52013DC0683

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u bbażat fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2008-2011 /* COM/2013/0683 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u bbażat fuq rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2008-2011

1.           INTRODUZZJONI

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (id-Direttiva dwar in-Nitrati) għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat min-nitrati li ġejjin minn sorsi agrikoli u li tevita li jsir dan it-tniġġis permezz ta' għadd ta' passi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri:

· il-monitoraġġ tal-ilma f'kull tip ta' korp ta' ilma (fejn jikkonċerna l-konċentrazzjoni tan-nitrati u l-istatus trofiku);

· l-identifikazzjoni ta' korpi ta' ilma li jkunu mniġġsa jew fir-riskju li jitniġġsu, abbażi tal-kriterji ddefiniti fl-Anness I tad-Direttiva;

· l-identifikazzjoni ta' żoni vulnerabbli għan-nitrati, li jkunu żoni li jiskulaw ġo korpi ta' ilma identifikati u jikkontribwixxu għat-tniġġis;

· it-twaqqif ta' protokolli ta' prattiki agrikoli tajbin, li jiġu implimentati fuq bażi volontarja fit-territorju kollu ta' kull Stat Membru;

· it-twaqqif ta' programmi ta' ħidma, li jinkludu għadd ta' miżuri biex jiġi evitat u mnaqqas it-tniġġis tal-ilma bin-nitrati u li jiġu implimentati b'mod obligatorju f'żoni li jkunu identifikati li jkunu vulnerabbli għan-nitrati, jew fit-territorju kollu;

· l-analiżi mill-ġdid u l-possibbiltà ta' reviżjoni, mill-inqas kull erba' snin, tal-identifikazzjoni ta' żoni li huma vulnerabbli għan-nitrati u tal-programmi ta' ħidma; kif ukoll

· il-preżentazzjoni, kull erba' snin, ta' rapport ta' progress lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Ir-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar in-Nitrati b'mod partikolari għandu jkun fihom l-informazzjoni dwar il-protokolli tal-prattika agrikola tajba, dwar iż-żoni identifikati bħala vulnerabbli għan-nitrati, ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, u sommarju tal-aspetti rilevanti tal-programmi ta' ħidma li jkunu tfasslu għaż-żoni li huma vulnerabbli għan-nitrati.

Abbażi ta' dawn ir-rapporti, dan ir-rapport jissodisfa l-obbligi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11. Huwa bbażat prinċipalment fuq l-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri b'referenza għall-perjodu bejn l-2008 u l-2011, u huwa akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ((SEC(2013)xxx), li jinkludi l-mapep u t-tabelli dwar l-indikaturi ta' pressjonijiet ta' nutrijenti minn sorsi agrikoli, dwar il-kwalità tal-ilma u żoni individwati bħala vulnerabbli għan-nitrati, kemm fil-livell tal-UE, kif ukoll għal kull Stat Membru individwali.

Din hija t-tieni darba li s-27 Stat Membru kollha bagħtu rapport. Issa huwa possibbli paragun mal-perjodu ta' rappurtaġġ preċedenti għall-Istati Membri kollha. Ir-rapporti tressqu fl-2012, u tressqet informazzjoni addizzjonali fil-bidu tal-2013.

2.           L-EVOLUZZJONI TAL-PRESSJONIJIET IKKAWŻATI MILL-AGRIKULTURA

Popolazzjonijiet ta' bhejjem

Il-popolazzjonijiet tal-bhejjem huma waħda mill-pressjonijiet agrikoli ewlenin fuq l-ambjent. Għadd kbir ta' bhejjem ikkonċentrati f'post wieħed kemm fuq livell lokali, kif ukoll fuq livell reġjonali, huma ta' riskju kbir għall-ambjent billi l-produzzjoni tad-demel ikun sproporzjonat mal-kobor tal-art u l-ħtiġijiet tal-għelejjel. Dan l-iżbilanċ joħloq eċċess ta' nutrijenti, li ħafna minnhom eventwalment jintilfu fl-ilma (in-nitrati u l-fosfati) u fl-arja (l-ammonja u l-ossidi tan-nitroġenu) jekk ma jiġux esportati mir-reġjun.

Billi mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw dejta komprensiva dwar l-għadd ta' bhejjem[1], l-istatistika uffiċjali tal-Eurostat tidher hawn taħt.

Rigward il-bovini[2], il-paragun bejn il-perjodi ta' rappurtaġġ 2004-2007 u 2008-2011 juri tnaqqis żgħir fl-UE-27 (-2%)[3]. L-ikbar tnaqqis relattiv sar fir-Rumanija (-20%), f'Malta (-17%), fil-Bulgarija (-13%), u fis-Slovakkja (-9%), filwaqt li ġiet innutata żieda, speċjalment fil-Pajjiżi l-Baxxi (+6%), fil-Polonja (+4%) u fi Franza (+4%).

Fl-UE-27, l-għadd ta' baqar tal-ħalib naqas b'5% bejn l-2004-2007 u l-2008-2011[4]. L-akbar tnaqqis relattiv sar fir-Rumanija (-18%), fis-Slovakkja (-15%), fi Spanja (-14%), fil-Bulgarija u fil-Portugall (-13%), fl-Estonja, f'Malta u fil-Greċja (-12%), fl-Ungerija u fil-Litwanja (-11%), filwaqt li l-popolazzjonijiet żdiedu fil-Lussemburgu (+8%), fil-Pajjiżi l-Baxxi (+4%) u fid-Danimarka (+3%).

