|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3914 |
1.9.2026 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-10 ta’ Lulju 2026
dwar il-politika ekonomika, soċjali, tal-impjiegi, strutturali u baġitarja tal-Belġju
(C/2026/3914)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2024/1263 jispeċifika l-objettivi tal-qafas ta' governanza ekonomika, li għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, kif ukoll li jevita defiċits eċċessivi tal-gvern. Ir-Regolament jistipula li l-Kunsill u l-Kummissjoni jwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f'konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Is-Semestru Ewropew jinkludi, b'mod partikolari, il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(2) |
Fil-25 ta' Novembru 2025, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2026, li fih ma identifikatx lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih ikun meħtieġ rieżami fil-fond. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3), rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni Ewropea, u proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2026, li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (4) fil-21 ta' April 2026 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, u r-rakkomandazzjoni dwar il-kapital uman fid-9 ta' Marzu 2026. |
|
(3) |
Fid-29 ta' Jannar 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-Boxxla għall-Kompetittività, qafas strateġiku li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività globali tal-UE matul il-ħames snin li ġejjin. Din tidentifika t-tliet imperattivi trasformattivi tal-innovazzjoni, id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività, u s-sigurtà bħala pilastri kritiċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Minn mindu ġiet ippubblikata, il-Boxxla għall-Kompetittività informat il-ħidma tas-Semestru Ewropew, li jiżgura li l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri jkunu konsistenti mal-objettivi strateġiċi tal-UE, u li jinħoloq approċċ unifikat għall-governanza ekonomika li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u r-reżiljenza madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Fl-2026, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika jkompli jiżviluppa flimkien mal-istadju finali tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) (5). Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs), flimkien mal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni, kienu essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta' politika taħt is-Semestru Ewropew, peress li l-pjanijiet kienu meħtieġa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa f'ċikli reċenti, u l-programmi ffinanzjati mill-politika ta' koeżjoni Ewropea kienu meħtieġa jqisu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Hekk kif l-RRF toqrob lejn tmiem il-ħajja tagħha, jibqa' essenzjali li jiġu sostnuti u żviluppati r-riformi u l-investimenti appoġġati u implimentati taħt l-RRF, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. |
|
(5) |
Fit-3 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż 2026 għall-Belġju. Ir-rapport evalwa l-progress tal-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż 2025 u vvaluta l-implimentazzjoni tal-RRP tal-Belġju. Abbażi ta' dik l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika l-aktar sfidi urġenti li l-Belġju qed jiffaċċa. Il-Kummissjoni evalwat ukoll il-progress li għamel il-Belġju fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-Unjoni dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. |
|
(6) |
Fl-20 ta' Ġunju 2025, il-Kunsill, fuq il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Belġju (6). Il-pjan jkopri l-perjodu mill-2025 sal-2029 u jippreżenta aġġustament fiskali mifrux fuq seba' snin. Il-Kunsill irrakkomanda r-rati massimi ta' tkabbir li ġejjin tan-nefqa netta: 3,6 % fl-2025, 2,5 % fl-2026, 2,5 % fl-2027, 2,1 % fl-2028 u 2,1 % fl-2029, li jikkorrispondu għar-rati ta' tkabbir kumulattiv massimi kkalkulati b'referenza għas-sena bażi tal-2024 ta' 3,6 % fl-2025, 6,1 % fl-2026, 8,8 % fl-2027, 11,1 % fl-2028 u 13,4 % fl-2029. Għas-snin 2025-2029, dawn ir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta jikkoinċidu mal-perkors korrettiv, kif irrakkomandat mill-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE fl-20 ta' Ġunju 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (7). Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar azzjoni effettiva tat-3 ta' Ġunju 2026 (8), il-proċedura ta' defiċit eċċessiv għall-Belġju qed tinżamm sospiża. |
|
(7) |
Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jitolbu l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir b'mod koordinat biex jappoġġaw l-isforzi tal-UE biex tikseb żieda rapida u sinifikanti fl-infiq fid-difiża (9) u din il-proposta ntlaqgħet mill-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025. Wara t-talba tal-Belġju, fit-8 ta' Lulju 2025 il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Belġju jiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta (10). Il-perjodu meta tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali (2025–2028) jippermetti lill-Belġju jipprijoritizza mill-ġdid in-nefqa tal-gvern jew iżid id-dħul tal-gvern sabiex in-nefqa għad-difiża li tkun ogħla b'mod dejjiemi ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. |
|
(8) |
