6.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/367

tad-9 ta' Novembru 2018

dwar il-miżura SA.35065 (2016/C) (ex 2016/NN, 2012/FC) implimentata mir-Renju Unit għal MMD Shipping Services Ltd.

(notifikata bid-dokument C(2018) 7360)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni rċeviet ilment li jallega għajnuna illegali mogħtija mill-Kunsill Muniċipali ta' Portsmouth (“PCC”) lil MMD Shipping Services Ltd. (“MMD”). Is-sottomissjoni tal-ilment formali kienet ippreċeduta minn sottomissjoni informali mill-ilmentatur fit-8 ta' Ġunju 2012 u minn laqgħa nhar id-29 ta' Novembru 2012.

(2)

Il-Kummissjoni għaddiet l-ilment lir-Renju Unit fit-8 ta' Mejju 2013. Ir-Renju Unit ipprovda l-kummenti tiegħu fl-1 ta' Lulju 2013. Fl-10 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni dettaljata addizzjonali dwar l-allegati miżuri. Ir-Renju Unit wieġeb fil-25 ta' Novembru 2013 u fid-9 ta' Diċembru 2013.

(3)

Il-Kummissjoni ltaqgħet mal-ilmentatur fl-10 ta' April 2014, u fis-16 ta' April 2014 bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tar-Renju Unit lill-ilmentatur għall-kummenti tiegħu. L-ilmentatur ipprovda l-kummenti fit-12 ta' Novembru 2014.

(4)

Permezz tal-ittra tad-19 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-miżura. Ir-Renju Unit ipprovda osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura permezz tal-ittra tal-21 ta' Novembru 2016.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżuri.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati, l-ilmentatur u Parti Interessata Anonima. Hija għaddiethom lir-Renju Unit fil-21 ta' Jannar 2017, u r-Renju Unit ingħata l-opportunità li jwieġeb. Il-kummenti tar-Renju Unit waslu permezz tal-ittra tal-15 ta' Frar 2017.

(7)

Fis-26 ta' April 2017, il-Kummissjoni kellha laqgħa mar-Renju Unit. Wara din il-laqgħa, ir-Renju Unit ipprovda informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittra tat-12 ta' Jannar 2018.

(8)

Fit-18 ta' April 2018, il-Kummissjoni kellha konferenza telefonika mar-Renju Unit, li warajha r-Renju Unit issottometta informazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri datati l-5 ta' Ġunju u t-22 ta' Ġunju 2018.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Riċevitur

(9)

MMD ilha sa mill-2008 sussidjarja akkwiżita totalment ta' PCC, u tipprovdi servizzi ta' mmaniġġar tal-merkanzija (servizzi tal-burdnara, ħażna u distribuzzjoni l-aktar ta' frott u prodotti friski oħrajn) lil klijenti f'Portsmouth International Port (“il-Port”), li huwa wkoll proprjetà tal-PCC u operat minnu. MMD hija l-operatur prinċipali tal-immaniġġar tal-merkanzija tal-Port b'lokazzjoni fit-tul tal-mollijiet ewlenin tal-immaniġġar tal-merkanzija. Operazzjonijiet oħrajn tal-Port huma relatati ma' servizzi ta' vapuri ro-ro u bastimenti tal-kruċiera.

(10)

MMD għandha fatturat annwali ta' madwar GBP 15-il miljun u timpjega kważi 200 ruħ. Qabel l-akkwiżizzjoni mill-PCC, MMD kienet ilha tagħmel it-telf mill-inqas sa mis-sena finanzjarja 2002/2003. Wara l-akkwiżizzjoni mill-PCC fl-2008, ir-riżultati finanzjarji ta' MMD ġew ibbilanċjati grazzi għad-dħul annwali minn għotjiet ipprovduti mill-PCC, u li mingħajrhom MMD kienet tirreġistra telf operatorju bejn l-2008 u l-2016. Is-sena finanzjarja 2016/2017 kienet l-ewwel sena li fiha MMD rreġistrat profitt mingħajr xi dħul minn għotjiet mingħand il-PCC (ara Tabella 1).

2.2.   L-allegati miżuri ta' għajnuna mill-Istat imqajma mill-Ilmentatur

(11)

L-Ilmentatur fl-ilment tiegħu tal-2013 identifika għadd ta' miżuri li huwa allega li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat u inkompatibbli mill-PCC lil MMD. L-allegati miżuri ta' għajnuna jinkludu:

—

Miżura 1: L-akkwiżizzjoni ta' MMD mill-PCC fl-2008 (“il-Miżura 1”);

—

Miżura 2: Għotjiet ta' dħul ipprovduti annwalment mill-PCC lil MDD (“il-Miżura 2”);

—

Miżura 3: Faċilità ta' self fit-tul mogħtija mill-PCC lil MMD mill-2010 'l quddiem (“il-Miżura 3”);

—

Miżura 4: L-akkwiżizzjoni ta' żewġ krejnijiet minn PCC u sussegwentament il-kiri fit-tul tagħhom lil MMD fl-2010 u fl-2011 (“il-Miżura 4”);

—

Miżura: 5: Garanzija għal faċilità ta' overdraft (“il-Miżura 5”).

(12)

L-ilment oriġinali b'mod ġenerali argumenta li l-PCC ma mexiex b'konformità mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (“MEIP”) meta akkwista u appoġġja finanzjarjament negozju li kien qiegħed jagħmel it-telf minkejja li kien ilu jmur minn taħt sa mill-2008. L-ilment ikkalkula li b'kollox l-għajnuna mogħtija lil MMD mill-PCC sa Novembru 2014 kienet tammonta għal GBP 17,3 miljun. Mingħajr l-għajnuna kontinwa tal-PCC, qatt ma seta' jkun li MMD tkampa fis-suq. Għaldaqstant, skont l-Ilmentatur, l-għajnuna kontinwa tal-PCC bl-użu ta' fondi pubbliċi tat vantaġġ ekonomiku sinifikanti lil MMD u ppermettiet lil MMD toffri rati ta' mmaniġġar tal-merkanzija orħos lill-klijenti eżistenti u potenzjali tagħha. Minħabba f'hekk, il-kompetizzjoni fis-suq tal-immaniġġar u l-ħażna ta' prodotti friski importati ġiet allegatament imfixkla.

2.2.1.   Miżura 1: L-akkwiżizzjoni ta' MMD mill-PCC fl-2008

(13)

Il-PCC akkwista lil MMD mingħand sid privat preċedenti għall-prezz ta' GBP 2,07 miljun. Bħala parti mill-investiment inizjali, il-PCC iffinanzja wkoll lil MMD b'investimenti kapitali addizzjonali ta' GBP 2,34 miljun fil-forma ta' għotjiet kapitali u ppjana li jkopri t-telf li MMD għamlet fis-snin finanzjarji 2008/2009 u 2009/2010 b'fondi totali ta' GBP 1,443 miljun.

(14)

Minkejja dak li sostna l-Ilmentatur, il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ikkonkludiet li l-PCC aġixxa b'konformità mal-MEIP meta akkwista lil MMD b'dawn il-kundizzjonijiet u għalhekk il-Miżura 1 ma tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lil MMD u ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, la l-Ilmentatur u lanqas il-Parti Interessata Anonima ma pprovdew xi argument jew evidenza addizjonali fir-rigward tal-Miżura 1. Fid-dawl ta' dan, il-Miżura 1 mhijiex ivvalutata f'din id-Deċiżjoni.

2.2.2.   Miżura 2: Għotjiet ta' dħul ipprovduti annwalment mill-PCC lil MDD

(15)

Minn mindu saret l-akkwiżizzjoni fl-2008, il-PCC ipprovda lil MMD bi għotjiet ta' dħul fil-forma ta' trasferimenti ta' flus li ġew irreġistrati bħala “introjtu operatorju ieħor”, biex żdiedu l-profitti operatorji (u b'hekk naqas it-telf operatorju). Il-każ tal-investiment oriġinali ppreveda l-ħtieġa li jiġi kopert it-telf ta' MMD fl-ewwel sentejn biss u b'ammont totali ta' mhux aktar minn GBP 1,443 miljun. Madankollu, il-PCC baqa' jipprovdi għotjiet ta' dħul wara s-sena finanzjarja 2009/2010 u l-ammont totali ta' għotjiet ta' dħul mogħtija sal-2016 laħaq il-GBP 16,71 miljun (ara t-Tabella 1 hawn taħt). Ma ngħatat l-ebda għotja ta' dħul fis-sena finanzjarja 2016/2017 u MMD irreġistrat profitt dik is-sena.

Tabella 1

L-għotjiet ta' dħul ipprovduti mill-PCC lil MMD u l-profitt/it-telf ta' MMD fis-snin finanzjarji 2008/2009–2016/2017

(F'miljuni GBP)

 

08/09

09/10

10/11

11/12

12/13

13/14

14/15

15/16

16/17

Għotja ta' dħul

2,60

3,30

2,10

1,20

2,16

1,44

2,40

1,51

0

Profitt operatorju (minbarra l-għotjiet ta' dħul)

– 1,84

– 2,92

– 2,03

– 1,09

– 2,04

– 1,24

– 2,18

– 1,26

+ 0,43

Profitt totali (minbarra l-għotjiet ta'dħul)

0,62

– 2,92

– 2,04

– 1,07

– 2,16

– 1,37

– 2,33

– 1,47

+ 0,21

Il-profitt totali kif irrappurtat fir-rapporti annwali (i.e. inklużi l-għotjiet ta' dħul)

+ 3,22

+ 0,38

+ 0,06

+ 0,13

0,00

+ 0,07

+ 0,07

+ 0,04

+ 0,21

(16)

L-għotjiet ingħataw fil-forma ta' trasferimenti ta' flus sabiex ikopru t-telf min-negozjar annwali ta' MMD. L-Ilmentatur jargumenta li MMD ma kinitx tkun vijabbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju kostanti tal-PCC. Barra minn hekk, isostni li l-PCC ma wettaqx analiżi xierqa dwar jekk l-għoti ta' għotjiet addizzjonali lil MMD kienx ekonomikament ġustifikabbli.

2.2.3.   Miżura 3: Faċilità ta' self fit-tul mogħtija mill-PCC lil MMD mill-2010 'l quddiem

(17)

Fl-2010, il-PCC iddeċieda li jipprovdi faċilità ta' self fit-tul (sa 20 sena) ta' GBP 6,944 miljun lil MMD. Ir-rata tal-imgħax għall-faċilità ta' self tammonta għal 4,81 %, u tikkorrispondi għall-kostijiet tas-self tal-PCC flimkien ma' tariffa amministrattiva ta' 0,25 %. L-għan tal-faċilità ta' self huwa li tappoġġja n-nefqa kapitali ta' MMD. It-termini ġenerali tal-faċilità ta' self huma stipulati fi Ftehim dwar Self Kummerċjali bejn il-PCC u MMD, waqt li għal kull prelevament tas-self huma meħtieġa dokumenti addizzjonali (informazzjoni dwar in-nefqa kapitali maħsuba li tiġi koperta mis-self, evalwazzjoni finanzjarja ta' kull prelevament minn MMD u mill-PCC, dokumenti xierqa tal-kollateral). Bejn l-2010 u l-2017, ġie prelevat total ta' GBP 5,7 miljun minn MMD taħt din il-faċilità.