L-għadd ta' qżieqeż naqas b'5% fl-UE-27 bejn il-perjodi ta' rappurtaġġ 2004-2007 u 2008-2011[5]. L-akbar tnaqqis relattiv sar fis-Slovakkja (-36%), fir-Repubblika Ċeka (-33%), fis-Slovenja (-28%), fil-Bulgarija (-26%), fil-Polonja (-22%), fl-Ungerija (-19%), f'Malta (-18%), fil-Litwanja (-16%), u fir-Rumanija (-14%). Il-popolazzjonijiet żdiedu fil-Greċja (+10%), fil-Pajjiżi l-Baxxi (+7%), fil-Lussemburgu (+6%), u fl-Estonja (+3%).

Dwar it-tjur, id-dejta tal-Eurostat hija disponibbli biss għas-snin 2003, 2005, 2007, u 2010[6], u ma turi ebda bidla b'mod ġenerali fl-UE-27 minkejja l-varjazzjonijiet kbar li hemm bejn l-Istati Membri. L-għadd żdied b'mod sinifikanti fil-Latvja (+28%), fis-Slovenja (+22%), fl-Awstrija (+19%), u fil-Pajjiżi l-Baxxi (+13%), filwaqt li kien hemm tnaqqis f'Ċipru (-21%), fil-Bulgarija (-16%), fl-Estonja (-17%), fil-Finlandja (-11%), u fl-Irlanda (-10%).

Kienu jidhru wkoll varjazzjonijiet kbar fl-għadd ta' ngħaġ[7], b'żieda relattiva qawwija bejn iż-żewġ perjodi ta' rappurtaġġ fil-Litwanja (+67%) u tnaqqis relattiv qawwi fil-Portugall (-30%), fil-Pajjiżi l-Baxxi (-28%), u fil-Polonja (-26%).

Skont id-dejta rrappurtata mill-Istati Membri, l-użu tad-demel N naqas b'iżjed minn 10% bejn iż-żewġ perjodi ta' rappurtaġġ fir-Repubblika Ċeka, fil-Litwanja, fil-Portugall, fis-Slovakkja, fi Spanja, u fl-Irlanda ta' Fuq, filwaqt li żdied b'aktar minn 10% f'Ċipru, fl-Ungerija u fl-Isvezja. Mhux l-Istati Membri kollha rrappurtaw id-dejta dwar l-użu tad-demel N, u għalhekk ma jistax jiġi kkalkulat total għall-UE-27.

L-użu tal-fertilizzanti minerali

Skont il-Eurostat u Fertilizers Europe[8], l-użu tal-fertilizzant minerali N fl-UE-27 naqas b'6% fil-perjodu 2008-2010 meta mqabbel mal-użu fl-2006-2007[9]. Mill-2010 'l hawn, l-użu tal-fertilizzant N baqa' stabbli[10]. Il-konsum annwali tal-fertilizzant N fl-UE fil-preżent huwa madwar 11-il miljun tunnellata - kważi 30% inqas mill-użu massimu ta' 25 sena ilu. L-użu tal-fertilizzanti P u K kien ta' madwar 2,5 miljun tunnellata fl-2010 - kważi 70% inqas mill-użu massimu tagħhom fl-aħħar snin tat-tmeninijat[11].

Il-bilanċ-N u l-iskariku-N fl-ambjent

Fejn jikkonċerna l-bilanċ-N, wieħed jinnota varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri. Wieħed jinnota wkoll varjazzjonijiet kbar fil-każ tal-fosfru[12].

L-informazzjoni dwar l-iskariku-N fl-ambjent ma ngħatatx mill-Istati Membri kollha[13]. Madankollu, skont id-dejta disponibbli, ġie nnutat tnaqqis fl-iskariku. L-agrikultura għadha s-sors predominanti tan-nitroġenu skarikat fl-ambjent, bħalma kienet fil-perjodi ta' rappurtaġġ preċedenti. Il-kontribut relattiv mid-demel tal-bhejjem, minn fertilizzanti minerali u sorsi oħrajn ta' tniġġis ivarja bejn l-Istati Membri u f'kull Stat Membru individwali, skont għadd ta' fatturi, li jinkludu d-densità tal-popolazzjoni, speċjalment f'xi żoni mal-kosta.

3.           IL-MONITORAĠĠ U L-KWALITÀ TAL-ILMA U X-XEJRIET

Netwerks ta’ monitoraġġ

Ilma ta’ taħt l-art

L-għadd totali rrappurtat ta' stazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-ilma ta' taħt l-art fl-UE-27 żdied madwar 10% għal 33 493 stazzjon fil-perjodu ta' rappurtaġġ 2008-2011 meta mqabbel mal-2004-2007. Id-densità medja tan-netwerk fl-UE hija ta' tmien stazzjonijiet għal kull 1 000km2 ta' art[14]. L-akbar densitajiet jinsabu f'Malta u fil-Belġju, li għandhom kważi 130 u 100 għal kull 1 000 km2 ta' art rispettivament. Għall-kuntrarju, l-inqas densitajiet jinsabu fil-Finlandja u fil-Ġermanja, b'inqas minn stazzjon wieħed għal kull 1 000 km2.

Il-frekwenza medja tat-teħid ta' kampjuni fl-UE hija kważi tliet darbiet fis-sena u tvarja bejn darba fis-sena fil-Latvja, fil-Litwanja u fid-Danimarka u ħames darbiet fis-sena fir-Renju Unit u fil-Belġju[15].