Fit-30 ta' April 2026, il-Belġju ppreżenta r-Rapport ta' Progress Annwali tal-2026 tiegħu (11), dwar l-aderenza mar-rati massimi ta' tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta, l-implimentazzjoni tas-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tas-Semestru Ewropew. Ir-Rapport ta' Progress Annwali jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tal-Belġju dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tiegħu f'konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241. Ir-rapport dwar l-azzjoni meħuda skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv huwa integrat fir-Rapport ta' Progress Annwali. |
|
(9) |
It-tkabbir tal-PDG reali fl-2025 kien ta' 1,0 % u l-inflazzjoni tal-HICP kienet ta' 3,0 %. It-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-PDG reali jikber bi 0,7 % fl-2026 u 0,9 % fl-2027, u l-inflazzjoni tal-HICP ser tkun ta' 3,4 % fl-2026 u 2,6 % fl-2027. |
|
(10) |
Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (12), id-defiċit tal-gvern estiż tal-Belġju żdied minn 4,4 % tal-PDG fl-2024 għal 5,2 % tal-PDG fl-2025. Iż-żieda fid-defiċit fl-2025 tirrifletti prinċipalment dħul aktar baxx mit-taxxa diretta, speċjalment mill-korporazzjonijiet, u nefqa ogħla fid-difiża. Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa sad-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta defiċit ta' 5,2 % tal-PDG fl-2026 u ta' 5,4 % tal-PDG fl-2027. Minkejja l-miżuri ta' konsolidazzjoni biex jitrażżan l-infiq kurrenti u tkabbir kumulattiv fin-nefqa netta taħt il-massimu rakkomandat, id-defiċit fl-2026 huwa mistenni biss li jistabbilizza minħabba tkabbir ekonomiku dgħajjef u żieda fil-pagamenti tal-imgħax. Iż-żieda tad-defiċit fl-2027 tirrifletti prinċipalment nefqa ogħla fuq id-difiża u l-pagamenti tal-imgħax. |
|
(11) |
Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali (13), li tinkludi n-nefqa ffinanzjata kemm nazzjonalment kif ukoll mill-UE, kienet restrittiva, b'0,3 % tal-PDG fl-2025. Huwa pprojettat li jkun restrittiv kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027, b' 0,8 % u 0,6 % tal-PDG, rispettivament. |
|
(12) |
Abbażi tad-data pprovduta mill-Eurostat (14), id-dejn tal-gvern estiż tal-Belġju żdied minn 103,9 % tal-PDG fi tmiem l-2024 għal 107,9 % tal-PDG fi tmiem l-2025. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2025 tirrifletti prinċipalment id-defiċit primarju għoli (+2,9 pps.), effett valanga favorevoli (-1,3 pp.) u aġġustament bejn l-istokk u l-flussi li jżid id-dejn (+2,3 pps.). Abbażi ta' miżuri ta' politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG jiżdied għal 110,5 % sa tmiem l-2026 u jkompli jiżdied għal 112,8 % sa tmiem l-2027. Iż-żieda fil-proporzjon tad-dejn fl-2026 u l-2027 tirrifletti prinċipalment id-defiċits primarji għoljin, filwaqt li l-effett valanga favorevoli u l-aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi li jżidu d-dejn jikkumpensaw lil xulxin. |
|
(13) |
Abbażi tad-data tal-Eurostat (15), in-nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż fil-Belġju ammontat għal 1,4 % tal-PDG fl-2025, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,5 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mas-sena ta' referenza 2021. Skont it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, hija pprojettata għal 1,6 % tal-PDG fl-2026, li tikkorrispondi għal żieda ta' 0,7 punti perċentwali tal-PDG meta mqabbla mal-2021 (16). |
|
(14) |
L-Unjoni tkompli tiffaċċa riskji ta' interruzzjonijiet fil-provvista tal-enerġija u volatilità għolja tal-prezzijiet, aggravati minn tensjonijiet ġeopolitiċi li jaffettwaw is-swieq globali taż-żejt u tal-gass. L-esperjenza mill-kriżi tal-enerġija tal-2022–2023 uriet li miżuri wiesgħa u mhux immirati jinvolvu kostijiet fiskali kbar u huma soċjalment u ekonomikament ineffiċjenti. Minn mindu faqqgħet il-gwerra fil-Lvant Nofsani fi Frar 2026, il-Belġju adotta miżuri ta' politika fiskali biex itaffi l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi (17). Dawn jinkludu miżura mhux immirata biex tikkumpensa għal kostijiet ogħla tal-fjuwil permezz ta' kreditu tat-taxxa għad-ditti li jżidu l-allowance tal-kilometraġġ tagħhom għall-impjegati u miżura mmirata biex tikkumpensa għal kostijiet ogħla tat-tisħin tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Dawn il-miżuri mistennija jintemmu fl-1 ta' Lulju 2026. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni, il-kost fiskali ta' dawn il-miżuri huwa pprojettat li jammonta għal inqas minn 0,1 % tal-PDG fl-2026, anke jekk dawn il-miżuri kellhom jiġu estiżi sa tmiem is-sena. |
|
(15) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Belġju kibret bi 3,7 % fl-2025. It-tkabbir fin-nefqa netta fl-2025 huwa ogħla mir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata, li tikkorrispondi għal devjazzjoni ta' 0,1 % tal-PDG f'termini annwali. Madankollu, id-devjazzjoni hija fil-limiti tal-flessibbiltà tal-klawżola liberatorja nazzjonali filwaqt li jitqies iż-żieda fl-infiq għad-difiża. |
|
(16) |
Abbażi tal-kalkoli tal-Kummissjoni, in-nefqa netta fil-Belġju hija pprojettata li tikber bi 2,0 % fl-2026 u b'5,8 % b'mod kumulattiv fl-2025 u fl-2026. It-tkabbir ipprojettat fin-nefqa netta fl-2026 huwa taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. Meta jitqiesu l-2025 u l-2026 flimkien, ir-rata ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta pprojettata tkun ukoll taħt ir-rata massima ta' tkabbir rakkomandata. |
|
(17) |
