|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3191 |
20.12.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3191
tad-19 ta’ Diċembru 2024
dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti għall-karburanti tal-bijomassa stipulati mid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1657
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għal ċerti karburanti, b’mod partikolari l-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti ta’ gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi kriterji tas-sostenibbiltà u l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Barra minn hekk, l-Artikolu 26 ta’ dik id-Direttiva u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (2) jistabbilixxu l-kriterji biex jiġi ddeterminat: (i) liema materja prima għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi jew għall-karburanti tal-bijomassa għandha riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art; u (ii) liema bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiġu ċċertifikati li għandhom riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art. L-Artikolu 29a(1) u (2) tad-Direttiva jistabbilixxi kriterji għall-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, u għall-karburanti tal-karbonju riċiklat. L-Artikolu 31a(2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni f’bażi tad-data tal-Unjoni dwar it-tranżazzjonijiet li jkunu saru u dwar il-karatteristiċi ta’ sostenibbiltà tal-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat. |
|
(2) |
L-iskemi volontarji jaqdu rwol importanti fil-provvediment ta’ evidenza ta’ konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, l-iskemi volontarji jistgħu jintużaw, fost skopijiet oħra, biex: (i) jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti f’dik id-Direttiva; u (ii) jipprovdu data akkurata dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-iskemi volontarji jistgħu jintużaw ukoll biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-karburanti rinnovabbli u karburanti tal-karbonju riċiklat f’konformità mal-Artikolu 31a(2) u (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali jistgħu jservu dawn il-finijiet kollha jew xi wħud minnhom. |
|
(3) |
Fil-15 ta’ Ottubru 2020, l-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” ressqet talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-Kummissjoni vvalutat l-iskema u identifikat xi kwistjonijiet li jeħtieġu emenda. L-iskema volontarja tal-“Programm tal-Bijomassa Sostenibbli” reġgħet ippreżentat it-talba tagħha fit-2 ta’ Diċembru 2021, u indirizzat il-kwistjonijiet identifikati. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1657 (3), li tirrikonoxxi l-iskema volontarja tal- “Programm tal-Bijomassa Sostenibbli” bħala waħda li turi l-konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 29(6), (7) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
(4) |
L-iskema volontarja tal-“Programm tal-Bijomassa Sostenibbli” għamlet aktar emendi biex tiżgura li din tkopri wkoll il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għar-residwi agrikoli mill-art agrikola. Wara emendi ulterjuri, fis-sottomissjoni mill-ġdid tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2023, ir-residwi agrikoli tal-injam minn artijiet agrikoli kienu koperti wkoll mill-iskema. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1657 jenħtieġ li għalhekk titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni. |
|
(5) |
L-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” tkopri t-tipi ta’ materja prima li ġejjin: (a) materjal linjoċellulożiku derivat minn art forestali u art mhux forestali; (b) l-ipproċessar ta’ residwi minn industriji relatati mal-foresti u mal-agrikoltura (barra mill-foresti u l-art agrikola); u (c) residwi agrikoli tal-injam minn art agrikola. Ir-residwi agrikoli mhux tal-injam mill-art agrikola huma esklużi. L-iskema SBP volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” tkopri l-karburanti mill-bijomassa (pellets u laqx tal-injam) prodotti minn materjal linjoċellulożiku forestali u minn dak mhux forestali, u r-residwi tal-ipproċessar tal-industrija relatata mal-foresti u mal-agrikoltura għall-produzzjoni tas-sħana u tal-elettriku. Il-“bijolikwidi”, il-“bijofjuwils”, il-“bijogass”, il-“karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika” u l-“karburanti tal-karbonju riċiklat” jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema volontarja “Programm tal-Bijomassa Sostenibbli”. Dik l-iskema għandha kopertura ġeografika globali u tinkludi l-katina kollha tal-kustodja. |
|
(6) |
Fil-valutazzjoni mill-ġdid tal-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli”, il-Kummissjoni sabet li din kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Instab ukoll li, fil-każ tar-residwi agrikoli tal-injam minn art agrikola, l-iskema kopriet b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà fl-Artikolu 29(2) sa (5) ta’ dik id-Direttiva. L-iskema fiha data preċiża dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-finijiet tal-Artikolu 29(10) ta’ dik id-Direttiva u tapplika metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tagħha. |
|
(7) |
L-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” tinstab li tikkonforma b’mod adegwat mar-regoli inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (4). |
|
(8) |
L-iskema instabet ukoll li kienet konformi mar-regoli inklużi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 (5). |
|
(9) |
Il-valutazzjoni mill-ġdid tal-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” sabet li din laħqet l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li kkonformat mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
(10) |
L-informazzjoni li l-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” ġiet rikonoxxuta jenħtieġ li tkun disponibbli fit-taqsima fuq is-sit web Europa tal-Kummissjoni ddedikata għall-iskemi volontarji. |
|
(11) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni f’waqtha tal-miżuri previsti fiha, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli”, sottomessa għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2021 u fit-18 ta’ Diċembru 2023, turi, fil-każ tal-karburanti awditjati skont l-iskema, il-konformità tal-kunsinni ta’ karburanti tal-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għar-residwi agrikoli tal-injam minn art agrikola, u l-konformità mal-Artikolu 29(6), (7) u (10) ta’ dik id-Direttiva.
L-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li l-informazzjoni rilevanti kollha mogħtija mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja titgħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel f’din il-katina.
Artikolu 2
Meta l-kontenut tal-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli”, kif sottomessa lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent, jinbidel b’mod li jista’ jaffettwa l-mottiv ta’ din id-Deċiżjoni, l-iskema volontarja “Programm ta’ Bijomassa Sostenibbli” għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dawn il-bidliet mingħajr dewmien. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivvalutaw il-bidliet innotifikati bil-ħsieb li jistabbilixxu jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat il-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1657 hija mħassra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mill-21 ta’ Diċembru 2029.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/2001/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/807/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1657 tas-26 ta’ Settembru 2022 dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja “Sustainable Biomass Program” biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat (ĠU L 249, 27.9.2022, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1657/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-regoli biex jiġu verifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/996/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment ta’ gwida operazzjonali fuq l-evidenza għall-wiri tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 14.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2448/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/3191/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)