(18)

L-Ilmentatur jargumenta li l-faċilità ta' self mill-PCC ipprovdiet lil MMD b'finanzjament fit-tul skont termini li ma kinitx se ssibhom disponibbli għand selliefa kummerċjali ordinarji. Huwa jsostni wkoll li l-ftehim dwar self bejn il-PCC u MMD mhux biss mhuwiex iffirmat iżda ma fihx ukoll b'mod partikolari dispożizzjonijiet li kwalunkwe sellief kummerċjali jirrikjedi bħala rutina (bħalma huma patti finanzjarji jew każi ta' inadempjenza). Fl-aħħar, huwa jargumenta li l-finanzjament mill-PCC jippermetti li MMD tinvesti f'infrastruttura operattiva u f'assi ġodda u b'hekk jipprovdilha vantaġġ kompetittiv. Għaldaqstant, l-Ilmentatur jargumenta li l-faċilità ta' self fit-tul ma tikkorrispondix mat-termini ta' operatur fl-ekonomija tas-suq u, billi l-kriterji l-oħrajn kollha wkoll huma ssodisfati, tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat.

2.2.4.   Miżura 4: L-akkwiżizzjoni ta' żewġ krejnijiet minn PCC u sussegwentament il-lokazzjoni fit-tul tagħhom lil MMD fl-2010 u fl-2011

(19)

Sabiex jappoġġja l-operazzjonijiet ta' MMD, il-PCC fl-2010 u fl-2011 iddeċieda li jixtri żewġ krejnijiet tal-port mobbli għal madwar GBP 2,1 miljun kull wieħed u li jagħtihom b'lokazzjoni lil MMD taħt ftehim ta' lokazzjoni operatorja validu għal seba' snin. Il-kera mensili ta' GBP 16 000 (aktar minn GBP 190 000 fis-sena) għal kull krejn ġiet ikkalkulata b'mod li l-investiment magħmul mill-PCC jitħallas tul il-ħajja mistennija ta' 15-il sena tal-krejnijiet waqt li jiġi kopert ukoll il-kost tal-kapital tal-PCC stess (li b'kollox iwasslu għal rati effettivi tal-imgħax ta' 4,46 % u 4,62 %).

(20)

Minkejja li l-ilment ma fih l-ebda argument speċifiku dwar din il-miżura partikolari, l-akkwiżizzjoni u l-lokazzjoni tal-krejnijiet huma fost il-miżuri varji ta' finanzjament inklużi fl-ilment li bihom il-PCC jappoġġja l-investiment ta' MMD f'tagħmir ġdid b'mod li mhuwiex konsistenti mal-kundizzjonijiet tas-suq.

2.2.5.   Miżura: 5: Garanzija għal faċilità ta' overdraft

(21)

Mal-akkwiżizzjoni, MMD inġieb taħt l-umbrella tar-relazzjoni bankarja tal-PCC ma' Lloyds TSB Bank. Min-naħa tagħhom, Lloyds TSB talbu depożitu ta' garanzija fi flus kontanti addizzjonali ta' GBP 1 miljun. F'Mejju 2009, dan id-depożitu ta' garanzija żdied għal GBP 1,2 miljun u fir-rebbiegħa tal-2010 naqas għal GBP 0,55 miljun. Fl-2011, dan id-depożitu ta' garanzija lil Lloyds TSB Bank kien issupplimentat b'garanzija mill-PCC lill-Bank għal faċilità ta' overdraft kull xahar ta' GBP 1 miljun disponibbli għal MMD.

(22)

Id-depożitu u sussegwentament il-garanzija wkoll kienu meħtieġa minn Lloyds TSB Bank sabiex ikopru t-tranżazzjonijiet kummerċjali normali ta' MMD u sabiex iservu ta' garanzija għall-pagamenti li jagħmel il-Bank f'isem MMD (bħalma huma pagamenti CHAPS, pagamenti BACS, faċilità ta' indennizz tad-dwana u karti tal-Ħlas Korporattiv.) Lloyds TSB Bank jista' jirrikorri għad-depożitu jew għall-garanzija f'każ li dawn il-pagamenti magħmulin mill-Bank sussegwentament ma jiġux onorati minn MMD.

(23)

Fost il-miżuri li jirrappreżentaw l-appoġġ finanzjarju kontinwu mill-PCC lil MMD, l-ilment jinkludi l-garanzija għal faċilità ta' overdraft li allegatament tagħti vantaġġ ekonomiku mhux dovut lil MMD.

2.3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

2.3.1.   Miżura 2: Għotjiet ta' dħul ipprovduti annwalment mill-PCC lil MDD

(24)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ il-Kummissjoni wriet tħassib li l-appoġġ kontinwu lil MMD permezz tal-għotjiet ta' dħul annwali jista' ma jkunx konformi mal-MEIP. L-appoġġ tal-PCC fil-forma ta' għotjiet ta' dħul baqa' sejjer ferm lil hinn miż-żmien u l-ammont li kienu ppjanati fil-każ tal-investiment oriġinali (GBP 16,71 miljun fuq tmien snin kuntrarjament għall-GBP 1,44 miljun fuq sentejn kif kien ippjanat oriġinarjament) u għalhekk kien hemm tħassib dwar kemm dawn l-għotjiet ta' flus setgħu jitqiesu bħala appoġġ temporanju u fuq terminu qasir għar-ristrutturar tan-negozju.

(25)

Barra minn hekk, kien diġà evidenti matul l-ewwel sena 2008/2009 li t-tbassir finanzjarju oriġinali ma kienx se jseħħ. Ukoll, waqt li kien hemm evidenza ta' analiżi ekonomika xierqa għall-akkwiżizzjoni ta' MMD, ftit jew xejn kien hemm evidenza ddokumentata li turi li ġie analizzat b'mod xieraq kemm kull għotja addizzjonali ta' għotjiet ta' dħul kienet tagħmel sens ekonomiku.

(26)

L-argument li l-għotjiet huma kważi bbilanċjati bil-flussi ta' dħul minn MMD lill-PCC li kieku jintilfu jekk l-operazzjonijiet jitwaqqfu, tqies bla bażi billi ma kien hemm l-ebda evidenza li turi li l-assi tal-port (mollijiet, imħażen eċċ.) użati minn MMD kienu se jitħallew qiegħda jekk MMD tiġi likwidata jew li dan iwassal għat-telf komplet tal-kirjiet ta' lokazzjoni u tad-drittijiet tat-tunnellaġġ imħallsa lill-PCC.

(27)

Fl-aħħar nett, ma kienx hemm evidenza li l-PCC kien iġġustifika l-appoġġ kontinwu tiegħu b'xi xenarji alternattivi (pereżempju, li jqiegħed lil MMD għal-likwidazzjoni) sabiex juri li fil-fatt din kienet l-aktar għażla ekonomikament vantaġġjuża matul il-perjodu sħiħ.

2.3.2.   Miżura 3: Faċilità ta' self fit-tul mogħtija mill-PCC lil MMD mill-2010 'l quddiem

(28)

Fid-dawl tal-inabbiltà ta' MMD li tikseb profittabbiltà fuq numru ta' snin mingħajr l-għotjiet ta' dħul mill-PCC, fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar kemm it-termini tas-self kienu jikkorrispondu għar-riskji ta' inadempjenza ta' MMD. Tidher dubjuża kemm kreditur privat, anke fil-pożizzjoni ta' kumpanija omm, kien se jagħti self bħal dan mingħajr ma jindirizza b'mod adegwat id-diffikultjiet finanzjarji tas-sussidjarja tiegħu.

(29)

It-tħassib rigward it-termini tas-suq tal-faċilità ta' self kien ikkonfermat ukoll mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta' Referenza tal-2008, li skontha, rata tas-suq għal kumpanija f'diffikultà (mingħajr l-għajnuna kontinwa tal-PCC, MDD kienet tkun kważi b'ċertezza kumpanija f'diffikultà) anke b'livell għoli ta' garanzija (li ma kien hemm ebda evidenza tiegħu) kienet tammonta għal 5,48 % fl-2011 u bejn 5,46 % u 5,74 % fl-2012. Mingħajr kollateral, ir-rata kienet tkun aktar minn 11 %.

(30)

Finalment, il-Ftehim dwar Self Kummerċjali sottomess mir-Renju Unit kien relattivament ġenerali u nieqes minn xi dispożizzjonijiet standard li huma normalment meħtieġa (bħalma huma patti finanzjarji jew każi ta' inadempjenza).

2.3.3.   Miżura 4: L-akkwiżizzjoni ta' żewġ krejnijiet minn PCC u sussegwentament il-lokazzjoni fit-tul tagħhom lil MMD fl-2010 u fl-2011

(31)

Billi l-miżura fl-effetti tagħha hija simili ħafna għal faċilità ta' self fit-tul analizzata hawn fuq (finanzjament tan-nefqa kapitali ta' MMD abbażi tal-kostijiet tas-self tal-PCC), it-tħassib espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ kien analogu għal dak relata mal-faċilità ta' self fit-tul.

2.3.4.   Miżura: 5: Garanzija għal faċilità ta' overdraft

(32)

Skont id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, id-dokumenti li janalizzaw l-akkwiżizzjoni ta' MMD pprovduti mir-Renju Unit ma jidhirx li qiesu ż-żieda fid-depożitu ta' flus mill-PCC. Madankollu, anke jekk jiġi aċċettat l-argument li dan id-depożitu kien impliċitament previst, ma kien hemm l-ebda evidenza li turi li l-PCC kien analizza l-iskopertura kontinwa tiegħu sussegwentament. Minkejja li MMD baqgħet tagħmel it-telf, il-PCC sempliċiment baqa' jipprovdi l-garanzija għall-faċilitajiet ta' self għall-kapital operatorju.

(33)

Għalhekk il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ esprimiet tħassib dwar kemm MMD setgħet takkwista dawn il-faċilitajiet mingħajr l-appoġġ tal-PCC u fl-istess ħin, dehret improbabbli li kumpanija omm privata fl-istess sitwazzjoni kienet tibqa' tipprovdi għajnuna finanzjarja bħal din mingħajr ma tindirizza b'mod adegwat id-diffikultajiet finanzjarji tas-sussidjarja tagħha.

3.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

3.1.   Kummenti mill-Ilmentatur

(34)

L-Ilmentatur fil-kummenti tiegħu appoġġja d-Deċiżjoni tal-Ftuħ filwaqt li żamm il-pożizzjoni tiegħu rigward il-konklużjoni dwar il-Miżura 1 mingħajr ma pprovda xi argument jew evidenza addizzjonali fir-rigward ta' din il-miżura. Rigward il-Miżuri 2 sa 5, l-Ilmentatur irrefera għas-sottomissjonijiet preċedenti tiegħu u reġa' saħaq fuq il-fehma tiegħu li ma kienx hemm bażi li fuqha l-PCC seta' kkonkluda b'mod raġonevoli li l-għajnuna finanzjarja tiegħu setgħet qatt trendi redditu kummerċjali adegwat, mingħajr ma pprovda xi argument jew evidenza addizzjonali fil-kummenti tiegħu. L-Ilmentatur għalhekk ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-Miżuri 2 sa 5 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat mhux kompatibbli li jeħtieġ li tiġi rkuprata.