L-ilma tal-wiċċ

L-għadd totali rrappurtat ta' stazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ fl-UE-27 żdied madwar 9 % għal 29 018-il stazzjon fil-perjodu ta' rappurtaġġ 2008-2011 meta mqabbel mal-2004-2007. Id-densità medja fl-UE hija ta' 6,9 stazzjonijiet kull 1 000 km2 ta' art. L-ikbar densitajiet jinsabu fir-Renju Unit u fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, l-inqas densitajiet jinsabu fil-Finlandja, fil-Greċja u fil-Ġermanja[16].

Rigward l-ilma mielaħ, l-għadd totali ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ fl-UE-27 żdied minn 2 577 għal 3 210 stazzjonijiet bejn iż-żewġ perjodi ta' rappurtaġġ[17].

Il-frekwenza tat-teħid ta' kampjuni tal-ilma tal-wiċċ (kull tip ta' korp ta' ilma) tvarja bejn tliet darbiet fis-sena f'Malta u fil-Greċja u kważi 60 darba fis-sena fid-Danimarka[18].

Il-kwalità tal-ilma

Ilma ta’ taħt l-art

Fl-UE-27 fl-2008-2011, 14,4% tal-istazzjonijiet tal-ilma ta' taħt l-art kellhom aktar minn 50 mg ta' nitrat kull litru u 5,9% kellhom bejn 40 u 50 mg[19]. Dan huwa titjib żgħir meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtaġġ preċedenti, meta 15% tal-istazzjonijiet kellhom aktar minn 50 mg u 6% kellhom bejn 40 u 50 mg. L-iżjed konċentrazzjonijiet baxxi ta' nitrati nstabu fil-Finlandja, fl-Isvezja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fl-Irlanda. Min-naħa l-oħra l-ogħla konċentrazzjonijiet ta' nitrati nstabu f'Malta u fil-Ġermanja. Fost it-tipi diversi ta' korpi tal-ilma ta' taħt l-art, l-aħjar kwalità nstabet f'korpi tal-ilma magħluqin, fejn kważi 85% tal-istazzjonijiet kellhom inqas minn 25 mg ta' nitrat f'kull litru[20]. Il-perċentwal ta' stazzjonijiet li kellhom aktar minn 50 mg kien ogħla fl-ilma frejatiku ta' taħt l-art ta' fond bejn ħamsa u 15-il metru taħt l-art milli f'korpi ta' ilma frejatiku aktar fondi, iżda b'mod ġenerali, id-differenzi li nstabu fl-ilma f'livelli differenti kienu żgħar.

Figura A. Dijagramma li turi l-frekwenza tat-taqsimiet tal-ilma ta' taħt l-art (Medji annwali tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati)[21][22]. Qegħdin jintwerew ir-riżultati għall-istazzjonijiet kollha tal-ilma ta' taħt l-art f'profonditajiet differenti.

Ilma tal-wiċċ ħelu

Skont il-medji annwali tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha rrappurtati fl-UE-27, 62,5% kellhom inqas minn 10mg ta' nitrat f'kull litru, filwaqt li 2,4% kellhom konċentrazzjonijiet ta' madwar 40 u 50mg f'kull litru u 2,4% kellhom iżjed minn 50mg fil-litru[23]. Dan ukoll huwa titjib meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtaġġ preċedenti, meta 3% tal-istazzjonijiet kellhom aktar minn 50mg f'kull litru u 2,9% kellhom bejn 40 u 50mg f'kull litru. Fil-valuri medji tax-xitwa, 2,9% kellhom iżjed minn 25mg fil-litru u 2,4% kellhom iżjed minn 50mg f'kull litru. L-aktar medji annwali ta' konċentrazzjonijiet baxxi ta' nitrati fl-ilma ħelu tal-wiċċ instabu fil-Finlandja u fl-Isvezja, u warajhom fil-Litwanja, fil-Portugall u fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-ogħla konċentrazzjonijiet instabu f'Malta, fir-Renju Unit u fil-Belġju, fejn proporzjon kbir ta' stazzjonijiet kellhom iżjed minn 40mg nitrat f'kull litru.

Figura B. Dijagramma li turi l-frekwenza tal-konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati fit-taqsimiet tal-ilma tal-wiċċ ħelu (konċentrazzjonijiet annwali medji tan-nitrati).

Il-valutazzjoni tal-istatus trofiku varjat ħafna fost l-Istati Membri, mhux biss rigward il-parametri li ntużaw, iżda wkoll fejn kien jikkonċerna l-metodoloġiji użati biex jiġu ddefiniti l-klassifikazzjonijiet tal-istatus trofiku[24]. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma taw ebda dejta, jew taw dejta mhux kompluta dwar l-ewtrofikazzjoni tax-xmajjar (il-Ġermanja, id-Danimarka, Franza, Ċipru, Malta, ir-Rumanija u r-Renju Unit) u l-lagi (Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Lussemburgu, Malta, u r-Renju Unit).

Fost l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tax-xmajjar kollha rrappurtati fl-UE-27, 16,3% u 6,3% kienu rispettivament ewtrofiċi u ipertrofiċi, filwaqt li 35,4% u 20,6% kienu oligotrofiċi jew ultra-oligotrofiċi, rispettivament. L-ogħla perċentwal ta' stazzjonijiet ultra-oligotrofiċi fix-xmajjar instab fi Spanja, imbagħad fil-Bulgarija u s-Slovenja, filwaqt li l-ogħla perċentwal ta' stazzjonijiet ipertrofiċi kienu fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, imbagħad fir-Repubblika Ċeka u fil-Finlandja. Instabu livelli għoljin ta' ewtrofikazzjoni wkoll fil-Litwanja u fil-Lussemburgu[25].

