|
9.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 58/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-8 ta’ Marzu 2010
dwar l-abbozz ta’ Digriet mill-Greċja dwar il-wiri ta’ informazzjoni ta’ kull tip ta’ prodotti tal-ħalib li tindika l-pajjiż ta’ oriġini tal-materja prima (ħalib) li tintuża għall-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti bħal dawn lill-konsumatur finali, u l-obbligi tal-bejjiegħa bl-imnut dwar kif juru l-prodotti tal-ħalib fil-punti tal-bejgħ fil-ħwienet tagħhom
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1195)
(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/147/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-ittikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont il-proċedura prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 200/13/KE, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Ġunju 2009 dwar l-abbozz ta’ Digriet dwar il-wiri ta’ informazzjoni ta’ kull tip ta’ prodotti tal-ħalib li tindika l-pajjiż ta’ oriġini tal-materja prima (ħalib) li tintuża għall-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti bħal dawn lill-konsumatur finali, u l-obbligi tal-bejjiegħa bl-imnut dwar kif juru l-prodotti tal-ħalib fil-punti tal-bejgħ fil-ħwienet tagħhom |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 1(1) tad-Digriet innotifikat, dan japplika għall-ħalib, il-ħalib taċ-ċikkulata, il-jogurt, kull tip ta’ deżerta b’bażi ta’ ħalib, kremi, pudini tar-ross u l-krema li jridu jinbigħu lill-konsumatur finali fil-pakketti ssiġillati. |
|
(3) |
L-Artikolu 1(2) tal-abbozz innotifikat jirrikjedi li meta l-prodotti msemmija hawn fuq ikunu magħmula fil-Greċja, l-ippakkettjar ssiġġillat ta’ dawk il-prodotti għandu jkollu wkoll informazzjoni li tindika l-oriġini tal-materja prima (ħalib) li minnha jkunu saru dawn il-prodotti. Informazzjoni bħal din għandha tikkonsisti minn kontenut minimu deskritt fl-ittri a) u b) tal-Artikolu 1(2) tal-abbozz tad-Digriet. |
|
(4) |
L-Artikolu 1(3) tad-digriet innotifikat jipprevedi li, meta l-prodotti msemmija hawn fuq ikunu ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ħlief mill-Greċja jew huma mpurtati minn pajjiżi li mhumiex pajjiżi tal-UE, il-pakketti ssiġġillati għandhom jinkludu informazzjoni li tindika mqar il-pajjiż speċifiku ta’ produzzjoni ta’ dawk il-prodotti jew tikketta “Magħmul fl-UE”. |
|
(5) |
L-Artikolu 1(6) tal-abbozz innotifikat jistipula regoli dwar il-mod kif iridu jiġu ppreżentati dawk l-indikazzjonijiet: dawn għandhom jintwerew għallinqas fuq naħa waħda tal-pakkett, u b’mod partikolari fuq in-naħa li titqies bħala n-naħa ta’ quddiem, taħt l-isem tad-ditta tal-prodott f’ittri ċari u li ma jistgħux jitħassru, u għandhom isiru bil-Grieg. |
|
(6) |
Id-Direttiva 2000/13/KE tarmonizza r-regoli li jirregolaw l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel billi tipprevedi, min-naħa, l-armonizzazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, l-arranġamenti għal dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati. L-ambitu tal-armonizzazzjoni huwa mfisser fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva, li jelenka l-partikularitajiet li huma obbligatorji fuq l-ittikkettjar tal-prodotti tal-ikel, “skont l-Artikoli 4 sa 17 u soġġetti għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fihom”. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/13/KE jistipula li xi partikularitajiet oħra flimkien ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva jistgħu jkunu meħtieġa, fil-każ ta’ prodotti tal-ikel speċifikati, minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni jew, fin-nuqqas tagħhom, minn miżuri nazzjonali. |
|
(7) |
L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE jippermetti l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati jekk ikunu ġġustifikati skont waħda mir-raġunijiet elenkati fih, inklużi inter alia l-prevenzjoni ta’ frodi u l-ħarsien tas-saħħa pubblika, u sakemm ma jkunux ta’ natura tali li jwaqqfu l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2000/13/KE; Għaldaqstant meta fi Stat Membru jkun ġie propost abbozz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-ittikkettjar, jinħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibilità tagħhom mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq u mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. |
|
(8) |
L-awtoritajiet Griegi jisħqu li l-miżura nnotifikata hija meħtieġa biex tipproteġi l-konsumaturi u tipprovdihom b’informazzjoni kompluta sabiex ikunu jafu liema huwa l-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima li hemm fil-prodotti kkonċernati. Huma jiddikjaraw ukoll li l-abbozz tad-Digriet huwa meħtieġ biex jissalvagwardja l-interessi tal-bdiewa tal-ħalib Griegi. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 3(1), il-punt 8, tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjoni tal-post ta’ oriġini jew provenjenza hija obbligatorja “fejn in-nuqqas ta’ dawn il-partikularitajiet jista’ jqarraq lill-konsumatur sa ċertu grad materjali rigward l-oriġini jew il-provenjenza awtentika tal-prodott tal-ikel”. Id-dispożizzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu xieraq biex jagħmel tajjeb għar-riskju li l-konsumaturi jitqarrqu f’każijiet fejn xi elementi jimplikaw li xi ikel partikolari jkun ġej minn provenjenza differenti minn dik vera. Fil-każ ta’ prodotti tal-ħalib elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet innotifikat, l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew l-ebda ġustifikazzjoni li tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-introduzzjoni, bħala regola ġenerali, tal-obbligu li jiġi indikat il-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima (ħalib) jew il-pajjiż speċifiku ta’ produzzjoni jew it-tikketta “Magħmul fl-UE’ hija meħtieġa biex ikun jista” jinkiseb wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2000/13/KE. |
|
(10) |
Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ressqet opinjoni negattiva skont l-Artikolu 19, it-tielet paragrafu tad-Direttiva 2000/13/KE. |
|
(11) |
L-awtoritajiet Griegi għandhom, għaldaqstant, jintalbu li ma jadottawx l-abbozzi ta’ Regolamenti kkonċernati. |
|
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Greċja ma għandhiex tadotta l-Artikolu 1(2), (3) u (6) tal-abbozz tad-Digriet fuq il-wiri ta’ informazzjoni ta’ kull tip ta’ prodotti tal-ħalib li tindika l-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima (ħalib) użat għall-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti bħal dawn lil-konsumatur finali, u l-obbligi tal-bejjiegħa bl-imnut dwar kif għandhom jintwerew il-prodotti tal-ħalib fil-punti tal-bejgħ fil-ħwienet tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
John DALLI
Membru tal-Kummissjoni