Ir-Rakkomandazzjoni li tapprova l-pjan ta' terminu medju tal-Belġju tispeċifika s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament, flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom. Filwaqt li tqis l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju fir-Rapport ta' Progress Annwali tiegħu, il-Kummissjoni ssib li l-implimentazzjoni tal-passi ewlenin ta' dawn ir-riformi u l-investimenti li kienu dovuti sat-30 ta' April 2026 tidher li tinsab ġeneralment fit-triq it-tajba. Madankollu, xi riformi esperjenzaw dewmien fl-implimentazzjoni. B'mod partikolari, ir-riforma tal-pensjonijiet ġiet adottata mill-Parlament fit-28 ta' Mejju 2026. Ir-riformi tat-taxxa, dovuti fi Q1–2026, ġew implimentati parzjalment u l-partijiet li jifdal huma mistennija li jiġu ffinalizzati sa Lulju 2026. Iż-żewġ riformi biex tittejjeb il-koordinazzjoni baġitarja bejn il-livelli differenti tal-gvern, mistennija fi Q4–2025, ġew miftiehma fil-biċċa l-kbira fil-livell tal-gvern u issa jeħtieġ li jiġu leġiżlati, li huwa mistenni li jitlesta sa tmiem l-2026. Il-Kummissjoni tqis li, b'mod ġenerali, il-Belġju kkonforma mal-impenji tiegħu b'mod sodisfaċenti (18). |
|
(18) |
Il-Belġju qed jiffaċċa riskji għoljin għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u fit-tul. Hija meħtieġa strateġija fiskali komprensiva biex id-dejn pubbliku jinġieb fit-triq tan-niżla, filwaqt li jsiru riformi biex jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali. L-infiq pubbliku fil-Belġju kien ta' 54,2 % tal-PDG fl-2025, fost l-ogħla fl-UE. In-nefqa pubblika persistentement għolja fil-Belġju, li teħtieġ piż tat-taxxa ġenerali għoli, hija ta' piż fuq l-effiċjenza ekonomika. L-azzjoni politika hija frammentata fid-diversi livelli tal-gvern (muniċipalitajiet, provinċji, reġjuni u komunitajiet, livell federali) fil-Belġju. Il-koeżistenza tagħhom tinvolvi distribuzzjoni kumplessa tal-kompetenzi u riskju ta' duplikazzjoni, li jwasslu għal spejjeż amministrattivi żejda, mingħajr ma neċessarjament itejbu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi pprovduti. Nuqqas ta' koordinazzjoni interfederali effettiva jikkomplika t-twettiq ta' ċerti politiki u riformi, iwassal għal ineffiċjenzi fil-ġestjoni tal-investiment pubbliku. B'riżultat ta' dan, il-finanzi pubbliċi sostenibbli fil-Belġju jappellaw għal azzjoni deċiżiva dwar l-infiq pubbliku, f'termini tal-livell, il-kompożizzjoni u l-effiċjenza ġenerali tiegħu. Filwaqt li l-introduzzjoni ta' rieżamijiet tal-infiq fil-livell tal-entitajiet federali u federati (reġjuni u komunitajiet) hija l-ewwel pass biex tittejjeb il-kwalità tal-infiq pubbliku, hija meħtieġa aktar azzjoni biex ir-riżorsi pubbliċi jiġu diretti lejn politiki aktar favorevoli għat-tkabbir. Is-simplifikazzjoni tal-istrutturi tal-gvern, il-kjarifika tal-kompetenzi u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni interfederali jistgħu jikkontribwixxu għal effiċjenza ekonomika akbar, filwaqt li jipprovdu spazju fiskali. |
|
(19) |
Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2024 tal-Kummissjoni (19), il-pensjonijiet u n-nefqa fuq il-kura fit-tul huma l-kawżi ewlenin ta' żieda mbassra fl-infiq relatat mat-tixjiħ ta' madwar 5 pp tal-PDG sal-2070, sostanzjalment ogħla mill-medja tal-UE ta' 1,4 pp. Ir-riforma tal-pensjonijiet li għaddejja bħalissa hija mistennija li tnaqqas iż-żieda mbassra fin-nefqa fuq il-pensjonijiet b'1,6 pp bejn l-2024 u l-2070. Madankollu, il-Belġju jibqa' wieħed mill-pajjiżi bl-ogħla nfiq pubbliku fuq il-kura fit-tul fl-UE, li jammonta għal 2,3 % tal-PDG fl-2022 (medja tal-UE ta' 1,7 %). Sal-2070, in-nefqa fuq il-kura fit-tul hija pprojettata li tiżdied b'1,7 punt perċentwali tal-PDG, meta mqabbla ma' żieda medja tal-UE ta' 0,8 punti perċentwali, li jikkontribwixxi għaż-żieda fir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li s-sehem ta' individwi li huma indipendenti jew ftit dipendenti fuq il-kura u li jgħixu f'faċilitajiet ta' kura residenzjali kien għoli fir-Reġjun ta' Brussell u fil-Wallonia, għalkemm ilu jonqos matul l-aħħar għaxar snin. Ir-reġjuni qed jieħdu miżuri biex jagħmlu l-użu tal-ambjenti differenti tal-kura aktar kosteffiċjenti, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni jew fi stadju bikri. Dan jissuġġerixxi lok biex tkompli tittejjeb il-kosteffiċjenza tal-kura, inkluż billi jissaħħu l-miżuri biex jiġi skoraġġut l-użu eċċessiv tal-kura residenzjali u jittejbu s-servizzi bbażati fil-komunità. |
|
(20) |
L-involviment sistematiku, sinifikattiv u f'waqtu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa' essenzjali sabiex tiġi żgurata sjieda wiesgħa għall-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(21) |
L-implimentazzjoni, fil-Belġju, tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni, li jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), ilha tagħmel progress tajjeb speċjalment f'termini ta' għażla ta' proġetti. Madankollu, huwa importanti li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat it-twettiq rapidu ta' proġetti magħżula, b'mod partikolari biex jiġi aċċellerat l-infiq fil-livell tal-benefiċjarju, filwaqt li jiġi massimizzat l-impatt tagħhom fil-prattika. Il-Belġju diġà qed jieħu azzjoni taħt il-programmi tal-politika ta' koeżjoni tiegħu biex jagħti spinta lill-kompetittività u t-tkabbir. Fl-istess ħin, il-Belġju jeħtieġ li jaċċellera l-implimentazzjoni tal-JTF peress li r-riżorsi huma dovuti għall-iżborż sa tmiem l-2026. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda identifikati mill-Belġju fir-rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari dawk marbuta mal-ħames prijoritajiet identifikati fir-Regolament dwar ir-Rieżami ta' Nofs it-Terminu (20), jintużaw malajr u b'mod effettiv. |