Fost l-istazzjonijiet ta' monitoraġġ tal-lagi kollha rrappurtati fl-UE-27, 24,1 % u 12,7 % kienu rispettivament ewtrofiċi u ipertrofiċi, filwaqt li 36,6 % u 2,4 % kienu oligotrofiċi jew ultra-oligotrofiċi, rispettivament. L-ogħla perċentwal ta' stazzjonijiet ultra-oligotrofiċi fil-lagi nstabu fil-Latvja, imbagħad fi Spanja, filwaqt li l-ogħla perċentwal ta' stazzjonijiet ewtrofiċi jew ipertrofiċi kienu fil-Pajjiżi l-Baxxi, imbagħad fid-Danimarka, fis-Slovakkja, fil-Polonja, fil-Bulgarija u fil-Belġju[26]. B'mod ġenerali, l-istatus trofiku tax-xmajjar huwa aħjar minn dak tal-lagi[27].

Ilma mielaħ

Fil-korpi tal-ilma mielaħ[28], il-konċentrazzjonijiet tan-nitrat huma inqas milli fl-ilma ħelu[29], b'1,4% tal-istazzjonijiet li għandhom iżjed minn 25mg ta' nitrat f'kull litru u 72,5% tal-istazzjonijiet għandhom inqas minn 2mg, skont il-valuri medji. Jidhru ċifri simili għall-valuri medji u massimi tax-xitwa.

Valutazzjoni tal-istatus trofiku mal-Istati Membri kollha tal-UE mhijiex possibbli minħabba n-nuqqas ta' dejta mingħand ħafna Stati Membri[30], kif ukoll minħabba d-diversità kbira ta' metodoloġiji. Pereżempju, Ċipru, ir-Rumanija, il-Ġermanja, id-Danimarka, Franza, l-Irlanda, il-Portugall u l-Isvezja ma taw ebda dejta. Fir-Renju Unit, l-Irlanda ta' Fuq biss irrappurtat dejta diġitali. Fil-Belġju, Flanders biss irrappurtat id-dejta. Skont l-informazzjoni disponibbli, il-Belġju rrapporta li l-korpi tal-ilma mielaħ kollha tiegħu huma ipertrofiċi, filwaqt li l-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja u l-Pajjiżi l-Baxxi rrappurtaw l-istazzjonijiet tal-ilma mielaħ kollha bħala ewtrofiċi.

Xejriet fil-kwalità tal-ilma

Ilma ta’ taħt l-art

It-tqabbil tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma tal-perjodu 2008-2011 ma' dawk tal-2004-2007, kemm fl-UE-27 inġenerali, kif ukoll f'għadd ta' Stati Membri, wera li l-maġġoranza tal-istazzjonijiet wrew xejra stabbli (42,7% fl-UE), filwaqt li l-perċentwal tal-istazzjonijiet b'xejra ta' tnaqqis kważi kien daqs il-perċentwal tal-istazzjonijiet b'xejra ta' żieda (30,7% u 26,6% rispettivament), din il-qagħda li tixbah dik ta' perjodi ta' rappurtaġġ preċedenti[31]. L-ogħla perċentwal ta' stazzjonijiet li juru xejra ta' tnaqqis ġie nnutat fl-Irlanda, dawk li huma l-iżjed stabbli qegħdin fil-Latvja, u l-ogħla b'xejra ta' żieda ġie rrappurtat mill-Estonja.

Ilma tal-wiċċ ħelu

Fl-UE-27, xejra ta' tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet medji annwali tan-nitrati ġiet innutata fi 42,1% tal-istazzjonijiet kollha ta' monitoraġġ tal-ilma ħelu, li fosthom, 12,1% wrew xejra ta' tnaqqis kbir[32]. 38,7% tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ wrew konċentrazzjonijiet stabbli, u 19,1% wrew xejra ta' żieda[33]. Il-kwalità tal-ilma tal-wiċċ ħelu fl-UE-27 tjiebet f'dan il-perjodu attwali ta' rappurtaġġ. Il-perċentwal ta' stazzjonijiet li għandhom aktar minn 25mg jew 50mg ta' nitrat fil-litru naqas meta mqabbel mal-perjodu 2004-2007. Ma hemmx xejriet disponibbli għall-istatus trofiku tal-ilma tal-wiċċ minħabba nuqqas ta' dejta għall-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ilma.

4.           INDIKAZZJONI TA’ ŻONI VULNERABBLI GĦAN-NITRATI

L-Istati Membri jeħtiġilhom jindikaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ art fit-territorju tagħhom li l-ilma tagħhom joħroġ f’ilmijiet imniġġsa jew f’ilmijiet f’riskju ta’ tniġġis jekk ma tittieħed ebda azzjoni. Mill-inqas kull erba’ snin l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu eżami mill-ġdid, u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedu ż-żoni vulnerabbli għan-nitrati abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma. L-Istati Membri jistgħu, minflok ma jindikaw żoni speċifiċi, jagħżlu wkoll li japplikaw programm ta’ ħidma mat-territorju kollu. L-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, ir-Reġjun ta' Flanders u l-Irlanda ta' Fuq segwew din is-sistema, li tiżgura ħarsien aħjar tal-korpi tal-ilma kollha, mhux biss ta' dawk li jissodisfaw il-kriterji tal-Anness I tad-Direttiva.