3.2.   Kummenti minn Parti Interessata Anonima

(35)

Il-Parti Interessata Anonima appoġġjat l-analiżi preliminari fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u qieset li l-Miżuri 2 sa 5 jikkostitwixxu b'mod ċar għajnuna mill-Istat lil MMD, li biha l-PCC pprovda appoġġ finanzjarju kontinwu lil negozju kronikament ineffiċjenti u mhux profittabbli. Mingħajr dan l-appoġġ kontinwu, hija allegat li MMD kienet tkun ilha li spiċċat insolventi u waqfet tinnegozja. Il-Parti Interessata Anonima ma pprovdietx kummenti dwar il-Miżura 1.

(36)

Il-Parti Interessata Anonima qieset li l-PCC ma kienx qiegħed jaġixxi bħala investitur kummerċjali razzjonali la baqa' jipprovdi finanzjament lil MMD mingħajr ma rristrutturaha b'mod sinifikanti jew b'suċċess sabiex jindirizza l-problemi tagħha. Hija saħqet li l-ebda investitur li jirraġuna ma kien jixtri negozju li qed jagħmel it-telf u jibqa' jiffinanzja l-falliment tiegħu għal bosta snin mingħajr ma jwettaq xi tip ta' riforma sabiex jindirizza dawn il-fallimenti.

(37)

Rigward l-għotjiet ta' dħul (il-Miżura 2), il-Parti Interessata Anonima qablet mad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u saħqet li kull sena, il-PCC sempliċiment għamel tajjeb għat-telf operatorju ta' MMD mingħajr ebda valutzzjoni xierqa. Dwar il-Miżuri 3 u 4, il-Parti Interessata Anonima qablet mill-ġdid mad-Deċiżjoni tal-Ftuħ u sostniet li mingħajr l-appoġġ tal-PCC l-ebda finanzjament b'kundizzjonijiet komparabbli ma kien ikun disponibbli għal MMD. Finalment, hija qablet li l-Miżura 5 wkoll kienet tikkostitwixxi benefiċċju mhux dovut lil MMD li ma kienx ikun disponibbli mingħand investitur ekonomiku razzjonali.

(38)

Il-Parti Interessata Anonima mbagħad tikkonferma l-valutazzjoni preliminari fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li dawn il-miżuri ta' għajnuna lanqas ma jissodisfaw l-aktar kundizzjonijiet bażiċi għal għajnuna kompatibbli għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.

(39)

Il-Parti Interessata Anonima tisħaq ukoll li dawn is-sussidji kellhom impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni peress li s-settur tal-immaniġġar tal-prodotti friski huwa suq kompetittiv ħafna b'marġnijiet baxxi fejn operaturi leġittimi li ma jirċievu ebda għajnuna huma partikolarment vulnerabbli għal xi operatur li jkollu l-appoġġ ta' għajnuna illegali mill-Istat. Hija tisħaq ukoll li MMD kellha l-fama li kienet qed toffri rati ta' mmaniġġar inferjuri għal dawk tas-suq (inkluż li allegatament offriet ħżin b'xejn) sabiex tattira u żżomm il-klijenti. Għaldaqstant l-għajnuna mhux biss għamlet ħsara lil kompetituri speċifiċi iżda wkoll lill-operazzjonijiet ġenerali tas-suq.

(40)

Għalhekk, il-Parti Interessata Anonima talbet lill-Kummissjoni tirrikjedi l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli li ġiet ipprovduta lil MMD.

4.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT

4.1.   Il-kummenti tar-Renju Unit dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ

(41)

Ir-Renju Unit fil-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ikkontesta s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni li l-Miżuri 2 sa 5 jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u pprovda argumenti addizzjonali sabiex isostni l-istqarrija tiegħu li l-miżuri kollha kienu konformi mal-MEIP. Ipprovda wkoll għadd kbir ta' evidenza ex ante addizzjonali biex isaħħaħ l-istqarrija tiegħu.

(42)

Ir-Renju Unit, b'mod partikolari, argumenta li d-deċiżjoni tal-PCC li tappoġġja lil MMD fis-snin wara l-2008, b'għotjiet ta' dħul jew b'mezzi oħra, kienet immotivata kummerċjalment u bbażata fuq valutazzjoni raġunata tal-benefiċċji u tar-riskji potenzjali. Din kienet tinkludi kunsiderazzjoni tal-ħafna ekonomiji u sinerġiji relatati ma' xulxin ta' kif tinżamm operazzjoni kummerċjali f'sit b'sjieda totali li l-attivitajiet tiegħu huma ristretti bil-liġi u bil-politika għal attività relatata mal-port. Ir-Renju Unit jargumenta li r-razzjonalità ekonomika tal-appoġġ kontinwu lil MMD kienet ittestjata kontinwament billi tqabblet mal-alternattivi raġonevoli kollha f'dan is-sit ristrett.

(43)

Ir-Renju Unit argumenta li l-PCC kien wettaq skrutinju finanzjarju bir-reqqa tal-investiment tiegħu fin-negozju u għalhekk l-istqarrija tal-Kummissjoni li l-PCC mexa “bl-amment” fuq it-tbassir ottimist iżżejjed tal-maniġment ta' MMD mhijiex korretta. Il-PCC ħatar lill-aktar uffiċjal finanzjarju anzjan li kellu bħala Direttur ta' MMD sabiex jissorvelja l-prestazzjoni finanzjarja tan-negozju, sabiex jipprovdi “l-għarfien finanzjarju xieraq” u sabiex jiżgura li d-doveri statutorji tal-ġestjoni finanzjarja jitwettqu kif imiss. Kif juru d-dokumenti interni mehmużin mas-sottomissjoni tar-Renju Unit, il-membri tal-PCC kienu jqisu regolarment jekk il-fatturi li mmotivaw l-akkwiżizzjoni tan-negozju fl-2008 kinux għadhom jipprovdu l-ġustifikazzjoni għal aktar apoġġ. Barra minn hekk, bħal kull operatur ieħor f'ekonomija tas-suq b'interessi inkorporati f'sit akkwiżit totalment b'ambitu limitat għal użi alternattivi, u b'bosta ekonomiji tal-katina tal-provvista relatati, il-PCC aġixxa sabiex jippromwovi l-valur tal-art tiegħu, u sabiex jippromwovi redditi sostenibbli għalih stess.

(44)

Bħan-negozji kollha relatati mal-port, in-negozju ewlieni ta' MMD tal-manipulazzjoni tal-frott huwa xi ftit imqalleb u fuq terminu qasir ta' żmien huwa vulnerabbli għat-telf jew għall-akkwist ta' klijenti individwali. Fl-ewwel ftit snin wara l-2008, in-negozju ntlaqat minn problemi li ma setgħux jiġu previsti. Madankollu, il-prestazzjoni finanzjarja ta' MMD tjiebet b'mod sinifikanti – anke jekk aktar bil-mod milli kien previst oriġinarjament – bl-akkwist ta' xi klijenti ġodda u permezz ta' programm ta' ristrutturar attiv (stabbilit fl-argument għall-vijabbiltà tax-xiri ta' MMD tal-2008 u aġġornat bħala parti mill-pjanijiet progressivi ta' direzzjoni tan-negozju ta' MMD) li naqqas il-kostijiet u rrazzjonalizza n-negozju b'mod li għamlu aktar kompetittiv.

(45)

Ir-Renju Unit jisħaq ukoll li l-PCC jippossedi u jopera wkoll port traffikuż għall-bastimenti tat-trasport ħdejn is-sit ta' MMD. Il-PCC jista' jisfrutta s-sinerġiji ta' bejn iż-żewġ negozji, u hekk jagħmel, għall-benefiċċju tal-port tal-bastimenti tat-trasport, pereżempju l-PCC jista' joffri s-servizzi tal-burdnara ta' MMD lil operaturi ta' bastimenti tat-trasport kummerċjali sabiex jimmaniġġaw merkanzija kummerċjali. Dan għen biex jinġieb kummerċ ġdid lejn il-port tal-bastimenti tat-trasport.

(46)

Barra minn hekk, il-PCC jirċievi introjtu minn MMD fil-forma ta' redditu minn kera, drittijiet tat-tunnellaġġ, tariffi tal-pilotaġġ u dħul ieħor. Waqt li dan, fih innifsu u minnu nnifsu, mhux neċessarjament jiġġustifika l-appoġġ kontinwu tan-negozju fuq terminu itwal ta' żmien, ir-Renju Unit jargumenta li huwa xieraq li l-PCC iqis dawn il-flussi ta' introjtu meta jivvaluta jekk b'mod ġenerali jagħmilx sens kummerċjalment li l-PCC ikompli jagħti l-appoġġ tiegħu.

(47)

Ir-Renju Unit jenfasizza wkoll li, f'diversi okkażjonijiet, ġew ikkunsidrati alternattivi possibbli għall-operazzjonijiet ta' MMD bl-appoġġ tal-PCC u tqabblu mal-istatus quo rigward il-merti ekonomiċi tagħhom.

(48)

L-ewwel, mill-2008 'l hawn, il-PCC ikkunsira li jiddiversifika n-negozju ta' MMD għal merkanziji alternattivi, imma għal diversi raġunijiet loġistiċi m'hemm l-ebda attività li għandha l-probabbiltà li ttejjeb il-prestazzjoni finanzjarja ta' MMD (3).

(49)

It-tieni, il-PCC ikkunsidra l-alternattiva tal-likwidazzjoni tal-kumpanija u tar-riakkwiżizzjoni tal-art għal użu alternattiv (eż. matul id-diskussjonijiet tal-każ biex jitkompla l-investiment fl-2013 – ara l-Premessa 57), iżda kien hemm diversi fatturi li jmorru kontra din il-possibbiltà:

(a)

is-sit ta' 7,7 ha huwa relattivament ċkejken, u l-pożizzjoni tiegħu (bejn il-port għall-bastimenti tat-trasport u t-tarzna navali militari) tagħmlu mhux adattat għal bosta użi oħrajn;

(b)

is-sit tal-art jinsab fuq art reklamata u huwa kkontaminat ħafna. Għalhekk huwa improbabbli wisq li s-sit jista' jintuża għal żvilupp kummerċjali jew residenzjali alternattiv.

(c)

l-art hija maħsuba għall-użu tal-port skont l-iskema tal-ippjanar, u mhuwiex probabbli li l-awtorità tal-ippjanar lokali se tara raġuni għala għandha tawtorizza ppjanar għal użi alternattivi;

(d)

il-PCC jkun irid iġib il-kunsens statutorju sabiex jagħlaq il-mollijiet u juża l-art għal finijiet kummerċjali alternattivi, iżda jkun diffiċli ħafna li jġib kunsens bħal dan - jiġifieri, li jikkommettiha għal perspettiva tal-vijabbiltà u l-kummerċjalità tagħha fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul;

(e)

is-sit okkupat minn MMD jinsab f'żona ta' art tal-port operabbli kumplessivament limitata. Dan ifisser li tant għandha importanza strateġika għall-PCC (minħabba l-ħtieġa potenzjali fil-futur li l-port jitkabbar jew jiġi adattat) li l-PCC għandu imperattiv tas-suq ċar li jżomm l-attività kummerċjali tal-port f'dak is-sit.