|
(22) |
Il-Belġju qed jiffaċċa diversi sfidi li fadal relatati mal-innovazzjoni, l-ambjent tan-negozju, il-piż u l-kumplessità regolatorji u amministrattivi, ir-restrizzjonijiet regolatorji fis-settur tas-servizzi, id-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u t-trasport, l-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-sussidji għall-fjuwils fossili, il-kwalità tal-ilma u d-depożizzjoni eċċessiva tan-nitroġenu, in-nuqqas ta' ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet, l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, is-sistema edukattiva u l-professjoni tat-tagħlim. |
|
(23) |
Minkejja l-inizjattivi ta' simplifikazzjoni meħuda mil-livelli kollha tal-gvern, piż regolatorju għoli u livell għoli ta' kumplessità amministrattiva jkomplu jfixklu l-ambjent tan-negozju tal-Belġju. Barra minn hekk, użu aktar sistematiku tal-valutazzjonijiet tal-impatt u aċċess aħjar għad-data jtejbu l-kwalità tat-tfassil tal-politika. Il-piż amministrattiv fuq id-ditti huwa kbir, b'mod partikolari fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-impjiegi, is-sigurtà soċjali u l-kostijiet operazzjonali. Il-kumpaniji li jeħtieġ li jimmaniġġjaw diversi sistemi reġjonali jew li jeħtieġ li jiksbu permessi tan-negozju għall-iżvilupp tal-attività tagħhom jiffaċċaw restrizzjonijiet sinifikanti. Il-permessi jiġu ttrattati mill-awtoritajiet federali, reġjonali u lokali, u dan jagħmel il-proċess kumpless, frammentat u għali. Dan huwa partikolarment il-każ għall-permessi tal-bini, li għandhom impatt negattiv fuq is-settur tal-kostruzzjoni u jwasslu għal nuqqas ta' akkomodazzjoni u dewmien fi proġetti ta' infrastruttura. In-nuqqas ta' riżorsi tas-sistema ġudizzjarja u l-ineffiċjenza tagħha, li jissarrfu f'xogħol b'lura kroniku u proċeduri bil-mod, ukoll jibqgħu ta' sfida għas-settur tan-negozju. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet f'xi professjonijiet regolati għadhom għoljin, u dan jista' jfixkel l-attività kummerċjali transfruntiera jew joħloq ostakli għad-dħul għad-ditti. Regolamenti stretti jew ostakli oħra għad-dħul japplikaw ukoll għall-forniment transfruntier ta' servizzi, bħas-settur tal-bejgħ bl-imnut u fis-settur tal-enerġija, li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni. |
|
(24) |
Il-Belġju għandu wieħed mill-aktar livelli baxxi ta' dinamiżmu tan-negozju fl-UE (21). Filwaqt li s-sehem ta' ditti ġodda fil-Belġju huwa fuq l-istess livell mal-pajjiżi ġirien, is-sehem ta' negozji b'rata għolja ta' tkabbir (negozji li qed jespandu) huwa ferm taħt il-medja tal-UE (0,25 % vs 0,79 %). L-ostakli li jipprevjenu lin-negozji ġodda Belġjani milli jespandu jinkludu kostijiet lavorattivi għoljin u ħelsien mit-taxxa dipendenti fuq id-daqs (22). Fost dawn, instab li s-sussidju tal-ewwel kiri ma kienx effettiv biex jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi sostenibbli u nstabu karatteristiċi speċjali tat-taxxa għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (eż. rata mnaqqsa tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu) biex iħeġġu lill-imprendituri jinkorporaw u jikkonvertu l-introjtu mix-xogħol f'introjtu kapitali (“kumpaniji maniġerjali”). L-aċċess diffiċli għall-finanzjament matul il-fażi ta' espansjoni jista' jipprevjeni wkoll lin-negozji milli jikbru. Dan huwa partikolarment il-każ peress li s-swieq għall-kapital ta' riskju u ta' tkabbir mhumiex żviluppati b'mod wiesa'. L-armonizzazzjoni tar-regoli tat-taxxa għat-tipi kollha ta' investiment (inkluż għall-investimenti fil-proprjetà immobbli, il-prodotti tal-pensjoni, il-kontijiet tat-tfaddil, il-kontijiet tat-titoli) tista' tinċentiva l-investimenti fl-ekwità. |
|
(25) |
Għalkemm il-Belġju jikklassifika bħala wieħed mill-mexxejja tal-innovazzjoni tal-UE u għandu livell għoli ta' intensità tar-R&Ż (3,36 % tal-PDG fl-2024, fost l-ogħla fl-UE), l-attività Belġjana tar-R&Ż hija kkonċentrata fi ftit industriji u kumpaniji kbar, b'diversi ostakli li jfixklu t-tixrid tal-innovazzjoni fl-ekonomija kollha. Barra minn hekk, fil-Wallonia, l-impatt tal-investiment fir-R&Ż fuq l-impjiegi u l-ekonomija għadu limitat minħabba appoġġ frammentat għan-negozju u diversifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti, għalkemm xi riformi li għaddejjin bħalissa jistgħu jreġġgħu lura x-xejra. Livelli għoljin ta' ħelsien mit-taxxa għar-R&Ż jonqsu milli jilħqu kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta' tkabbir. Prestazzjoni aktar b'saħħitha fl-innovazzjoni u tkabbir sostnut tal-produttività jkunu jeħtieġu żieda fit-tixrid tal-innovazzjoni fis-setturi u d-ditti. Studji (23) juru li hemm lok għal titjib fl-effiċjenza u l-effettività tal-appoġġ pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari biex jiġu evitati l-effetti ta' esklużjoni u biex ir-riżorsi jiġu allokati aħjar lin-negozji b'rata għolja ta' tkabbir. Barra minn hekk, ir-rata baxxa ta' mobbiltà tal-impjiegi fil-Belġju, li tista' tkun dovuta għal fatturi bħal paga għolja ta' anzjanità u trasparenza baxxa fil-pagi, tillimita wkoll il-firxa tal-innovazzjoni għall-bqija tal-ekonomija. |
|
(26) |