L-erja kollha fejn japplikaw il-programmi ta' ħidma, inkluża l-erja ta' Stati Membri li japplikawhom fit-territorju kollu tagħhom, kienet ta' madwar 1 952 086,5 km2 fis-sena 2012, dan jagħmel madwar 46,7% tal-art totali tal-UE.

Meta mqabbel mal-2008, l-erja totali fl-UE li hija kklassifikata bħala żona vulnerabbli, żdiedet, b'mod partikolari fir-Rumanija, fil-Belġju-Wallonia, fi Spanja, fl-Isvezja, u fir-Renju Unit[34].

5.           PROGRAMMI TA’ ĦIDMA

L-Istati Membri huma meħtieġa li jistabbilixxu programm jew programmi ta' ħidma li japplikaw fiż-żoni kklassifikati bħala vulnerabbli, jew fit-territorju kollu tagħhom. Il-programmi ta' ħidma jinkludu mill-inqas il-miżuri msemmijin fl-Annessi II u III tad-Direttiva u marbutin, pereżempju ma' perjodi meta jkun ipprojbit l-użu ta' fertilizzanti minerali u organiċi, mal-kapaċità minima ta' ħżin tad-demel tal-bhejjem, mal-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-fertilizzanti fl-art, u l-applikazzjoni tal-fertilizzanti f'artijiet li jkunu qrib ta' korpi ta' ilma u fit-tlajja'.

It-23 Stat Membru li jidhru hawn taħt adottaw programm ta' ħidma ġdid jew imfassal mill-ġdid tul is-snin 2008-2011: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Isvezja, is-Slovenja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit, u għadd ta' reġjunijiet fl-Italja u fi Spanja. Fil-programmi ta' ħidma modifikati, il-perjodi tal-applikazzjoni fl-art ta' demel likwidu u fertilizzant u, bl-istess mod, il-kapaċità tal-ħżin tad-demel tal-bhejjem f'ħafna każi saru aktar stretti. L-istess għall-użu tad-demel u l-fertilizzanti f'kundizzjonijiet ta' temp mhux favorevoli, fit-tlajja' u qrib korpi ta' ilma tal-wiċċ.

Rigward l-effikaċja tal-programmi ta' ħidma għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-ilma bin-nitrati, ftit li xejn ingħatat informazzjoni mill-Istati Membri, u dan jagħti lok għal tħassib. L-effetti tal-programmi ta' ħidma fuq il-kwalità tal-ilma għandhom jiġu evalwati mill-Istati Membri, anki rigward it-tul ta' żmien, biex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-ksib taż-żewġ miri tad-Direttiva dwar in-Nitrati u ta' leġiżlazzjoni oħra dwar il-ħarsien tal-ilma. Minn perspettiva wiesgħa, wieħed jista' jinnota li f'xi Stati Membri, l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma ġabet titjib fil-kwalità tal-ilma. Għal dawk l-Istati Membri li riċentement fasslu mill-ġdid il-pjanijiet ta' ħidma tagħhom, l-impatt sħiħ tal-miżuri l-ġodda jibda' jidher aktar fil-ġejjieni. Fi Stati Membri oħrajn, it-titjib jista' jkun imxekkel għal raġunijiet diversi, mhux biss marbutin man-nuqqasijiet f'xi miżuri fil-programmi ta' ħidma, iżda wkoll minħabba li l-programmi ta' ħidma qegħdin jiġu applikati f'territorji żgħar jew ifframmentati (pereżempju fil-Polonja, fi Franza u fl-Italja), jew minħabba l-ħafna eċċezzjonijiet li hemm għar-regoli ġenerali (pereżempju għall-perjodi magħluqa fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu).

Il-limitazzjoni ġenerali tal-użu ta' fertilizzanti għadha waħda mill-miżuri l-aktar diffiċli biex tiġi implimentata madwar l-UE. Għadd ta' Stati Membri għażlu li jiddefinixxu limiti għan-nitroġenu totali (il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Irlanda, l-Irlanda ta' Fuq, u Flanders għamlu wkoll il-limitazzjonijiet fuq l-użu tal-fosfru) għall-għelejjel kollha, u dan huwa mod sempliċi u ċar kif wieħed jista' jgħarraf lill-bdiewa dwar l-obbligi tagħhom u jiffaċilita l-kontrolli. Oħrajn għażlu li jużaw sistemi aktar kumplessi li huma inqas ċari u b'hekk x'aktarx li jkunu inqas effettivi biex jipproteġu l-ilma.

Il-kapaċità tal-ħżin tad-demel tal-bhejjem hija element importanti ieħor li għandu bżonn aktar attenzjoni. Din tirrappreżenta piż finanzjarju importanti għall-bdiewa, għalkemm dan il-piż huwa bbilanċjat bit-tnaqqis ta' użu ta' fertilizzanti minerali (li għandu l-effett ukoll li jkun hemm inqas emissjonijiet ta' gassijiet serra), minħabba aktar effiċjenza N fid-demel u kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar għall-bdiewa. Jeħtieġ li jkun hemm aktar ħidma f'dan il-qasam, dan jinkludi l-ġbir ta' aktar informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta' ħżin fl-irziezet li huma disponibbli fil-preżent.

Il-kontroll tal-programmi ta' ħidma huwa r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u l-użu tal-kundizzjonalità mal-Politika Agrikola Komuni huwa aspett importanti biex jiżgura l-konformità mill-bdiewa. Fost l-aktar sistemi ta' kontroll li ta' min jinnutahom, il-Pajjiżi l-Baxxi u Flanders żviluppaw sistemi ta' kontroll strett fuq it-trasportazzjoni tad-demel bit-traċċar permess tal-GPS.