(50)

Fil-kuntest ta' dawn ir-restrizzjonijiet, ir-Renju Unit jargumenta li l-PCC kien immotivat li jikseb l-aħjar redditu possibbli minn dak l-ass tal-art billi jinvesti f'MMD bħala kerrejja sostenibbli u vijabbli.

(51)

Biex isostni l-argumenti tiegħu, ir-Renju Unit ipprovda wkoll kopji ta' mudell ekonomiku mħejji mill-PCC sabiex jivvaluta l-investiment tiegħu f'MMD u janalizza diversi possibbiltajiet disponibbli u jikkalkula l-merti ekonomiċi tagħhom. Dan il-mudell kien aġġornat regolarment sabiex titqies il-prestazzjoni ta' MMD, il-kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu, il-prospetti eċċ. u r-razzjonalità ta' aktar appoġġ lil MMD fil-forma ta' għotjiet ta' dħul u ta' finanzjamenti oħrajn kienet għalhekk ivverifikata billi tqabblet ma' possibbiltajiet alternattivi. Ir-Renju Unit spjega li m'għandux il-verżjonijiet passati kollha ta' dan il-mudell disponibbli għas-snin individwali peress li dan kien magħmul minn dokument wieħed bl-Excel li kien jiġi aġġornat kontinwament mingħajr ma jinżammu r-riżultati preċedenti. Madankollu, huwa kkonferma li l-mudell kien jintuża konsistentement bħala bażi għad-deċiżjoni dwar jekk jagħmilx sens ekonomikament li jibqa' jingħata appoġġ lil MMD jew jekk għandhiex tintgħażel alternattiva oħra. Huwa pprovda żewġ verżjonijiet tal-mudell ta' Mejju/Ġunju 2013 li nstabu qalb id-dokumenti.

(52)

Wara li qies dawn il-fatturi kollha, il-PCC adotta l-opinjoni li kummerċjalment huwa aktar ta' vantaġġ fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul li jibqa' jappoġġja n-negozju u li jwettaq id-diversi miżuri ta' ristrutturar sabiex ireġġa' lil MMD lejn il-profittabbiltà. Ir-Renju Unit jisħaq li hemm razzjonal kummerċjali qawwi wara d-deċiżjoni li jingħata appoġġ lin-negozju. MMD qiegħda f'post ideali sabiex timmaniġġa merkanziji ta' prodotti friski minn produtturi tan-Nofsinhar, u hija wieħed mill-ftit portijiet li għandhom l-għarfien espert u l-ħila neċessarja biex jimmaniġġaw bastimenti refriġeraturi b'merkanziji ta' prodotti friski refriġerati. Hija rnexxielha tadatta ruħha b'suċċess għal xejriet ta' tipi ta' vapuri ġodda, u dan wassal għal xi rebħiet sinifikanti ta' klijenti ġodda. L-investiment li għamlet fl-immaniġġar speċjalizzat ta' frott u ħaxix frisk (ħżin refriġerat, krejnijiet u trasport tal-merkanzija) se jiżgura li se tibqa' kompetittiva bħala punt ewlieni tad-dħul għall-importaturi tal-frott.

(53)

Ir-Renju Unit jisħaq ukoll li r-riżultati finanzjarji pożittivi ta' MMD fis-sena finanzjarja 2016/2017 juru titjib sinifikanti fil-prestazzjoni finanzjarja u jikkonfermaw is-suppożizzjonijiet preċedenti tiegħu li MMD tista' ssir negozju profittabbli anke mingħajr għotjiet ta' dħul kontinwi.

(54)

Finalment, ir-Renju Unit jindika l-fatt li t-test li l-Kummissjoni jmissha tapplika sabiex tivvaluta jekk il-Miżuri 2 sa 5 humiex konformi mal-MEIP huwa jekk azzjonista privat fil-pożizzjoni tal-PCC kienx ikun immotivat li jibqa' jappoġġja l-kumpanija f'ċirkostanzi bħal dawn. Dan jirrikjedi valutazzjoni ex ante, u mhux ex post, ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli għall-PCC fil-mument rilevanti. Il-PCC huwa ssodisfat li l-miżuri kollha ta' appoġġ tiegħu kienu meqjusin u peżati b'mod xieraq f'termini tal-benefiċċji u tar-riskji probabbli. Wara l-akkwiżizzjoni inizjali ta' MMD, il-PCC imkien ma inkluda kriterji nonekonomiċi fl-istimi finanzjarji tiegħu ta' MMD (bħalma huma l-impjiegi lokali, ir-riskju ambjentali jew il-politika reġjonali). Huwa dejjem ġab ruħu kif kien iġib ruħu azzjonista privat f'ċirkostanzi simili.

(55)

Wara laqgħa mal-Kummissjoni fis-26 ta' April 2017, ir-Renju Unit ipprovda aktar dettalji dwar kif evolvew iċ-ċirkostanzi tan-negozju MMD tul il-perjodu kkonċernat kollu kemm hu u indika x'kien jaf il-PPC meta approva kull miżura ta' għajnuna. F'kull sena, ġew ikkunsidrati avvenimenti ewlenin li laqtu l-prestazzjoni finanzjarja ta' MMD, sabiex jintwera li l-PCC ma mexiex “bl-amment” fuq tbassir bla bażi u ottimist iżżejjed ippreżentat mill-maniġment ta' MMD. Għall-kuntrarju, ir-Renju Unit jargumenta li l-evidenza turi b'mod ċar li, kull meta qamet xi kwistjoni, din ġiet indirizzata b'mod robust u b'mentalità kummerċjali mill-maniġment ta' MMD huwa u jmexxi n-negozju lejn profittabbiltà futura, taħt is-superviżjoni kompletament xierqa tal-PCC f'mumenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet importanti.

(56)

Din is-sottomissjoni mir-Renju Unit ġiet issupplimentata b'evidenza kontemporanja addizzjonali ta' dawn l-evalwazzjonijiet ex ante ekonomiċi u kummerċjali minn MMD u mill-PCC. Barra minn hekk, ir-Renju Unit spjega li ħafna mill-briefings interni pprovduti lill-PCC dwar MMD kienu mogħtija bil-fomm aktar milli bil-miktub u għalhekk ma jistgħux jintwerew permezz ta' evidenza miktuba. Madankollu, ir-Renju Unit iqis li d-dokumenti mogħtija jipprovdu evidenza biżżejjed li l-PCC, sa mill-akkwiżizzjoni ta' MMD fl-2008, ħa deċiżjonijiet raġonevoli u mmotivati kummerċjalment fir-rigward ta' MMD.

(57)

Barra minn dan, is-sottomissjoni addizzjonali tisħaq ukoll (u tipprovdi evidenza dokumentata rilevanti) li tul il-perjodu rilevanti kien hemm għadd ta' mumenti meta l-PCC ikkunsidra proposti alternattivi:

—

Fl-2011, Condor Logistics avviċinaw lil PCC bil-għan li jinnegozjaw ix-xiri ta' MMD. Il-PCC daħal f'diskussjonijiet ma' Condor Logistics dwar il-bejgħ sħiħ jew parzjali tan-negozju u stħarreġ b'moħħ miftuħ din l-opportunità kummerċjali, imma f'Ottubru 2012 Condor Logistics ma komplewx bis-servizz tagħhom tal-merkanzija u d-diskussjonijiet twaqqfu;

—

Fl-2012, kien hemm laqgħa tal-PCC nhar it-30 ta' Ottubru 2012 sabiex tiġi diskussa aktar il-possibbiltà li MMD tinżamm jew tinbiegħ/tingħalaq;

—

Fil-21 ta' Ġunju 2013, dokument intern imħejji mill-maniġment ta' MMD evalwa l-possibbiltà li n-negozju jinbiegħ jew li s-sit jintuża għal skopijiet alternattivi;

—

F'Ottubru 2013, il-PCC wettaq evalwazzjoni sħiħa tal-possibbiltajiet alternattivi għal MMD abbażi ta' valutazzjoni dokumentata tal-prospetti ekonomiċi ta' MMD għal kull waħda mill-possibbiltajiet;

—

Fl-2014/2015, il-PCC ivvaluta proposta li s-sit ta' MMD jintuża sabiex jinbnew turbini eoliċi għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, l-iskema ma rċevietx il-permess tal-ippjanar u għalhekk ma setgħetx tipproċedi;

—

Fl-2015/2016, […] (*1).

(58)

Finalment, wara telekonferenza nhar it-18 ta' April 2018, ir-Renju Unit issottometta evidenza kontemporanja addizzjonali tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi ex ante dwar il-possibbiltajiet differenti disponibbli flimkien ma' spjegazzjoni dettaljata tal-metodoloġija tal-mudell ekonomiku sottostanti.

4.2.   Il-Kummenti tar-Renju Unit dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati

(59)

Rigward il-kummenti tal-Ilmentatur, ir-Renju Unit irrimarka li dawn sempliċiment jirrepetu l-allegazzjonijiet ta' għajnuna mill-Istat fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ mingħajr ma joffru xi kumment jew evidenza speċifika. Il-pożizzjoni tar-Renju Unit rigward dawn l-allegazzjonijiet ġiet stabbilita fil-kummenti tar-Renju Unit dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(60)

Fir-rigward tal-kummenti tal-Parti Interessata Anonima, ir-Renju Unit irrimarka wkoll li l-biċċa l-kbira tal-kummenti sempliċiment jirrepetu l-allegazzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ mingħajr ma joffru xi kumment jew evidenza speċifika. Madankollu, ir-Renju Unit ikkummenta fuq tliet punti speċifiċi magħmulin mill-Parti Interessata Anonima.

(61)

L-ewwel, ir-Renju Unit ma qabilx mal-allegazzjoni li l-PCC kien kuntent ikopri t-telf ta' MMD mingħajr ma fittex li jirristruttura jew jirriforma n-negozju. Kif jispjega wkoll ir-Renju Unit fil-kummenti tiegħu dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-PCC flimkien mal-maniġment ta' MMD ħa numru ta' passi sabiex jirristruttura n-negozju, inaqqas in-nefqa, itejjeb l-effiċjenza u jagħmel in-negozju aktar kompetittiv. Dawn il-miżuri inkludew:

—

ftehim mal-unions dwar kuntratt ta' impjieg ġdid sabiex ġiet introdotta aktar flessibbiltà u effiċjenza fil-forza tax-xogħol (ipproġettat li jiffranka madwar GBP 250 000 fis-sena f'kostijiet lavorattivi);

—

modernizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-immaniġġar u tal-ħażna tal-kontejners sabiex jiġu indirizzati xejriet fid-domanda;

—

terminazzjoni u esternalizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-MDD ta' trasport tal-merkanzija sabiex MMD tkun tista' tiffoka fuq in-negozju ewlieni tagħha (waqt li l-kuntratt mat-trasportatur terz ikun mistenni li jġib madwar GBP [50 000–150 000] f'introjtu addizzjonali minn pagamenti għall-kiri ta' mħażen u minn sehem fil-profitt);

—

titjib fl-IT (bħalma hi sistema tal-kompjuter ġdida ta' traċċar u rintraċċar jew sistema għall-ibbukkjar ta' vetturi) u f'infrastruttura oħra (pereżempju, perfetturi tal-provvista tal-enerġija installati fl-imħażen refriġerati li jiffrankaw GBP 30 000 f'kostijiet tal-elettriku kull sena, pannelli solari installati fuq is-soqfa tal-imħażen li huma stmati li jiffrankaw madwar GBP 230 000 fuq l-elettriku kull sena jew l-installazzjoni ta' dwal LED li mistennija tiffranka madwar GBP 70 000 f'kostijiet tal-elettriku kull sena) li wasslu għal prestazzjoni finanzjarja aħjar;

—

investiment sabiex jintlaħqu standards u akkreditazzjonijiet ta' kwalità (ISO 9001, OHSAS 18001, AEO Status jew 360 Quality code);

—

ħolqien ta' żoni addizzjonali għall-ħażna;

—

bidliet fil-Bord ta' MMD sabiex tittejjeb ir-responsabbiltà finanzjarja.