Filwaqt li l-provvista tal-elettriku b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju (nukleari u rinnovabbli) qed tkompli tiżdied, il-Belġju għadu dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili (67,1 % tat-taħlita tal-enerġija tal-Belġju). It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ma kienx biżżejjed fl-2024 biex titkompla x-xejra 'l isfel tal-konsum finali tal-enerġija tal-Belġju osservata mill-2019. Dan huwa prinċipalment dovut għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet tas-settur tat-trasport. Hija meħtieġa wkoll azzjoni ta' politika aktar ambizzjuża għad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini, inkluża l-akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal 33 % tal-konsum nazzjonali tal-enerġija. Il-miżuri ta' rinnovazzjoni wasslu għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija residenzjali, iżda mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ta' rinnovazzjoni fit-tul. |
|
(27) |
Il-kostijiet għoljin tal-elettriku jfixklu d-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tal-ekonomija u b'mod partikolari tas-settur tal-manifattura. Wara t-taxxi u l-imposti (24), l-elettriku jiswa kważi erba' darbiet aktar għal kull unità mill-gass għall-industriji, li huwa wieħed mill-ogħla proporzjonijiet fl-UE u jxekkel il-bidla mill-fjuwils fossili għall-elettriku. Filwaqt li l-gvern qed jippjana li jnaqqas id-dazji tas-sisa fuq l-elettriku, hija meħtieġa azzjoni politika effettiva biex l-industriji jiġu inċentivati jaqilbu għal enerġija aktar nadifa. Il-kuntratti għad-differenza għall-karbonju u l-akkwist pubbliku ekoloġiku jistgħu jikkontribwixxu għat-tneħħija tar-riskji tal-investiment u jinċentivaw aktar lill-industriji biex jiddekarbonizzaw. It-trawwim ta' prattiki tal-ekonomija ċirkolari jista' jgħin ukoll biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija industrijali u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta' materja prima kritika. Barra minn hekk, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija u fit-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fil-karbonju u li diffiċli jitrażżnu, b'mod partikolari fil-Wallonia u fil-Flanders, inkluż madwar il-port ta' Antwerp, filwaqt li jippreserva l-kompetittività. |
|
(28) |
L-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fil-Belġju, għalkemm laħqet rekord ta' 34,7 % tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-2025, għadha miżmuma lura minn kapaċità insuffiċjenti tal-grilja, li saret l-isfida ewlenija fit-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Belġju. Filwaqt li huma ppjanati diversi proġetti ta' infrastruttura biex tissaħħaħ il-grilja tal-elettriku, il-progress fuq il-konnessjonijiet ewlenin miexi bil-mod, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-Wallonia u kwistjonijiet ta' permessi. L-aċċellerazzjoni tal-aġġornament tal-infrastruttura tal-grilja u t-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jippromwovu l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Barra minn hekk, l-aġġustament tal-oqfsa legali biex tingħata spinta lill-investiment fil-ħżin tal-elettriku u r-rispons min-naħa tad-domanda, u l-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-enerġija billi jiġi inċentivat l-użu ta' miters intelliġenti fi Brussell u f'Wallonia, jistgħu jżidu l-flessibbiltà tal-konsum tal-enerġija u jinvolvu titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. |
|
(29) |
Iż-żieda fil-konsum finali tal-enerġija tal-Belġju hija prinċipalment dovuta għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet tas-settur tat-trasport, b'mod partikolari tas-setturi tal-avjazzjoni internazzjonali, tat-trasport marittimu u tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (25). It-trasport ferrovjarju jibqa' għażla li mhijiex attraenti biżżejjed, kemm għat-trasport tal-passiġġieri kif ukoll għat-trasport tal-merkanzija, u l-għadd ta' karozzi tal-passiġġieri żdied b'mod kostanti u dan wassal għal kostijiet għoljin ta' konġestjoni. Is-sehem tal-karozzi elettriċi tal-bejgħ totali tal-karozzi reċentement naqas, possibbilment minħabba n-nuqqas ta' infrastruttura tal-iċċarġjar fil-Wallonia. Iż-żieda fit-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-appoġġ għall-elettrifikazzjoni u l-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils sostenibbli għas-setturi tal-avjazzjoni u dawk marittimi, jistgħu jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport. Barra minn hekk, tariffi tat-triq differenzjati għat-tipi kollha ta' vetturi, aktar investiment fit-trasport pubbliku – lil hinn mill-investimenti inklużi fil-Pjan ta' Rkupru u Reżiljenza tal-Belġju – u l-promozzjoni tal-car sharing u l-mobbiltà attiva jagħmlu t-trasport aktar sostenibbli. |
|
(30) |
L-awtoritajiet Belġjani (26) stmaw li s-sussidji federali diretti għall-fjuwils fossili jammontaw għal 2,4 % tal-PDG fl-2022, li ħafna minnhom mingħajr pjan ta' eliminazzjoni gradwali qabel l-2030. B'mod partikolari, is-sussidji għall-fjuwils fossili li la jindirizzaw il-faqar enerġetiku b'mod immirat u lanqas tħassib ġenwin dwar is-sigurtà tal-enerġija, ma jxekklu l-elettrifikazzjoni u mhumiex kruċjali għall-kompetittività industrijali jistgħu jitqiesu bħala prijorità ta' eliminazzjoni gradwali. Sussidji fuq il-fjuwils fossili bħal dazji tas-sisa mnaqqsa fuq id-diżil professjonali, kards tal-fjuwil tal-kumpaniji u tnaqqis tal-VAT fuq il-gass huma ekonomikament ineffiċjenti u jipperpetwaw id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Tnaqqis fid-dazji tas-sisa fuq iż-żejt għat-tisħin u l-gass inaqqas il-kost tagħhom meta mqabbel mal-elettriku, li