6.           DEROGI MIL-LIMITU TA' 170 KG N/SENA/ETTARU

Id-Direttiva dwar in-Nitrati tipprevedi l-possibbiltà li jkun hemm derogi mill-ammont massimu kull sena ta' 170kg ta' nitroġenu mid-demel tal-bhejjem għal kull ettaru, sakemm ikunu sodisfatti l-kriterji obbjettivi stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva u li l-ammonti derogati ma jippreġudikawx il-kisba tal-obbjettivi tad-Direttiva.

Id-derogi jingħataw permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar in-Nitrati, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Lejn it-tmiem tal-2012, kien hemm derogi fis-seħħ f'seba' Stati Membri, li kienu jew japplikaw għat-territorju kollu tagħhom, fil-każ tad-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, u l-Irlanda, inkella għal ċerti reġjunijiet tagħhom, fil-każ tal-Belġju, Flanders; fil-każ tal-Italja, il-Lombardia, il-Piemonte, il-Veneto, u l-Emilia Romagna[35]. L-istandards ta' ġestjoni mistennija mingħand il-bdiewa li jkunu ħadu d-derogi jeħtieġ li jkunu ogħla minn dawk tal-programmi ta' ħidma, b'obbligi addizzjonali dwar l-ippjanar tal-użu tan-nutrijenti u aktar kostrinġimenti fuq il-ġestjoni tal-art. Il-Kummissjoni se tkompli tieħu l-azzjoni xierqa biex tiżgura l-kwalità ta' dawk il-programmi, speċjalment fil-kuntest tal-għotja ta' deroga ġdida jew l-estensjoni ta' waħda li diġà teżisti, ukoll fid-dawl tax-xejriet tal-kwalità tal-ilma.

7.           TBASSIR DWAR IL-KWALITÀ TAL-ILMA

Il-metodi użati mill-Istati Membri biex jivvalutaw l-iżviluppi fil-kwalità tal-ilma huma fil-biċċa l-kbira bbażati fuq l-analiżi tax-xejriet u / jew fuq simulazzjonijiet komputerizzati, xi drabi flimkien ma' analiżi tal-iżviluppi fil-prattiki agrikoli. Mhux l-Istati Membri kollha taw din l-informazzjoni.

Ir-riżultati tal-analiżijiet juru li l-maġġoranza tal-Istati Membri qegħdin ibassru aktar tnaqqis fil-konċentrazzjonijiet ta' nitrati fl-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art minħabba bidliet fil-prattiċi agrikoli li seħħu minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva u għadd ta' miżuri agroambjentali li jinsabu fil-Programmi ta' Żvilupp Rurali, kif ukoll minħabba l-użu tal-kundizzjonalità. Madankollu, dan it-tbassir huwa mfixkel minn inċertezzi kbar minħabba l-varjazzjonijiet kbar fil-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija u l-effetti ta' dawn fuq il-kwalità tal-ilma, b'mod partikolari l-ilma ta' taħt l-art.

8.           PROĊEDURI TA’ KSUR

F'Ġunju 2013 infetħu tliet kawżi ta' ksur kontra tmien Stati Membri (Franza dwar l-indikazzjoni taż-żoni li huma vulnerabbli għan-nitrati (ŻVN); Franza dwar il-programm ta' ħidma (PĦ); il-Lussemburgu dwar PĦ; il-Greċja dwar ŻVN; il-Greċja dwar PĦ; il-Polonja dwar ŻVN u PĦ; is-Slovakkja dwar il-monitoraġġ u ŻVN u PĦ; il-Bulgarija dwar PĦ; l-Italja dwar PĦ u l-Latvja dwar PĦ). Barra minn hekk, seba' Stati Membri intalbu[36] jagħmlu proġetti ta' prova (il-Belġju-Wallonia dwar ŻVN, PĦ u l-kontrolli; il-Bulgarija dwar il-monitoraġġ u ż-ŻVN; l-Isvezja dwar ŻVN; Malta dwar PĦ; Ċipru dwar PĦ; ir-Repubblika Ċeka dwar PĦ; l-Estonja dwar PĦ), bil-għan li jiġu ċċarati xi kwistjonijiet marbuta ma' xi aspetti tal-leġiżlazzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati.

Il-kawżi dwar l-indikazzjoni taż-ŻVN ħafna drabi huma marbuta ma' identifikazzjoni mhux sħiħa ta' korpi ta' ilma ewtrofiċi u/jew l-identifikazzjoni ta' żoni li jiskulaw f'dan it-tip ta' ilma. Dan japplika b'mod speċjali għall-ilma baħar.

Il-kawżi dwar il-programmi ta' ħidma fil-maġġoranza jikkonċernaw perjodi ta' żmien magħluqa għall-użu ta' fertilizzanti u demel li mhumiex twal biżżejjed, rekwiżiti insuffiċjenti għall-kapaċità ta' ħżin ta' demel, regoli insuffiċjenti u/jew mhux ċari biex jillimitaw il-fertilizzazzjoni ġenerali, regoli insuffiċjenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ilma permezz tar-regoli dwar l-użu tal-fertilizzanti fuq artijiet li huma tlajja', li huma ffriżati jew mgħottijin bil-borra, jew viċin ta' kanali tal-ilma.

