-sena mingħajr ma jitnaddaf. |
|
— |
Ir-rigor mortis fil-każ tas-“Simojärvi muikku” ddum iktar minn kemm ġeneralment iddum fil-każ ta’ tipi oħra ta’ koregun abjad. Jiġri hekk minħabba li dan it-tip ta’ koregun abjad huwa żgħir. |
Il-prodott huwa mlaħħam u tari.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Is-“Simojärven muikku” jiekol biss il-plankton li jitwieled fil-Lag Simojärvi. F’każijiet eċċezzjonali, il-koregun abjad jista’ jiekol it-trab tad-dakra jekk ma jkunx hemm biżżejjed plankton disponibbli.
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Is-“Simojärven muikku” jrid jinqabad fiż-żona ġeografika definita. Il-metodi tas-sajd permessi huma s-sajd bit-tkarkir, bit-tartaruni u bix-xbieki fyke.
Sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tiegħu, il-koregun abjad irid jitkessaħ permezz ta’ saff irqiq ta’ silġ (ilma b’temperatura ta’ 0 °C) eżatt wara li jinqabad fiż-żona ġeografika definita.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
-
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
-
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tikkonsisti mil-Lag Simojärvi, li jinsab fil-muniċipalità ta’ Ranua fil-Provinċja tal-Lapponja.
5. Rabta maż-żona ġeografika
L-indikazzjoni ġeografika protetta għas-“Simojärven muikku” hija bbażata fuq il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu.
Il-karatteristiċi speċifiċi tas-“Simojärven muikku” huma dovuti għall-ambjent ġeografiku tiegħu, li huwa lag mhux mittiefes fejn il-kundizzjonijiet huma ħorox.
Il-Lag Simojärvi huwa l-50 l-akbar lag tal-Finlandja, u għandu ilmijiet ċari li jipproduċu ħut nadif. Parti kbira miż-żona tal-Lag Simojärvi hija protetta mill-programm Finlandiż għall-konservazzjoni tax-xtut, li jiżgura li mal-aktar xtut prezzjużi tal-Finlandja ma ssirx kostruzzjoni. Iż-żona kontigwa ta’ Soppana hija protetta mill-programm għall-konservazzjoni tal-foresti antiki. Barra minn hekk, sezzjoni mdaqqsa taż-żoni tal-Lag Simojärvi u ta’ Soppana tappartjeni għan-network Natura 2000. Għalhekk, il-Lag Simojärvi se jibqa’ lag mhux mittiefes u mhux regolat.
F’termini tal-fawna tal-ħut tiegħu, il-Lag Simojärvi huwa parti prezzjuża mill-baċir idrografiku tax-Xmara Simojoki. Fil-lag hemm 13-il speċi ta’ ħut, bħall-whitefish, il-korregun abjad, it-trota tal-lagi u l-grayling. Is-salamun tal-Atlantiku xi drabi jgħum kontra x-Xmara Simojoki sabiex jasal fil-lag, għalkemm ma jidħolx f’ilmijiet interni oħra. Ix-xmajjar li jispiċċaw fil-Lag Simojärvi jospitaw popolazzjonijiet ta’ maskli tal-ilma ħelu li jipproduċu l-perli, it-trota tal-baħar u l-grayling.
Il-Lag Simojärvi huwa post għas-sajd li ilu magħruf sew mis-seklu 16. Is-sajd bit-tartaruni tradizzjonali, li ilu jsir għal sekli sħaħ, huwa bbażat fuq it-trasparenza eċċezzjonali tal-ilma tal-lag u l-produzzjoni primarja estensiva li jippermettu l-ilmijiet ċari. Fis-sajf, is-sajd isir fl-ilmijiet tal-wiċċ fl-għabex, meta ż-żooplankton jitla’ ’l fuq. Meta lejn tmiem is-sajf l-ilma jkun saħan, il-koregun abjad jibda jfittex ilmijiet iksaħ u aktar fondi, minn fejn jinqabad bit-tartaruni demersali. Fl-iljieli mudlama tal-ħarifa jsir is-sajd għad-dawl tal-qamar, li, għalkemm ġeneralment rari, huwa karatteristiku ta’ Lag Simojärvi li għandu ilma ċar. Il-koregun abjad jiġi mistad is-sena kollha.