jfixkel il-bidla għal sistemi ta' tisħin aktar ekoloġiċi u jżomm lura r-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini. Peress li l-Belġju jirriskja li jonqos milli jilħaq il-miri tiegħu ta' rinnovazzjoni u effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2030, iż-żieda fl-investiment fir-rinnovazzjonijiet tal-enerġija u l-ikkomplementar tal-investiment b'riformi ta' politika biex l-inċentivi jiġu ttrasferiti għar-rinnovazzjoni tal-enerġija u għal soluzzjonijiet ta' tisħin b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju - filwaqt li tiġi ssalvagwardjata l-ekwità - jgħinu biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija. Filwaqt li tħabbret bidla mid-dazji tas-sisa mill-elettriku għall-fjuwils fossili għall-unitajiet domestiċi, mhuwiex ċert jekk din il-bidla hijiex ser tkun biżżejjed biex tbiddel il-prezzijiet relattivi tal-elettriku u tal-fjuwils fossili malajr biżżejjed biex jintlaħqu l-miri tal-2030. |
|
(31) |
Il-kwalità tal-ilma u d-degradazzjoni tan-natura huma ta' sfida, peress li l-biċċa l-kbira tal-korpi tal-ilma fil-Belġju huma affettwati minn sorsi ta' tniġġis diffużi. L-agrikoltura intensiva, b'mod partikolari t-trobbija tal-bhejjem, tirrilaxxa volumi kbar ta' sustanzi niġġiesa tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma. Filwaqt li ttieħdu miżuri fil-produzzjoni tal-elettriku, is-settur tal-metall u l-produzzjoni tal-kimiċi wkoll ikomplu jikkawżaw tniġġis. Livelli dejjem jonqsu ta' bijodiversità jpoġġu f'riskju setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq is-servizzi tal-ekosistema. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura huma kruċjali għall-bini tar-reżiljenza għall-klima u għall-protezzjoni tal-ekonomija mill-impatti ta' avvenimenti estremi tat-temp. Filwaqt li l-gvern Fjamming adotta s-seba' programm ta' azzjoni rivedut dwar in-nitrati, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqsu d-depożizzjonijiet eċċessivi tan-nitroġenu u biex il-biedja ssir aktar sostenibbli. |
|
(32) |
Il-Belġju għandu rata baxxa ta' impjieg (72,8 % kontra 76,1 % fl-UE bħala medja) u r-rati ta' impjieg ivarjaw ħafna bejn ir-reġjuni. Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi żvantaġġati, jiġifieri persuni bi sfond ta' migrazzjoni, livell baxx ta' edukazzjoni, persuni akbar fl-età u persuni b'diżabbiltà hija baxxa. Fl-2025, il-Belġju adotta riformi kbar fis-suq tax-xogħol, inkluż ir-restrizzjoni tad-durata tal-benefiċċji tal-qgħad għal sentejn. Madankollu, l-impatt tagħhom ser jiddependi fuq l-effettività tal-politiki ta' attivazzjoni tax-xogħol li jakkumpanjawhom. Barra minn hekk, hemm lok biex tittejjeb l-effettività tal-miżuri li jgħinu fl-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol u biex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi reġjonali tal-impjiegi. Dan għandu jgħin ukoll biex tiġi indirizzata r-rata għolja ta' persuni f'unitajiet domestiċi (kważi) qegħda u biex jiġu indirizzati d-differenzi fl-eżiti tas-suq tax-xogħol bejn ir-reġjuni u l-gruppi. Fl-istess ħin, għalkemm naqset b'mod kostanti matul l-2025, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Belġju għadha ferm ogħla mill-medja tal-UE (3,8 % meta mqabbla ma' 2,1 % fl-2025). In-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet għadu partikolarment għoli fis-settur tas-servizzi, kif ukoll fis-setturi professjonali, xjentifiċi u tekniċi, u f'setturi bħall-kura tas-saħħa, il-kostruzzjoni u l-ICT, li kollha huma importanti għall-kompetittività futura, inkluża t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jistgħu jnaqqsu l-ispariġġ fil-ħiliet, iżda l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ hija baxxa (AES: 34,9 % fl-2022; UE: 39,5 %), b'mod partikolari fi gruppi żvantaġġati. |
|
(33) |
Minħabba r-rwol kruċjali tal-kapital uman fit-tisħiħ tal-kompetittività u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jindirizzaw b'mod urġenti l-isfidi strutturali relatati mal-kapital uman fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li jfixklu l-kompetittività. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2026 indirizzati lill-Belġju jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kapital uman fl-Unjoni. |
|
(34) |
Il-prestazzjoni edukattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, il-matematika u x-xjenza) fit-tliet Komunitajiet (Fjamminga, Franċiża u Ġermaniża) qed tonqos fit-tul, kif muri mill-valutazzjonijiet internazzjonali. Filwaqt li l-Komunitajiet Fjammingi u Franċiżi qed jimplimentaw riformi tal-kurrikuli fuq skala kbira li jiffukaw fuq il-ħiliet bażiċi, għad hemm diskrepanzi edukattivi relatati mal-istatus soċjoekonomiku u tal-migrazzjoni u dawn huma aggravati minn streaming bikri f'perkorsi edukattivi differenti u ripetizzjoni tal-gradi. Iż-żieda fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol tista' ttejjeb ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) ta' livell medju. Iż-żieda fir-reġistrazzjoni fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) fil-livelli kollha, b'mod partikolari tal-istudenti nisa, tista' tikkontribwixxi biex tintlaħaq id-domanda tas-suq tax-xogħol. Qed jiġu implimentati miżuri biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' għalliema, iżda l-għalliema fil-Belġju għadhom qed jiffaċċaw ostakli biex jinvolvu ruħhom f'apprendiment professjonali li jħalli impatt u jħossuhom sottovalutati mis-soċjetà. L-infiq pubbliku fuq l-edukazzjoni huwa wieħed mill-ogħla fl-UE, u jirrappreżenta 4,4 % tal-PDG għall-edukazzjoni preprimarja, primarja u dik sekondarja. Dan jista' jkun marbut ma' rati aktar baxxi ta' studenti għal kull għalliem f'kull Komunità u minħabba livell komparattivament ogħla ta' repetizzjoni tas-sena akkademika u ħin statutorju ta' tagħlim relattivament iqsar. (27) L-indirizzar tas-segmentazzjoni tas-sistema edukattiva jista' jżid l-effiċjenza fl-infiq u jindirizza l-isfidi strutturali. |