(62)

Il-pjan ta' ristrutturar kien jifforma parti mill-argument għall-vijabbiltà oriġinali għall-akkwiżizzjoni ta' MMD fl-2008, u saru rapporti regolari bil-fomm u bil-miktub lill-PCC dwar il-progress ta' MMD fl-implimentazzjoni tal-programm ta' ristrutturar. Għaldaqstant il-PCC ġab ruħu bħal operatur privat fit-twettiq tal-bidliet neċessarji sabiex in-negozju jkun f'pożizzjoni li jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu u jsir aktar kompetittiv. Dawn il-miżuri huma ddokumentati tajjeb fid-dokumenti interni ex ante tal-PCC u tal-MMD sottomessi mir-Renju Unit bħala evidenza.

(63)

It-tieni, ir-Renju Unit ċaħad l-allegazzjoni li MMD allegatament offriet rati ta' mmaniġġar inferjuri għal dawk tas-suq sabiex tattira u żżomm klijenti tal-prodotti friski u li MMD saħansitra offriet ħżin b'xejn lill-klijenti. Il-Parti Interessata Anonima ma offriet l-ebda evidenza sabiex tissostanzja dawn l-allegazzjonijiet u ddikjarat biss li MMD “għandha l-fama” jew li “ġiet rrapportata” li qed toffri dawn il-prezzijiet mingħajr ma ddikjarat min qalilhom. Ir-Renju Unit isostni li dawn l-allegazzjoni huma bla bażi billi l-prezzijiet ta' MMD jirriflettu t-tariffi offruti f'portijiet oħrajn u li spiss huma saħansitra ogħla minn tal-kompetituri tagħha. Ir-Renju Unit issottometta evidenza li fir-realtà r-rati ta' MMD ma traħħsux wara l-akkwiżizzjoni ta' MMD mill-PCC fl-2008. Għall-kuntrarju, ir-rati tal-palits żdiedu bi kważi […] % f'dan il-perjodu. Barra minn hekk, anke jekk ftit li xejn hemm trasparenza fl-ipprezzar bejn il-portijiet, xi klijenti kkwotaw rati offruti lilhom minn portijiet oħrajn matul in-negozjati dwar il-prezz ma' MMD. Dawn l-istimi juru li l-prezzijiet ta' MMD jirriflettu l-prezzijiet tas-suq f'portijiet oħrajn. Bl-istess mod, ir-Renju Unit ċaħad l-allegazzjoni li MMD offriet ħżin b'xejn lill-klijenti tagħha.

(64)

It-tielet, ir-Renju Unit ċaħad l-allegazzjoni li, minħabba l-għajnuna illegali mill-Istat, il-prodotti friski saru proposta ferm inqas attraenti għal operaturi li ma jirċivux għajnuna. Mill-ġdid ma hemm l-ebda evidenza għal din l-allegazzjoni u, kif ġie rrimarkat fil-kummenti tar-Renju Unit dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, portijiet oħrajn, bħal dak ta' Dover, għadhom qed jinvestu fl-immaniġġar ta' prodotti friski (Dover reċentement akkwista lil Hammond li jopera negozju tal-immaniġġar tal-frott).

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

(65)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

5.1.   L-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

(66)

Fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-elementi kostitwenti ta' għajnuna mill-Istat huma: (i) l-eżistenza ta' impriża, (ii) l-imputabbiltà tal-miżura għall-Istat u l-finanzjament tagħha mir-riżorsi tal-Istat, (iii) l-għoti ta' vantaġġ ekonomiku, (iv) is-selettività tal-miżura, u (v) l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dawn il-kriterji jeħtieġ li jiġu ssodisfati b'mod kumulattiv sabiex kwalunkwe miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(67)

Ir-Renju Unit isostni li dawn il-miżuri ma jipprovdux xi vantaġġ ekonomiku lil MMD minħabba li huma konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (MEIP). Skont dan il-prinċipju, it-tranżazzjonijiet ekonomiċi mwettqa minn entitajiet pubbliċi fir-rwol ta' investituri ma jagħtux vantaġġ lill-kontroparti tagħha, u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna, jekk isiru b'mod konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (4).

(68)

Għalhekk, sabiex tistabbilixxi jekk l-allegati miżuri ta' għajnuna jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni l-ewwel sejra tanalizza l-kriterju tal-vantaġġ ekonomiku.

5.1.1.   Eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku

(69)

Wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, ir-Renju Unit ipprovda evidenza addizzjonali sostanzjali li turi li l-miżuri kollha li ttieħdu mill-PCC bħala appoġġ lil MMD, kemm jekk fil-forma ta' għotjiet ta' dħul kif ukoll jekk f'diversi forom ta' finanzjament, kienu preċeduti minn analiżi bir-reqqa tal-merti ekonomiċi tagħhom. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ f'dan il-każ, il-Kummissjoni tapplika t-test tal-investitur f'ekonomija tas-suq. Abbażi tal-evidenza u l-argumenti addizzjonali li ġew sottomessi, il-Kummissjoni se tanalizza jekk investitur f'ekonomija tas-suq ipotetiku f'qagħda simili għal tal-PCC (jiġifieri, b'mod partikolari, f'qagħda ta' proprjetarju 100 % ta' MMD b'attivitajiet kummerċjali addizzjonali fil-port u ta' daqs komparabbli għal PCC) kienx jipprovdi l-Miżuri 2 sa 5 (5). Din il-valutazzjoni jeħtieġ li tkun ibbażata fuq evidenza ex ante li turi li d-deċiżjonijiet biex jingħataw il-Miżuri 2 sa 5 kienu msejsa fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li, fiċ-ċirkostanzi, investitur privat razzjonali f'sitwazzjoni qrib kemm jista' jkun għal dik tal-Istat Membru, kien iwettaq, qabel isir l-investiment u fid-dawl tal-għażliet alternattivi disponibbli (6). Barra minn hekk, din il-valutazzjoni trid tiġi applikata billi jitwarrbu l-kunsiderazzjonijiet kollha li jirrigwardaw esklussivament ir-rwol ta' Stat Membru bħala awtorità pubblika (pereżempju, kunsiderazzjonijiet ta' politika soċjali, reġjonali jew settorjali) (7).

(70)

Sabiex teżamina jekk il-Miżuri 2 sa 4 humiex konformi mat-test tal-investitur f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tqiegħed lilha nnifisha fil-kuntest tal-perjodu li matulu ttieħdu l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju (8).

(71)

L-argumenti u l-evidenza tar-Renju Unit jindikaw il-fatt li l-Miżuri 2 sa 5 fil-prattika kienu parti mill-appoġġ finanzjarju ġenerali lil MMD, ipprovdut mill-PCC bħala l-kumpanija omm tagħha, sabiex tiffaċilita u takkumpanja r-ristrutturar li għaddej fin-negozju bil-għan li tinkiseb is-sostenibbiltà u l-profittabbiltà tal-operazzjonijiet tiegħu. Għalhekk, il-miżuri ġew ivvalutati kontinwament fil-kumplessità tagħhom sabiex tkun iddeterminata l-aktar triq 'il quddiem li tagħmel sens ekonomikament. Għalhekk dawn kollha kienu jiffurmaw parti mill-mudell ekonomiku użat mill-PCC għal din il-valutazzjoni. Il-valutazzjoni ta' konformità mal-MEIP tal-Miżuri 2 sa 5 għaldaqstant hija interkonnessa mill-qrib u ma tistax tiġi sempliċiment ivvalutata miżura b'miżura. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni l-ewwel sejra tanalizza l-konformità mal-MEIP tal-Miżuri 2 sa 5 bħala ħaġa sħiħa u jkun biss wara li l-Kummissjoni żżid, safejn ikun neċessarju, kunsiderazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' miżuri individwali.

(72)

Id-dokumenti sottomessi mir-Renju Unit jirrappreżentaw evidenza oġġettiva u verifikabbli li turi skont standard legali suffiċjenti li l-PCC sa mill-akkwiżizzjoni ta' MMD analizzat b'mod metikoluż is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti kummerċjali tagħha abbażi ta' kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi. Id-dokumenti huma datati kif suppost u jinkludu analiżi raġunata mill-PCC kif ukoll il-previżjonijiet tal-PCC abbażi ta' suppożizzjonijiet ġeneralment raġonevoli. Għaldaqstant id-dokumenti ma jistriħux sempliċiment fuq ċifri u argumenti sottomessi minn MMD nnifisha imma jevalwawhom b'mod kritiku u jirrappreżentaw prova tas-sorveljanza ekonomika attiva u kontinwa tal-PCC fuq MMD.

(73)

Id-dokumenti sottomessi juru li l-analiżi ekonomika regolari kienet tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar il-bosta ekonomiji u sinerġiji interkonnessi fiż-żamma ta' operazzjoni kummerċjali fuq sit b'sieda sħiħa, partikolarment is-sinerġiji ma' attivitajiet oħrajn fil-Port ta' Portsmouth (prinċipalment operazzjonijiet ta' vapuri ro-ro u bastimenti tal-kruċiera), ukoll b'sieda sħiħa mill-PCC. Dawn is-sinerġiji jinkludu:

—

is-sit ta' MMD jinsab maġenb partijiet oħrajn tal-Port ta' Portsmouth u, billi jżomm kontroll sħiħ fuq is-sit ta' MMD, il-PCC tibqagħlu l-flessibbiltà li jespandi l-operazzjonijiet tal-port, tal-vapuri ro-ro jew tal-bastimenti tal-kruċiera;

—

kull sena, madwar […] palit ta' merkanzija jittieħdu jew jitħallew għand MMD, billi jkunu bdew il-vjaġġ tagħhom jew temmewh fuq bastiment li daħal fil-port għall-bastimenti tat-trasport li jinsab maġenbha. Il-valur addizzjonali lill-port għall-bastimenti tat-trasport minħabba din il-merkanzija huwa ta' madwar GBP […] kull sena u l-port probabbilment ma jkunx kapaċi jdaħħal dan l-introjtu mingħajr ma jkun maġenb is-servizzi tal-burdnara u tal-immaniġġar tal-merkanzija ta' MMD. Barra minn hekk, MMD tista' biss tiffissa t-tariffi li għandha għall-immaniġġar ta' dawn il-volumi ta' merkanzija preċiżament għax tinsab maġenb port għall-bastimenti tat-trasport;

—

Il-PCC seta' jattira traffiku addizzjonali ta' bastimenti kummerċjali minħabba li MMD hija proprjetà tiegħu. Pereżempju, l-operatur Transfennica ġie attirat lejn il-port fl-2015 minħabba l-faċilitajiet tal-immaniġġar ta' kontejners u l-operazzjonijiet tal-burdnara ta' MMD. Dan wassal għal introjtu addizzjonali ta' madwar GBP 107 000 għall-port tal-bastimenti tat-trasport;

—

jinsabu għaddejjin diskussjonijiet ma' xi operaturi dwar il-possibbiltà li jittieħed vantaġġ akbar mill-fatt li l-faċilitajiet ta' MMD jinsabu maġenb il-port għall-bastimenti tat-trasport. Pereżempju, ir-rotta tal-vapuri ro-ro fil-port tista' tintuża sabiex jiddaħħlu jew jintbagħtu trakkijiet bil-merkanzija mmaniġġata minn MMD. MMD tinsab ukoll f'diskussjonijiet kunfidenzjali avvanzati ma' […] li qed jipproponi li […]. Dan jista' jiġbed introjtu kkombinat ta' madwar GBP […] fis-sena għall-port tal-bastimenti tat-trasport kif ukoll għal MMD;

—

xi drabi, il-port juża l-irmiġġi ta' MMD għall-bastimenti tal-kruċiera, li mill-ġdid tagħtih l-appoġġ biex iwessa' l-kapaċità disponibbli tiegħu, u hekk tipprovdi aktar benefiċċji finanzjarji lill-port.