Is-“Simojärven muikku” huwa żgħir, lewn il-fidda u jleqq minħabba l-kundizzjonijiet ħorox tal-lag mhux mittiefes. Peress li jinsab fit-Tramuntana, ir-reġjun għandu klima iksaħ u sjuf imdawla sew. Il-koregun abjad jiekol il-plankton, li jkun preżenti fil-lag fis-sajf biss, peress li jeħtieġ id-dawl tax-xemx biex jimmultiplika. Lejn tmiem il-ħarifa ma jkunx għad baqa’ plankton fil-lag u s-“Simojärven muikku” jieqaf jiekol. Meta ma jsibx ikel, il-koregun abjad isum matul ix-xitwa twila u l-ġewwieni tiegħu jiċkien, b’hekk ikun nadif biżżejjed biex jittiekel mingħajr ma jitnaddaf. Il-koregun abjad jista’ jittiekel is-sena kollha bil-ġewwieni b’kollox.
Il-bajd tas-“Simojärvi muikku” huwa aħmar fl-oranġjo, u dan jiddistingwih minn tipi oħra ta’ koregun abjad. Tipikament, il-bajd tal-koregun abjad ikun safrani u jista’ jiġi osservat minn Settembru sa Novembru.
Il-koregun abjad tipikament ikun żgħir, parzjalment minħabba li x-xtiewi huma twal u l-lag ikun ħieles mis-silġ għal perjodu qasir, jiġifieri l-ikel planktoniku huwa skars. Wara staġun wieħed tat-tkabbir, it-tul medju tiegħu jista’ jvarja bejn madwar 4 u 8 cm. Il-koregun abjad li jinqabad waqt is-sajd kummerċjali normalment ikun bejn 12 u 18 cm. Is-“Simojärven muikku” jiżen bejn 3 u 5 g. Il-piż tal-koregun abjad li jinqabad waqt is-sajd kummerċjali huwa bejn 10 u 25 g. It-tul tas-“Simojärven muikku” għall-bejgħ ikun ta’ madwar 9 cm.
Ir-rigor mortis fil-każ tas-“Simojärvi muikku” ddum iktar minn kemm ġeneralment iddum fil-każ ta’ tipi oħra ta’ koregun abjad. Jiġri hekk minħabba li dan it-tip ta’ koregun abjad huwa żgħir.
Hemm ħames staġuni ta’ tkabbir fil-Lag Simojärvi. Sabiex jiġi żgurat li l-popolazzjoni tkompli tiffjorixxi, tinqabad il-klassi tal-età l-aktar b’saħħitha u l-aktar abbundanti. Dan jista’ jiġi influwenzat mid-daqs tal-malja tat-tartarun.
Kien hemm ukoll diversi avvenimenti li għenu s-“Simojärven muikku” jsir magħruf sew. Il-prodott ilu jinbiegħ moqli f’diversi avvenimenti fil-Finlandja u barra mill-Finlandja mill-1998.
“Sa mis-seklu 18, l-abitanti lokali ta’ Simo kellhom id-dritt jistadu bit-tartaruni fil-Lag Simojärvi fix-xitwa. Probabbilment minn hawn joriġina l-isem ‘Simojärvi’/‘Simolaisten järvi’ (‘Lag Simo’/‘Lag tal-poplu ta’ Simo’). Fi tmiem is-snin 70 żar il-lag tim ġdid li jistad fil-baħar. Bis-saħħa tiegħu tgħallimt kif nistad bit-tartaruni fix-xitwa. Dak iż-żmien konna nużaw baqqun tas-silġ biex inkissru sa metru silġ biex nistadu; illum il-ġurnata għandhom bastimenti motorizzati, sufruni għall-istirar tax-xbieki, u ice jiggers b’muturi elettriċi.” (Lapin Kansa, il-5 ta’ Awwissu 2021)
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/735/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)