|
(35) |
Fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja, fl-2026 il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni, fosthom permezz tal-RRPs tagħhom, biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-2026 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Għall-Belġju, ir-rakkomandazzjoni (1) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ewwel u t-tieni rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (2) tgħin fl-implimentazzjoni tar-raba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (3) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' u d-disa' rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni (4) tgħin fl-implimentazzjoni tas-seba' rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjoni (5) tgħin fl-implimentazzjoni tal-ħames rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro. |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2026 u fl-2027 biex:
|
1. |
Ikompli jaderixxi mar-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta rrakkomandati mill-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2025, bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv filwaqt li jsir użu mill-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali attivata mill-Kunsill. Isaħħaħ l-infiq u l-prontezza ġenerali fid-difiża u s-sigurtà, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u l-effiċjenza fl-infiq, kif ukoll l-adattament gradwali tal-baġit biex issostni nfiq strutturalment ogħla fid-difiża. Jiżgura li l-miżuri li jittieħdu biex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija jkunu temporanji, immirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli jew lejn l-indirizzar tal-ħtiġijiet tad-ditti intensivi fl-enerġija, jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija u jiżguraw li l-kost fiskali tagħhom ikun kompatibbli mal-impenji skont il-qafas fiskali tal-UE. Ikompli jimplimenta s-sett ta' riformi u investimenti li jirfdu l-perjodu ta' aġġustament estiż kif irrakkomandat mill-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2025. Itejjeb l-effiċjenza tal-infiq pubbliku, jissimplifika l-istrutturi tal-gvern u jsaħħaħ il-koordinazzjoni interfederali. Jagħmel is-sistema tal-kura fit-tul aktar kosteffettiva filwaqt li jżomm l-aċċess għall-kura u s-servizzi affordabbli. |
|
2. |
Jiżgura l-kontinwità tar-riformi u l-investimenti implimentati fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Iżid l-isforzi biex jimplimenta l-programmi tal-politika ta' koeżjoni filwaqt li jibni, fejn xieraq, fuq ir-riallokazzjoni għal prijoritajiet strateġiċi maqbula fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu u l-flessibbiltajiet ipprovduti fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni disponibbli. |
|
3. |
Jissimplifika u jtejjeb ir-regolamentazzjoni, inaqqas il-piż amministrattiv, inkluż billi jissimplifika l-proċeduri għall-għoti ta' permessi u billi jneħħi l-ostakli regolatorji fis-servizzi, biex itejjeb l-ambjent tan-negozju u d-dinamika tan-negozju, filwaqt li jindirizza l-isfidi reġjonali. Iżid id-diffużjoni tal-innovazzjoni billi l-appoġġ pubbliku tar-R&Ż jiġi mmirat lejn kumpaniji bl-ogħla potenzjal ta' tkabbir u billi jrawwem il-mobbiltà tal-ħaddiema, u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għal negozji li qed jespandu. |
|
4. |
Inaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili, inkluż billi jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini u billi jagħti aktar inċentivi lill-industrija biex tiddekarbonizza. Jieħu miżuri biex iżid l-użu u l-provvista ta' trasport sostenibbli u jindirizza l-konġestjoni fit-toroq. Jaċċellera l-aġġornament tal-infrastruttura tal-grilja u l-introduzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, billi jissimplifika aktar il-proċeduri għall-għoti ta' permessi, filwaqt li jindirizza l-isfidi reġjonali, u jippromwovi l-flessibbiltà u l-ħżin min-naħa tad-domanda. Jelimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport u tat-tisħin, inkluż billi jittrasferixxi d-dazji tas-sisa mill-elettriku għall-fjuwils fossili. Jieħu azzjoni ulterjuri dwar l-agrikoltura sostenibbli billi jtejjeb il-kwalità tal-ilma u billi jnaqqas id-depożizzjoni eċċessiva ta' nitroġenu. |
|
5. |
Jindirizza n-nuqqas ta' ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet. Isaħħaħ l-effettività u l-immirar ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex jiġu integrati aktar gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol u biex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali. Itejjeb il-prestazzjoni u l-ekwità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jtejjeb r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari fl-oqsma tal-ICT u STEM. Ikompli r-riformi biex tissaħħaħ il-professjoni tat-tagħlim billi jiġu żviluppati perkorsi tal-karriera aktar flessibbli u attraenti u taħriġ għall-għalliema. |
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
S. HARRIS
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1176/oj).