(74)

Meta jitqies il-karattru purament kummerċjali ta' dawn is-sinerġiji, il-Kummissjoni tqis li investitur ipotetiku fl-ekonomija tas-suq jieħu dawn is-sinerġiji inkunsiderazzjoni mal-bqija tal-attivitajiet tan-negozju tiegħu hu u jivvaluta ex ante l-merti ekonomiċi ta' xi miżura ta' appoġġ lil MMD.

(75)

Barra minn hekk, investitur fl-ekonomija tas-suq żgur li kien jieħu inkunsiderazzjoni il-fluss ta' introjtu previst għall-futur lill-PCC fil-forma ta' kirjiet, pilotaġġ u tariffi tal-port imħallsa minn MMD, u l-probabbiltà li dawn jintilfu jew jonqsu fil-każ li jingħażlu alternattivi oħra. Introjti futuri bħal dawn huma pertinenti għall-valutazzjoni tar-razzjonal ekonomiku tal-miżuri li għandhom jittieħdu minn kumpanija omm fl-ekonomija tas-suq sabiex tgħin lis-sussidjarja tagħha. Għalhekk, waqt li dawn il-flussi ta' introjtu waħedhom ma jistgħux jiġġustifikaw l-appoġġ kontinwu lil MMD, l-inklużjoni tagħhom fil-mudell ekonomiku ġenerali huwa konformi ma' dak li kien jagħmel investitur ipotetiku fl-ekonomija tas-suq.

(76)

Waqt li qies is-sinerġiji u l-flussi ta' introjtu fi ħdan il-grupp ta' kumpaniji kkontrollati mill-PCC imsemmija hawn fuq, ir-Renju Unit ipprovda kopji ta' mudell ekonomiku li janalizza diversi possibbiltajiet disponibbli u jikkalkula l-merti ekonomiċi tagħhom. Dan il-mudell ġie żviluppat bil-għan li janalizza r-razzjonal ekonomiku tal-investiment kontinwu f'MMD u kien aġġornat regolarment. Għalhekk ir-razzjonal ekonomiku tal-għoti ta' aktar appoġġ lil MMD fil-forma ta' għotjiet ta' dħul kif ukoll ta' diversi miżuri ta' finanzjament, kien jiġi ċċekkjat regolarment fuq bażi ex ante u jitqabbel ma' possibbiltajiet alternattivi.

(77)

Il-possibbiltajiet alternattivi kkunsidrati mill-PCC f'diversi stadji tal-involviment tiegħu f'MMD inkludew:

—

bejgħ ta' MMD — ir-Renju Unit wera li kien estremament improbabbli li l-bejgħ ta' MMD bħala negozju avvjat lil parti terza kien ikun alternattiva kummerċjalment vantaġġjuża. L-argument konvinċenti għall-akkwiżizzjoni mill-PCC fl-2008 ikkunsidra s-sinerġiji mistennija mal-operazzjonijiet tal-port l-oħrajn tal-PCC, il-valur strateġiku tal-art għal dak il-port u l-kontinwazzjoni ta' flussi ta' introjtu minn MMD (ara wkoll l-analiżi tal-Miżura 1 fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ). Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jitqisux minn xi parti terza li potenzjalment tikkunsidra x-xiri ta' MMD. Madankollu, l-evidenza pprovduta tikkonferma li l-PCC […] fl-2011[…] (9) u […] fl-2015/2016 (10) (ara l-Premessa 57 hawn fuq);

—

bidla/diversifikazzjoni tan-negozju ta' MMD — ir-Renju Unit indika li mill-2008 'l hawn ġew ikkunsidrati diversi possibbiltajiet ta' bidla jew ta' diversifikazzjoni fl-operazzjonijiet ta' MMD (bħalma huma aggregati, injam, karozzi, traffiku tal-kontejners, merkanzija tqila, azzar). Madankollu, meta mqabbel mal-prospetti tan-negozju attwali ta' MMD tal-immaniġġar ta' prodotti friski, l-ebda wieħed minn dawn il-prodotti jew servizzi alternattivi ma kien kummerċjalment attraenti jew seta' potenzjalment jiġġenera introjti ikbar;

—

likwidazzjoni ta' MMD u użu alternattiv tas-sit — l-assi prinċipali fi ħdan MMD huwa l-interess f'fond lokatizju fis-sit ibbażat fuq kuntratt ta' lokazzjoni li jintitola lill-PCC li jittermina l-lokazzjoni f'każ li MMD tfalli. Għalhekk, f'każ ta' falliment, il-PCC ikun jista' jirkupra l-art u jisfruttaha għal għanijiet alternattivi. Madankollu, ir-Renju Unit wera permezz ta' argumenti dettaljati li l-alternattivi disponibbli għas-sit huma estremament limitati. Ir-Renju Unit ipprovda evidenza u argumenti konvinċenti li juru l-impatt tal-limitazzjonijiet legali u ta' ppjanar relatati mas-sit ta' MMD fuq id-disponibbiltà u l-vijabbiltà kummerċjali ta' għażliet alternattivi possibbli. Il-PCC fid-dokumenti interni tiegħu analizza l-possibbiltajiet li jinqeda bis-sit għall-espansjoni tal-port tiegħu għall-bastimenti tat-trasport, għall-ħżin, għall-parks eoliċi (11) u għal użu residenzjali/kummerċjali. Madankollu, l-ebda wieħed mill-użi possibbli kkunsidrati ma offra xi possibbiltajiet aktar vantaġġjużi ekonomikament, minħabba l-qagħda tas-suq u/jew minħabba restrizzjonijiet ta' ppjanar, u restrizzjonijiet regolatorji jew legali oħrajn (12).

(78)

Ir-Renju Unit spjega li l-PCC ma jistax jipprovdi l-verżjonijiet kollha passati ta' dan il-mudell ekonomiku għas-snin individwali peress li dan kien ġie żviluppat bħala dokument wieħed tal-Excel li kien jiġi aġġornat kontinwament mingħajr ma jiġu arkivjati b'mod sistematiku r-riżultati preċedenti. Madankollu, huwa kkonferma li l-mudell ekonomiku kien il-bażi standard għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar jekk jagħmilx sens ekonomikament li jitkompla l-investiment f'MMD jew jekk għandhiex tintgħażel alternattiva oħra.

(79)

Ir-Renju Unit ipprovda żewġ verżjonijiet oħra tal-mudell ekonomiku ppreparati f'Mejju/Ġunju 2013 waqt waħda mid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-involviment tal-PCC f'MMD (ara wkoll il-Premessa 51 hawn fuq). Il-mudell jikkorrispondi mal-għodod standard tas-suq abbażi tal-kalkolu tal-valur preżenti nett tal-flussi ta' flus futuri mistennija mid-diversi alternattivi kkunsidrati. Dan il-mudell speċifiku qies tliet possibbiltajiet bażiċi: (1) iż-żamma ta' MMD, (2) il-bejgħ ta' MMD bħala negozju avvjat għall-valur nett tal-assi tagħha ta' GBP 2,4 miljun, (3) il-likwidazzjoni ta' MMD u l-użu alternattiv tas-sit bħala faċilità tal-ħżin (bħala l-aktar użu ta' benefiċċju fost l-użi alternattivi disponibbli għas-sit). Għal kull waħda minn dawn l-alternattivi, il-mudell jikkalkula l-valur preżenti nett tal-flussi ta' flus mistennija, bl-użu tal-kost medju ponderat tal-kapital tal-PCC ta' 4,23 % bħala rata ta' skont.

(80)

Il-mudell ekonomiku jevalwa l-possibbiltajiet individwali abbażi ta' kombinazzjoni ta' metodoloġiji:

(a)

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ġenerali fissi — dan il-metodu jevalwa kemm il-flus kontanti ġġenerati mis-sit ikopru l-kostijiet operatorji varjabbli tiegħu (fi kliem ieħor il-kostijiet li jvarjaw skont ma tvarja l-attività) u kemm imbagħad jikkontribwixxu għall-ispejjeż ġenerali fissi marbuta mas-sit innifsu. L-evalwazzjoni tiddeskrivi l-flussi kollha ta' introjtu ta' flus lill-PCC inkluż kull surplus li sar minn MMD (li f'din l-analiżi huwa meqjus li jitħallas bħala dividend lill-PCC) imma ugwalment tnaqqas kull għotja ta' dħul imħallsa bħala għajnuna mill-PCC. Flussi kapitali ta' self u għotjiet kapitali jiġu esklużi minħabba li l-konsum annwalizzat (amortizzament) huwa rifless fis-surplus/fid-defiċit nett magħmul minn MMD;

(b)

Is-surplus/id-defiċit totali esklużi kwalunkwe kostijiet“ in natura ” — Dan il-metodu jibni b'mod inkrementali fuq il-metodu tal-“Kontribuzzjoni għall-ispejjeż ġenerali fissi” deskritt f'(a) sabiex jinkludi wkoll l-ispejjeż ġenerali fissi tal-PCC (l-Investitur) assoċjati mal-investimenti kollha magħmulin fil-kumpanija. Dawn l-ispejjeż ġenerali huma kollha kemm huma relatati mal-kostijiet tal-finanzjament tad-dejn maħruġa mill-PCC sabiex jipprovdi investiment kapitali fl-MMD;

(c)

Ir-redditu fuq l-investiment — Dan huwa rrappreżentat bis-surplus/bid-defiċit totali (deskritt f'(b)) bħala proporzjon tal-investiment totali matul il-perjodu. Billi l-investiment huwa ffinanzjat bid-dejn, l-imgħax fuq id-dejn huwa inkluż bħala parti mis-surplus/mid-defiċit totali;

(d)

Iż-żieda fil-valur fi tmiem il-perjodu — Din tirrappreżenta d-dividend flimkien mal-bidla fil-valur tal-kapital tal-assi;

(e)

Ir-redditu totali — Dan jinkludi ż-żewġ surpluses/defiċits totali (kif stipulati f'(b)) flimkien ma' kwalunkwe bidla fil-valur tal-kapital tal-investiment (kif stipulat f'(d));

(f)

Ir-redditu totali fuq l-investiment — Dan jirrappreżenta r-redditu totali (ara (e)) bħala proporzjon tal-investiment totali.