9.           KONKLUŻJONIJIET U SFIDI GĦALL-ĠEJJIENI

Il-pressjoni mill-agrikultura naqset, iżda mhux b'mod uniformi, fil-perjodu 2008-2011, meta mqabbel mal-2004-2007, fejn jikkonċerna l-għadd ta' bovini, qżieqeż u ngħaġ, u baqgħet stabbli fejn jikkonċerna t-tjur. Fl-istess ħin, il-konsum tal-fertilizzanti kimiċi naqas, bi tkomplija tax-xejra fit-tul.

Il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma tjieb, b'żieda fl-għadd totali ta' stazzjonijiet ta' monitoraġġ għall-ilmijiet tal-wiċċ u ta' taħt l-art. Mill-istazzjonijiet tal-ilma ta' taħt l-art kollha li ntbagħtu r-rapporti dwarhom, 14,4% kellhom aktar minn 50mg ta' nitrati f'kull litru, u 5,9% kellhom bejn 40 u 50mg. Dan juri titjib żgħir meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtaġġ preċedenti, iżda juri wkoll il-ħtieġa li jkun hemm aktar ħidma biex jitnaqqas jew ma jsirx tniġġis. Il-qagħda hija diversa madwar l-UE, iżda f'xi Stati Membri, il-programmi ta' ħidma diġà qegħdin jagħtu riżultati tajbin.

Il-kwalità tal-ilma ħelu tal-wiċċ tjiebet fejn għandu x'jaqsam ma' konċentrazzjonijiet ta' nitrati. Il-perċentwal tal-istazzjonijiet li jaqbżu 25 jew 50mg naqas meta mqabbel mal-perjodu ta' rappurtaġġ preċedenti. Madankollu, wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni dwar l-evoluzzjoni tal-istatus trofiku minħabba żewġ fatturi importanti: (i) il-metodi ta' valutazzjoni diversi li jużaw l-Istati Membri u (ii) in-nuqqas ta' dejta' b'mod speċjali dwar il-korpi ta' ilma mielaħ. Madankollu, il-korpi tal-ilma tranżizzjonali, kostali u marini f'ħafna partijiet tal-Ewropa għadhom ewtrofiċi (il-Baħar Baltiku u l-kosta tiegħu, il-Baħar l-Iswed, partijiet mill-Baħar tat-Tramuntana u tal-kosta tal-Mediterran). Għalkemm dan jiddependi wkoll fuq pressjonijiet oħrajn (pereżempju pressjonijiet li jikkawża l-bniedem, speċjalment f'żoni kostali turistiċi) hemm ħtieġa ta' aktar ħidma fejn għandu x'jaqsam mat-twessiegħ tad-deżinjazzjoni taż-ŻVN u r-rinforz tal-programmi ta' ħidma.

Il-kwalità ġenerali tal-programmi ta' ħidma tjiebet, b'miżuri aktar stretti, metodoloġiji tal-iffertilizzar imtejbin u aktar possibbiltà li jiġu nfurzati. L-għarfien dwar l-obbligi li timponi d-Direttiva qiegħed jiżdied ukoll. Iżda għad fadal għadd ta' kwistjonijiet; dawn huma prinċipalment marbutin mal-użu tal-fertilizzanti fuq l-art u l-miżuri marbutin mal-kapaċità tal-ħżin tad-demel tal-bhejjem u l-bini ta' reċipjenti għal dan il-ħżin. Elementi oħrajn, bħalma huma l-iżvilupp riċenti ta' għelejjel għall-enerġija u l-industrija tal-bijogass (b'mod notevoli fil-Ġermanja) joffru sfidi ġodda li jridu jiġu indirizzati mill-programmi ta' ħidma. Bl-istess mod, hekk kif qed tiżdied il-produzzjoni tal-ħalib f'xi Stati Membri, ikun jeħtieġ li jiġu aġġustati l-koeffiċjenti tal-produzzjoni tad-demel għal kull baqra tal-ħalib. Fuq nota aktar pożittiva, għadd ta' reġimi ta' tagħlif għall-annimali mhux ruminanti tjiebu fil-kontenut ta' proteina u fosfati, u dan ukoll għandu jkompli jnaqqas il-pressjoni magħmula min-nutrijenti.

Il-pressjonijiet minn għelejjel ortikulturali mhumiex indirizzati b'mod suffiċjenti fil-programmi ta' ħidma, iżda għaddejja ħidma mal-Istati Membri u l-komunità xjentifika biex jitjiebu l-għarfien u l-prattiki f'dan il-qasam. Minħabba li f'ċerti żoni, l-għelejjel ortikulturali huma ta' riskju sinifikanti għall-ilma, minħabba l-intensità tal-kultivazzjoni u l-karatteristiċi tal-għelejjel, iridu jittieħdu miżuri speċifiċi.

Kwistjoni li għadha ta' tħassib hija li minkejja t-titjib ġenerali fil-prattiki tal-biedja u fil-kwalità tal-ilma, għad fadal ċerti punti ta' dgħufija fejn għad mhemmx titjib u li fil-ġejjieni se jkollhom bżonn ta' aktar attenzjoni, speċjalment rigward miżuri tal-programmi ta' ħidma. Filwaqt li xi wħud minn dawn id-dgħufijiet huma marbutin ma' produzzjoni intensiva ta' bhejjem jew ortikulturali, oħrajn huma marbutin mal-ħamrija u l-formazzjonijiet ġeoloġiċi (eż. ħamrija ramlija jew loess, u blat karstiku u poruż ieħor). L-Istati Membri se jkollhom jindirizzaw dawn l-aspetti anki permezz tar-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva. Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni se toqgħod attenta ħafna, fil-ġejjieni, għall-possibbiltà li l-Istati Membri jkollhom bżonn jieħdu miżuri addizzjonali jew jirrinforzaw l-azzjonijiet tagħhom minħabba x-xejriet tal-kwalità tal-ilma.

