|
14.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 9/27 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/46
tat-13 ta’ Jannar 2022
li jimplimenta r-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u l-ispeċifikazzjoni tal-elementi ta’ metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-isforz normali tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jippermetti li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura jappoġġa s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magna prinċipali jew anċillari ta’ bastiment tas-sajd b’tul totali ta’ mhux aktar minn 24 metru. |
|
(2) |
L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/1139 jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku li tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 permezz tas-sostituzzjoni jew tal-immodernizzar tal-magni tal-bastimenti tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/1139. |
|
(3) |
L-Artikolu 18(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jirreferi għat-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija użati mill-magna l-ġdida, jeħtieġ li jiġu identifikati dawk it-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2. |
|
(4) |
L-Artikolu 18(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/1139 jistipula li l-Istat Membru jrid jikkalkula li l-magna l-ġdida tarmi 20 % inqas CO2 jew tuża 20 % inqas fjuwil mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita skont l-isforz normali tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat. |
|
(5) |
Għall-finijiet tal-kalkolu mill-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi ddeterminat x’jenħtieġ li jitqies bħala “l-isforz normali tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat”, filwaqt li titqies il-varjetà kbira ta’ bastimenti tas-sajd, it-tekniki tas-sajd tagħhom, id-distanzi tal-ivvjaġġar u l-fatturi tat-tagħbija li jvarjaw maż-żmien u kollha għandhom impatt fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u fuq il-konsum tal-fjuwil. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija użati minn magni ġodda
Għall-finijiet tal-Artikolu 18(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/1139, magni ġodda ta’ bastimenti tas-sajd għandhom jinftiehmu li jużaw teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija meta:
|
(1) |
jużaw:
|
|
(2) |
huma tipi approvati f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
Artikolu 2
Sforz normali tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd
Għall-finijiet tal-Artikolu 18(5), it-tieni subparagrafu, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/1139, l-Istati Membri għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-elementi li ġejjin dwar xi jrid jinftiehem bħala l-isforz normali tas-sajd tal-bastiment tas-sajd li għalih issir applikazzjoni għal appoġġ:
|
(1) |
il-karatteristiċi u x-xejra tas-sajd tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat; |
|
(2) |
il-medja ta’ għaxar vjaġġi tas-sajd rappreżentattivi mwettqa matul it-tliet snin kalendarji ta’ qabel l-applikazzjoni għall-appoġġ; kif ukoll |
|
(3) |
it-tekniki tas-sajd użati u l-ħin imqatta’ fuq il-baħar mill-bastiment tas-sajd ikkonċernat matul il-vjaġġi tas-sajd rappreżentattivi. |
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).