(81)

Il-Kummissjoni tqis li s-suppożizzjonijiet magħmulin fil-mudell ekonomiku huma raġonevoli u tikkonferma li dawn ma jiħdux inkunsiderazzjoni fatturi oħrajn għajr dawk ekonomiċi, waqt li jinjoraw kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-ordni pubbliku.

(82)

Il-verżjoni ta' Ġunju 2013 tal-mudell ekonomiku pprovdiet ir-riżultati li ġejjin għaż-żewġ għażliet alternattivi individwali ikkunsidrati fuq żewġ perjodi ta' investiment ta' ħames u għaxar snin.

Investiment f'MMD — Għażliet

Redditu mill-Investiment

Għażla 1

Għażla 2

Għażla 3

Tinżamm MMD

Tinbiegħ MMD

Użu Alternattiv

Il-5 snin li ġejjin

L-10 snin li ġejjin

Il-5 snin li ġejjin

L-10 snin li ġejjin

Il-5 snin li ġejjin

L-10 snin li ġejjin

mGBP

mGBP

mGBP

mGBP

mGBP

mGBP

Kontribuzzjoni/(Żieda) mal-Ispejjeż Ġenerali Fissi

14,3

28,6

11,3

19,7

– 4,4

– 4,3

Surplus Totali/id-Defiċit apparti kwalunkwe kostijiet “in natura”

7,0

16,0

4,5

10,0

– 8,5

– 10,7

Redditu fuq l-Investiment

290,6 %

460,5 %

Mhux Applikabbli

Mhux Applikabbli

– 861,5 %

– 531,8 %

Żieda fil-Valur fi tmiem il-Perjodu (Valur Nett)

1,0

2,3

0,0

0,0

0,4

0,9

Redditu Totali — is-Surplus u l-Valur

8,0

18,2

4,5

10,0

– 8,1

– 9,8

Redditu Totali fuq l-Investiment

315,6 %

503,3 %

Mhux Applikabbli

Mhux Applikabbli

– 800,0 %

– 453,6 %

(83)

Ir-riżultati tal-mudell ekonomiku ta' Ġunju 2013 juru li mill-metodoloġiji kollha kkunsidrati, l-għażla li MMD tinżamm kienet l-aktar waħda ta' benefiċċju ekonomiku fost l-għażliet disponibbli.

(84)

Minkejja diversi talbiet min-naħa tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit ma setax jipprovdi kopji addizzjonali tal-mudell ekonomiku għal perjodi oħrajn. Madankollu, il-biċċiet numerużi l-oħrajn ta' evidenza dokumentata juru li r-razzjonalità ekonomika tal-involviment tal-PCC f'MMD ġiet riveduta regolarment matul il-perjodu analizzat kollu kemm hu. L-evidenza dipsonibbli kollha tikkonferma wkoll li l-valutazzjoni kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi u kummerċjali, waqt li twarrbet kull kunsiderazzjoni li tirrigwarda l-ordni pubbliku li investitur ipotetiku li jopera fl-ekonomija tas-suq kieku ma kienx iqis.

(85)

Barra minn hekk, il-PCC wettaq skrutinju bir-reqqa tal-investiment tiegħu f'MMD billi ħatar l-aktar uffiċjal finanzjarju anzjan li kellu bħala direttur ta' MMD sabiex jissorvelja l-prestazzjoni finanzjarja tan-negozju. Ir-Renju Unit ipprovda kopji ta' ħafna rapporti dwar il-qagħda kummerċjali u finanzjarja ta' MMD u l-prospetti tagħha għall-ġejjieni li kienu jiġu riveduti regolarment mill-PCC (13). Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju kien jiġi aġġornat regolarment sabiex jirrifletti l-iżviluppi fis-suq u kien hemm involviment mill-qrib mill-uffiċjali tal-PCC fil-progress ta' MMD. Ir-Renju Unit wera wkoll li l-PCC wettaq evalwazzjoni dettaljata tal-pożizzjoni tal-kummerċ ta' MMD b'referenza għar-riżultati finanzjarji tagħha, il-progress tal-miżuri ta' ristrutturar, l-akkwist/it-telf ta' klijenti, u l-previżjoni tal-maniġment għan-negozju, kemm permezz tal-kumitati speċjalizzati li ssorveljaw lil MMD, kif ukoll permezz tas-sorveljanza finanzjarja tal-aktar uffiċjal finanzjarju anzjan tal-PCC. Il-Kummissjoni qieset ukoll li s-sommarji tar-rapporti u tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ppreżentati lill-PCC ipprovdew evalwazzjoni oġġettiva u bbilanċjata tan-negozju, inklużi l-isfidi u r-riskji ffaċċjati minn MMD.

(86)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-PCC issokta b'diversi miżuri ta' ristrutturar sabiex inaqqas il-kostijiet, jagħti spinta lill-profittabbiltà u jtejjeb il-kompetittività ta' MMD. Fil-fatt, il-PCC kien ippreparat li japprova l-investiment kontinwu biss abbażi ta' pjan ta' ristrutturar kontinwu u li jiġi aġġornat regolarment. Pereżempju, wara tliet snin ta' negozjati diffiċli, il-kuntratti ta' impjiegi l-ġodda ġew iffirmati mal-persunal ta' MMD fl-2016, u kien imbassar li se jiġu ffrankati madwar GBP 250 000 f'kostijiet lavorattivi kull sena. Il-pjan ta' ristrutturar kien jinkludi wkoll għadd ta' proġetti ta' investiment immirati li jżidu l-kompetittività ta' MMD (jiġifieri investiment fiċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità, titjib fil-ħżin f'temperatura kkontrollata, tagħmir ġdid għall-immaniġġar tal-kontejners, installazzjoni ta' spazju addizzjonali għall-kontejners u titjib iterattiv kontinwu ieħor fl-infrastruttura sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-operat). Barra minn hekk, fl-2014, MMD ħadet id-deċiżjoni li ma tibqax toffri s-servizz proprju tagħha għall-ispedizzjoni tal-merkanzija li tasal għandha u, minflok, esternalizzat dan is-servizz sabiex tkun tista' tiffoka fuq in-negozju ewlieni tagħha. Addizzjonalment, Sa mill-akkwiżizzjoni ta' MMD, il-PCC wettaq ukoll għadd ta' bidliet fil-maniġment tan-negozju, mhux biss biex ittejjeb ir-responsabbiltà finanzjarja, iżda wkoll biex jimmassimizza s-sinerġiji mal-operazzjonijiet ta' port tal-PCC. Finalment, MMD investiet ukoll biex ittejjeb u testendi r-relazzjonijiet tagħha ma' klijenti ewlenin.

(87)

B'hekk, ir-Renju Unit wera li l-prestazzjoni finanzjarja ta' MMD kienet taħt sorveljanza kostanti li wasslet għal adattamenti fil-pjan ta' ristrutturar tagħha. Dan attwalment reġġa' lil MMD lura għall-profittabbiltà mingħajr ebda għotja ta' dħul mill-PCC fis-sena finanzjarja 2016/2017.

(88)

Għaldaqstant, rigward l-għotjiet ta' dħul (il-Miżura 2) b'mod speċifiku, ir-Renju Unit ipprovda evidenza sostanzjali biżżejjed biex il-Kummissjoni tkun tista' twarrab it-tħassib li tqajjem fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Ir-Renju Unit wera li, anke jekk l-appoġġ kontinwu tal-PCC lil MMD permezz tal-għotjiet ta' dħul mar lil hinn mill-pjan ta' investiment inizjali, kemm rigward l-ammont kif ukoll rigward id-durata, f'kull ħin materjali dan ikkostitwixxa mġiba ekonomikament razzjonali li kienet vantaġġjuża għall-PCC aktar mill-alternattivi disponibbli l-oħrajn kollha.

(89)

Rigward il-faċilità ta' self fuq terminu twil ipprovduta mill-PCC lil MMD sa mill-2010 (il-Miżura 3) speċifikament, il-Kummissjoni tinnota primarjament li l-eżistenza tagħha u l-effetti ekonomiċi relatati għall-PCC kienu tqiesu b'mod sħiħ fil-valutazzjoni ekonomika tal-appoġġ kontinwu tiegħu lil MMD u ġew ikkalkulati fil-mudell ekonomiku deskritt hawn fuq.

(90)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda evidenza li tikkonferma li l-qagħda finanzjarja ta' MMD ġiet ivvaluta qabel ma ngħata s-self, u li l-previżjonijiet kummerċjali u finanzjarji rilevanti pprovdew prospetti tajbin li s-self jitħallas fis-snin li ġejjin ġaladarba l-miżuri ta' ristrutturar ippjanati jiġu implimentati. Ir-Renju Unit ipprovda wkoll valutazzjoni dettaljata ta' kull proġett individwali li ġie megħjun bis-self, filwaqt li analizza l-benefiċċji ekonomiċi mistennija minnu filwaqt li qabblu ma' possibbiltajiet oħrajn disponibbli. Għalhekk, l-evidenza mogħtija tikkonferma li qabel il-pagament ta' kull ħlas parzjali tas-self, ir-razzjonal ekonomiku tal-investiment rilevanti ġie analizzat b'mod xieraq. Barra minn dan, il-ħlasijiet parzjali tas-self intużaw kollha għan-nefqa kapitali biss u għalhekk fil-prinċipju żiedu l-valur tan-negozju u tal-investiment tal-PCC.

(91)

Ir-Renju Unit argumenta wkoll li l-punt ta' riferiment rilevanti mhuwiex xi sellief privat indipendenti imma kumpanija omm privata f'sitwazzjoni simili. Skont ir-Renju Unit, ikun ekonomikament razzjonali li kumpanija omm tipprovdi self lil sussidjarja tagħha bil-kumpanija omm tagħmel tajjeb għall-kostijiet tas-self bil-għan li tiffinanzja investimenti mmirati biex itejbu l-kompetittività tas-sussidjarja u b'hekk finalment jiżdied il-valur għall-kumpanija omm.

(92)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li l-PCC kellu (u għad għandu) 100 % ta' MMD għandu jkun ikkunsidrat fil-valutazzjoni tal-faċilità tas-self. Il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi tal-PCC dwar il-profitt mistenni mis-self mhumiex limitati għall-ħlas tar-rati tal-imgħax biss, bħal fil-każ tal-banek kummerċjali, imma neċessarjament iridu jqisu l-fatt li s-self itejjeb l-abbiltà ta' MMD li jagħmel profitt fil-futur u hekk iżid il-valur tal-interess proprjetarju tal-PCC. Fil-fatt, il-finanzjament taħt il-faċilità ta' self huwa marbut mill-qrib mal-miżuri ta' ristrutturar li jindirizzaw id-diffikultajiet finanzjarji ta' MMD u li huma mmirati biex jiksbu profittabbiltà fuq terminu twil. Barra minn hekk, il-mudell ekonomiku ex ante mħejji mill-PCC ikkonferma li, minkejja l-perjodu twil ta' telf li ġarrbet MMD, l-għotja ta' miżuri finanzjarji li jinkludu faċilità ta' self kienet l-aktar imġiba ekonomika razzjonali fid-dawl tal-għażliet alternattivi disponibbli.