L-aktar valutazzjonijiet riċenti tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[37], kif ukoll studji li twettqu fil-qafas ta' konvenzjonijiet internazzjonali, juru li s-sorsi waħdiena u mxerrda ta' tniġġis jikkawżaw l-aktar diffikultà biex jinkiseb status tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-UE. Għaldaqstant, il-Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa[38] riċenti jidentifika d-Direttiva dwar in-Nitrati bħala waħda mill-miżuri ewlenin biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Barra minn hekk, intwera li d-Direttiva dwar in-Nitrati kkontribwixxiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja u tal-ossidu nitruż, bis-saħħa tal-impatt ġenerali tal-ġestjoni mtejba tad-demel u l-aħjar użu tal-fertilizzanti limitat għall-bżonnijiet tal-għelejjel. It-twessiegħ taż-żoni identifikati bħala vulnerabbli għan-nitrati, u/jew l-applikazzjoni tal-istess regoli barra miż-żoni identifikati bħala vulnerabbli għan-nitrati se jkomplu jnaqqsu dawn l-emissjonijiet fl-arja.

It-tkomplija tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar in-Nitrati se tgħin ukoll l-użu effiċjenti tar-riżorsi, kemm tad-demel kif ukoll tal-fertilizzanti minerali, b'konformità mal-komunikazzjoni konsultattiva dwar l-użu sostenibbli tal-fosfru [COM(2013) 517].

[1]               Id-dejta ppreżentata mill-Istati Membri tidher fit-Tabella 1 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[2]               "Bovini" tfisser il-kategoriji kollha tal-annimali bovini.

[3]               Ara t-Tabella 2.1 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal; il-bidla fil-perċentwal ġiet ikkalkulata bħala l-bidla fl-għadd medju tal-perjodu 2008-2011 imqabbel mal-għadd medju tal-perjodu 2004-2007. [(għadd medju 2008–2011) – (għadd medju 2004–2007)]/[(għadd medju 2004–2007)] x 100.

[4]               Ara t-Tabella 2.2 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[5]               Ara t-Tabella 2.3 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[6]               Ara t-Tabella 2.4 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[7]               Ara t-Tabella 2.5 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[8]               Fertilizers Europe hija assoċjazzjoni ta' manifatturi tal-fertilizzanti.

[9]               Ara t-Tabella 4 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal. It-Tabella 3 turi d-dejta dwar l-użu annwali tal-fertilizzanti u d-demel N, kif ġiet irrappurtata mill-Istati Membri.

[10]             Ara l-Figura 1 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[11]             Ara l-Figura 1 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[12]             Ara t-Tabella 5 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[13]             Kien hemm 15-il Stat Membru biss li taw dejta sħiħa.

[14]             Ara t-Tabella 6 u l-Figura 2 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[15]             Ara l-Figura 3 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[16]             Ara t-Tabella 7 u l-Figura 4 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[17]             Ara t-Tabella 8 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[18]             Ara l-Figura 5 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[19]             Ara l-Figura 6 tat-Tabella 9 u l-Mappa 1 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[20]             Ara l-Figura 7 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[21]             L-istazzjonijiet tal-ilma ta' taħt l-art li kellhom konċentrazzjonijiet baxxi ta' nitrati fuq tul ta' żmien mhux kollha tkejlu kull erba' snin. Għaldaqstant, il-figura tista' turi perċentwal ftit kbir iżżejjed ta' stazzjonijiet li għandhom konċentrazzjonijiet ta' nitrati għoljin.

[22]             Jista' jkun hemm tfixkil għat-tqabbil tal-Figura A mal-Figura 2 li tinsab fid-dokument li jakkumpanja r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2004-2007 minħabba differenzi sostanzjali fl-għadd ta' stazzjonijiet monitorati (pereżempju l-Awstrija, billi rrappurtat id-dejta mill-istazzjonijiet ta' monitoraġġ kollha fil-perjodu 2008-2011, filwaqt li d-dejta aggregata kienet irrappurtata fil-perjodu 2004 sa 2007).

[23]             Ara l-Figura 8 tat-Tabella 10 u l-Mappa 4 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[24]             Ara l-paġni tas-sommarji tal-Istati Membri fit-Taqsima V tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[25]             Ara l-Figura 10 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[26]             Ara l-Figura 11 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[27]             Ara l-Figura 12 u l-Mappa 7 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[28]             L-"ilma mielaħ" tfisser korpi ta' ilma transizzjonali, kostali u marini.

[29]             Ara l-Figura 9 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[30]             Ara l-Figuri 13a-d tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[31]             Ara l-Figura 14 u l-Mappa 3 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[32]             Xejra ta' tnaqqis kbir hija ddefinita bħala differenza fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati li tkun ogħla minn -5mg għal kull litru.

[33]             Ara l-Figura 15 u l-Mappa 6 tat-Taqsima I tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[34]             Ara t-Tabella 11 u l-Mappa 8 tat-Taqsima II tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[35]             Ara t-Tabella 12 tat-Taqsima III tad-dokument ta' ħidma tal-persunal.

[36]             L-EU Pilot hija sistema żviluppata fl-2008 wara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja [COM(2007) 502 finali], bil-għan li jittejjeb il-metodu ta' ħidma bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

[37]             Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[38]             COM(2012) 673 final.