(3) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(4) ĠU C, C/2026/2434, 28.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2434/oj.
(5) Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/241/oj).
(6) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Belġju (ĠU C, C/2025/3698, 20.08.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3698/oj).
(7) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Belġju, adottata fil-20 ta' Ġunju 2025. Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Belġju jinsabu hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-governance-framework/stability-and-growth-pact/corrective-arm-excessive-deficit-procedure/excessive-deficit-procedures-overview/Belgium_en.
(8) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, is-Semestru Ewropew tal-2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(9) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Nakkomodaw żieda fin-nefqa fid-difiża fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir”, Brussell, 19.3.2025, C(2025) 2000 final.
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2025 li tippermetti lill-Belġju jiddevja mir-rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali) (ĠU C, C/2025/3960, 20.08.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3960/oj).
(11) Ir-Rapporti ta' Progress Annwali 2026 huma disponibbli hawn: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/annual-progress-reports_en.
(12) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(13) Il-pożizzjoni fiskali hija definita bħala kejl tal-bidla annwali fil-pożizzjoni baġitarja sottostanti tal-gvern estiż. Għandha l-għan li tivvaluta l-impuls ekonomiku li jirriżulta mill-politiki fiskali, kemm dawk li huma ffinanzjati fil-livell nazzjonali kif ukoll dawk li huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala d-differenza bejn (i) it-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u (ii) il-bidla fin-nefqa primarja netta mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali u inkluż in-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni.
(14) Il-Eurostat-Indikaturi tal-Euro, 22 ta' April 2026.
(15) Il-Eurostat, in-nefqa tal-gvern skont il-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOG).
(16) Id-definizzjoni tal-infiq fid-difiża tan-NATO hija differenti mid-definizzjoni tad-difiża tal-COFOG. Barra minn hekk, jista' jkun hemm differenzi minħabba ż-żmien tar-reġistrazzjoni tan-nefqa, b'mod partikolari t-tagħmir militari, peress li r-rappurtar tan-NATO ma jsegwix ir-regoli tal-kontijiet nazzjonali għaż-żmien tar-reġistrazzjoni.
(17) Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fid-data limitu tat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2026 tal-Kummissjoni (4 ta' Mejju 2026).
(18) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment, Is-Semestru Ewropew tal-2026 - Il-Pakkett tar-Rebbiegħa, COM(2026) 200 final.
(19) Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika, Rapport dwar it-Tixjiħ 2024, disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en.
(20) Ir-Regolament (UE) 2025/1914 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2025 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/1058 u (UE) 2021/1056 fir-rigward ta' miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati sfidi strateġiċi fil-kuntest tar-rieżami ta' nofs it-terminu.
(21) Il-Bank Nazzjonali tal-Belġju, Indikaturi tat-tabella ta' valutazzjoni tal-kompetittività, rapport tal-2024.
(22) Bijnens, G. (2025) Reigniting growth: trends and challenges for business dynamism in Belgium. NBB Economic Review.
(23) OECD (2021a) R&D Tax Incentives: Belgium, 2020. Schoonackers, R. (2020) Tax incentives for R&D: Are they effective? NBB Economic Review and OECD (2024), OECD Economic Surveys: Belgium 2024.
(24) It-taxxi u l-imposti jkopru t-taxxi fuq il-valur miżjud, id-dazji tas-sisa, il-kontribuzzjoni federali għall-enerġija, is-soprataxxa lil hinn mill-kosta, l-imposti marbuta mas-sigurtà tal-provvista u l-mekkaniżmi ta' kapaċità, iċ-ċertifikati ekoloġiċi, l-imposti fuq is-CHP, l-imposti fuq l-obbligu ta' servizz pubbliku, l-imposti fuq l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, il-finanzjament tat-tariffi soċjali, il-kostijiet tal-obbligu tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
(25) Ċifri dwar it-trasport fl-UE: Statistical pocketbook 2024.
(26) FPS Finance (2024), Inventory of federal fossil-fuel subsidies.
(27) OECD (2024), Education at a Glance 2024: OECD Indicators, OECD Publishing, Paris, How much time do teachers spend teaching and working?: Education at a Glance 2024 | OECD.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3914/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)