(93)

Madankollu, anke jekk dan l-argument ma jitqiesx u MMD Shipping tiġi kkunsidrata fuq bażi awtonoma, il-Kummissjoni sabet li t-termini tas-self ma jagħtux xi vantaġġ ekonomiku apprezzabbli lil MMD. Ir-Renju Unit ma pprovda l-ebda informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' MMD li tippermetti li tiġi vverifikata l-affidabbiltà kreditizzja tagħha fuq bażi awtonoma. Madankollu, meta jitqies li l-kumpanija ġiet rikapitalizzata wara l-akkwiżizzjoni tagħha, saret kumplessivament profitabbli u wriet prospetti raġonevolment tajbin għan-negozju fil-futur, il-klassifikazzjoni tagħha tkun tikkorrispondi għall-inqas għal klassifikazzjoni B (dgħajfa) kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rata ta' Referenza tal-2008. Jekk jitqies livell normali ta' sigurtà (ara l-Premessa 93), il-marġni korrispondenti, b'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rata ta' Referenza tal-2008, ikun jammonta għal 400 punt bażi. B'rata bażi għar-Renju Unit f'Novembru 2010 li kienet tammonta għal 1,35 %, ir-rata tal-imgħax tas-suq preżunta korrispondenti tkun tammonta għal 5,35 %. Ir-rata stabbilita mill-PCC li tammonta għal 4,81 % hija qrib ħafna ta' dik ir-rata tas-suq preżunta (pjuttost konservattiva) u d-differenza fil-ħlas tal-imgħax annwali fuq is-self totali kieku tammonta biss għal GBP 37 000 (madwar EUR 43 000), li f'kull każ hija inqas sew mil-livell limitu de minimis ta' EUR 200 000 fuq kwalunkwe tliet snin konsekuttivi.

(94)

Barra minn hekk, ir-rata tas-suq preżunta bbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rata ta' Referenza tal-2008 ma tqisx il-fatt li l-PCC jinsab ukoll f'qagħda ta' 100 % azzjonista ta' MMD (ara l-Premessa 91). Fid-dawl tal-kuntest kumplessiv tar-relazzjoni bejn il-PCC u MMD, il-Kummissjoni tqis li kumpanija omm ipotetika fl-ekonomija tas-suq tkun lesta li tipprovdi faċilità ta' self f'kundizzjonijiet simili.

(95)

Finalment, ir-Renju Unit issottometta kopja sħiħa tal-ftehim dwar self li kien jinkludi d-dispożizzjonijiet standard ta' kuntratt ta' self, inkluż imposta flessibbli mħallsa mill-PCC fuq l-assi/ir-rekuperabbli ta' MMD li tipprovdi garanzija f'każ ta' insolvenza. Meta jitqies li l-valur tal-assi netti totali kif inkluż fil-mudell ekonomiku għas-sena finanzjarja 2010/2011 kien ta' aktar minn GBP 10 miljun, il-garanzija kienet sostanzjali.

(96)

Għaldaqstant, ir-Renju Unit ipprovda evidenza addizzjonali suffiċjenti biex iwarrab it-tħassib espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward il-Miżura 3 u li turi li d-dispożizzjoni tas-self fuq terminu twil kienet konformi ma' dak li kumpanija omm privata razzjonali kienet tagħmel.

(97)

Rigward l-akkwiżizzjoni ta' żewġ krejnijiet mill-PCC u sussegwentament il-kiri tagħhom fuq terminu twil lil MMD fl-2010 u fl-2011 (il-Miżura 4), l-evalwazzjoni tagħha hija analoga għall-faċilità ta' self fuq terminu twil hawn fuq fid-dawl tas-similaritajiet tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament fiż-żewġ każi.

(98)

B'mod partikolari, l-evidenza mogħtija mir-Renju Unit tindika li l-PCC, flimkien ma' MDD, tassew kienu qegħdin ifittxu l-aktar soluzzjoni kosteffiċjenti sabiex jakkwistaw il-krejnijiet li kienu neċessarji għall-operazzjonijiet ta' MMD. Anke jekk l-argument għall-vijabbiltà fi żmien l-akkwiżizzjoni ta' MMD ippreveda li kwalunkwe sostituzzjoni ta' krejnjiet kellha ssir permezz ta' kiri mingħand parti terza, l-analiżi interna ex ante ssostanzjata kif jixraq ta' alternattivi possibbli għall-akkwiżizzjoni ta' krejnijiet imħejjija mill-PCC bħala bażi għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni tiegħu turi li x-xiri tal-krejnijiet mill-PCC u l-kiri sussegwenti tagħhom lil MMD ikun aktar ekonomikament vantaġġjuż. Barra minn hekk, il-ftehimiet ta' kiri kienu jinkludu termini kuntrattwali standard u salvagwardji legali għaż-żewġ partijiet li jikkorrispondu għall-kuntratti ta' kiri komuni konklużi bejn iż-żewġ kumpaniji kummerċjali. L-ammont tal-kiri huwa kkalkulat b'mod li jiżgura li l-investiment tal-PCC jitħallas lura matul il-15-il sena ta' ħajja tal-krejnijiet, inklużi l-kostijiet medji tas-self, li jistgħu jitqiesu bħala prattika kummerċjali komuni f'arranġamenti intragrupp bħal dawn. Huwa tabilħaqq ekonomikament razzjonali għal kumpaniji omm b'sussidjarji b'sjieda 100 % li jużaw l-aktar arranġament ekonomikament effiċjenti (mill-perspettiva tal-grupp kollu) għall-akkwiżizzjoni ta' tagħmir neċessarju għall-attivitajiet tas-sussidjarji tagħhom. Il-krejnijiet inkrew lil MMD għal perjodu ta' 7 snin. Fid-dawl tat-tul mistenni tal-ħajja tagħhom ta' 15-il sena, ir-rapporti interni saħqu li l-PCC, wara li tintemm il-lokazzjoni, seta' jew jerġa' jagħtihom b'lokazzjoni lil MMD jew inkella jbigħhom fis-suq sekondarju. Ir-rapport jindika li hemm suq b'saħħtu għal krejnijiet użati bħal dawn li jippermetti l-bejgħ tal-krejnijiet mill-PCC f'każ li s-sitwazzjoni tinbidel.

(99)

Għalhekk, ir-Renju Unit ipprovda evidenza biżżejjed li tindika li kumpanija omm privata razzjonali kienet taċċetta li tiffinanzja l-akkwiżizzjoni tal-krejnijiet taħt il-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-PCC u MMD.

(100)

Finalment, rigward il-garanzija għall-faċilità ta' overdraft (il-Miżura 5), it-tħassib espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ kien mill-ġdid marbut mal-karattru allegatament problematiku tal-għotjiet ta' dħul li, madankollu, ġie ċċarat matul il-proċeduri formali. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda dokumenti interni li juru li d-dispożizzjoni tad-diversi faċilitajiet ta' kapital operatorju kienet deċiżjoni kummerċjalment razzjonali tal-PCC minħabba li kienet l-aktar mod kosteffettiv biex ikun żgurat l-operat bla xkiel ta' MMD bħala sussidjarja tagħha. Barra minn dan, hija kienet ikkunsidrata wkoll fil-mudell ekonomiku msemmi hawn fuq. Barra minn hekk, rigward is-sostituzzjoni tal-flus depożitati b'garanzija mill-PCC, dokument intern ex ante li jservi ta' bażi għad-deċiżjoni tal-PCC jasal għall-konklużjoni li garanzija bħal din hija fil-fatt aktar ta' benefiċċju ekonomiku mill-flus depożitati, kemm għal MMD kif ukoll għall-PCC, għax tippermetti lill-PCC li jevita t-telf tal-imgħax fuq il-flus depożitati. Ir-Renju Unit b'hekk wera li kien ekonomikament razzjonali li kumpanija omm tipprovdi faċilitajiet ta' likwidità operatorja sabiex tiżgura l-operat bla xkiel tas-sussidjarja posseduta kollha tagħha.

5.1.2.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna

(101)

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżuri 2 sa 5 ingħataw b'konformità mal-MEIP u għalhekk ma tawx lil MMD vantaġġ ekonomiku mhux dovut. Għalhekk il-Miżuri 2 sa 5 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.   OSSERVAZZJONIJIET ADDIZZJONALI

(102)

Billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati sejrin jieqfu milli japplikaw għar-Renju Unit mid-data ta' meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. Minħabba f'hekk, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, din id-Deċiżjoni tapplika biss sa meta r-Renju Unit ma jibqax Stat Membru.

7.   KONKLUŻJONI

(103)

Il-Kummissjoni ssib li l-miżuri pprovduti mir-Renju Unit ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li implimenta r-Renju Unit għal MMD ma jikkostitwixxux għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 452, 2.12.2016, p. 4.

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna [1].

(3)  Ara pereżempju r-rapporti interni dwar il-valutazzjoni ta' Mejju/Ġunju 2013 dwar l-argument li jitkompla l-investiment f'MMD.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(4)  Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, (“Tubemeuse”), C-142/87 ECLI:EU:C:1990:125, il-paragrafu 29; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (“ALFA Romeo”), C-305/89, ECLI:EU:C:1991:142, il-paragrafi 18, 19 u 20; Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta' April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, il-paragrafu 51; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda T-129/95, T-2/96 u T-97/96, ECLI:EU:T:1999:7, il-paragrafi 104 u 109; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:T:2003:57, Kawżi Magħquda T-228/99 u T-233/99, il-paragrafu 245; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ġunju 2015, SACE vs Il-Kummissjoni, T-305/13, ECLI:EU:T:2015:435, il-paragrafi 91-93; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Jannar 2018, EDF vs il-Kummissjoni, T-747/15, ECLI:EU:T:2018:6, il-paragrafi 18-79.

(5)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' April 2014, ING Groep NV, C-224/12 P, ECLI:UE:C:2014:213, il-paragrafi 35-36.

(6)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 84-85.

(7)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, ECLI:EU:C:2012:318, il-paragrafi 79-81; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-234/84, ECLI:EU:C:1986:302, il-paragrafu 14; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 40/85, ECLI:EU:C:1986:305, il-paragrafu 13; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, Kawżi Magħquda C-278/92 sa C-280/92, ECLI:EU:C:1994:325, il-paragrafu 22; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, ECLI:EU:C:2003:55, il-paragrafu 134.

(8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust Marine), C-482/99, EU:C:2002:294, il-paragrafu 71.

(9)  Ara l-ittra elettronika ta' […] ta' […].

(10)  Ara d-dokument ta' evalwazzjoni interna tal-PCC […] ta' […].

(11)  Ara r-rapport ta' sinteżi prodott minn Mosscliff Environmental Consultancy tat-30/08/2014 li janalizza l-possibbiltà li s-sit ta' MMD jintuża għall-installazzjoni ta' turbini eoliċi.

(12)  Ara l-evalwazzjoni komprensiva tal-alternattivi possibbli mħejjija għad-diskussjoni dwar “Każ għat-tkomplija tal-investiment f'MMD” f'Ġunju u f'Ottubru 2013.

(13)  Ara eż. r-rapporti ta' aġġornament lill-PCC dwar il-port kummerċjali ta' Marzu 2009, Ġunju 2009, Novembru 2010, Ġunju 2011, Ottubru 2012, Marzu 2013, Marzu 2014 jew Marzu 2015.